EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TJ0494

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) tad-9 ta' Settembru 2014.
Biscuits Poult SAS vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Disinn Komunitarju - Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità - Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta gallettina maqsuma - Raġuni għal invalidità - Assenza ta’ karattru individwali - Artikoli 4, 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
Kawża T-494/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2014:757

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta gallettina maqsuma — Raġuni għal invalidità — Assenza ta’ karattru individwali — Artikoli 4, 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑494/12,

Biscuits Poult SAS, stabbilita f’Montauban (Franza), irrappreżentata minn C. Chapoullié, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Banketbakkerij Merba BV, stabbilita f’Oosterhout (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn M. Abello, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI, tat-2 ta’ Awwissu 2012 (Każ R 914/2011‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn il-Banketbakkerij Merba BV u Biscuits Poult SAS,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood (Relatur), u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Novembru 2012,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Frar 2013,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2013,

wara s-seduta tat-2 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil-25 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti, Biscuits Poult SAS, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2

Id-disinn li fir-rigward tiegħu saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li huwa intiż li jiġi applikat għall-“gallettini” huwa rrappreżentat kif ġej:

Image

3

Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat taħt in-numru 1114292‑0001 u ppubblikat fil-Bullettin tad-disinni Komunitarji Nru 75/2009, tat-22 ta’ April 2009.

4

Fil-15 ta’ Frar 2010, l-intervenjenti, Banketbakkerij Merba BV, ressqet quddiem il-UASI talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002. Fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, l-intervenjenti allegat li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn novità u minn karattru individwali u li d-dehra tiegħu kienet suġġetta għall-funzjoni teknika tiegħu, fis-sens tal-Artikoli 5, 6 u 8 tar-Regolament Nru 6/2002.

5

Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, l-intervenjenti invokat, f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat, il-mudelli preċedenti riprodotti kif ġej:

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

6

B’deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat.

7

Fit-22 ta’ April 2011, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8

B’deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI ddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba l-assenza ta’ karattru individwali tiegħu skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

9

B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell irrileva, l-ewwel nett, li s-saff ta’ mili mifrux fil-gallettina, mat-tul kollu tagħha, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, peress li ma kienx viżibbli waqt l-użu normali tal-prodott. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-aspett estern tad-disinn ikkontestat kien l-istess bħal dak tal-ewwel tliet disinni jew mudelli preċedenti riprodotti fil-punt 5 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, skont il-Bord tal-Appell, id-disinn ikkontestat ma jagħtix, lill-utent avżat li joffri jew li jiekol regolarment din it-tip ta’ gallettina, impressjoni globali differenti minn dik mogħtija minn dawn it-tliet disinni jew mudelli preċedenti fid-dawl ta’ marġni ta’ libertà wiesgħa ħafna li jgawdi minnha min ħoloq dawn it-tip ta’ prodotti.

It-talbiet tal-partijiet

10

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla jew “tal-inqas tirriforma” d-deċiżjoni kkontestata;

tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni;

tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità;

tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

11

L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12

L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell sabiex jiddeċiedi dwar il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fid-dawl tad-disinni jew mudelli preċedenti kollha;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

13

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

14

Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat eskluda r-rappreżentazzjoni tal-aspett intern tad-disinn ikkontestat u li għalhekk naqas milli jikkonstata d-differenzi meta pparagunat mad-disinni preċedenti li jagħtu lil dan id-disinn karattru individwali.

15

Ir-rikorrenti ssostni li gallettina ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “prodott kumpless” fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 u li, għalhekk, il-mili mifrux ġewwa l-gallettina, mat-tul kollu tagħha, ma jikkostitwixxix parti komponenti ta’ tali prodott. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(2) tal-istess regolament ma japplikax f’dan il-każ.

16

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-mili mifrux ġewwa l-gallettina, mat-tul kollu tagħha, huwa viżibbli waqt l-użu normali tal-prodott, peress li dan il-prodott jinqasam fil-mument tal-konsum tiegħu, ħaġa li tikkostitwixxi użu normali. Minbarra dan, tali rappreżentazzjoni ta’ gallettina tirrifletti l-użi promozzjonali tal-industrija kkonċernata. L-aspett tal-mili inkwistjoni kellu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni, ukoll fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

17

Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-karatteristiċi kollha tad-disinn ikkontestat, bħal ma huma d-dehra tiegħu, il-linji tiegħu, il-konfigurazzjoni tiegħu, il-kuluri tiegħu, il-kuntrast bejn partijiet interni u esterni, il-karattru indurat tal-wiċċ, in-numru ta’ biċċiet ta’ ċikkulata fil-wiċċ u n-nisġa tiegħu, il-Bord tal-Appell imissu rrikonoxxilu karattru individwali meta pparagunat mal-ewwel tliet disinni riprodotti fil-punt 5 iktar ’il fuq.

