Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TJ0265

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tad-29 ta’ Frar 2016.
    Schenker Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni — Akkordji — Servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija internazzjonali bl-ajru — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Iffissar tal-prezzijiet — Sovrataxxi u mekkaniżmi ta’ tarifikazzjoni li għandhom effett fuq il-prezz finali — Provi li jinsabu f’applikazzjoni għall-immunità — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti — Regoli ta’ etika relatati ma’ obbligu ta’ lealtà u ma’ projbizzjoni ta’ rappreżentanza doppja — Obbligi ta’ fiduċja — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Għażla tal-kumpanniji — Multi — Proporzjonalità — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Ugwaljanza fit-trattament — Kooperazzjoni — Tranżazzjoni — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006.
    Kawża T-265/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:111

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

    29 ta’ Frar 2016 ( *1 )

    “Kompetizzjoni — Akkordji — Servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija internazzjonali bl-ajru — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Iffissar tal-prezzijiet — Sovrataxxi u mekkaniżmi ta’ tarifikazzjoni li għandhom effett fuq il-prezz finali — Provi li jinsabu f’applikazzjoni għall-immunità — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti — Regoli ta’ etika relatati ma’ obbligu ta’ lealtà u ma projbizzjoni ta’ rappreżentanza doppja — Obbligi ta’ fiduċja — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Għażla tal-kumpanniji — Multi — Proporzjonalità — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Ugwaljanza fit-trattament — Kooperazzjoni — Tranżazzjoni — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006”

    Fil-Kawża T‑265/12,

    Schenker Ltd, stabbilita f’Feltham (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn F. Montag, B. Kacholdt, F. Hoseinian, avukati, D. Colgan u T. Morgan, solicitors,

    ir-rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Dawes u N. von Lingen, sussegwentement minn A. Dawes u G. Meessen, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly u H. Mussa, barristers,

    il-konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2012) 1959 finali, tat-28 ta’ Marzu 2012, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39462 – Spedizzjoni tal-merkanzija), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti, kif ukoll talba għal bidla tal-multa li ġiet imposta fuqha fil-kuntest tagħha,

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

    Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    1

    Permezz tad-Deċiżjoni C (2012) 1959 finali, tat-28 ta’ Marzu 2012, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39462 – Spedizzjoni tal-Merkanzija) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li l-kumpanniji attivi fis-settur tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija internazzjonali bl-ajru kienu, matul perijodi bejn l‑2002 u l-2007, ipparteċipaw f’diversi ftehim u prattiki miftiehma fis-settur tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija internazzjonali bl-ajru, li wasslu għal erba’ ksur distinti tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal‑Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

    2

    Ir-rikorrenti, Schenker Ltd, hija miżmuma minn Deutsche Bahn AG (iktar ’il quddiem “DB”), kumpannija b’kapital azzjonarju tad-dritt Ġermaniż miżmuma kompletament mir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja. DB hija l-kumpannija holding finali ta’ grupp ta’ kumpanniji (iktar ’il quddiem il-“grupp DB”) li jipprovdi servizzi ta’ mobbiltà u ta’ loġistika fid-dinja kollha. Bit-trade mark DB Schenker, u b’mod partikolari permezz tal-grupp ta’ kumpanniji Schenker li jinkludi diversi entitajiet, fosthom ir-rikorrenti, il-grupp DB kien jipprovdi b’mod partikolari servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bl‑ajru. [kunfidenzjali] ( 1 ) The Brink’s Company (iktar ’il quddiem “Brink’s”) biegħet lil DB grupp ta’ kumpanniji mmexxi minn Bax Global Inc., li minnu kienet tagħmel parti b’mod partikolari Bax Global (UK) Ltd. Wara li s-servizzi tagħha ġew ittrasferiti lir-rikorrenti, Bax Global (UK) waqqfet l-attivitajiet tagħha u ma baqgħetx teżisti.

    3

    Din il-kawża tikkonċerna biss wieħed mill-erba’ ksur imsemmija fil‑punt 1 hawn fuq, jiġifieri l-akkordju relatat mas-sistema ta’ esportazzjoni ġdida (iktar ’il quddiem in-“NES”). Hija ma tikkonċernax l-akkordju relatat mal-fattur ta’ aġġustament tal‑valuta (iktar ’il quddiem il-“CAF”), l‑akkordju relatat mas-sistema ta’ manifest avvanzata (iktar ’il quddiem l-“AMS”) u lanqas l-akkordju relatat mal‑imposti miżjuda fl-aqwa staġun (iktar ’il quddiem il-“PSS”). Sa fejn, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ssanzjonat kumpanniji oħra tal-grupp DB minħabba l‑parteċipazzjoni tagħhom fl‑akkordji relatati mal-CAF, mal-AMS u mal-PSS, dawn il-kumpanniji ppreżentaw rikors separat, li huwa s‑suġġett tal-Kawża T‑267/12.

    4

    L-akkordji msemmija fil-punt 3 hawn fuq jikkonċernaw is-suq tas‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija internazzjonali bl-ajru. Skont id‑deskrizzjoni li l-Kummissjoni tat lil dan is-settur fil-premessi 3 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija jistgħu jiġu ddefiniti bħala l‑organizzazzjoni tat-trasport ta’ oġġetti (li jista’ jinkludi wkoll attivitajiet bħall-ħruġ mid-dwana, il-ħażna jew servizzi ta’ assistenza fuq l-art) għan-nom ta’ klijenti skont il-bżonnijiet tagħhom. Is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija huma maqsuma bejn servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija interni u servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija internazzjonali u bejn servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija bl-ajru, servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bl-art u servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bil-baħar (premessa 3 tad‑deċiżjoni kkontestata).

    5

    Id-deskrizzjoni li l-Kummissjoni tat lill-akkordju relatat man-NES fil‑premessi 92 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata tista’ titqassar kif ġej: in-NES hi sistema ta’ qabel l-approvazzjoni għal esportazzjonijiet tar-Renju Unit lejn il-pajjiżi barra ż-ŻEE, introdotta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fl-2002. Matul laqgħa, grupp ta’ burdnara qablu li jintroduċu sovrataxxa għad-dikjarazzjonijiet NES, qablu dwar l-ammont tas-sovrataxxa u dwar iż-żmien tal-applikazzjoni tagħha. Wara din il‑laqgħa, dawn il-burdnara skambjaw diversi messaġġi elettroniċi sabiex jipproċedu bl-implementazzjoni tal-akkordju. Il-kuntatti antikompetittivi damu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-10 ta’ Marzu 2003.

    6

    Id-diskussjonijiet dwar l-akkordju relatat mal-AMS u l-istħarriġ tal‑implementazzjoni tiegħu saru b’mod partikolari fi ħdan l‑assoċjazzjoni Freight Forward International (qabel l‑1 ta’ Jannar 2004 imsejħa Freight Forward Europe, iktar ’il quddiem l‑“assoċjazzjoni FFI”).

    7

    Mill-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha wara l-applikazzjoni għall-immunità ppreżentata minn Deutsche Post AG (iktar ’il quddiem “DP”) skont l‑Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u t‑tnaqqis tal‑ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006”). DP iffinalizzat l-applikazzjoni għall-immunità tagħha permezz ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ provi dokumetarji. Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Settembru 2007, il‑Kummissjoni tat immunità kundizzjonali lil DP għal akkordju preżunt bejn fornituri privati ta’ servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija internazzjonali, intiż sabiex jistabbilixxi jew jittrażmetti fuq ħaddieħor diversi taxxi u sovrataxxi.

    8

    Il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għall-għarrieda bejn l-10 u t-12 ta’ Ottubru 2007.

    9

    [kunfidenzjali] DB u s-sussidjarji tagħha ppreżentaw applikazzjoni għall-immunità jew, fin-nuqqas, applikazzjoni għal tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba klemenza (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

    10

    Fil-5 ta’ Frar 2010, il‑Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet lir-rikorrenti, li għaliha hija rrispondiet (premessi 87 u 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

    11

    Bejn is-6 u d-9 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni organizzat seduta li fiha pparteċipat ir-rikorrenti (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

    12

    Fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi li hija kellha, il‑Kummissjoni kkunsidrat li, bħala suċċessur ekonomiku ta’ Bax Global (UK), ir-rikorrenti kienet responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fl-akkordju relatat man-NES.

    13

    Fl-Artikolu 1(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fir-rigward tal-akkordju relatat man-NES, bħala suċċessur ekonomiku ta’ Bax Global (UK), ir-rikorrenti kisret l-Artikolu 101 TFUE u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi, mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-10 ta’ Marzu 2003, ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu fis-settur tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bl-ajru fit-territorju tar-Renju Unit li kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet jew ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra. L-Artikolu 2(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li, għal dan il‑ksur, għandha tiġi imposta multa f’ammont ta’ EUR 3673000 fuq ir‑rikorrenti. Ir-rikorrenti ma rċevietx tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha minħabba l‑kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni.

    14

    Mill-premessa 856 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ammont tal‑multa imposta ġiet ikkalkolata abbażi tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal‑2006”).

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

    15

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

    16

    Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal‑Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, hija għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u stednithom sabiex iweġbuhom. Il-partijiet għamlu dan fit-terminu mogħti.

    17

    B’ittra tal-5 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet dwar ir-rapport tas-seduta.

    18

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014.

    19

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-Artikolu 1(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata;

    tannulla kompletament jew, b’mod sussidjarju, tnaqqas l-ammont tal-multa stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    20

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    21

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

    22

    L-ewwel motiv huwa bbażat, minn naħa waħda, fuq ksur tal‑Artikoli 4 u 7 u tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq u, min-naħa l-oħra, ta’ ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Essenzjalment, ir‑rikorrenti ssostni li l-informazzjoni u l-provi fl-applikazzjoni għall‑immunità ta’ DP kienu inammissibbli.

    23

    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l‑Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni dwar l‑akkordju relatat man-NES, peress li dan l-akkordju kien eżentat mill‑applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 141 li jirrigwarda n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 għas-setturi tat‑trasport (ĠU 1962, 124, p. 2751).

    24

    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li, billi kkonstatat li l‑akkordju relatat man-NES seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod sinjifikattiv, il-Kummissjoni kisret l‑Artikolu 101(1) TFUE, l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u l‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ma rrispettatx il-Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsabu fl-Artikoli [101 TFUE] K u [102 TFUE KE] (ĠU 2004, C 101, p. 81, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal‑2004”).

    25

    Ir-raba’ motiv jirrigwarda ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, tal‑Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 4, 7 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tal‑prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ amministrazzjoni tajba, peress li kienet biss ir-rikorrenti li nżammet responsabbli tal-aġir ta’ Bax Global (UK).

    26

    Permezz tal-ħames motiv, minn naħa waħda, ir-rikorrenti ssostni li, billi ffissat l-ammont tal-multa abbażi tad-dħul mill-bejgħ li kien ogħla mill‑ammont teoretiku massimu li seta’ jiġi ġġenerat mill-akkordju relatat man-NES, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) u (3) tar‑Regolament Nru 1/2003, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ adegwatezza tal-piena għall-ksur, il-prinċipju ta’ nulla poena sine culpa u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ma osservatx il-Linji gwida tal-2006 u wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l‑Kummissjoni kisret l-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 u d-drittijiet tad-difiża.

    27

    Permezz tas-sitt motiv, ir-rikorrenti targumenta li, meta evalwat l‑applikazzjonijiet għall-immunità u għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma osservatx l-Avviż dwar il-Kooperazzjoni tal-2006 u wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

    28

    Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi rrifjutat li jkollha diskussjonijiet sabiex tasasl għal tranżazzjoni skont l-Avviż tal‑Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment [tranżazzjoni] ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l‑Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ tranżazzjoni”).

    29

    Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tispeċifika li l-ewwel sar-raba’ motivi tqajmu insostenn tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 1(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata u huma intiżi, “konsegwentement”, għall‑annullament tal-Artikolu 2(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata wkoll. Il‑ħames sas-seba’ motivi u, b’mod sussidjarju, ir-raba’ motiv tqajmu insostenn tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 2(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata.

    30

    Ir-rikorrenti titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħmel użu mill‑ġurisprudenza sħiħa tagħha, peress li l-ħames sas-seba’ motivi tqajmu espressament insostenn ta’ din it-talba. Barra minn hekk, fil‑kuntest tar‑raba’ motiv, ir-rikorrenti titlob li l-ammont tal-multa jitnaqqas mill‑Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    31

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità tad‑deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni huwa ssupplimentat mill‑ġurisdizzjoni sħiħa, li hija mogħtija lill-qorti tal-Unjoni bl‑Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE.

    32

    Din il-ġurisdizzjoni tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid l‑ammont tal-multa jew tal-pagamenti ta’ penalità imposti. Meta l‑kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa jew tal-pagamenti ta’ penalità imposti huma vvizzjati b’illegalità, iżda l-ammont finali tagħhom għandu jitqies li huwa adegwat, il-ġurisdizzjoni sħiħa tawtorizza lill-qorti żżomm l-ammont tal-multa.

    33

    Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa, meta tagħti d-deċiżjoni tagħha, jekk ir‑rikorrenti ngħatatx multa li l-ammont tagħha jirrifletti b’mod korrett il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, Ġabra, EU:T:2012:478, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Madankollu għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l‑proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal‑kontradittorju (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra, EU:C:2011:816, punt 131).

    1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, minn naħa waħda, fuq ksur tal-Artikoli 4, 7 kif ukoll tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-drittijiet tad‑difiża kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta ’ amministrazzjoni tajba

    35

    Dan il-motiv jirrigwarda l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil‑premessa 658 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha dritt tuża l‑informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall‑immunità ta’ DP.

    36

    Dan jinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, billi użat l-informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall‑immunità ta’ DP, il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 4 u 7 kif ukoll l‑Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-drittijiet tad-difiża u d‑dritt għal smigħ xieraq. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq l-argumenti li hija ressqet matul il‑proċedura amministrattiva.

