Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0105

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2014.
P. J. Vonk Noordegraaf vs Staatssecretaris van Economische Zaken.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven.
Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Skema ta’ pagament uniku — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Artikoli 34, 36 u 137 — Drittijiet għal pagament — Bażi ta’ kalkolu — Primjums imħallsa għall-bhejjem u għall-biċċiet ta’ art miżmuma mill-bidwi matul il-perijodu ta’ referenza — Modifika tal-modalitajiet ta’ stabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art agrikola — Tnaqqis tan-numru ta’ ettari eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna — Applikazzjoni tal-bidwi sabiex jinkiseb tnaqqis tan-numru u żieda fil-valur unitarju tad-drittijiet tiegħu għal pagament — Regolament (KE) Nru 796/2004 — Artikolu 73a(2a) — Ammissibbiltà.
Kawża C‑105/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:64

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2014 ( 1 )

Kawża C-105/13

P.J. Vonk Noordegraaf

vs

Staatssecretaris van Economische Zaken

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Politika agrikola komuni — Pagamenti diretti — Kalkolu mill-ġdid ta’ drittijiet għal pagament”

I – Introduzzjoni

1.

Huwa leċitu li jiġu kkoreġuti unikament żbalji li jaffettwaw id-determinazzjoni tad-drittijiet għal pagament fil-kuntest tal-għajnuna għall-agrikoltura meta l-korrezzjoni għandha effetti mhux favorevoli għall-bidwi u li tali korrezzjoni, meta tkun favur tiegħu, tiġi rrifjutata? Din hija l-kwistjoni hawnhekk.

2.

Tassew li mal-ewwel daqqa t’għajn huwa ovvju li, fil-korrezzjoni ta’ żbalji wieħed għandu jipproċedi b’mod konsistenti, kemm jekk l-iżball ikun kontra kif ukoll jekk ikun favur il-bidwi. Madankollu, meta jitqies b’iktar attenzjoni, il-prinċipju taċ-ċertezza legali kif stabbilit għad-dritt tal-għajnuna agrikola jista’ jippreġudika’ dan il-fatt.

3.

Sussegwentement, għandhom jiġu analizzati bir-reqqa kemm il-bażi legali tal-korrezzjoni ta’ żbalji kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu ċ-ċertezza legali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament Nru 1782/2003

4.

Fil-passat, id-dritt tal-Unjoni pprovda sistemi differenti għall-għajnuna finanzjarja tal-irziezet Il-produzzjoni ta’ ċertu prodotti ġiet parzjalment iffinanzjata, madankollu, għal ħafna kultivazzjonijiet kien hemm ukoll pagamenti skont l-erja kkultivata. Permezz tar-Regolament Nru 1782/2003 ( 2 ) dawn il-miżuri ta’ sostenn differenti ġew ittrasferiti f’għajnuna operattiva uniformi waħda.

5.

Skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 l-ewwel nett kellu jiġi stabbilit l-hekk imsejjaħ ammont ta’ referenza għal dan l-għan. Dan kien jikkorrispondi għal medja tal-pagamenti li bidwi jkun irċieva fil-kuntest ta’ ċerti regolamenti ta’ sostenn matul perijodu speċifiku qabel il-bidla.

6.

Abbażi ta’ dan, setgħu jiġu kkalkolati l-hekk imsejħa talbiet għal pagamenti skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1782/2003:

“(1)   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 48, bidwi għandu jirċievi dritt għall-pagament għal kull ettaru li jiġi kalkulat bid-diviżjoni ta’ l-ammont ta’ referenza bil-medja ta’ tlett snin tan-numru ta’ ettari kollha li fil-perjodu ta’ referenza taw id-dritt għall-pagamenti diretti mniżżla fl-Anness VI.

In-numru totali ta’ drittjiet għall-pagament għandu jkun ugwali għan-numru medju ta’ ettari fuq imsemmi.

[...]

(2)   [...]

(3)   Għall-iskop ta’ [...] “żona [erja] għall-għalf” tfisser iż-żona ta’ l-azjenda li matul is-sena kalendarja hi disponibbli [...] għat-trobbija ta’ l-annimali inklużi żoni użati għal iktar minn skop wieħed u żoni li kienu suġġetti għall-kultivazzjoni mħallta. Iż-żona għall-għalf m’għandhiex tinkludi:

bini, imsaġar, għadajjar mogħdijiet;

[...]