18

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, “disinn” huwa ddefinit bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”.

19

Minn dan jirriżulta li “[d]isinn għandu jiġi protett” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jikkonsisti fil-protezzjoni tad-dehra ta’ prodott, jiġifieri, skont l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament, kull oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn, jew parti minn tali artikolu.

20

Barra minn hekk jirriżulta mill-premessi 7, 12 u 14 tar-Regolament Nru 6/2002, li jirreferu għall-protezzjoni tad-disinni industrijali, għal-limitazzjoni tal-protezzjoni għall-elementi viżibbli u għall-impressjoni prodotta fuq l-utent avżat li jħares lejn id-dehra tal-prodott, li dan ir-regolament jagħti esklużivament protezzjoni lill-partijiet viżibbli tal-prodotti jew tal-partijiet ta’ prodotti, li konsegwentement jistgħu jiġu rreġistrati bħala disinni.

21

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jistabbilixxi regola speċjali li tirrigwarda speċifikament id-disinni li jiġu applikati jew inkorporati f’prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002. Skont din ir-regola, dawn id-disinni huma protetti unikament jekk, l-ewwel nett, il-parti komponenti, ladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott u, it-tieni nett, sa fejn u sakemm dawn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jwettqu fihom infushom il-ħtiġijiet dwar in-novità u l-karattru individwali.

22

Fil-fatt, minħabba n-natura partikolari tal-partijiet komponenti ta’ prodott kumpless fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002, li jistgħu jkunu suġġetti għal produzzjoni u għal kummerċjalizzazzjoni differenti mill-produzzjoni u mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott kumpless, huwa raġonevoli għal-leġiżlatur li jirrikonoxxilhom il-possibbiltà li jiġu rreġistrati bħala disinni, iżda bil-kundizzjoni li dawn ikunu viżibbli wara inkorporazzjoni fil-prodott kumpless u unikament għall-partijiet viżibbli tal-partijiet komponenti inkwistjoni waqt użu normali tal-prodott kumpless u sa fejn dawn il-partijiet huma ġodda u jippreżentaw karattru individwali.

23

L-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 ma għandux la bħala għan u lanqas bħala effett li jimmultiplika l-aspetti ta’ prodott li jistgħu jikkostitwixxu disinn skont l-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, iżda li jistabbilixxi regola speċjali li tirrigwarda sitwazzjoni partikolari.

24

F’dan il-każ, kif espost fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ammettiet quddiem il-Bord tal-Appell li s-saff ta’ mili fondenti mifrux ġewwa l-gallettina, mat-tul kollu tagħha, kien ikun viżibbli biss jekk il-gallettina kienet maqsuma. Bħala konsegwenza, tali karatteristika ma hijiex relatata mad-dehra tal-prodott inkwistjoni.

25

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell applika korrettament l-Artikoli 3 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002 meta kkonkluda, fil-punti 15 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-saff ta’ mili fondenti mifrux ġewwa l-gallettina, mat-tul kollu tagħha, ma kienx viżibbli, peress li l-prodott kellu jinqasam sabiex l-intern tiegħu jkun viżibbli, b’mod li din il-karatteristika ma tteħditx inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

26

Minbarra dan, hekk kif isostnu l-UASI u l-intervenjenti, il-fatt li l-prodott inkwistjoni jista’ jiżvela aspett li huwa qrib id-disinn ikkontestat meta jinqasam sabiex jiġi kkonsmat huwa irrilevanti.

27

F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li s-saff ta’ mili fondenti mifrux ġewwa l-gallettina, mat-tul kollu tagħha, isir viżibbli waqt “użu normali” tal-gallettina, jiġifieri waqt il-konsum tagħha, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 u huwa, minħabba dan il-fatt, ineffettiv. Fil-fatt, jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-kunċett ta’ “użu normali” huwa rilevanti unikament meta għandu jiġi evalwat il-karattru li jista’ jiġi protett ta’ disinn applikat jew inkorporat f’prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002. L-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament barra minn hekk jippreċiża li l-kunċett ta’ “użu normali” huwa ddefinit “fit-tifsira tal-paragrafu (2)(a)” tal-istess artikolu.