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 4 u 7 kif ukoll tal‑Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq

    37

    Ir-rikorrenti targumenta li, billi użat l-informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP, il-Kummissjoni kisret l‑Artikoli 4 u 7 kif ukoll l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id‑drittijiet tad-difiża u d‑dritt għal smigħ xieraq, irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni u stabbiliti fl-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, u fl-Artikolu 6 tal‑Konvenzjoni għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

    38

    Skont ir-rikorrenti, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tuża l‑informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall‑immunità ta’ DP, kellha tagħlaq l-investigazzjoni jew, għall-inqas, twarrab din l-informazzjoni u dawn il-provi mill-fajl. L-ewwel nett, l‑uffiċċju legali C. li assista lil DP fir-redazzjoni u s-sottomissjoni tal‑imsemmija applikazzjoni kiser is-sigriet professjonali kif ukoll il‑projbizzjoni li jirrappreżenta żewġ entitajiet jew il-prinċipju ta’ lealtà fir-rigward ta’ ex klijenti. Skont ir-rikorrenti, dan l-uffiċċju legali kellu rwol doppju. Minn naħa waħda, kien il-konsulent legali tal‑assoċjazzjoni FFI u tal-membri individwali tagħha, fosthom hi stess. Min-naħa l-oħra, fl-istess ħin jew, għal-inqas, ftit żmien wara li temm din ir-relazzjoni, filwaqt li kien għadu suġġett għal obbligi legali li jirriżultaw mill-funzjoni tiegħu bħala konsulent legali tal-assoċjazzjoni FFI u tal-membri individwali tagħha, l-imsemmi uffiċċju assista lil DP, għall-inqas mis-27 ta’ Lulju 2006, sabiex tiġbor, tikkompila, tanalizza u tissottometti informazzjoni li tindika eventwali ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni lil diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fosthom il-Kummissjoni. It-tieni nett, DP kisret l-obbligi ta’ fiduċja tagħha bħala president u segretarja tal-assoċjazzjoni FFI. Ir-raġuni li għaliha din l-impriża għażlet li tiġi assistita mill-uffiċċju legali C kienet mingħajr dubju għaliex hija xtaqet tibbenefika mir-relazzjonijiet partikolari li kienu jorbtu lil dan l-uffiċċju mal-assoċjazzjoni FFI u mill‑informazzjoni kunfidenzjali li huwa kellu. Peress li-aġir relatat mal-AMS, li fih kienu involuti l-membri tal‑assoċjazzjoni FFI, minn naħa waħda, u man-NES, min-naħa l-oħra, kienu strettament marbuta, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tuża l‑informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP f’dak li kien jirrigwarda l‑akkordju relatat man-NES.

    39

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. B’mod partikolari, hija ssostni li, sa fejn, fir-replika, ir-rikorrenti targumenta li d-dritt tal‑Unjoni jipprevedi projbizzjoni, għal avukat, li juża l-għarfien u l‑informazzjoni miġbura mingħand il-klijent tiegħu għad-detriment tiegħu, dan huwa motiv ġdid, li għandu jitqies li huwa inammissibbli.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju li jipprevalixxi fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni ħielsa tal-provi (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni?T‑50/00, Ġabra, EU:T:2004:220, punt 72).

    41

    Bħala regola, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal‑Unjoni ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha, fil‑konfront ta’ impriża, fuq dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra akkużati. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova tal-aġir kuntrarju għall‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, li huwa fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal‑applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li ngħatatilha mit‑Trattat FUE (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra, EU:T:2004:221, punt 192).

    42

    Madankollu, is-setgħat li għandha l-Kummissjoni matul il-fażijiet preliminari ta’ investigazzjoni u ta’ ksib ta’ informazzjoni għandhom jiġu rrikonċiljati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li japplikaw fil-proċeduri kollha ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    43

    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tas‑sigriet professjonali, it-tieni nett, fuq il-projbizzjoni ta’ rappreżentanza doppja u tal-prinċipju ta’ lealtà u, it-tielet nett, fuq l‑obbligi ta’ fiduċja ta’ DP.

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tas-sigriet professjonali

    44

    Ir-rikorrenti targumenta li, peress li l-uffiċċju legali C. kiser is-sigriet professjonali, l-informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP kienu inammissibbli u ma kellhomx jintużaw mill-Kummissjoni.

    45

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti hija s-suġġett ta’ protezzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, 155/79, Ġabra, EU:C:1982:157, punti 18 sa 28).

    46

    B’hekk, fir-rigward ta’ miżuri ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tagħhom tipprekludiha milli tikseb konoxxenza tal-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, fil-każ li hija tkun kisbet konoxxenza tagħhom, il‑protezzjoni tal-kunfidenzjalità tagħhom tipprekludiha milli tibbaża deċiżjoni li timponi multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal‑Unjoni fuq dawn il-komunikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, Ġabra, EU:T:2007:287, punti 86 sa 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tipprekludi wkoll lill‑Kummissjoni milli tuża l-informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl‑applikazzjoni għall-immunità ta’ DP. Peress li l-kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti għandha tippermetti lil dawn tal-aħħar jafdaw l-avukati tagħhom b’fiduċja sħiħa, mingħajr ma jibżgħu li jkun hemm żvelar ulterjuri tal-komunikazzjonijiet tagħhom li jista’ jikkawżalhom ħsara, l-imsemmija komunikazzjonijiet għandhom ikunu protetti mhux biss fir-rigward ta’ miżuri ta’ investigazzjoni tal‑Kummissjoni, iżda wkoll fir-rigward ta’ żvelar minn avukat li jikser is-sigriet professjonali.

    48

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-premessa 658 tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-informazzjoni u l-provi kollha li DP issottomettiet fl-applikazzjoni għall-immunità tagħha kienu għad‑dispożizzjoni tal-membri kollha tal-assoċjazzjoni FFI. Għalhekk, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP kienu għad‑dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar, irrispettivament minn ksur, mill‑uffiċċju legali C., tas-sigriet professjonali.

    49

    Ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument li jista’ jikkontesta din il‑konstatazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-fatt li l‑impriża li fiha kienet tappartjeni kienet membru tal-assoċjazzjoni FFI u li hija kienet għalhekk f’pożizzjoni tajba li tistħarreġ il-mertu ta’ din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tidentifika l-ebda parti mill-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP li kienet żvelata mill‑uffiċċju legali C. bi ksur tas-sigriet professjonali, iżda tillimita ruħha li targumenta li r-raġuni li għaliha DP kienet għażlet li tiġi assistita mill-uffiċċju legali C. fir-rigward tat-tħejjija tal-applikazzjoni għall-immunità tagħha kienet biss sabiex hija “tibbenefika miċ‑ċirkustanzi privileġġjati” relatati mar-rabta preċedenti bejn dan l‑uffiċċju u l-assoċjazzjoni FFI u l-membri tagħha.

    50

    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tas-sigriet professjonali għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il‑kwistjoni jekk il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tipprekludix li l‑Kummissjoni tuża dokumenti li ġew sottomessi lilha minn impriża wara li jkunu ġew żvelati lil din l-impriża minn avukat bi ksur tas‑sigriet professjonali.

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-projbizzjoni tar-rappreżentanza doppja u tal-prinċipju ta’ lealtà

    51

    Ir-rikorrenti ssostni li l-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall‑immunità ta’ DP kienu inammissibbli minħabba l-fatt li, billi għen lil DP fit-tħejjija u s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-immunità tagħha, l-uffiċċju legali C. kiser il-projbizzjoni ta’ rappreżentanza doppja u l-prinċipju ta’ lealtà previsti mill-Karta tal-prinċipji essenzjali tal-avukat Ewropew u tal-Kodiċi ta’ etika tal-avukati Ewropej tal-Kunsill ta’ Kmamar tal-Avukati Ewropej.

    52

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li fid-dritt tal-Unjoni ma jeżistux dispożizzjonijiet li jipprevedu li l-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li tuża informazzjoni u provi sottomessi lilha minn impriża f’applikazzjoni għall-immunità, meta l-avukat li assista lil din l‑impriża jkun kiser il-projbizzjoni ta’ rappreżentanza doppja jew l‑obbligu ta’ lealtà fir-rigward tal-ex klijenti tiegħu.

    53

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu osservati mill-Kummissjoni anki matul il-fażijiet preliminari ta’ investigazzjoni u ta’ ksib ta’ informazzjoni (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), għandu jiġi eżaminat jekk il‑Kummissjoni setgħetx, ġustament, tuża l-informazzjoni u l-provi li jinsabu fl-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP.

    54

    F’dan il-kuntest, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni ta’ rappreżentanza doppja u l-obbligu ta’ lealtà invokati mir-rikorrenti huma intiżi mhux biss sabiex jiżguraw l-indipendenza u l-lealtà tal‑avukati, iżda wkoll sabiex jiġi evitat li jitpoġġew f’sitwazzjoni li fiha, minħabba kunflitt bejn l-interessi tal-klijenti differenti tagħhom, jirriskjaw li jaslu sabiex jiksru s-sigriet professjonali.

    55

    Issa, anki li kieku, minn naħa waħda, ir-regoli ta’ etika invokati mir‑rikorrenti għandhom jitqiesu li huma l-espressjoni ta’ prinċipji ġenerali komuni li għandhom jitqiesu fil-kuntest tal‑proċedura quddiem il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li l-aġir tal‑uffiċċju legali C. ma kienx konformi ma’ dawn ir-regoli, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet li hija kellha dritt tuża l-informazzjoni u l-provi li jinsabu fl-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP.

    56

    Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punti 48 u 49 hawn fuq, fiċ‑ċirkustanzi tal-każ, hija kellha dritt tqis li l-informazzjoni u l‑provi li kienu jinsabu fl-imsemmija applikazzjoni kienu ġejjin minn DP u ma kinux għalhekk riżultat ta’ ksur tas-sigriet professjonali mill-uffiċċju legali C. Barra minn hekk, ma jeżistix obbligu, fuq impriża, li tiġi assistita jew irrappreżentata minn avukat fit-tħejjija u s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-immunità. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, anki fl-ipoteżi doppja msemmija fil-punt 55 hawn fuq, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tuża l-informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl‑applikazzjoni għall‑immunità ta’ DP. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li ksur, mill-avukati tal-uffiċċju legali C., ta’ regoli ta’ etika nazzjonali li huma applikabbli għalihom jista’ jiġi ssanzjonat skont id-dritt nazzjonali.

    57

    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-projbizzjoni tar-rappreżentanza doppja u tal-prinċipju ta’ lealtà għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk humiex l‑espressjoni ta’ prinċipji ġenerali komuni fid-dritt tal-Istati Membri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il‑Kummissjoni u jekk l-aġir tal-uffiċċju legali C. kienx konformi ma’ dawn il-prinċipji.

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligi ta’ fiduċja ta’ DP

    58

    Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP kienet inammissibbli minħabba l-fatt li din tal-aħħar kisret l-obbligi ta’ fiduċja tagħha li kienu jirriżultaw mill-pożizzjoni tagħha ta’ president u ta’ segretarja tal-assoċjazzjoni FFI.

    59

    Fl-ewwel lok, sa fejn, b’dan l-ilment, ir-rikorrenti kienet qed tirreferi għad-deċiżjoni stess ta’ DP li tikkoopera mal-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li s-setgħat li l‑Kummissjoni għandha matul il-fażijiet preliminari ta’ investigazzjoni u ta’ ksib ta’ informazzjoni ma humiex għad-dispożizzjoni tal-impriżi. Dan jgħodd iktar u iktar għall-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, fid‑dawl tal-fatt li, b’dan l-Avviż, il-Kummissjoni għandha l-għan li tħajjar lill-impriżi jiżvelaw l-eżistenza ta’ akkordji illegali u jikkooperaw fl-investigazzjoni tagħha, billi jirrapportaw l-aġir ta’ impriżi li jkunu pparteċipaw fihom.

    60

    Fit-tieni lok, sa fejn dan l-ilment jirreferi biss għad-deċiżjoni ta’ DP li tkun assistita speċifikament mill-uffiċċju legali C., għandu wkoll jiġi miċħud. Anki jekk, billi għażlet li tiġi assistita mill-uffiċċju legali C., DP kisret l-obbligi ta’ fiduċja tagħha, fid-dawl tal-interessi involuti f’dan il-każ, dan ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tuża l‑informazzjoni u l-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall‑immunità tagħha (ara l-punt 56 hawn fuq). F’dan il-kuntest, għandu wkoll jitfakkar li, fil-każ fejn l-obbligi ta’ fiduċja invokati mir‑rikorrenti ma għandhomx huma stess jitqiesu bħala pprojbiti jew nulli fid‑dritt skont l-Artikolu 101(2) TFUE, il-ksur tal‑obbligi invokati mir‑rikorrenti jista’, fi kwalunkwe każ, jiġi ssanzjonat skont id-dritt nazzjonali.

    61

    Għalhekk, għandu jiġi miċħud ukoll it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal‑obbligi ta’ fiduċja ta’ DP.

    62

    Għalhekk, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ilment ta’ inammissibbiltà magħmul mill-Kummissjoni.

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta ’ amministrazzjoni tajba

    63

    Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi ma kkunsidratx b’mod adegwat l-argumenti li hija ressqet matul il-proċedura amministrattiva, dwar il-ksur tas‑sigriet professjonali, il-projbizzjoni ta’ rappreżentanza doppja, l‑obbligi ta’ lealtà u l-obbligi ta’ fiduċja.

    64

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    65

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex timponi multa fuq impriżi għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il‑Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha sabiex teżamina l-provi mressqa mill-impriżi, iżda għandha, bħala amministrazzjoni tajba, tikkontribwixxi permezz tal-mezzi tagħha stess sabiex tistabbilixxi l‑fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra, EU:C:1966:41, p. 501).

    66

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni argumenti fir‑rigward ta’ ksur tas-sigriet professjonali. Fil-fatt, kif ġie spjegat fil‑punti 48 u 49 hawn fuq, hija eżaminat il-provenjenza tal‑informazzjoni u tal-provi li kienu jinsabu fl-applikazzjoni għall‑immunità ta’ DP u kkonstatat li dawn kienu għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar, irrispettivament minn ksur, mill-uffiċċju legali C., tas‑sigriet professjonali. Ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument li jista’ juri li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu vvizzjati bi żball.

    67

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument dwar il-ksur tal-projbizzjoni ta’ rappreżentanza doppja, tal-obbligu ta’ lealtà u tal-obbligi ta’ fiduċja ta’ DP, huwa biżżejjed li jitfakkar, b’riferiment għall-punti 51 sa 61 hawn fuq, li, fiċ‑ċirkustanzi ta’ dan il-każ, tali ksur, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma setax jipprekludi lill-Kummissjoni milli tuża l‑informazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li teżamina iktar dawn l‑argumenti.

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha wkoll tiġi miċħuda, u għalhekk, l-ewwel motiv kollu kemm hu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-ksur invokat mir-rikorrenti, li kien jikkonċerna l-akkordju relatat mal‑AMS, setax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-akkordju relatat man-NES.

    2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141

    69

    Dan il-motiv jirrigwarda l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil‑premessi 644 sa 648 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha dritt tibbaża ruħha fuq ir-Regolament Nru 1/2003 sabiex tissanzjona lir‑rikorrenti għall-parteċipazzjoni ta’ Bax Global (UK) fl-akkordju relatat man-NES. Skont il-Kummissjoni, dan l-akkordju ma kienx eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l‑Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), bis-saħħa tal-eżenzjoni għat-trasport prevista fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141. F’dan il-kuntest, hija bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni li l-parteċipanti fl-akkordju relatat man-NES ikkoordinaw l-aġir tagħhom sabiex inaqqsu elementi ta’ inċertezza relatata ma’ diversi elementi ta’ prezz fis-settur ta’ spedizzjoni tal-merkanzija u huma għalhekk il-prezzijiet tas‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija li kienu inklużi fl-imsemmi akkordju u mhux dawk tas-servizzi ta’ trasport. Anki jekk il-burdnara kellhom rabtiet kuntrattwali mal-kumpanniji tal-ajru, dawn ir-rabtiet kienu jikkostitwixxu l-bażi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, iżda mhux għall-provvista ta’ servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija koperti bl‑akkordju relatat man-NES.