(4)   Id-drittijet għall-pagament għal kull ettaru m’għandhomx jiġu modifikati ħlief jekk ipprovdut mod ieħor.”

7.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ ettaru eliġibbli għall-għajnuna li ġie ddefinit fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa wkoll ta’ interess f’dan il-każ:

“‘Ettaru eliġibbli’ ifisser kull żona [erja] agrikola tal-azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli.”

B – Ir-Regolament Nru 73/2009

8.

Ir-Regolament Nru 1782/2003 ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 73/2009 ( 3 ), li jirrigwarda t-talba għal deċiżjoni preliminari.

9.

Skont l-Artikolu 33(1)(a) tar-Regolament Nru 73/2009, il-bdiewa jistgħu jagħmlu użu mill-iskema ta’ pagament uniku, jekk ikollhom drittijiet għal pagamenti li jkunu kisbu skont ir-Regolament Nru 1782/2003.

10.

L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 73/2009 jistipula li d-drittijiet għal pagament jistgħu jintużaw biss għal kull ettaru eliġibbli kkultivat:

“(1)   L-appoġġ lill-bdiewa taħt l-iskema tal-pagament uniku għandu jingħata malli jiġi attivat id-dritt għal pagament għal kull ettaru eliġibbli. Drittijiet għal pagament attivati għandhom jagħtu dritt għal pagament tal-ammonti ffissati bihom.

(2)   [...]

Ħlief f’każijiet ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, ettari għandhom jikkonformaw mal-kondizzjoni t’' eliġibbiltà matul is-sena kalendarja kollha.”

11.

L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 73/2009 jikkonċerna l-modifika tad-drittijiet għal pagament:

“Id-drittijiet għal pagament għal kull ettaru ma għandhomx jiġu mmodifikati, ħlief jekk previst f’dan ir-Regolament.

Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2), il-Kummissjoni għandha tistipula, regoli dettaljati għall-modifika, mill-2010, tad-drittijiet għal pagament, b’mod partikolari fil-każ ta’ frazzjonijiet tad-drittijiet.”

12.

In-natura definittiva ta’ ċerti drittijiet għal pagament huma speċifikament irregolati mill-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009:

“(1)   Id-drittijiet għal pagamenti allokati lill-bdiewa qabel l- 1 ta’Jannar 2009 għandhom jitqiesu bħala legali u regolari sa mill- 1 ta’ Jannar 2010.

(2)   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal pagamenti diretti allokati lil bdiewa abbażi ta’ applikazzjonijiet fattwali inkorretti; ħlief f’każijiet fejn l-iżball ma setax ikun raġonevolment misjub mill-bidwi.

(3)   [...]”

13.

Skont il-premessa 49 tar-Regolament Nru 73/2009:

“Fl-allokazzjoni inizjali tad-drittijiet għal pagamenti min-naħa tal-Istati Membri, ċerti żbalji rriżultaw f’pagamenti partikolarment għoljin għall-bdiewa. Din in-non-konformità normalment għandha tkun is-suġġett ta’ korrezzjoni finanzjarja saż-żmien fejn jittieħdu l-miżuri korrettivi. Madankollu, b’kont meħud taż-żmien li għadda minn meta d-drittijiet ta’ pagament ikunu ġew allokati għall-ewwel darba, il-korrezzjoni meħtieġa għandha twassal għal piżijiet legali u amministrattivi sproporzjonati għall-Istati Membri. Fl-interess taċ-ċarezza legali, l-allokazzjoni ta’ tali pagamenti għandha għalhekk tkun irregolarizzata [bl-Ingliż: regularised, bil-Franċiż: régulariser] .”

C – Ir-regoli għall-implementazzjoni

14.

Ir-regoli għall-implimentazzjoni rilevanti għar-Regolament Nru 1782/2003 u għar-Regolament Nru 73/2009 kienu primarjament stabbiliti bir-Regolament Nru 796/2004 ( 4 ), u iktar tard bir-Regolament Nru 1122/2009 ( 5 ).

15.