28

Issa, il-partijiet isostnu unikament, u ġustament, li gallettina bħal dik irrappreżentata mid-disinn ikkontestat ma hijiex prodott kumpless fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002, peress li ma hijiex komposta minn partijiet komponenti multipli li posthom jista’ jiġi mibdul hekk illi l-prodott jista jiġi żarmat jew immuntat mill-ġdid. Bħala konsegwenza, il-karatteristiċi li jistgħu jiġu protetti tad-disinn ikkontestat huma ddefiniti b’riferiment għar-regoli esposti fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq, liema, fir-rigward ta’ prodotti li ma jikkostitwixxux partijiet komponenti li jiġu mmuntati f’prodott kumpless fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002, ma jirreferux għall-kunċett ta’ “użu normali” iżda għad-dehra tal-prodott fis-sens tal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament.

29

Il-Bord tal-Appell għalhekk ma wettaqx żball meta ppreċiża, fil-punti 13 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-karatteristiċi mhux viżibbli tal-prodott, li ma humiex relatati mad-dehra tiegħu, ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk id-disinn ikkontestat setax ikun suġġett għal protezzjoni, u lanqas billi ddeduċa, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-mili li kien jinsab ġewwa l-gallettina, skont ir-rappreżentazzjoni tal-mudell, ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-karattru individwali tad-disinn”.

30

Minbarra dan, peress li r-regola li tirrigwarda speċifikament il-partijiet komponenti intiżi sabiex jiġu mmuntati f’prodott kumpless li jistabbilixxi l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 (ara l-punti 21 sa 23 iktar ’il fuq) tikkostitwixxi adattament, li jikkonċerna dan il-qasam partikolari mhux intiż f’dan il-każ, tal-prinċipju sostnut fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq, u li ma għandhiex bħala għan jew bħala effett li tbiddel il-kundizzjoni marbuta mal-viżibbiltà tal-aspetti ta’ prodott irrappreżentati minn disinn, il-fatt li l-punti 13 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata fihom riferiment għal din id-dispożizzjoni ma huwiex ta’ natura li jinvalida r-raġunament espost fil-punti 13 sa 17 tal-istess deċiżjoni.

31

Bħala konsegwenza, ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti, esposti fil-punti 15 u 16 iktar ’il fuq, ma huwa ta’ natura li jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, peress li huma biss l-aspetti viżibbli tal-prodott irrappreżentat mid-disinn ikkontestat li jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex jiġi evalwat il-karattru individwali (ara l-punti 25 sa 30 iktar ’il fuq), l-argument tar-rikorrenti relatat ma’ din l-evalwazzjoni (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) għandu jiġi miċħud.

32

Fil-fatt, fid-dawl tal-libertà kbira ta’ min ħoloq dan il-prodott ikkonstatata fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata u barra minn hekk mhux ikkontestata mir-rikorrenti, hemm lok li jiġu kkonfermati l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward.

33

B’mod partikolari, hekk kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punti 21 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-wiċċ irregolari u aħrax tal-estern tal-gallettina, il-kulur safrani tagħha, l-għamla tonda tagħha u l-preżenza ta’ biċċiet żgħar ta’ ċikkulata huma karatteristiċi komuni għad-disinni inkwistjoni, li jiddeterminaw l-impressjoni globali prodotta fuq utent avżat, bil-konsegwenza li d-disinn ikkontestat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jippreżenta karattru individwali.

34

Il-parti l-iktar lixxa tal-wiċċ tad-disinn ikkontestat meta pparagunat mal-ewwel u mat-tielet disinni riprodotti fil-punt 5 iktar ’il fuq kif ukoll id-differenzi li jirrigwardaw in-numru, il-qisien preċiżi u l-karattru bejn wieħed u ieħor saljenti tal-biċċiet taċ-ċikkulata preżenti f’kull wieħed minn dawn id-disinni u fuq id-disinn ikkontestat ma jagħtux karattru individwali lil dan id-disinn. Fil-fatt, fir-rigward tal-libertà kbira ta’ min ħoloq dan id-disinn fil-qasam, dawn id-differenzi ma humiex ta’ natura li jipproduċu fuq l-utent avżat, kif iddefinit fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, impressjoni globali differenti favur id-disinn ikkontestat.

35

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonstata, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kellu jiġi ddikjarat invalidu, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba nuqqas ta’ karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tal-istess regolament.

36

Għalhekk hemm lok li r-rikors jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet imressqa mir-rikorrenti u dwar dik ta’ anness tar-rikors, ikkontestati mill-UASI.

Fuq l-ispejjeż

37

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-UASI u mill-intervenjenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Biscuits Poult SAS għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u mill-Banketbakkerij Merba BV.

 

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2014.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top