    70

    Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni huma żbaljati. Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141, din tal-aħħar ma kinitx kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni li tirrigwarda l-akkordju relatat man-NES.

    71

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1/2003 fil‑verżjoni ta’ wara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 411/2004, tas‑26 ta’ Frar 2004, li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3976/87 u (KE) Nru 1/2003, f’konnessjoni ma’ trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 17), li fuqu l‑Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata, japplika għat-trasport bl-ajru.

    72

    Madankollu, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel ma kien applikabbli r-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-akkordji li jkopru t-trasport tal-ajru bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi kienu eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 17. Fil‑fatt, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141, ir-Regolament Nru 17 ma kienx japplika għall-akkordji fis-settur tat-trasport li kellhom bħala għan jew bħala effett l-iffissar ta’ prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet tat-trasport, il-limitazzjoni jew l-istħarriġ tal-offerta tat-trasport jew it‑tqassim tas-swieq tat-trasport. Huwa veru li, fl-Artikolu 1 tiegħu, ir‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3975/87, tal-14 ta’ Diċembru 1987, li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar‑Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl‑ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 262), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2410/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 430), ippreveda t-tneħħija ta’ din l-eżenzjoni fil-każ ta’ trasport bl‑ajru bejn ajruporti tal-Komunità, iżda mhux fil-każ ta’ trasport bl-ajru bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi.

    73

    Essenzjalment, ir-rikorrenti għalhekk issostni li, il-parteċipazzjoni ta’ Bax Global (UK) fl-akkordju relatat man-NES li kien seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, kienet eżentata mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141. Skont ir‑rikorrenti, is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija u s-servizzi ta’ depożitu NES jagħmlu parti mill-proċess ta’ trasport u għalhekk jikkostitwixxu servizzi ta’ trasport fis-sens tal-imsemmi artikolu. Fi kwalunkwe każ, is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija kollha kemm huma u, b’mod iktar speċifiku, dawk li jirrigwardaw in-NES, kienu jikkonċernaw b’mod dirett it-trasport bl-ajru. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tissanzjonaha bis-saħħa tar-Regolament Nru 1/2003.

    74

    Qabel xejn għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141, qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tagħha dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l‑akkordju relatat man-NES ma kienx ikopri s‑servizzi ta’ trasport, iżda s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141

    75

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 huwa intiż sabiex jeskludi qasam ta’ attivitajiet fi ħdan is-settur tat-trasport, jiġifieri l-attivitajiet kollha li jagħmlu parti mill-proċess ta’ trasport, peress li l-kunċett tas-settur industrijali jista’ jkun ikbar minn dak tas‑suq inkwistjoni. Waqt l-evalwazzjoni tal-attivitajiet eżentati bis‑saħħa ta’ dan l-artikolu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n‑natura tal-attività ekonomika tal-impriżi. F’dan il-kuntest, l-ebda distinzjoni ma tista’ ssir fir-rigward tal-livelli differenti ta’ attività ta’ impriża. B’hekk, fil-każ ta’ Bax Global (UK), il-Kummissjoni ma kellhiex tiddistingwi bejn il-ksib ta’ żona ta’ tagħbija għat-trasportaturi, minn naħa waħda, u l-offerta ta’ din iż-żona lil min jgħabbi, min-naħa l‑oħra. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti targumenta li l-Artikolu 1 tar‑Regolament Nru 141 għandu jiġi applikat għal servizzi marbuta mat‑trasport, minħabba l-fatt li dan l-artikolu jirreferi għall-“kundizzjonijiet ta’ trasport” u li l-preambolu tal-imsemmi regolament jirreferi għal ftehimiet, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki miftiehma li jirrigwardaw b’mod dirett il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport.

    76

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    77

    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141, l-aġir ta’ impriża għandu jkollu l-għan jew l-effett li jillimita l-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport. Skont it-tielet premessa tal-imsemmi regolamenti, huwa biss l-aġir li jirrigwarda b’mod dirett is-servizzi ta’ trasport li għandu jiġi eżentat bl‑imsemmi artikolu.

    78

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l‑aġir ta’ impriża li ma jirrigwardax it-trasport bl-ajru fih innifsu, iżda suq li jinsab qabel jew wara dan, ma għandux jitqies li jikkonċerna b’mod dirett il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport u għalhekk ma huwiex eżentat bl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il‑Kummissjoni, T‑219/99, Ġabra, EU:T:2003:343, punti 171172).

    79

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 kif proposta mir-rikorrenti ma għandhiex tintlaqa’.

    80

    Fil-fatt, il-qari tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141, li din id‑dispożizzjoni ma hijiex limitata sabiex teżenta akkordji li jirrigwardaw is-servizzi tat-trasport tal-ajru, iżda teżenta numru ta’ attivitajiet fi ħdan is‑settur tat-trasport tal-ajru, ma huwiex konformi la mal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, u lanqas mat-tielet premessa tal‑imsemmi regolament, jew mal-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija, li minnhom jirriżulta li l‑akkordju għandu jirrigwarda b’mod dirett il‑provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru.

    81

    Imbagħad, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, l‑Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 ma jeżentax l-attivitajiet kollha ta’ impriża minħabba s-sempliċi raġuni li parti mill-attivitajiet tagħha jirrigwardaw is-servizzi ta’ trasport bl-ajru. Għalhekk, anki jekk impriża titlob servizzi ta’ trasport f’suq qabel, l-attivitajiet tagħha f’suq wara, li ma jirrigwardawx b’mod dirett is-servizzi ta’ trasport, ma humiex eżentati bis-saħħa tal-imsemmi artikolu.

    82

    Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni tar-rikorrenti, li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 jeżenta s-servizzi kollha li għandhom rabta diretta mas-servizzi ta’ trasport. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi li jidhru fil-punt 80 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni hija limitata sabiex teżenta l-akkordji li jikkonċernaw b’mod dirett is‑servizzi ta’ trasport, iżda ma jeżentawx l-akkordji li jikkonċernaw is‑servizzi li għandhom rabta diretta mas-servizzi ta’ trasport.

    83

    Fuq kollox, sa fejn, insostenn tal-qari tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 li hija tipproponi, ir-rikorrenti targumenta li jirreferi għall‑“kundizzjonijiet tat-trasport”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-kliem huwa limitat sabiex jikkjarifika li ma humiex biss l‑akkordji li jirrigwardaw il-prezzijiet tas-servizzi li huma eżentati, iżda wkoll dawk li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE. Madankollu, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott minnu li s-servizzi li ma humiex servizzi ta’ trasport, iżda li għandhom rabta diretta magħhom huma wkoll eżentati skont ir-Regolament Nru 17.

    Fuq is-servizzi koperti bl-akkordju relatat man-NES

    84

    Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l‑akkordju relatat man-NES kien ikopri s-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija bħala lott ta’ servizzi.

    85

    F’dan ir-rigward, b’mod partikolari fil-premessi 3 sa 6, 64 sa 66, 614, 867 sa 872, u 877 sa 879 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, minn perspettiva ekonomika, il-burdnara kienu qed jittrasformaw is-servizzi ta’ trasport u riżorsi oħra fis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, li kienu jissodisfaw domanda speċifika tal‑klijenti tagħhom. Din id-domanda ma tiġix issodisfatta permezz tas‑servizzi individwali li minnhom huma kkostitwiti s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija. Il-burdnara joffru lott ta’ servizzi lill-klijenti tagħhom li jippermettilhom jibagħtu merkanzija b’mod faċli mingħajr ma jkollhom jidħlu fid-dettalji tal-organizzazzjoni tat-trasport. Dawn is‑servizzi jinkludu s-servizzi ta’ trasport bl-ajru, iżda jistgħu jinkludu wkoll servizzi ta’ magażinaġġ, ta’ manutenzjoni ta’ merkanzija, ta’ loġistika jew ta’ trasport fuq l-art u ta’ proċessi ta’ dwana u fiskali. Fil‑każ li l-ispedituri jkunu obbligati li jakkwistaw huma stess is‑servizzi individwali neċessarji sabiex jiżguraw li l-merkanzija tasal qawwija u sħiħa, minn naħa waħda, huma jkollhom l-obbligu li jikkoordinaw it-tranżazzjonijiet differenti u jġorru r-riskju tagħhom, u, min-naħa l-oħra, ma jistgħux japprofittaw mill-ekonomiji ta’ skala li l‑burdnara kapaċi jippretendu bil-konsolidazzjoni tal-merkanzija tal‑klijenti differenti tagħhom. Għall-kuntrarju, il-burdnara jħallsu minn qabel jew jixtru s-servizzi ta’ terzi li jkunu neċessarji sabiex jipprovdu servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bl-ingrossa u bil-quddiem u jkunu f’pożizzjoni, billi jikkonsolidaw il‑merkanziji tal-klijenti tagħhom bl-aħjar mod skont il-piż u daqs, li jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala u jużaw b’mod iktar effiċjenti dawn il-kapaċitajiet b’mod li ma setax jagħmlu wieħed mill-klijenti tagħhom li kieku pprova jixtri b’mod dirett servizzi ta’ trasport bl-ajru jew servizzi relatati mingħand trasportatur tal-ajru, mingħand kumpannija ta’ assistenza fil-port jew ta’ magażinaġġ. Għall-klijenti tal-burdnara, is-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija għandhom għalhekk valur ogħla minn dak tar-riżorsi tagħhom ikkunsidrati b’mod individwali.

    86

    Barra minn hekk, b’mod partikolari fil-premessi 129 u 130, 572, 645, 868, 869 u 872 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, anki jekk, permezz tal-akkordju relatat man-NES, il-burdnara ftiehmu biss dwar il-sovrataxxa NES, dan l-akkordju jkopri s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija. L-ewwel nett, f’dan il-kuntest, hija bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li s-sovrataxxa NES kienet tagħmel parti mill-prezz totali li l-klijenti kellhom iħallsu għall-provvista tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija. It-tieni nett, hija rrilevat li l-burdnara li pparteċipaw fl-akkordju relatat man-NES ma kinux sempliċement fornituri ta’ servizzi ta’ depożitu NES, ma kinux qiesu t-terzi persuni mhux burdnara li joffru servizzi individwali ta’ depożitu NES bħala kompetituri reali jew potenzjali u ma ppruvawx jinvolvu tali fornituri fl‑akkordju relatat man-NES. It-tielet nett, hija sostniet li mill-provi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ burdnar li ma jgħaddix elementi ta’ riskju u ta’ spejjeż fuq il-klijenti tiegħu fil‑forma ta’ sovrataxxa setgħet tagħtih vantaġġ kompetittiv fis-suq tas‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bħala lott ta’ servizzi. Is-suq tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija kien ikkaratterizzat minn marġni żgħar, u żieda żgħira fil-prezz jew l-impożizzjoni jew le ta’ sovrataxxa seta’ jkollha rwol deċiżiv għall-burdnara għat-telf jew le tal‑klijenti tagħhom, iż-żamma jew le tal-bażi ta’ klijenti tagħhom jew il-kisba jew le ta’ opportunitajiet kummerċjali ġodda għad-detriment tal-kompetituri tagħhom.

    87

    Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati.

    88

    Fl-ewwel lok, hija targumenta li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li s-servizzi ta’ trasport kienu inklużi fis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija u li, mill-perspettiva tal-klijenti tal-burdnara, is-servizzi ta’ trasport kienu importanti ħafna, peress li l-organizzazzjoni tat‑trasport fih innifsu, mingħajr it-trasport stess, ma kienx jissodisfa d‑domanda tagħhom. L-obbligu kuntrattwali tal-burdnara ta’ merkanzija lejn il-klijenti tagħhom imur lil hinn mis-sempliċi organizzazzjoni ta’ trasport ta’ merkanzija mis-sors sad-destinazzjoni. Mill-perspettiva tagħhom, il-prodott jew is-servizz inkwistjoni huwa spazju ta’ tgħabbija, kemm jekk jiġi propost minn trasportatur jew minn burdnar.

    89

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    90

    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    91

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ma kkontestatx li, mill-perspettiva tal-klijenti tal‑burdnara, is-servizzi ta’ trasport jikkostitwixxu element sinjifikattiv tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija. Hija llimitat ruħha li tikkonstata li, anki jekk is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija jinkludu s-servizzi ta’ trasport, dawn għandhom jiġu distinti minnhom. Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li, mill-perspettiva tal‑klijenti tal-burdnara, is-servizzi li joffru l-burdnara huma spazji ta’ tgħabbija, għandu jiġi kkonstatat li din hija sempliċement assunzjoni u li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument sabiex turi li l-premessi tal‑Kummissjoni msemmija fil-punt 85 hawn fuq, li għandu jkun hemm distinzjoni bejn is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija u s-servizzi ta’ trasport, huma vvizzjati bi żbalji.

    92

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, minn naħa waħda, il-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija spiss kriet ajruplani sħaħ, li kien jippermettilha tistabbilixxi d-destinazzjoni u l-ħin tas‑servizzi tat-trasport, u li hija kienet iġġorr ir-riskju ekonomiku marbut mal-użu tal-kapaċità tat-tgħabbija disponibbli. Min-naħa l-oħra, il-burdnara ħafna drabi jwettqu s-servizzi ta’ trasport huma stess, jew parzjalment jew kollha kemm huma. B’hekk, anki jekk xi trasport kien ikun immarkat bħala “Trasport bl-ajru”, għal distanzi żgħar, ħafna drabi hija kienet twettaq tali trasport bl-art permezz ta’ kontejners li kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

    93

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    94

    Dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.

    95

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt imsemmi mir-rikorrenti, li hija tikri ajruplani sħaħ u ġġorr ir-riskju ekonomiku marbut mal-użu tat-tgħabbija disponibbli, ma jippermettix li jitqies li l-attività kollha tagħha tinkludi servizzi ta’ trasport. Ċertament, sa fejn il-burdnara jakkwistaw servizzi ta’ trasport bl-ajru mingħand trasportaturi, l-attività tagħhom tinkludi s-suq tat-trasport bl‑ajru. Madankollu, kif spjegat fil-punt 81 hawn fuq, ma huwiex biżżejjed li r-rikorrenti titlob servizzi fis-suq tas-servizzi ta’ trasport bl‑ajru sabiex l-attività kollha tagħha tkun eżenti bis-saħħa tal‑Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141. Issa, skont il-konstatazzjonijiet tal‑Kummissjoni spjegati fil-punti 85 u 86 hawn fuq, l-akkordju relatat man-NES ma kienx ikopri s-suq tas-servizzi ta’ trasport, iżda s-suq tas‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, li fih il-burdnara joffru servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija lill-klijenti tagħhom u li jinsab wara s-suq tas-servizzi ta’ trasport. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata li l-maġġoranza tal-burdnara ma jwettqux huma stess trasport bl-ajru.