L-Artikolu 73(a) tar-Regolament Nru 796/2009 (b’emenda żgħira sabiex issa sar l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 1122/2009) jinkludi regoli għall-aġġustament ta’ drittijiet għal pagamenti:

“Rkupru ta’ drittijiet mhux dovuti

(1)   meta, wara li d-drittijiet għall-pagament jkunu ġew allokati lill-bdiewa [...] jiġi stabbilit li wħud mid-drittijiet għall pagament kienu allokati b’mod eċċessiv, il-bidwi konċernat għandu jagħti lura d-drittijiet allokati b’mod eċċessiv lir-riżerva nazzjonali [...].

[...]

(2)   Meta, wara li d-drittijiet għall-pagament jkunu ġew allokati lil bdiewa [...] jiġi stabbilit li l-valur tad-drittijiet għall-pagament huwa għoli żżejjed, dak il-valur għandu jiġi aġġustat kif xieraq. [...] Il-valur tat-tnaqqis għandu jiġi allokat lir-riżerva nazzjonali.

[...]

(2a)   Fejn, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 jiġi stabbilit li n-numru ta’ kwoti allokati lill-bidwi [...] ma jkunx korrett, u fejn l-allokazzjoni mhix dovuta ma jkollha l-ebda impatt fuq il-valur totali tal-kwoti li l-bidwi jkun irċieva, l-Istat Membru għandu jikkalkula mill-ġdid il-kwoti tal-ħlasijiet u fejn ikun xieraq għandu jikkoreġi t-tip tal-kwoti li jiġu allokati lill-bidwi. Madankollu, dan ma għandux japplika jekk l-iżbalji setgħu jiġu identifikati b’mod raġonevoli mill-bidwi stess.”

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

16.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar l-għajnuna mogħtija għar-razzett tas-P.J. Vonk Noordegraaf fl-2009. L-eżitu ta’ din il-kwistjoni, madankollu, huwa wkoll ta’ importanza għas-snin ta’ wara.

17.

Ir-raġuni ewlenija tal-kawża tinsab fil-bidla tal-għajnuna agrikola mis-sussidjar ta’ ċerti forom ta’ produzzjoni agrikola għal skema ta’ pagament uniku għal kull razzett. Biex jiġi kkalkolat il-pagament uniku, l-għajnuna għall-produzzjoni li ngħatat qabel tiġi allokata mal-erja agrikola tar-razzett. Matul il-perijodi ta’ għajnuna sussegwenti dritt għal pagament ikkalkolat b’dan il-mod għal kull ettaru eliġibbli jista’ jintalab sakemm ir-razzett ikollu l-ettari korrispondenti.

18.

Fil-passat, P.J. Vonk Noordegraaf irċieva pagamenti għall-baqar li jreddgħu u barrin li ma kellhomx x’jaqsmu mal-ettari kkultivati, iżda kienu bbażati fuq l-għadd ta’ annimali. Bid-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2006, il-pagament medju preċedenti tiegħu, b’valur ta’ referenza skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, tqassam skont l-erja agrikola disponibbli tiegħu dak iż-żmien. Dak iż-żmien din l-erja ġiet stabbilita għal 10.76 ettari. Konsegwentement huwa rċieva drittijiet għal pagament ( 6 ) għal 10.76 ettari. Il-metodu tal-kejl użat għad-determinazzjoni tal-erji inkluda l-erja grossa ta’ biċċiet ta’ art, inklużi l-gandotti għat-tisqija, il-mogħdijiet tal-ġenb u l-passaġġi.

19.

Madankollu, minħabba l-kritika tal-Kummissjoni, fl-2009 ġiet introdotta sistema ġdida ta’ reġistrazzjoni tal-erji fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’din is-sistema ġiet inkluża biss l-erja netta tal-biċċiet ta’ art. Għaldaqstant, il-gandotti għat-tisqija, il-mogħdijiet tal-ġenb u l-passaġġi ma humiex inklużi. Abbażi ta’ dan il-metodu, l-ettari eliġibbli tar-razzett ta’ P.J. Vonk Noordegraaf li kienu diġà rreġistrati fl-2006 ġew ikkalkolati mill-ġdid għas-sena 2009 u ddeterminati għal 8.34 ettari biss. Dan it-tnaqqis tal-firxa tal-ettari ma huwiex ibbażat fuq il-fatt li P.J. Vonk Noordegraaf ma għadux juża ċerti erji għal skopijiet agrikoli, iżda biss fuq is-sistema ta’ reġistrazzjoni l-ġdida. Dan iwassal sabiex hu jkun jista’ jitlob biss drittijiet għal pagament għal dan id-daqs imnaqqas.

