Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0616

    Kawża C-616/13 P: Appell ippreżentat fis- 27 ta’ Novembru 2013 minn Productos Asfálticos (PROAS), S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis- 16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-495/07, PROAS vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 24, 25.1.2014, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.1.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/15


    Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2013 minn Productos Asfálticos (PROAS), S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-495/07, PROAS vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-616/13 P)

    2014/C 24/27

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Appellanti: Productos Asfálticos (PROAS), S.A. (rappreżentant: C. Fernández Vicién, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2013;

    tilqa’ t-talba mressqa fl-ewwel istanza u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007, Każ COMP/38.710 — Betún España, jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti;

    sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid;

    f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha li jirriżultaw minn dawn il-proċeduri, kif ukoll dawk li jirriżultaw bħala konsegwenza tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    (1)

    Ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni effettiva minħabba li naqset milli teżamina, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa, il-motivi mressqa minn Productos Asfálticos, S.A fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Tali ksur jikkonsisti f’:

    żnaturament mill-Qorti Ġenerali tal-motivi mressqa minn Proas fir-rikors għal annullament tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

    assenza ta’ analiżi awtonoma mill-Qorti Ġenerali dwar il-proporzjonalità u l-motivazzjoni tas-sanzjoni imposta għal dak li jikkonċerna r-riperkussjoni tal-ksur.

    nuqqas ta’ analiżi, mill-Qorti Ġenerali, tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-preċedenti tagħha.

    nuqqas ta’ analiżi effettiva fir-rigward tal-involviment speċifiku ta’ Proas fil-ksur u ċaħda żbaljata tat-talbiet għal miżuri proċedurali mressqa.

    (2)

    Ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża ta’ Proas, billi interpretat b’mod żbaljat il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (1)

    Il-Qorti Ġenerali awtorizzat lill-Kummissjoni tikser il-Linji Giwda tagħha stess billi ppermettitilha ma tieħux inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-multa, l-impatt imnaqqas ta’ ksur.

    Il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Proa billi ma ppermettitilhiex tikkonfuta l-preżunzjoni iuris tantum li skontha l-kartelli dejjem jipproduċu effetti.

    (3)

    Ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli.

    (4)

    Ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji applikabbli għall-ispejjeż.


    (1)  Regolament Nru 17 L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).


    Top