    96

    Barra minn hekk, il-fatt li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, ir-rikorrenti twettaq hija stess uħud mis‑servizzi tat-trasport bl-art jew dawn is-servizzi kollha kemm huma ma jbiddel xejn mill-fatt li s‑servizzi koperti bl-akkordju relatat man-NES ma kinux servizzi ta’ trasport, iżda servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija bħala lott ta’ servizzi.

    97

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li l-kumpanniji tal-ajru jinnegozjaw direttament kuntratti ta’ trasport bl-ajru ma’ klijenti kbar u li t-trasportaturi jistgħu huma stess jikru arjuplani mingħand fornituri. Għalhekk, il-burdnara huma fir-realtà f’kompetizzjoni diretta mal‑kumpanniji tal-ajru.

    98

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    99

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti ma jistgħux jikkontestaw il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija għandhom jiġu distinti mis‑servizzi ta’ trasport, peress li, bħala lott ta’ servizzi, huma jissodisfaw domanda speċifika ta’ klijenti li mill-perspettiva tagħhom, ekonomikament is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija ma humiex sostitwibbli bis-servizzi individwali li minnhom huma komposti. Fil-fatt, il-fatt li ċerti klijenti kbar ta’ trasportaturi jinnegozjaw direttament kuntratti ta’ trasport bl‑ajru mat-trasportaturi ma jistax juri li, għall-maġġoranza tal‑klijenti tal-burdnara, għar-raġunijiet imsemmija fil‑punt 85 hawn fuq, ekonomikament, is-servizzi individwali li minnhom huma komposti s‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija huma sostitwibbli bis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

    100

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax kif il-fatt li t-trasportaturi jikru ajruplani sabiex jużawhom sabiex jipprovdu servizzi ta’ trasport bl‑ajru jista’ jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li s-servizzi koperti bl-akkordju relatat man-NES kienu s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija li għandhom jiġu distinti mis-servizzi ta’ trasport.

    101

    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    102

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-merkanziji ma jistgħux jiġu ttrasportati mingħajr id‑dikjarazzjoni NES. Hija applikat kriterju żbaljat sabiex tistabbilixxi jekk kinitx teżisti rabta diretta bejn is-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija (kollha kemm huma jew biss dawk li jikkonċernaw in‑NES), minn, u t-trasport bl-ajru, min-naħa l-oħra. Peress li d-dikjarazzjoni NES kienet kundizzjoni minn qabel għal attività ta’ trasport, l-assenza ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti NES tikkomprometti l-eżistenza tat-trasport bl-ajru li jitlaq mir-Renju Unit. Rabta mat-trasport bl-ajru teżisti wkoll għal dawk li huma servizzi ta’ spedizzjoni ta’ merkanzija kollha kemm huma.

    103

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    104

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 647 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-osservanza tal-proċedura NES kienet tikkostitwixxi rekwiżit legali għat-trasport li jitlaq mir-Renju Unit u li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-proċedura setgħet tikkontesta t-trasport bl-ajru tal-merkanzija. Il‑Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat l-importanza tas-servizzi ta’ depożitu NES għas-servizzi ta’ trasport.

    105

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa mir‑rikorrenti, ibbażati fuq rabta bejn il-proċedura NES u s-servizzi ta’ trasport u rabta bejn is-servizzi ta’ trasport u s-servizzi ta’ spedizzjoni ta’ merkanzija ma jistgħux jikkontestaw il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal‑Kummissjoni. Fil-fatt, l-akkordju dwar in-NES li jkopri s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 jeżenta biss l-akkordji li jkopru direttament is‑servizzi ta’ trasport (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), iżda mhux dawk li jkopru servizzi ta’ trasport. Għaldaqstant, ir-rabtiet bejn il-proċedura NES u s-servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn mir-Renju Unit u r-rabtiet bejn is-servizzi ta’ trasport ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li biha l-akkordju relatat man-NES ma kienx eżentat.

    106

    Dan l-ilment għalhekk għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi evalwat jekk il-kunsiderazzjonijiet addizzjonali tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 647 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn naħa waħda, l-assenza ta’ servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija jew in‑nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-proċedura NES ma jikkompromettux l‑eżistenza tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru bħala tali u, min-naħa l-oħra, is-servizz relatat man-NES jista’ jiġi pprovdut minn fornituri oħra minbarra l-kumpanniji tal-ajru jew il-burdnara, humiex rilevanti.

    107

    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti targumenta li r-regoli tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) japplikaw mhux biss għar‑relazzjonijiet bejn it-trasportaturi u l-burdnara, iżda wkoll bejn il-burdnara u l-klijenti tagħhom.

    108

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    109

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-IATA ma jistax jikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li kien hemm domanda speċifika għal servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bħala lott ta’ servizzi li, għar-raġunijiet imsemmija fil‑punt 85 hawn fuq, ekonomikament, is-servizzi individwali li minnhom huma komposti ma jistgħux jiġu ssostitwiti.

    110

    Għaldaqstant, l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ juri li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat jew applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141.

    111

    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta ’ effett sinjifikattiv fuq il‑kummerċ bejn l-Istati Membri

    112

    Dan il-motiv jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-punt 5.2.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju relatat man-NES seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv it-tendenzi ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri.

    113

    Ir-rikorrenti tikkunsidra li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE u mal-Artikoli 4 u 7 tar‑Regolament Nru 1/2003 u li l-Kummissjoni ma osservatx la l‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas il-Linji gwida tal-2004.

    114

    L-argumenti li r-rikorrenti tressaq fil-kuntest ta’ dan il-motiv jistgħu jinqasmu f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-akkordju relatat man-NES ma kienx jinkludi s-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija, iżda biss is-servizzi ta’ depożitu NES. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li l-imsemmi akkordju kien jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri, kien żbaljat, peress li l-effetti ta’ dan l-akkordju kienu limitati għar-Renju Unit, jiġifieri għal ċerti partijiet ta’ dan l-Istat Membru.

    Fuq l-ewwel parti, dwar is-servizzi koperti bl-akkordju relatat man-NES

    115

    Ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil‑premessa 614 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju relatat man-NES kien ikopri s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija. Hija tqis li din il-kunsiderazzjoni hija żbaljata. L-akkordju relatat man-NES kien ikopri biss is-servizzi ta’ depożitu NES. Il‑burdnara ftiehmu biss fir-rigward tal-ammonti tas-sovrataxxa NES u l‑provvista tas-servizzi ta’ depożitu NES hija indipendenti minn kull kuntest ta’ spedizzjoni tal-merkanzija. Din hija attività distinta li tikkonċerna leġiżlazzjoni partikolari fir-Renju Unit u għalhekk ta’ suq ta’ servizzi distint għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    116

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni ma ressqitx biżżejjed provi sabiex turi li l-akkordju relatat man-NES kien jaffettwa s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija kollha kemm huma. Hija llimitat ruħha sabiex tirrileva li s-sovrataxxa NES kienet inkluża fil‑prezz totali mħallas mill-klijenti għall-provvista ta’ servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija. Issa, jeżistu terzi indipendenti li ma humiex burdnara li joffru servizzi ta’ depożitu NES. Kuntrarjament għall‑konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-fatt li dawn it-terzi ma kinux imsemmija fid-diskussjonijiet bejn il-burdnara ma huwiex rilevanti.

    117

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    118

    Dan l-ilment għandu għalhekk jiġi miċħud.

    119

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha sabiex tirrileva li s-sovrataxxa NES kienet inkluża fil-prezz totali mħallas mill‑klijenti għall-provvista ta’ servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

    120

    Fil-fatt, minn naħa waħda, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li fuqhom hija bbażat il-konklużjoni tagħha li s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bħala lott ta’ servizzi kienu jikkostitwixxu suq li għandu jiġi distint mis-swieq għas-servizzi individwali li minnhom huma kienu kkostitwiti, diġà ġew esposti fil-punt 85 iktar ’il fuq.

    121

    Minn naħa l-oħra, kif diġà ġie spjegat fil-punt 86 iktar ’il fuq, il‑konklużjoni tal-Kummissjoni, li l-akkordju relatat man-NES kien jinkludi s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, ma kienx ibbażat biss fuq il-kunsiderazzjoni li s-sovrataxxa NES kienet tagħmel parti mill‑prezz totali li l-klijenti kellhom iħallsu għall-provvista tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni kkonstatat, l‑ewwel nett, l-impriżi kollha li pparteċipaw fl-akkordju relatat man‑NES kienu burdnara u ħadd minnhom ma kien sempliċement fornitur ta’ servizzi ta’ depożitu NES, it-tieni nett, dawn l-impriżi ma kinux ikkunsidraw tali fornituri bħala kompetituri reali jew potenzjali, it-tielet nett, ma fittxewx li jinvolvuhom fl-akkordju relatat man-NES u, ir-raba’ nett, id-deċiżjoni ta’ burdnar li ma jgħaddix elementi ta’ riskju u ta’ spejjeż fuq il-klijenti tiegħu fil-forma ta’ sovrataxxa setgħet tagħtih vantaġġ kompetittiv fis-suq tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija.

    122

    Għalhekk, l-akkordju relatat man-NES ma kienx intiż sabiex jillimita l‑kompetizzjoni li tirrigwarda s-servizzi ta’ depożitu NES bħala servizzi individwali, iżda dik li tirrigwarda s-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija bħala lott ta’ servizzi.

    123

    Barra minn hekk, ċertament, il-fatt li terzi li ma humiex burdnara joffru servizzi ta’ depożitu NES u l-fatt allegat mir-rikorrenti, li sa 40, jiġifieri 50 %, tad-dikjarazzjonijiet tad-dwana fl-Ewropa huma sottomessi direttament mill-ispeditur jew permezz ta’ aġenziji ta’ dwana, jekk huwa preżunt li dan huwa l-każ, jistgħu juru li teżisti domanda għal servizzi ta’ depożitu NES individwali. Madankollu, ma jistgħux juru li l-akkordju inkwistjoni kien ikopri dawn is-servizzi individwali.

    124

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija inkoerenti. Minn naħa waħda, fil-premessa 441 tad‑deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-ksur, il‑Kummissjoni għamlet biss riferiment għall-aġir direttament marbut mas-sovrataxxa NES u ma ressqet l-ebda prova li turi li l-akkordju relatat man-NES kien relatat ma’ suġġetti oħra, pereżempju mal‑prezzijiet tat-trasport u ma’ servizzi oħra anċillari. Min-naħa l-oħra, fil‑premessa 872 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni allegat li l‑akkordju relatat man-NES ma kienx ikopri s-suq tas-servizzi ta’ preżentazzjoni NES, iżda s-servizzi ta’ spedizzjoni ta’ merkanzija.

    125

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    126

    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    127

    Kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, dawn il‑kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex kontradittorji. Fil‑fatt, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mqassra fil-punti 85 u 86 hawn fuq, anki jekk l-akkordju relatat man-NES kien jirrigwarda biss is-sovrataxxa NES, huwa kien intiż sabiex jillimita l-kompetizzjoni bejn il-burdnara fir-rigward tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

    128

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li r-raġuni li għaliha l-burdnara jindikaw servizzi anċillari bħal servizzi ta’ depożitu NES meta mqabbla mas‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija fuq il-fatturi tagħhom hija ta’ natura purament amministrattiva, fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess. Dan jippermetti li dawn is-servizzi jiġu ffatturati f’fattura waħda.

    129

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    130

    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

    131

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li l-burdnara ffatturaw is‑servizzi ta’ depożitu NES lill-klijenti tagħhom ma jikkontestax b’xi mod il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li teżisti domanda speċifika għas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bħala lott ta’ servizzi, għaliex dawn jippermettu li jiġu ffrankati l-ħin u l-flus. Għall-kuntrarju, l-argument tar-rikorrenti li dan jippermetti li tintbagħat fattura waħda lill-klijenti tagħhom jikkorrobora dawn il-kunsiderazzjonijiet.

    132

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, fil-premessa 868 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kkonstatat biss il-fatt li l-burdnara jiffatturaw is-servizzi ta’ depożitu NES lill-klijenti tagħhom kienet ta’ natura purament amministrattiva u ma kellhiex importanza. Hija kkonstatat biss li l-fatt li, fuq il-fatturi tagħhom, il-burdnara kienu jsemmu s-sovrataxxa NES b’mod separat, minflok jinkluduha fil-prezz finali tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, kien jikkostitwixxi aspett purament formali, mingħajr importanza ekonomika jew ġuridika.

    133

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti targumenta li mill-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-akkordju relatat man-NES kien ikopri l‑provvista tas-servizzi ta’ depożitu NES.

    134

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    135

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-kliem ta’ dan il-paragrafu joħroġ b’mod ċar li l-akkordju relatat man-NES kien ikopri s-“settur tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bl-ajru”.

    136

    Għalhekk, l-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ juri li l‑kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, li l-akkordju relatat man-NES kien intiż sabiex jillimita l-kompetizzjoni f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, hija vvizzjata bi żbalji.

    137

    Għaldaqstant din il-parti għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti, dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

    138

    Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l‑akkordju relatat man-NES jista’ jolqot it-tendenzi tal-kummerċ bejn l‑Istati Membri b’mod sinjifikattiv.

    139

    Fil-punt 5.2.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 590 sa 599 u 602 sa 615, il-Kummissjoni rrilevat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri seta’ intlaqat permezz tal-akkordju relatat man-NES, minn naħa waħda, direttament, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija u, min-naħa l-oħra, indirettament, fir-rigward tal‑merkanzija spedita.

    140

    Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma vvizzjati bi żbalji. La l-effetti li l-akkordju relatat man-NES seta’ kellu fuq is‑servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija, u lanqas dawk li dan seta’ kellu fuq it-trasport tal-merkanzija ma kienu jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq argumenti ġeneriċi, ma pproduċietx biżżejjed provi, ma osservatx il-Linji gwida tal-2004 u ma wettqitx investigazzjoni adegwata.

    141

    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53 ŻEE jirreferu biss għall-ftehimiet li jistgħu jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza, sabiex ikun jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ftehim għandu, abbażi ta’ numru ta’ elementi oġġettivi ta’ dritt u ta’ fatt, jippermetti li jiġi previst, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra, EU:C:2006:461, punt 42).