20.

Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-pagament uniku ta’ P.J. Vonk Noordegraaf kellux jitnaqqas b’mod korrispondenti. Huwa jitlob għaldaqstant kalkolu ġdid tad-drittijiet għal pagamenti tiegħu fil-forma ta’ żieda fil-valur tagħhom abbażi tal-erja tar-razzett imnaqqsa. Fl-opinjoni tiegħu, kien żball li l-ammont ta’ referenza nbidel għal 10.76 ettari. Dan kellu jinbidel għal 8.34 ettari. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-ammont totali tal-għajnuna agrikola dovuta lilu seta’ jiġi evitat.

21.

Il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-prinċipju tippermetti l-aġġustament korrispondenti tad-drittijiet għal pagament skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, peress li hemm dubji dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jeskludix aġġustament, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 [1], u b’mod partikolari l-Artikoli 34, 36 u 137 tiegħu, ikun applikat korrettament jekk, meta juża drittijiet għal pagament miksuba abbażi ta’ produzzjoni li ma hijiex marbuta ma’ raba, li ġew imputati lis-superfiċi [erja] fil-pussess tiegħu, bidwi ma jiksibx il-ħlas ta’ parti kbira minn dawn id-drittijiet, minkejja li jkun iddikjara in bona fide, b’mod konformi mal-metodu ta’ kejl applikat mill-Istat Membru fil-kuntest tal-attivazzjoni tad-drittijiet għal pagament skont l-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, is-superfiċi ammissibbli [eliġibbli] tal-ettari invarjabbilment fil-pussess tiegħu, li però sussegwentement ġiet miċħuda mill-Kummissjoni, u dan għall-unika raġuni li s-superfiċi ammissibbli ddeterminata għall-pagament tirriżulta inferjuri minħabba emenda fil-metodu ta’ kalkolu?

22.

Fil-proċedura, kienu biss ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea li ppreżentaw sottomissjonijiet. Ma nżammitx seduta.

IV – Analiżi ġuridika

A – Dwar il-funzjonament tal-iskema ta ’ pagament uniku

23.

Biex tinftiehem talba għal deċiżjoni preliminari huwa xieraq li l-ewwel nett tiġi spjegata l-iskema ta’ pagament uniku bl-użu ta’ eżempju ssemplifikat. Il-pagament uniku ta’ bidwi jirriżulta fil-prinċipju, u huwa suġġett għal regolamenti ulterjuri li f’dan ir-rigward ma humiex ta’ importanza, mill-allokazzjoni tal-għajnuna taħt is-sistema preċedenti għall-ettari kkultivati mill-bidwi.

24.

Għal dan il-għan, l-ewwel nett jiġi kkalkolat l-ammont ta’ referenza, li jikkorrispondi mal-medja tal-għajnuna, li l-bidwi jkun irċieva fuq l-aħħar tliet snin bis-sistema ta’ għajnuna preċedenti qabel il-bidla (Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1782/2003). L-ammont ta’ referenza mbagħad jiġi allokat f’dan il-perijodu mal-medja tal-ettari kkultivati. Abbażi ta’ dan, il-bidwi jirċievi ċertu numru ta’ drittijiet għal pagament li jikkorrispondu man-numru ta’ ettari tal-artijiet imsemmija, b’valur speċifiku rispettiv (Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1782/2003).

25.

Jekk l-ammont ta’ referenza tal-bidwi għalhekk jammonta għal EUR 8 000, għaliex dan l-ammont kien il-medja tal-għajnuna tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza, u huwa kkultiva medja ta’ għaxar ettari, f’dak il-każ huma dovuti lilu għaxar drittijiet għal pagamenti b’valur ta’ EUR 800 għal kull dritt. Sakemm huwa jkompli jikkultiva l-istess artijiet huwa jista’ jitlob mill-ġdid dawn id-drittijiet, jiġifieri total ta’ EUR 8 000 kull sena (Artikolu 34 tar-Regolament Nru 73/2009).