    142

    Għandu wkoll jitfakkar li ftehim ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE meta jkollu effett fuq is-suq b’mod insinjifikattiv biss (ara s‑sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra, EU:C:1999:12, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    143

    In-natura transkonfinali tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija ma hijiex marbuta mal-kwistjoni tan-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il‑kummerċ bejn Stati Membri. Fil-fatt, kieku t-tranżazzjonijiet transkonfinali kollha kienu awtomatikament jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri, il-kunċett ta’ natura sinjifikattiva, li huwa kundizzjoni għall-applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE stabbilita mill-ġurisprudenza, kien jispiċċa mingħajr valur (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, T‑199/08, Ġabra, EU:T:2011:285, punti 5253).

    144

    Fid-dawl tal-fatt li l-kunċett ta’ kummerċ fis-sens tal‑Artikolu 101 TFUE ma huwiex limitat għall-kummerċ transkonfinali tradizzjonali tal-prodotti, iżda jinkludi wkoll dawk tas-servizzi, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-effetti tal-akkordju relatat man-NES fuq il-kummerċ li jirrigwarda s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, qabel ma jiġu eżaminati dawk intiżi sabiex jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tagħha bbażati fuq l-effetti tal-imsemmi akkordju fuq il-moviment tal‑merkanzija. Sussegwentement, hemm lok li jintuża l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-punt 77 tal-Linji gwida tal-2004.

    Fuq l-effett fuq il-kummerċ li jirrigwarda s-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija

    145

    Ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-akkordju relatat man-NES seta’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq is-suq tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

    146

    Fil-premessi 598, 607, 608, 610, 613 u 614 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni spjegat li, minkejja l-fatt li l-akkordju relatat man-NES kien jittratta biss il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, huwa seta’ jkollu effett fuq il‑kummerċ bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari, fir-rigward tas‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija. Minn naħa waħda, is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija koperti bl-akkordju relatat man-NES jintalbu mhux biss minn klijenti li jinsabu fir-Renju Unit, iżda wkoll minn klijenti stabbiliti barra mir-Renju Unit, f’pajjiżi oħra taż-ŻEE jew minn uffiċċji lokali tagħhom. Minn naħa l-oħra, is-settur tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija huwa kkaratterizzat minn kummerċ sostanzjali bejn l-Istati Membri, kemm bejn il-pajjiżi tal-Unjoni kif ukoll bejn dawk tal-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Kummerċ Liberu (EFTA). Il-burdnara jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni fl-Istati kollha, jew kważi kollha, li jaqgħu fiż-ŻEE u l-klijenti tagħhom huma stabbiliti fiż‑ŻEE. Huwa evidenti li l-aġir ta’ impriżi globali fuq is-suq Ingliż seta’ kellu riperkussjonijiet fuq l-istruttura kompetittiva tas-suq intern, peress li l-bidla fil-marġni tagħhom fir-Renju Unit setgħet taffettwa l‑prassi kummerċjali tagħhom fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-effetti tal-akkordju relatat man-NES fuq is‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija kienu sinjifikattivi, peress li r‑rekwiżiti tal-preżunzjoni prevista fil-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004 kienu ġew issodisfatti. L-ewwel nett, l-akkordju relatat man-NES kien, min‑natura tiegħu stess, akkordju li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ dan il-punt. It-tieni nett, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-partijiet mis-servizzi kkonċernati fl-akkordju relatat man‑NES kien jeċċedi l-EUR 40 miljun u s-sehem tagħhom tas-suq kien ogħla mil-limitu ta’ 5 %.

    147

    Ir-rikorrenti tikkunsidra li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati. Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu purament ta’ natura spekulattiva. Kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, l‑akkordju relatat man-NES ma kienx jikkonċerna l-kummerċ f’diversi Stati Membri u l-għan prinċipali tiegħu ma kienx li jirregola l‑kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE. Kull effett tas-sovrataxxa NES kien limitat għar-Renju Unit, jiġifieri għal ċerti partijiet tagħha biss.

    148

    B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta, l-ewwel nett, il‑kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-effetti fuq il-klijenti ta’ burdnara u fuq l-aġir tal-burdnara fi Stati Membri oħra u, it-tieni nett, il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar in-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ.

    – Fuq l-effetti fuq il-klijenti tal-burdnara u fuq l‑aġir tal-burdnara fi Stati Membri oħra

    149

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li l-kunsiderazzjoni tal‑Kummissjoni li tinsab fil-premessa 610 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bidla fil-marġni tal-burdnara fir-Renju Unit seta’ jkollha riperkussjonijiet fuq l-aġir tagħhom fi Stati Membri oħra, hija ta’ natura purament spekulattiva. Il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova li tista’ turi li s-sovrataxxa NES, li fir-realtà, hija applikabbli biss għall‑merkanzija fir-Renju Unit, seta’ jkollha xi effett fuq l-attivitajiet tal-impriżi li joperaw fi Stati Membri oħra, speċjalment jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza kummerċjali żgħira tagħha. Fiċ‑ċirkustanzi tal-każ, il-fatt li l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu membri ta’ gruppi ta’ nazzjonalitajiet differenti ma huwiex rilevanti.

    150

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    151

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) TFUE japplika biss għal ftehimiet li jista’ jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li turi l-effetti reali ta’ ftehim, u jkun biżżejjed jekk tistabbilixxi li dawn il-ftehim huma ta’ natura li jista’ jkollhom tali effett. Hija tista’ għalhekk tillimita ruħha sabiex turi li jeżisti grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li l-ftehim seta’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it‑tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra, EU:C:1997:375, punt 20).

    152

    Issa, il-Kummissjoni ma kkomettietx żball meta kkunsidrat li, fiċ‑ċirkustanzi tal-każ, kien suffiċjentement probabbli li l-akkordju relatat man-NES seta’ jeżerċita influwenza fuq l-aġir tal-burdnara fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju Unit.

    153

    Fil-fatt, f’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, l-akkordju relatat man-NES kien ikopri s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija (ara l-punti 115 sa 136 iktar ’il fuq).

    154

    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, skont il-konstatazzjonijiet tal‑Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, il-burdnara li pparteċipaw fl-akkordju relatat man-NES joffru s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija tagħhom ukoll fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju Unit u jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni f’dawn l-Istati Membri għal dawn is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

    155

    It-tielet nett, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li, fin‑nuqqas tal-akkordju relatat man-NES, il-kompetizzjoni bejn il‑burdnara li tikkonċerna l-ispejjeż li jirriżultaw min-NES seta’ jkollha effett fuq il-marġni tal-burdnara fir-Renju Unit u setgħet twassal għal ksib jew telf ta’ ishma tas-suq f’dan il-pajjiż. Ċertament, f’dan il‑kuntest, ir-rikorrenti targumenta li s-sovrataxxa NES kellha importanza kummerċjali żgħira. Madankollu, dan l-argument ma jistax jikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-fatt li s‑suq tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija huwa kkaratterizzat minn marġni żgħar, l-importanza kummerċjali tas‑sovrataxxa NES ma setgħetx titqies li hija insinjifikattiva. Fil-fatt, din il‑kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni hija kkorroborata, minn naħa waħda, mill-konstatazzjoni tagħha li tinsab fil-premessa 907 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-klijenti tal-burdnara opponew il-pagament tas-sovrataxxa NES, u, min-naħa l-oħra, bil-provi msemmija fil‑premessa 869 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għal biżgħat ta’ ċerti burdnara li pparteċipaw fl-akkordju relatat man-NES li kompetizzjoni li tikkonċerna l-ispejjeż li jirriżultaw min-NES setgħu jibdlu l-marġni u jwasslu għal ksib jew telf ta’ ishma tas-suq. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jista’ jikkontesta dawn il-konstatazzjonijiet.

    156

    Ir-raba’ nett, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jidher suffiċjentement probabbli li l-akkordju relatat man-NES kien ta’ natura li jkollu riperkussjonijiet fuq l-aġir tal-burdnara fi Stati Membri oħra, li fihom kienu wkoll f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni, u li jibdel l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni f’dan ir-rigward.

    157

    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq ir‑riperkussjonijiet tal-akkordju relatat man-NES fuq l-aġir tal-burdnara fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju Unit.

    158

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li l-konstatazzjoni tal‑Kummissjoni li tinsab fil-premessa 607 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi koperti bl-akkordju relatat man-NES ma kinux jintalbu biss minn klijenti li jinsabu fir-Renju Unit, iżda wkoll minn impriżi li jinsabu fi Stati Membri oħra taż-ŻEE, hija vvizzjata bi żbalji. Il‑kummerċ transkonfinali mas-servizzi ta’ depożitu NES ma huwiex iffaċilitat, peress li dawn is-servizzi għandhom biss interess fir-Renju Unit u ma joħolqu ebda domanda minn barra dan il-pajjiż. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma pproduċietx provi suffiċjenti fuq dan is-suġġett.

    159

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, l-akkordju relatat man-NES ma kienx ikopri s‑servizzi ta’ depożitu NES, iżda s-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija (ara l-punti 115 sa 136 iktar ’il fuq).

    160

    Barra minn hekk, fir-rigward tad-dubji tar-rikorrenti li jikkonċernaw il‑konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li klijenti stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju Unit kienu jitolbu servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija li setgħu jiġu affettwati mill-akkordju relatat man-NES, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha sabiex turi li jeżisti grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara l-punt 151 hawn fuq).

    161

    Issa, kif ir-rikorrenti rrilevat hi stess, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dikjarazzjoni ta’ [kunfidenzjali], li [kunfidenzjali].

    162

    Kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il-kredibbiltà ta’ din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-allegazzjoni tagħha li, fil‑maġġoranza tal-każijiet li fihom il-merkanzija li tinsab fi Stat Membru ieħor kienet tgħaddi mir-Renju Unit, is-servizzi ta’ depożitu NES ma kinux neċessarji. Fil-fatt, anki jekk din l-allegazzjoni hija vera, għandu jiġi kkonstatat li ma tkoprix l-eżempju li fih klijent li jinsab fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju Unit jitlob servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija li jikkonċernaw merkanzija li diġà tinsab fir-Renju Unit.

    163

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda argument imressaq mir‑rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-kunsiderazzjoni tal‑Kummissjoni bbażata fuq l-effetti li akkordju relatat man-NES fuq is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija mitluba minn klijenti li jinsabu fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju Unit.

    164

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li n-natura u l-portata tal-akkordju relatat man-NES juru li huwa kien limitat għar-Renju Unit u ma kellux l-għan li jipproduċi effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. L‑akkordju relatat man-NES kien jinvolvi l-persunal tal-ġarr tal‑merkanzija bl-ajru ta’ diversi impriżi bbażati fir-reġjun tal-ajruport ta’ London Heathrow. Il-Kummissjoni ma wrietx li l-persuni kkonċernati kellhom setgħat neċessarji sabiex jorbtu l-organizzazzjonijiet tar-Renju Unit tagħhom kollha kemm huma. Il-membru tal-Bax Global (UK) li pparteċipa f’dan l-akkordju, M. B., ma kellu l-ebda rwol fl-iffissar tal-prezzijiet. Bax applikat politika li tiffavorixxi l-awtonomija, b’tali mod li d-diretturi ta’ fergħat ta’ Bax Global (UK) ġeneralment kellhom marġni ta’ manuvrar sinjifikattiv fir-rigward tal-prezzijiet, peress li kull fergħa kienet unità kummerċjali distinta. L-ammont tas-sovrataxxa NES applikat għal klijent speċifiku ta’ Bax Global (UK) kien għalhekk jiġi stabbilit mid-direttur tal-fergħa kkonċernata wara negozjati bejn il‑fergħa responsabbli mill-ispedizzjoni u l-imsemmi klijent.

    165

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    166

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel xejn, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil‑premessi 94 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, li B. ipparteċipa, bħala rappreżentant ta’ Bax Global (UK), f’laqgħa u f’kuntatti sussegwenti li matulhom huwa ftiehem mar-rappreżentanti ta’ burdnara oħra fuq l‑introduzzjoni ta’ sovrataxxa relatata man-NES, fuq ir-rata tagħha, fuq id-dati ta’ applikazzjoni tagħha u fuq il-monitoraġġ tal‑implementazzjoni tagħha.

    167

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li M. B. ma kellu l-ebda rwol fl-iffissar tal-prezzijiet, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal‑Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li bihom hija spjegat b’mod fattwali u billi bbażat ruħha fuq provi li M. B. kellu setgħat fil‑qasam tal-iffissar ta’ prezzijiet fi ħdan Bax Global (UK), li l-eżistenza tal-akkordju relatat man-NES kien magħruf fi ħdan din il-kumpannija u li d-diretturi kienu ġew informati minn M. B. dwar l‑eżistenza tal-akkordju relatat man-NES u li ma opponewhx. F’dan il‑kuntest, għandu jitfakkar ukoll li ma huwiex neċessarju mandat formali sabiex il-parteċipazzjoni ta’ impjegat ta’ impriża tiġi imputata lill-impriża (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il‑Kummissjoni, T‑78/06, EU:T:2011:673, punt 39).

    168

    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li l-portata tal‑akkordju relatat man-NES kien limitat għar-Renju Unit jew anki għal parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, minħabba l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 149 sa 163 hawn fuq, dan l-argument ma jikkontestatx il-kunsiderazzjoni tal‑Kummissjoni, li l-akkordju relatat man-NES kien ta’ natura li jkollu effetti fi Stati Membri oħra.

    169

    Għalhekk, għandu jiġi sostnut li l-ebda argument imressaq mir‑rikorrenti ma jippermetti li jintwera li l-kunsiderazzjonijiet tal‑Kummissjoni, li l-akkordju relatat man-NES kien ta’ natura li jkollu effett fuq l-aġir tal-burdnara fi Stati Membri oħra u fuq il-klijenti tal-burdnara, huma vvizzjati bi żbalji.

    – Fuq in-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ

    170

    Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l‑akkordju relatat man-NES kien ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod sinjifikattiv.

    171

    F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, f’dan il-każ, ir-rekwiżiti tal-preżunzjoni pożittiva prevista fil-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004 kienu ssodisfatti. Qabel xejn, hija rrilevat li l‑akkordju relatat man-NES kien, min-natura tiegħu stess, jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, fil-premessa 614 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat li d-dħul mill-bejgħ li l‑partijiet ikkonċernati ġġeneraw permezz tal-kummerċ ikkonċernat kien sinjifikattivament ogħla mill-EUR 40 miljun mitluba. Fil‑premessi 613 u 899 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset li mhux biss il-pożizzjoni individwali relattivament b’saħħitha tal-impriżi inkwistjoni fis-swieq tar-Renju Unit u taż-ŻEE, iżda wkoll is-sehem tas‑suq kumulattiv tagħhom tar-Renju Unit u taż-ŻEE kienu juru li kien hemm effett fuq il-kummerċ.

    172

    Ir-rikorrenti tikkunsidra li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma vvizzjati bi żbalji. Minn naħa waħda, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il‑preżunzjoni prevista fil-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004. Min-naħa l‑oħra, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-imsemmija preżunzjoni kienet ikkonfutata.

    173

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    174

    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li fil-punt 53 tal‑Linji gwida tal-2004, li la l-legalità u lanqas ir-rilevanza tiegħu ma huma kkontestati f’din il-kawża, huwa fformulat kif ġej:

    “Il-Kummissjoni tqis li jekk, min-natura tagħhom stess, ftehim jew prattika jkunu jistgħu jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, pereżempju minħabba li jikkonċernaw importazzjonijiet u esportazzjonijiet jew inkella diversi Stati Membri, ikun hemm preżunzjoni pożittiva konfutabbli li dan l-effett fuq il-kummerċ huwa sinjifikattiv, meta d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-partijiet permezz tal‑prodotti kkonċernati mill-ftehim […] jaqbeż l-EUR 40 miljun. Fil-każ ta’ tali ftehim li, min-natura tiegħu stess, jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ħafna drabi jista’ jiġi preżunt li l-effett fuq il-kummerċ ikun sinjifikattiv meta s-sehem mis-suq tal-partijiet ikun iktar minn 5 %. Madankollu, tali preżunzjoni ma tapplikax meta l-ftehim ikopri biss parti minn Stat Membru (ara l-punt 90 hawn fuq).”

    175

    Sussegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-akkordju relatat man-NES ma kienx ftehim li, min-natura tiegħu, seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni prevista fil-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004 ma tirrikjedix neċessarjament li l-akkordju jkopri diversi Stati Membri. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-użu tal-kliem “pereżempju”, dan huwa biss eżempju għal ftehimiet imsemmija f’dan il-punt. It-tieni nett, għandu jsir riferiment għall-punti 149 sa 168 hawn fuq, li fihom ġie spjegat li l‑kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li, minkejja l-fatt li l-akkordju relatat man-NES kien jirrigwarda spejjeż li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tar‑Renju Unit dwar in-NES, huwa seta’ jkollu effett fuq is-suq tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija f’diversi Stati Membri, ma huwiex ivvizzjat bi żbalji.

    176

    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tal‑Kummissjoni li l-limiti previsti fil-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004 kienu nqabżu, għandu jiġi kkonstatat li hija tillimita ruħha sabiex targumenta li l-Kummissjoni ma kellhiex tuża d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, iżda biss dak iġġenerat mis-servizzi ta’ depożitu NES. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar, minn naħa waħda, li, skont il-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004, għandu jiġi kkunsidrat id-dħul mill-bejgħ mill-partijiet mis-servizzi kkonċernati bl-akkordju u, min-naħa l-oħra, li, minħabba l‑kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 115 sa 137 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-akkordju relatat man-NES kien ikopri s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

    177

    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-preżunzjoni prevista fil-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004 kienet konfutabbli u li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kienet ġiet irrifjutata, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument li mhux diġà ġie eżaminat u miċħud fil-punti 115 sa 176 iktar ’il fuq.

    178

    Għalhekk, ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-akkordju relatat man-NES jista’ jolqot b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri fir‑rigward tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

    Fuq l-effett tal-moviment tal-merkanzija

    179

    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-effett fuq il-moviment tal-merkanzija huma vvizzjati bi żbalji. L-akkordju relatat man-NES ma kienx ġab bidla fl-istruttura tal‑kummerċ, la fir-rigward tal-merkanzija li ġejja mir-Renju Unit, u lanqas fir-rigward tal-merkanzija li ġejja minn pajjiżi oħra. Minn naħa waħda, is-sovrataxxa NES kienet applikata biss għall-merkanzija li ġejja mir-Renju Unit, peress li l-possibbiltajiet ta’ applikazzjoni tas‑sovrataxxa NES għall-ispedizzjonijiet li ma humiex ġejjin mir-Renju Unit kienu prattikament nulli. Min-naħa l-oħra, il-moviment ta’ merkanzija li tinsab fir-Renju Unit ma setax jinbidel minħabba s‑sovrataxxa NES. Għalhekk, il-ftehim relatat man-NES ma kienx ta’ natura li jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew għall-inqas li jagħmel dan b’mod sinjifikattiv.

    180

    Dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħud bħala ineffettivi. Fil-fatt, anki jekk l-akkordju relatat man-NES ma kellux effett fuq il-moviment tal‑merkanzija bejn l-Istati Membri b’mod sinjifikattiv, dan ma jistax jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li, minħabba l‑effetti tiegħu fuq is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, l-imsemmi akkordju kien ta’ natura li kellu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod sinjifikattiv.

    Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-interpretazzjoni żbaljata tal-punt 77 tal-Linji gwida tal-2004

    181

    Sa fejn ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-punt 77 tal-Linji gwida tal-2004, li meta l‑akkordji jkopru t-territorju ta’ Stat Membru wieħed, jista’ jkun neċessarju li jsir eżami iktar iddettaljat tal-kapaċità tagħhom li jkollhom effett fuq il‑kummerċ bejn l-Istati Membri, billi ma wettqitx investigazzjoni supplimentari, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, abbażi tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha, hija setgħet korrettament tasal għall-konklużjoni li l-akkordju relatat man-NES seta’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, mingħajr ma kellha tipproċedi b’investigazzjoni supplimentari.

    182

    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-fondatezza tal-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-akkordju relatat man-NES kien ta’ natura li jkollu effett b’mod sinjifikattiv fuq it-tendenzi ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri.

    183

    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    4. Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żammet lir-rikorrenti bħala l-unika waħda responsabbli

    184

    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal‑Kummissjoni li żammet lilha biss responsabbli tal-aġir ta’ Bax Global (UK). Dan jinqasam fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ibbażata b’mod partikolari fuq ksur tal‑Artikolu 101(1) TFUE u tal‑prinċipju ta’ responsabbiltà personali, ir-rikorrenti targumenta li ma teżisti ebda bażi legali sabiex hija tinżamm responsabbli tal-aġir ta’ Bax Global (UK). Permezz tat-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li naqset milli tinvestiga jekk Brink’s, l-ex kumpannija parent ta’ Bax Global (UK), kellhiex ukoll jew waħidha tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ din tal-aħħar. Permezz tat-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, ir‑rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata b’mod partikolari fuq il-ksur tal‑Artikolu 101(1) TFUE u tal-prinċipju ta ’ responsabbiltà personali

    185

    Din il-parti tirrigwarda d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm lir‑rikorrenti bħala l-unika responsabbli tal-parteċipazzjoni ta’ Bax Global (UK) fl-akkordju relatat man-NES.

    186

    Fil-premessi 664 u 754 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li Bax Global (UK) kienet ipparteċipat fl-akkordju relatat man‑NES bejn l-1 ta’ Ottubru 2002 u l-10 ta’ Marzu 2003, li, qabel l‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-attivitajiet kollha kienu ġew ittrasferiti lil waħda mill-kumpanniji relatati tagħha, jiġifieri r-rikorrenti, li hija ma kinitx għadha teżisti u għalhekk ma setgħetx tkun id‑destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet is‑suċċessur ekonomiku tagħha u li, għalhekk, din tal-aħħar setgħet tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ Bax Global (UK).

    187

    Ir-rikorrenti tikkunsidra li, billi pproċediet b’dan il-mod, il‑Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, l‑Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikoli 4 u 7 kif ukoll l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan il-każ, ma kienx hemm bażi legali sabiex tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ Bax Global (UK) fl-akkordju relatat man-NES. Kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal‑Kummissjoni, l-akkwist u l-assorbiment ta’ Bax Global (UK) ma kellhomx bħala konsegwenza li jittrasferixxulha r-responsabbiltà għall‑aġir tal-impriża li fiha kienet tappartjeni Bax Global (UK) bejn Ottubru 2002 u Marzu 2003 u li kienet ikkontrollata minn Brink’s. Peress li din tal-aħħar kienet diġà teżisti fid-data tal-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha żżommha responsabbli għall-aġir ta’ Bax Global (UK) minflok din tal-aħħar. It-trasferiment tar-responsabbiltà lejn persuna ġuridika ġdida huwa suġġett għall‑kundizzjoni li din tikkostitwixxi, mal-persuna ġuridika ta’ oriġini, impriża waħda u unika għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni, ħaġa li ma kinitx il-każ f’dan il-każ.

    188

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    189

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, qabel kollox, meta kumpannija tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur.

    190

    Madankollu, kif il-Kummissjoni ġustament sostniet fil-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali ma jipprekludix li, f’ċerti każijiet, is-suċċessur ekonomiku ta’ kumpannija jinżamm responsabbli tal-aġir ta’ din il-kumpannija.

    191

    B’hekk, minn naħa waħda, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-suċċessur ekonomiku ta’ entità ġuridika, li hija responsabbli ta’ ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni, jista’ jinżamm bħala responsabbli, meta l‑imsemmija entità ma tkunx għadha teżisti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, Ġabra, EU:C:2009:576, punti 77 sa 83, u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, EU:C:2013:801, punt 23).

    192

    Minn naħa l-oħra, meta kumpannija responsabbli ta’ ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni tittrasferixxi l-attività ekonomiku fuq is-suq ikkonċernat lil kumpannija oħra fil-mument meta dawn iż-żewġ kumpanniji jagħmlu parti mill-istess impriża, il-kumpannija li lilha ġiet ittrasferita l-attività tista’ tinżamm responsabbli minħabba r-rabtiet strutturali li jeżistu bejn dawn iż-żewġ kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punti 354 sa 360, u tal‑31 ta’ Marzu 2009, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, T‑405/06, Ġabra, EU:T:2009:90, punti 106 sa 119).

    193

    Fiż-żewġ eżempji msemmija hawn fuq, imputazzjoni tar-responsabbiltà fuq is-suċċessur ekonomiku hija ġġustifikata għall-finijiet tal‑implementazzjoni effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni ma kellhiex tali possibbiltà, ikun faċli għal impriżi li jkunu jistgħu jevitaw sanzjonijiet permezz ta’ ristrutturazzjonijiet, ċessjonijiet jew bidliet oħra ġuridiċi jew organizzazzjonali. L-għan li l‑aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni jiġi ssanzjonat u li ma jerġax iseħħ permezz ta’ sanzjonijiet dissważivi jkun b’hekk kompromess.

    194

    Peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-attivitajiet kollha ta’ Bax Global (UK) kienu ġew ittrasferiti lir-rikorrenti li, f’dan il-mument, kienet kumpannija relatata, u li, ukoll qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Bax Global (UK) ma kinitx għadha teżisti (ara l-punt 186 hawn fuq), hija kellha dritt li żżomm lir‑rikorrenti bħala responsabbli tal-ksur kommess minn Bax Global (UK) skont il-ġurisprudenza u l-prinċipji msemmija fil-punti 191 u 192 hawn fuq.

    195

    Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il‑konklużjoni.

    196

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li mill-punti 61 sa 64 tas‑sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑161/05, Ġabra, EU:T:2009:366) jirriżulta li hija biss Brink’s bħala ex kumpannija parent ta’ Bax Global (UK) li għandha tirrispondi għall‑ksur.

    197

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li peress li Bax Global (UK) ipparteċipat fl-akkordju relatat man-NES (ara l-punt 186 iktar ’il fuq), hija tista’ tinżamm responsabbli għalih.

    198

    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ eventwali responsabbiltà ta’ Brink’s bħala kumpannija parent ta’ Bax Global (UK), għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il-fakultà tal‑Kummissjoni li żżommha responsabbli bħala suċċessur ekonomiku ta’ Bax Global (UK) ma hijiex limitata bil-fakultà eventwali tagħha li żżomm ukoll responsabbli lil ex kumpannija parent tagħha Brink’s (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, EU:C:2009:576, punt 82).

    199

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-punt 61 tas-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq (EU:T:2009:366), ma jipprekludi bl-ebda mod lil dawn il-konklużjonijiet. Ċertament, f’dan il‑punt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija l-persuna ġuridika li kienet tmexxi l-impriża kkonċernata fil-mument li fih twettaq il-ksur li għandha twieġeb għalih, anki jekk, fil-mument li fih ġiet adottata d‑deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, l-operat tal-impriża kien taħt ir‑responsabbiltà ta’ kumpannija oħra. Issa, mill-kuntest tagħha jirriżulta li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tikkjarifika li kumpannija parent li, fil-mument tat-twettiq ta’ ksur, kienet tikkontrolla s-sussidjarja direttament implikata fih u li għalhekk kienet tagħmel parti mill-istess impriża, setgħet tinżamm responsabbli ta’ dan il-ksur anki jekk, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, dawn iż-żewġ kumpanniji ma kinux għadhom jagħmlu parti mill-istess impriża.

    200

    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    201

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li mill-punt 109 tas-sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni, punt 192 iktar ’il fuq (EU:T:2009:90) jirriżulta li fil-każ ta’ trasferiment tal-attivitajiet ekonomiċi, kemm parti minnhom kif ukoll kollha, minn entità ġuridika lejn oħra, ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-operatur oriġinali, fil-kuntest tal-attivitajiet inkwistjoni, ma setgħetx tiġi attribwita lill‑operatur il-ġdid ħlief jekk flimkien jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal‑kompetizzjoni.

    202

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżempju msemmi fis-sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni, punt 192 iktar ’il fuq (EU:T:2009:90), jiġifieri dak imsemmi fil-punt 192 hawn fuq, ma huwiex l-uniku każ li fih is-suċċessur ekonomiku jista’ jinżamm responsabbli. Fil-fatt, kif spjegat fil-punti 190 sa 193 iktar ’il fuq, meta kumpannija li tkun ikkommettiet ksur tar‑regoli tal-kompetizzjoni ma tkunx għadha teżisti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet korretta li żżomm lis-suċċessur tagħha bħala responsabbli, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi kinux jagħmlu parti mill-istess impriża. F’dan il-każ, Bax Global (UK) ma kinitx għadha teżisti fil-mument tal-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta li żżomm lir-rikorrenti responsabbli bħala s-suċċessur ekonomiku tagħha.

    203

    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-applikazzjoni tas‑sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni, punt 192 hawn fuq (EU:T:2009:90), għandu jiġi rrilevat li, fil-mument li fih l‑attivitajiet ta’ Bax Global (UK) ġew ittrasferiti lir-rikorrenti, dawn iż‑żewġ kumpanniji kienu jappartjenu lill-grupp DB. Għalhekk, minħabba r-rabtiet strutturali li kienu jeżistu bejniethom fil-mument tat‑trasferiment tal-attività ekonomika ta’ Bax Global (UK) lir‑rikorrenti, il-Kummissjoni kellha dritt li żżomm lil din tal-aħħar responsabbli tal-aġir ta’ Bax Global (UK).

    204

    Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    205

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li l-kunċetti ta’ impriża u ta’ responsabbiltà fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll il-kwistjoni tat‑trasferiment ta’ responsabbiltà bejn l-impriżi differenti huma kunċetti ġuridiċi u li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tagħhom.