26.

Madankollu, jekk wara jirriżulta li l-artijiet meħuda inkunsiderazzjoni f’dan l-eżempju fil-verità jinkludu biss tmien ettari ta’ art użati għal finijiet agrikoli, filwaqt li l-kumplament jikkonsisti f’mogħdijiet u gandotti għat-tisqija, il-bidwi jista’ fil-fatt jitlob biss tmien drittijiet għal pagament.

27.

Jekk madankollu jitnaqqas ukoll il-valur totali tad-drittijiet għal pagament dovuti lilu bi EUR 800 għal tmien darbiet, jiġifieri b’kollox EUR 6 400, tqum il-kwistjoni tal-kawża preżenti. Tnaqqis bħal dan jiġi evitat jekk il-firxa tal-artijiet stabbilita mill-ġdid ma tiġix ikkunsidrata biss fil-ħlas tad-drittijiet, iżda fl-istess ħin jiġi kkoreġut ukoll il-kalkolu tad-drittijiet għal pagament. F’dak il-każ il-bidwi jirċievi tmien drittijiet għal pagament b’valur ta’ EUR 1000 kull wieħed u jkun jista’ jkompli wkoll jitlob it-EUR 8 000 kollha abbażi tal-artijiet stabbiliti mill-ġdid.

28.

Sabiex tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari għandu għalhekk jiġi ċċarat jekk aġġustament bħal dan huwiex permissibbli, jiġifieri, jekk hemmx bażi legali għalih (ara l-punt B hawn taħt), u mbagħad jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009 dwar in-natura definittiva ta’ drittijiet għal pagamenti allokati jipprekludux aġġustament (ara l-punt C hawn taħt).

B – Dwar ir-rekwiżiti għal aġġustament

29.

Il-bażi legali għal aġġustament tinsab fl-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004.

30.

Id-drittijiet għal pagament għal kull ettaru ma għandhomx jinbidlu, hekk kif previst fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 73/2009, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament. Madankollu, il-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 36(2), tistipula regoli ddettaljati għall-modifika tad-drittijiet għal pagament.

31.

Peress li din il-kawża tikkonċerna l-pagamenti għas-sena 2009, skont ir-Regolament Nru 1122/2009 għadhom applikabbli r-regoli għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 796/2004 preċedentement fis-seħħ. Dawn min-naħa tagħhom kienu bbażati fuq ir-Regolament Nru 1782/2003, li fl-Artikolu 43(4), hekk kif previst fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 73/2009, jipprovdi li d-drittijiet ma għandhomx jiġu mmodifikati, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor.

32.

Kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 73a(1) u (2a) tar-Regolament Nru 796/2004, għalhekk, huwa l-bażi legali għal kalkolu mill-ġdid. Skont il-paragrafu 1, bidwi għandu jrodd lura d-drittijiet għal pagament lir-riżerva nazzjonali, jekk ikun stabbilit li ċerti drittijiet għal pagament ġew allokati indebitament. F’każ li jiġi stabbilit hekk, il-paragrafu 2a jipprovdi li l-Istat Membru jikkalkola mill-ġdid id-drittijiet għal pagament, jekk l-allokament indebitu ma jkollu l-ebda impatt fuq il-valur totali tad-drittijiet li rċieva l-bidwi. Madankollu, il-paragrafu 2 ma għandux japplika jekk l-iżbalji setgħu nstabu b’mod raġonevoli mill-bidwi.

33.

Minn dan tista’ tirriżulta mhux biss il-possibbiltà iżda wkoll l-obbligu għall-kalkolu ġdid tad-drittijiet għal pagament għar-razzett ta’ P.J. Vonk Noordegraaf. Minħabba f’hekk, fil-każ preżenti, kalkolu mill-ġdid ma jaffettwax il-valur totali tad-drittijiet għal pagament li huwa jirċievi. Dan il-valur jikkorrispondi fil-fatt mal-istess ammont ta’ referenza, jiġifieri l-għajnuna medja tiegħu qabel il-bidla għall-pagament uniku. Jista’ jiġi wkoll preżunt li P.J. Noordegraaf ma setax raġonevolment isib l-iżbalji peress li l-iżbalji kienu bbażati fuq il-metodu użat mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi.