    206

    Fir-rigward ta’ dan l-argument, qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li mid‑deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkunsidrat li għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-kunċett ta’ impriża fis‑sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew fir-rigward ta’ trasferiment ta’ responsabbiltà. Fil-fatt, fil-premessa 754 tad-deċiżjoni kkontestata, hija llimitat ruħha sabiex tapplika l-ġurisprudenza u l‑prinċipji msemmija fil-punti 190 sa 193 hawn fuq, li, f’eżempju bħal dak fil-kawża, hija kellha dritt li żżomm responsabbli lis-suċċessur ekonomiku tal-kumpannija li kienet ipparteċipat direttament fi ksur.

    207

    Fir-rigward tal-premessi 791 u 782 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx qed tissanzjona lil ex kumpanniji parent tas-sussidjarji li kienu pparteċipaw fl-akkordju relatat man-NES, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tuża l-marġni ta’ diskrezzjoni li hija kellha sabiex tistabbilixxi l-entitajiet ġuridiċi li fil-konfront tagħha hija kienet adottat sanzjoni, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti stess. Għall-kuntrarju, f’dan il‑kuntest, hija ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, dawn l-ex kumpanniji parent setgħux jitqiesu li jagħmlu parti minn impriża li kkommettiet ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew fuq kwistjonijiet ta’ trasferiment ta’ responsabbiltà.

    208

    Peress li ebda argument intiż sabiex juri li, f’dan il-każ, ma kienx hemm bażi legali sabiex ir-rikorrenti tiġi ssanzjonata, ma kien fondat, din il‑parti għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ta ’ amministrazzjoni tajba, u t-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

    209

    Fil-kuntest ta’ dawn il-partijiet, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li, billi naqset milli teżamina b’mod diliġenti u fid-dettall jekk setgħetx iżżomm lil Brink’s responsabbli għall-aġir ta’ Bax Global (UK) u sa fejn kien neċessarju u ġust li tmexxi kontra r-rikorrenti sabiex tiżgura l‑applikazzjoni xierqa tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni, il‑Kummissjoni kisret l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fit-tieni lok, ir‑rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex turi l-għażla tagħha li ma żżommx lil Brink’s bħala responsabbli, minkejja li, skont l‑Artikolu 296 TFUE, hija kellha timmotiva d-deċiżjoni tagħha li ma żżommx lil Brink’s, l-ex kumpannija parent ta’ Bax Global (UK), bħala kumpannija responsabbli waħidha jew in solidum. Għalhekk, id‑deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, jew tal-inqas, jiġi imputat fuqha biss is-sehem mill-multa li hija kien ikollha tħallas finalment li kieku setgħet iddur fuq Brink’s bħala debitur in solidum.

    210

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    Dwar il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal‑prinċipju tal-amministrazzjoni tajba.

    211

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 23(2)(a) tar‑Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq impriżi meta, intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE. Din id‑dispożizzjoni tirreferi biss għall-possibbiltà li tissanzjona impriżi, iżda ma tistabbilixxix l-entitajiet ġuridiċi li fuqhom il-multa tista’ tiġi imposta. Il-Kummissjoni tiddisponi għalhekk minn marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-għażla tal-entitajiet ġuridiċi li fuqhom hija timponi sanzjoni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, EU:C:2009:576, punt 82).

    212

    Madankollu, waqt din l-għażla, il-Kummissjoni ma hijiex kompletament libera. Hija għandha tosserva b’mod partikolari l-prinċipji ġenerali tad‑dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali protetti fil-livell tal‑Unjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, Ġabra, EU:C:2012:11, punt 48).

    213

    Għalhekk, meta, waqt l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma timponix multa fuq ċerta kategorija ta’ entitajiet ġuridiċi li setgħu kienu jifformaw parti mill-impriża li wettqet il-ksur, hija għandha tosserva b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament.

    214

    Minn dan isegwi li mhux biss il-kriterji li l-Kummissjoni stabbilixxiet sabiex tiddistingwi bejn l-entitajiet ġuridiċi li fuqhom hija timponi multa u dawk li fuqhom hija ddeċidiet li ma timponix multa ma jistgħux ikunu arbitrarji, iżda għandhom ukoll jiġu applikati b’mod omoġenju.

    215

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qabżitx il-limiti tal‑marġni ta’ diskrezzjoni tagħha.

    216

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw il-kriterji li l-Kummissjoni applikat, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, din tal-aħħar iddeċidiet li żżomm responsabbli mhux biss lis-sussidjarji li pparteċipaw fl-akkordju relatat mal-NES, iżda wkoll lill-kumpanniji parent tal-imsemmija sussidjarji li, fil-mument tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu jifformaw parti mill-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, sa fejn il-parteċipazzjoni fl‑imsemmi akkordju seta’ jiġi wkoll attribwit lilhom. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessi 791 u 782 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix multi fuq l-ex kumpanniji parent tal-imsemmija sussidjarji, irrispettivament mill-kwistjoni jekk huma setgħux jitqiesu wkoll li huma responsabbli għall-akkordju relatat mal-NES.

    217

    Tali approċċ huwa kopert bil-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l‑Kummissjoni. Fil-fatt, fil-qafas ta’ dan, hija tista’ tikkunsidra l-fatt li approċċ li jissanzjona l-entitajiet ġuridiċi kollha li jistgħu jinżammu responsabbli ta’ ksur jista’ jagħmel iktar diffiċli b’mod kunsiderevoli l-investigazzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, EU:C:2009:576, punt 82).

    218

    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’dan il-każ, anki jekk ikunu esklużi l-ex kumpanniji parent tas-sussidjarji li pparteċipaw fl-akkordji relatati mal-AMS, man-NES, mal-CAF u mal-PSS, in-numru ta’ entitajiet ġuridiċi li pparteċipaw fil-proċedura tal-Kummissjoni tela’ għal 47. Fid-dawl tas-sinjifikat ta’ dan in-numru, id-deċiżjoni tal‑Kummissjoni li ma tipproċedix kontra l-ex kumpanniji tal‑imsemmija sussidjarji ma tistax titqies li hija arbitrarja.

    219

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, fil-punti 155 sa 167 tas‑sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diġà l-okkażjoni tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta ddeċidiet li timponi sanzjonijiet unikament fuq il-kumpanniji direttament involuti fil-ksur kif ukoll fuq il-kumpanniji parent attwali li jistgħu jitqiesu responsabbli tal-aġir tagħhom, u mhux fuq l-ex kumpanniji parent tagħhom.

    220

    It-tieni nett, fir-rigward tal-mod li bih il-Kummissjoni applikat il-kriterji li hija kienet stabbilixxiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument intiż sabiex juri li ma ġewx applikati b’mod omoġenju.

    221

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, meta ddeċidiet li ma tissanzjonax lil Brink’s, l-ex kumpannija parent ta’ Bax Global (UK) li pparteċipat direttament fl-akkordju relatat man-NES, anki jekk Brink’s setgħet eventwalment titqies li hija responsabbli, il-Kummissjoni ma qabżitx il‑limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha skont l‑Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

    222

    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

    223

    L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, mis‑sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Dow Chemical et vs Il‑Kummissjoni (C‑499/11 P, Ġabra, EU:C:2013:482) ma jistax jiġi dedott li, f’dan il‑każ, il-Kummissjoni kienet obbligata li teżamina jekk setgħetx iżżomm lil Brink’s responsabbli bħala ex kumpannija parent ta’ Bax Global (UK). Fil-fatt, anki jekk mill-punt 47 tal-imsemmija sentenza kellu jkun dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, essenzjalment, li l‑prinċipju kien li l-Kummissjoni timponi multa fuq l-entitajiet ġuridiċi kollha li jifformaw parti mill-impriża li wettqet il-ksur, dan il-punt għandu jinqara fid-dawl tal-kuntest li fih jaqa’. Fil-fatt, f’din il-kawża, kumpannija parent, li kienet meqjusa responsabbli mill-Kummissjoni għall-aġir ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha, invokat li, fir-rigward tal‑marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha tiġġustifika l-approċċ li żżommha responsabbli. Huwa waqt li kienet tirrispondi dan l-argument li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-prinċipju li, bħala kumpannija li tappartjeni għall-impriża li kisret l-Artikolu 101 TFUE, il-kumpannija parent kellha tkun issanzjonata. Madankollu, minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni hija prekluża milli tadotta approċċ li jikkonsisti li tipproċedi biss kontra ċerti kategoriji ta’ entitajiet ġuridiċi, meta tali approċċ mhux arbitrarju u jippermettilha tuża r-riżorsi tagħha b’mod effiċjenti. Fil-fatt, fil-punt 47 tas-sentenza Dow Chemical et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (EU:C:2013:482), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod espliċitu li l‑Kummissjoni setgħet tastjeni milli tissanzjona lil kumpannija parent sa fejn tali deċiżjoni kienet ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi.

    224

    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li kundanna konġunta fuqha u fuq Brink’s kienet tagħtiha vantaġġi ekonomiċi, għaliex dan kien jippermettilha li tfittex mingħandha dak li jikkonċerna l-pagament tas‑sehem tagħha tal-multa.

    225

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk ir‑rikorrenti u Brink’s setgħu jiġu kkundannati jħallsu l-multa in solidum u li tali kundanna kienet tagħti vantaġġ lir-rikorrenti, dawn iċ‑ċirkustanzi ma jistgħux juru li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tal‑marġni tad-diskrezzjoni li għandha. Fil-fatt, il-Kummissjoni tiżgura l-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fl-interess tal-Unjoni u ma għandha riżorsi limitati sabiex tilħaq dan il-għan. Għaldaqstant, anki jekk approċċ li ma tipproċedix kontra l-entitajiet ġuridiċi kollha li fuqhom tista’ eventwalment tkun imposta multa jista’ jkollu bħala konsegwenza li jqiegħed lill-entitajiet ġuridiċi li fuqhom ġiet imposta multa f’pożizzjoni inqas favorevoli, dan ma jipprekludix lill‑Kummissjoni milli ssegwi tali approċċ sakemm tibbaża ruħha fuq raġunijiet oġġettivi u jippermettilha tuża r-riżorsi tagħha b’mod iktar effiċjenti.

    226

    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ddeċidiet li ma timponix multi fuq Brink’s bħala ex kumpannija parent ta’ Bax Global (UK).

    227

    Għalhekk, it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandha tiġi miċħuda.

    Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    228

    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

    229

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni mitluba minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l‑awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jagħrfu r‑raġunijiet wara l-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l‑istħarriġ tagħha (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 147).

    230

    B’hekk, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu li tiġi mmotivata deċiżjoni individwali għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id‑deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata bi żball li jippermetti l‑kontestazzjoni tal-validità tagħha (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 229 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 148, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    231

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li jistgħu jkunu direttament u individwalment ikkonċernati jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandhiex tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad‑diċitura tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 229 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    232

    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk id‑deċiżjoni kkontestata hijiex immotivata biżżejjed.

    233

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 754 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet korretta li żżomm lir-rikorrenti responsabbli tal-ksur bħala suċċessur ekonomiku ta’ Bax Global (UK). Barra minn hekk, fil-premessi 791 u 782 tad‑deċiżjoni kkontestata, hija indikat li kienet iddeċidiet li ma tissanzjonax lill-ex kumpanniji parent. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li din kienet tapplika għal Brink’s kif ukoll għal ex kumpannija parent ta’ Bax Global (UK). Barra minn hekk, mill-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-kuntest tagħha jirriżulta li l-Kummissjoni kienet qieset li dan l‑approċċ kien intiż sabiex ikun evitat li l-investigazzjoni tagħha tkun eċċessivament diffiċli. Fil-fatt, min-naħa waħda, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li n-numru ta’ entitajiet ġuridiċi li kienu ħadu sehem fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni kien tela’ għal 47 u li approċċ li bih jiġu ssanzjonati wkoll l-ex kumpanniji parent kien ikollu bħala konsegwenza li jżid dan in-numru diġà sinjifikattiv. Min-naħa l‑oħra, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 802, fil-premessa 791 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 335 tas‑sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni (T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra, EU:T:2006:396), li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l‑investigazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu saru diffiċli b’mod kunsiderevoli minħabba l-bżonn li jiġi vverifikat, f’kull każ ta’ trasferiment tal-kontroll ta’ impriża, sa fejn l-aġir ta’ din seta’ jiġi attribwit lill-ex kumpannija parent.

    234

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-informazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet biżżejjed sabiex tippermetti, minn naħa waħda, li r‑rikorrenti tagħraf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li tissanzjona jew li ma tissanzjonax lil Brink’s u, min-naħa l-oħra, li l‑Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    235

    Għalhekk, għandha wkoll tiġi miċħuda t-tielet parti tar-raba’ motiv u, għaldaqstant, dan tal-aħħar kollu kemm hu, mhux biss f’dak li jikkonċerna t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll f’dak li jikkonċerna t-talba għall-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    5. Fuq il-ħames motiv, dwar żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa kif ukoll ksur tal-Artikolu 27(1)u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tad‑drittijiet tad-difiża

    236

    Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa u t-tieni fuq ksur tal‑Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tad‑drittijiet tad-difiża.

    Fuq l-ewwel parti, dwar żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

    237

    Din il-parti tirrigwarda l-parti mid-deċiżjoni kkontestata, li fiha l‑Kummissjoni kkalkolat l-ammont tal-multa li hija imponiet fuq ir‑rikorrenti.

    238

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-metodu ġenerali previst mill-Linji gwida tal-2006. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li, sabiex tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa, kien neċessarju, minn naħa waħda, skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, li jintuża l-valur tal-bejgħ li r-rikorrenti ġġenerat mis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija lill-klijenti taż-ŻEE fuq ir-rotta kummerċjali kkonċernata bl‑akkordju relatat man-NES u, li min-naħa l-oħra, tkun applikata rata ta’ gravità ta’ 15 %. Hija qieset ukoll li r-rikorrenti ma setgħet tinvoka l-ebda ċirkustanza attenwanti.

    239

    Ir-rikorrenti ssostni li, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni imponitilha multa li teċċedi l-portata u l-gravità tal-akkordju relatat man-NES. F’dan il-kuntest, hija tressaq erba’ ilmenti. L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni ma użatx il-valur ta’ bejgħ adegwat. It-tieni nett, hija tikkontesta r-rata ta’ gravità użata mill-Kummissjoni. It-tielet nett, hija targumenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċirkustanza attenwanti, jiġifieri l-eżistenza ta’ akkordju illegali relatat mas-servizzi tat-trasport. Ir-raba’ nett, hija targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    Fuq l-ilment dwar il-valur tal-bejgħ

    240

    Dan l-ilment jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 857 sa 890 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont il‑punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa, għandu jintuża l-valur tal-bejgħ li r-rikorrenti ġġenerat mis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija lil klijenti taż-ŻEE fuq ir‑rotta kummerċjali kkonċernata bl-akkordju relatat man-NES.