34.

Madankollu, il-Pajjiżi l-Baxxi jikkontestaw li l-allokazzjoni inizjali tad-drittijiet għal pagament fl-2006 kienet żbaljata.

35.

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-għadd ta’ drittijiet għal pagament allokat kienx korrett, għaliex fid-determinazzjoni tal-artijiet rilevanti ġew inklużi żoni bħal mogħdijiet u gandotti għat-tisqija li mill-2009 ma baqgħux jiġu kkunsidrati fid-determinazzjoni tal-artijiet. F’dak il-każ, ir-razzett jispiċċa jiġi allokat għadd eċċessiv ta’ drittijiet għal pagamenti kollha b’valur insuffiċjenti mil-lat ta’ ammont.

36.

Skont il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 l-ettari eliġibbli kienu primarjament l-art li tinħarat u mergħa permanenti biss ( 7 );iktar tard żdiedu wkoll artijiet li ntużaw għal kultivazzjonijiet oħra ( 8 ) Sussegwentement, erji oħra, partikolarment mogħdijiet u gandotti għat-tisqija diġà ma kinux eliġibbli.

37.

Fil-fatt l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jipprovdix espressament li fil-“kalkolu” tad-drittijiet għal pagament jistgħu jitqiesu biss l-ettari eliġibbli. Madankollu skont il-premessa 30 tar-Regolament id-drittijiet għal pagament għandhom ikunu marbuta mal-ettari eliġibbli tar-razzett. Għalhekk, jiġu espressament speċifikati l-ettari eliġibbli għall-finijiet ta’ allokazzjoni alternattiva prevista fl-Artikolu 59 għad-drittijiet għal pagament. Konsegwentement, huwa preżunt li fil-kalkolu tad-drittijiet għal pagament għandhom ġeneralment jitqiesu l-istess artijiet bħal dawk għall-ħlas sussegwenti tal-għajnuna.

38.

Barra minn hekk, l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 jikkjarifika fir-rigward ta’ erji għall-għalf meħuda inkunsiderazzjoni li dawn ma jinkludux għadajjar u mogħdijiet. Għaldaqstant ma huwiex mistenni li dawn iż-żoni jkunu jistgħu jiġu inklużi f’artijiet agrikoli oħra.

39.

Artijiet li ma kinux jinħartu jew li ma ntużawx bħala mergħat permanenti jew għal kultivazzjonijiet oħra rikonoxxuti, ma setgħux jitqiesu fil-kalkolu tad-drittijiet għal pagament sa mill-2006. Jekk dan madankollu għandu jsir, kif tispeċifika t-talba għal deċiżjoni preliminari, l-għadd speċifiku ta’ drittijiet għal pagament stabbilit skont l-Artikolu 73a(2) tar-Regolament Nru 796/2004 kien ikun żbaljat mill-bidu.

40.

Għalhekk, għandu jiġi nnutat li l-Istat Membru kompetenti skont l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 għandu jikkalkola mill-ġdid id-drittijiet għal pagament ta’ bidwi, jekk fil-kalkolu oriġinali ta’ drittijiet għal pagament tkun ġiet trasferita għajnuna preċedenti permezz ta’ pagament għal baqar li jreddgħu u barrin abbażi ta’ metodu użat f’dan l-Istat Membru għad-determinazzjoni tal-ettari eliġibbli għal għadd eċċessiv ta’ ettari.

C – Dwar in-natura definittiva tad-drittijiet għal pagament

41.

Fl-opinjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, kalkolu mill-ġdid tad-drittijiet għal pagament, madankollu, huwa kontra l-Artikolu 137(1) tar-Regolament Nru 73/2009. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, drittijiet għal pagament li ġew allokati lill-bdiewa qabel l-ewwel ta’ Jannar 2009 japplikaw mill-1 Jannar 2010 bħala legali u skont ir-regoli.

42.

Il-Pajjiżi l-Baxxi jqisu din id-dispożizzjoni li tgħid li mill-1 ta’ Jannar 2010 kwalunkwe żball fid-determinazzjoni tal-ettari eliġibbli fil-qafas tal-allokazzjoni oriġinali ta’ drittijiet għal pagament li seħħet qabel l-1 ta’ Jannar 2009 ma jistax jiġi kkoreġut.

43.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 137(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jidher kontradittorju, peress li skontu il-paragrafu (1) ma japplikax għal drittijiet għal pagamenti li ġew allokati lil bdiewa abbażi ta’ applikazzjonijiet fattwalment żbaljati. Minħabba f’hekk, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1782/2003 talba għall-kalkolu tad-drittijiet għal pagament għandha tinkludi dikjarazzjonijiet tal-erji żbaljati nnotifikati lill-awtoritajiet Olandiżi, jiġifieri l-erja grossa tal-biċċiet ta’ art, inklużi l-mogħdijiet u l-gandotti għat-tisqija.

44.

Madankollu, dan ma għandux ikollu effett. Dan peress li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 137(2), il-paragrafu 1 japplika madankollu għall-każijiet fejn l-iżball ma setax ikun raġonevolment misjub mill-bidwi. Dan ikun il-każ, sakemm it-talba tkun ibbażata fuq il-metodu uffiċjali Olandiż tal-identifikazzjoni tal-firxa tal-artijiet.

45.

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009 ma huwiex applikabbli ratione temporis. Għalkemm l-awtoritajiet Olandiżi ħadu d-deċiżjoni kkontestata wara l-1 ta’ Jannar 2010, din tikkonċerna b’mod partikolari l-għajnuna operattiva għas-sena 2009. Is-sottomissjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt nifhimha fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti fl-eżami ta’ din l-applikazzjoni kellhom jagħmlu l-korrezzjoni skont l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, ladarba l-iżball kien evidenti fl-allokazzjoni ta’ drittijiet għal pagament f’dan il-kuntest. L-enfasi f’dan ir-rigward għandha tkun jekk itteħidtx deċiżjoni dwar miżura ta’ għajnuna qabel jew wara l-1 ta’ Jannar 2010, jekk din tikkonċerna perijodu li jkun jiġi qabel din id-data.

46.

Konsegwentement, dan il-kunċett ma jistax jiġi miċħud. Ma tantx ikun xieraq, li l-korrezzjoni ta’ żvantaġġ mhux ġustifikat għall-applikant tkun permessa biss, meta l-awtoritajiet kompetenti jipproċessaw applikazzjoni partikolarment malajr, filwaqt li dewmien fl-ipproċessar jeskludi r-rimedju.

47.

Madankollu, is-soluzzjoni ma tinsabx fir-restrizzjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 137(1) tar-Regolament Nru 73/2009, kuntrarjament għat-test. Minħabba f’hekk, il-problema ewlenija ta’ din id-dispożizzjoni tibqa’ tippersisti: din ovvjament tmur tant lil hinn mill-għan, peress illi t-test tagħha jeskludi korrezzjoni ta’ żbalji fil-passat, li fil-futur jiżvantaġġaw bdiewa li jaġixxu bona fide fl-għajnuna agrikola.

48.

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, jekk l-Artikolu 137(1) tar-Regolament Nru 73/2009 b’mod ġenerali u irrispettivament mill-mument tal-introduzzjoni tal-proċedimenti, jipprekludix aġġustamenti skont l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004.

49.

Skont it-test tiegħu l-Artikolu 137(1) tar-Regolament Nru 73/2009 jispeċifika b’mod komprensiv il-prinċipju taċ-ċertezza legali fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ drittijiet għal pagament. Ikun konformi ma’ dan il-prinċipju li l-1 ta’ Jannar 2010 jitqies bħala l-aħħar data possibbli biex issir applikazzjoni għal korrezzjoni.

50.

Skont il-premessa 49 tar-Regolament Nru 73/2009. l-Artikolu 137(1) għandu madankollu l-għan biss li jiżgura l-possibbiltà ta’ allokazzjonijiet speċifiċi ħafna. Din id-dispożizzjoni ġiet sussegwentement introdotta sabiex tippermetti lill-Istati Membri jirrinunzjaw l-irkupru ta’ ċerti pagamenti partikolarment għoljin li jkunu saru bi żball.

51.

Dan l-objettiv huwa rifless ukoll fil-paragrafu 2 diġà msemmi tal-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009. Din id-dispożizzjoni tillimita l-portata taċ-ċertezza legali abbażi tal-Artikolu 1, billi teskludi l-applikazzjoni għall-bdiewa li huma responsabbli għal żbalji fil-kalkolu tad-drittijiet għal pagament. Għalhekk din tikkonċerna l-protezzjoni lill-bdiewa li jirċievu pagamenti eċċessivi mingħajr ma jkun it-tort tagħhom, u mhux, bil-kontra, li tiġi stabbilita penalizzazzjoni inġustifikata fuq il-bdiewa fil-futur.

52.

Din l-interpretazzjoni biss tista’ twassal għal kunsiderazzjoni koerenti tal-konstatazzjonijiet ikkoreġuti dwar l-ettari eliġibbli fil-kawża preżenti. Inkella, id-daqs determinat mill-ġdid u iktar preċiż tal-erja agrikola f’razzett, ċertament jittieħed inkunsiderazzjoni fil-futur meta jkun kontra l-interessi tal-bidwi, iżda mhux meta jkun favur tiegħu. Dan ma huwiex koerenti.

53.

Il-Kummissjoni, fil-kapaċità leġiżlattiva tagħha li teżegwixxi l-implementazzjoni tikkonferma din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009 bil-verżjoni tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 1122/2009 tagħha, li prinċipalment tikkorrispondi mal-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 attwalment applikabbli. Il-kompetenzi fil-qasam tal-aġġustamenti li huma previsti mill-Artikolu 81(1) u (2) tar-Regolament Nru 1122/2009, meta mqabbla mar-Regolament Nru 796/2004, ġew issupplimentati bir-referenza li dawn japplikaw bla ħsara għall-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009. Għalhekk, il-bdiewa li in bona fide jkunu bbenefikaw minn pagamenti eċċessivi għandhom jiġu eżentati. Madankollu, il-Kummissjoni ma għamlitx referenza korrispondenti fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament Nru 1122/2009. Din id-dispożizzjoni tippermetti l-korrezzjoni ta’ żbalji li ma jwasslux għal pagament eċċessiv u minħabba n-nuqqas ta’ referenza korrispondenti mal-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. L-istess għandu japplika għall-Artikolu 73(a)(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, li jikkorrispondi mal-Artikolu 81(3) tar-Regolament Nru 1122/2009.

54.

Għalhekk l-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009 ma huwiex applikabbli għal korrezzjoni skont l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004.

V – Konklużjoni

55.

Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

L-Istat Membru kompetenti għandu jikkalkola mill-ġdid id-drittijiet għal pagament ta’ bidwi skont l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 jekk, fil-kalkolu oriġinali tad-drittijiet għal pagament tkun ġiet ittrasferita għajnuna preċedenti fil-forma ta’ primjums allokati għall-baqar li jreddgħu u barrin skont numru eċċessiv ta’ ettari abbażi tal-metodu użat f’dan l-Istat Membru għad-determinazzjoni tal-ettari eliġibbli. L-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009 ma huwiex applikabbli għal korrezzjoni skont l-Artikolu 73a(2) tar-Regolament Nru 796/2004.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa [...] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269). Minkejja li sussegwentement ġie emendat diversi drabi, il-verżjoni inizjali hija dik li tinteressana f’dan il-każ..

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2010, tas-27 ta’ April 2010, li jemenda l-Anness IV u l-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (KE) li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni (ĠU L 106, p. 1).

( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal- 21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 [...] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243) fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 380/2009 tat-8 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 116, p. 9).

( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65) fil-verżjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) tat-23 ta’ Frar 2010 (ĠU L 47, p. 1).

( 6 ) Ir-relazzjoni bejn il-firxa tal-artijiet u d-drittijiet għal pagament hija ppreċiżata għal darb’ oħra fil-punt 25 iktar ’il quddiem..

( 7 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C-61/09, Ġabra I-9763, b’mod partikolari l-punti 37 u 43).

( 8 ) Fl-aħħar nett il-verżjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1182/2007 tas-26 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 273, p. 1).

Top