    241

    Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma vvizzjati bi żbalji. Il-Kummissjoni kisret il-Linji gwida tal-2006 u kisret l‑Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju tal-adegwatezza tal-piena tal-ksur u l‑prinċipju nulla poena sine culpa. Hija kkommettiet ukoll żbalji ta’ evalwazzjoni.

    242

    Essenzjalment, ir-rikorrenti targumenta li, billi użat il-valur tal-bejgħ li hija ġġenerat mis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija lil klijenti taż‑ŻEE fuq ir-rotta kummerċjali kkonċernata bl-akkordju relatat man‑NES, il-Kummissjoni imponitilha multa li teċċedi l-portata u l‑gravità tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Skont ir‑rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex tuża l-valur tal-bejgħ iġġenerat mis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, iżda kellha tiżgura li l-valur tal-bejgħ kien jirrifletti l-preġudizzju ekonomiku kkawżat mill‑akkordju relatat man-NES, minflok ibbażat ruħha fuq għanijiet ta’ dissważjoni ġenerali, u kellha tadotta dan il-valur filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ akkordju minn qabel fis-suq tas‑servizzi tat-trasport.

    243

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    244

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur u li, skont l-Artikolu 23(3) tar‑Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il‑Kummissjoni għandha tikkunsidra l-gravità u t-tul tal-ksur.

    245

    Min-naħa tagħhom, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ adegwatezza tal-piena mal-ksur jirrikjedu li l-multi ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet involuti, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u li l‑ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal‑kompetizzjoni jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat kollu kemm hu, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l‑Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont tal-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li din għandha, f’dan il-każ, tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II-3435, punti 226 sa 228).

    246

    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il‑Kummissjoni għandha tqis numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom tvarja skont it-tip ta’ ksur u taċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom. Fost dawn l-elementi jista’ jkun hemm, skont il‑każ, il-volum u l-valur tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l‑influwenza li din setgħet teżerċita fuq is-suq (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra, EU:C:1983:158, punt 121; tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra, EU:C:2009:505, punt 96, u KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, EU:C:2011:816, punti 5859).

    247

    Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-volum u l-valur tal-merkanzija li huma s-suġġett tal-ksur, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li, anki jekk huwa inkontestabbli li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jew ta’ suq huwa, bħala fattur ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, neċessarjament vag u imperfett, minkejja n-natura approssimattiva tiegħu, huwa meqjus, fil-preżent, kemm mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kriterju xieraq, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-setgħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, T‑127/04, Ġabra, EU:T:2009:142, punt 93).

    248

    Fil-fatt, il-parti tad-dħul mill-bejgħ globali li ġejja mill-bejgħ tal‑prodotti jew servizzi li huma s-suġġett tal-ksur hija l-aħjar mod sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur.

    249

    Dawn il-prinċipji huma riflessi fil-Linji gwida tal-2006, li jipprevedu metodu ġenerali għall-kalkolu tal-ammont ta’ multi. Fil-fatt, mill-punt 6 tal-Linji gwida tal-2006 jirriżulta li “l-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul [tiegħu] huwa meqjus li jipprovdi valur ta’ sostituzzjoni adattat sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur”.

    250

    Għalhekk, il-Linji gwida tal-2006 jipprevedu li, fl-ewwel stadju, il‑Kummissjoni tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa. Fil-qafas ta’ dan l-istadju, skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni tidentifika l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi, iġġenerat mill‑impriża f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-ŻEE matul sena partikolari. Barra minn hekk, hija tapplika għal dan il-valur rata ta’ gravità taħt forma ta’ perċentwali stabbilita skont ir-rata ta’ gravità tal-ksur u timmultiplika dan ir-riżultat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni tal‑impriża fil-ksur. Fil-każ ta’ akkordji orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, hija tinkludi ammont addizzjonali. Fit-tieni stadju, hija tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

    251

    Meta adottat il-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni għamlet restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Mingħajr ma tipprovdi ġustifikazzjonijiet, il-Kummissjoni għaldaqstant ma tistax tmur kontra l-metodu previst minnhom, mingħajr ma ssib ruħha li qed tikkommetti ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C-205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punt 211).

    252

    Madankollu, il-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 jippermetti lill‑Kummissjoni li teskludi l-metodu ġenerali previst minnhom, bil‑għan li tikkunsidra l-partikolaritajiet ta’ kawża partikolari jew sabiex jintlaħaq livell dissważiv suffiċjenti.

    253

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

    – Fuq il-bejgħ iġġenerat b’rabta mal-akkordju relatat man-NES

    254

    Ir-rikorrenti ssostni li l-akkordju relatat man-NES kien jirrigwarda biss is-sovrataxxa NES u li, għalhekk, il-Kummissjoni kellha tuża biss il-valur tal-bejgħ iġġenerat mis-servizzi ta’ depożitu NES. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex tinkludi fil-valur tal-bejgħ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ trasport iffatturati mit-trasportaturi. Il-burdnara organizzaw it-trasport tal-merkanzija, iżda t‑trasportaturi ffatturaw is‑servizzi tagħhom, inkluż taxxi bħall-ħlasijiet addizzjonali għall‑karburant u sigurtà. It-taxxi u s-sovrataxxi mitluba mit‑trasportaturi, li fuqhom il-burdnara ma għandhom l-ebda kontroll, ma setgħux għalhekk jitqiesu li huma koperti mill-akkordju relatat man-NES.

    255

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    256

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-punt 13 tal‑Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni tidentifika l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi, iġġenerat b’rabta diretta u indiretta mal-ksur. Kif spjegat fil-punti 84 sa 101 u 115 sa 137 hawn fuq, l-akkordju relatat man-NES kien ikopri s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bħala lott ta’ servizzi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti li hija imponiet fuqha nnifisha bil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 billi użat il‑valur tal-bejgħ li r-rikorrenti ġġenerat bis-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija bħala lott ta’ servizzi u mhux biss il-valur tal-bejgħ imwettaq bis-servizzi ta’ depożitu NES.

    257

    Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ebda ċirkustanza invokata mir‑rikorrenti ma kienet tobbliga lill-Kummissjoni twarrab il-metodu ġenerali previst fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 skont il-punt 37 tagħhom.

    258

    Ir-rikorrenti targumenta li Bax Global (UK) aġixxiet bħala sempliċi intermedjarju, billi interveniet bħala “aġent ta’ rkupru” għal ċerti spejjeż.

    259

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, b’mod partikolari fil‑premessi 65, 878 u 879 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-burdnara kienu f’pożizzjoni ta’ intermedjarji bejn it‑trasportatur u l-ispeditur u setgħu jadottaw diversi mudelli ta’ impriża.

    260

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ fejn burdnar ma jgħaddix l-ispejjeż tat-trasport lill-klijenti tiegħu, iżda fejn id-dħul huwa limitat għal kummissjoni miġbura min-naħa tat-trasportatur, ma jkun hemm l-ebda problema, peress li huwa biss l-ammont tal-kummissjoni li hu rifless fid-dħul mill-bejgħ tiegħu.

    261

    Fir-rigward tal-każ fejn burdnar jgħaddi fuq il-klijenti tiegħu l-ispejjeż tat-trasport li huwa stess kellu jħallas jew li huwa ser ikollu jħallas lil terzi, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal‑Kummissjoni mqassra fil-punt 85 iktar ’il fuq, minn perspettiva ekonomika, ir-rwol tal-burdnar ma huwiex limitat għal dak ta’ sempliċi intermedjarju. Fil-fatt, huwa jibdel servizzi akkwistati mingħand terzi u riżorsi oħra f’servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija integrati, li jippermettu lill-klijenti tiegħu jiffrankaw il-ħin u l-flus u jissodisfaw għalhekk domanda speċifika, li ma tkunx issodisfatta mis-servizzi individwali li minnhom dawn is-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija huma komposti. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, f’dan il‑każ, il-Kummissjoni għandha dritt li tuża l-valur tal-bejgħ tal-burdnar fis-sens tal-punt 13 tal-Linji gwidi tal-2006.

    262

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il‑Kummissjoni ma kinitx obbligata li tnaqqas il-valur tas-servizzi tat‑trasport.

    263

    Fil-fatt, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, dawn is-servizzi għandhom jitqiesu li huma riżorsi oħra għas-servizzi ta’ spedizzjoni. Issa, fis‑setturi industrijali kollha, jeżistu spejjeż inerenti fil-prodott finali li l‑manifattur ma jistax jikkontrolla, iżda li xorta jikkostitwixxu element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu. Għalhekk ma għandhomx jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ riżorsi li huma inerenti fil-prezzijiet tal‑prodotti u tas-servizzi mibjugħa, mill-valur tal-bejgħ, anki meta l‑ispejjeż tar‑riżorsi jikkostitwixxu parti sinjifikattiva tal-valur tal‑bejgħ (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, EU:C:2011:816, punti 58 sa 65, u KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, punt 247 iktar ’il fuq, EU:T:2009:142, punt 91). Ċertament, din il-ġurisprudenza tirrigwarda kawża li fiha l-Linji gwida tal‑2006 ma kinux għadhom applikabbli. Madankollu, hija tista’ tapplika għalihom. Fil-fatt, il-premessi li fuqhom hija bbażata jirrigwardaw, b’mod ġenerali, l-użu ta’ dħul mill-bejgħ fil-kuntest tal‑kalkolu tal-ammont tal-multi u jindikaw li huwa kriterju oġġettiv li jippreżenta rabta mill-qrib mal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, P, Ġabra, EU:C:2014:272, punt 59).

    264

    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, in-natura tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija u tal-akkordju relatat man‑NES ma kinux jipprekludu lill-Kummissjoni milli tuża d-dħul mill‑bejgħ kollu li hija kellha minn dawn is-servizzi fuq ir-rotta tal‑kummerċ ikkonċernat, mingħajr ma naqset minnu l-ispejjeż għal servizzi tat-trasport jew għal servizzi oħra, li twettqu minn terzi persuni, iżda li kienu jagħmlu parti minn lott ta’ servizzi li minnhom kienu jifformaw parti l-imsemmija servizzi ta’ spedizzjoni.

    – Fuq l-applikazzjoni tas-sovrataxxa NES

    265

    Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni s‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija li ma kinux sottomessi għas-sovrataxxa NES. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din is-sovrataxxa, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mit-tagħbija ma jistax jitqies li ġie affettwat bl-aġir relatat man-NES.

    266

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    267

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni tuża l-valur tal-bejgħ f’rabta mal-ksur, mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-implementazzjoni tal-ksur. Għalhekk minn dan il-punt ma jirriżultax li huwa biss il-valur tal-bejgħ li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet realment imwettqa permezz tal-akkordji illegali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex ikun ikkalkolat il-valur tal-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T‑211/08, Ġabra, EU:T:2011:289, punt 58).

    268

    Madankollu, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ valur ta’ bejgħ imsemmi fil-punt 13 tal-Linji gwida tal‑2006 ma jistax jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ iġġenerat mill‑impriża inkwistjoni li ma jaqax, direttament jew indirettament, fil‑parametri tal-akkordju kkontestat (sentenza Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, EU:C:2013:464, punti 73 sa 78).

    269

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tinvoka biss li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija li fuqhom is-sovrataxxa NES ma kinitx ġiet applikata, iżda ma tressaq l-ebda argument li jippermetti li jiġi stabbilit li s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, jiġifieri d-dħul mill-bejgħ fuq ir-rotta kummerċjali kkonċernata mill‑akkordju relatat man-NES, ma jaqgħux fil-parametri tal-imsemmi akkordju.

    270

    Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li teskludi l-metodu ġenerali previst fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 skont il-punt 37 tagħhom. Fil-fatt, il-qrati tal-Unjoni qatt ma imponew l-obbligu lill-Kummissjoni li tistabbilixxi f’kull każ liema kien il-bejgħ individwali mwettaq permezz tal-akkordju (sentenza Putters International vs Il-Kummissjoni, punt 267 iktar ’il fuq, EU:T:2011:289, punt 60). Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, limitazzjoni tal-valur tal‑bejgħ li għal dak huwa stabbilit li realment ġie ġġenerat permezz ta’ akkordju stabbilit minn impriża partikolari jkollha bħala effett li timminimizza b’mod artifiċjali l-importanza ekonomika ta’ dan, peress li s-sempliċi fatt li nstab numru limitat ta’ provi diretti ta’ bejgħ realment iġġenerat permezz tal-akkordju jista’ jwassal finalment għall‑multa mingħajr rabta reali mal-kamp tal-applikazzjoni tal‑akkordju inkwistjoni. Li jingħata tali premju talli jkun hemm is-segretezza jippreġudika wkoll l-għan ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni effikaċja tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u, għalhekk, ma jistax jiġi ammess (sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, EU:C:2013:464, punti 7677).

    271

    Għalhekk, l-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni tas-sovrataxxa NES għandu jiġi miċħud.

    – Fuq l-eżistenza ta’ akkordju dwar is-servizzi ta’ trasport bl-ajru

    272

    Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ adegwatezza tal-piena tal-ksur, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l‑prinċipju nulla poena sine culpa billi ma kkunsidratx il-fatt li l‑prezzijiet għas-servizzi tat-trasport kienu għolew bl-akkordju li jkopri dawn is-servizzi. Għalhekk, hija ssanzjonat darbtejn l-effetti ta’ l‑istess ksur uniku, minn naħa waħda, fir-rigward tat-trasportaturi li kienu wettquh, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dawk li kienu l‑klijenti tagħhom. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-kunsiderazzjoni tal‑Kummissjoni li tinsab fil‑premessa 884 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti tista’ tibda proċedura quddiem il-qrati ċivili nazzjonali kontra t-trasportaturi, ma hijiex rilevanti.

    273

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    274

    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Linji gwida tal-2006 ma fihomx l-ebda regola li tipprevedi b’mod espliċitu li l‑eżistenza ta’ akkordju minn qabel għandha tkun ikkunsidrata fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont ta’ multi.

    275

    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-eżistenza ta’ akkordju li jirrigwarda suq qabel is-suq li huwa kopert bil-ksur li minħabba fih ġiet imposta multa, tikkostitwixxix ċirkustanza li tobbliga lill-Kummissjoni teskludi l-metodu ġenerali previst fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006.

    276

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-użu tal-kriterju tal-valur tal-bejgħ bħala punt tat-tluq tal-kalkolu tal-ammont tal-multi huwa ġġustifikat b’mod partikolari bil-fatt li l-parti mid-dħul mill-bejgħ globali li ġejja mill-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għandhom bħala suġġett il-ksur hija l-aħjar li tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur (ara l‑punti 247 u 248 iktar ’il fuq) u li dan huwa kriterju oġġettiv li huwa faċilment applikabbli.

    277

    Issa, il-fatt li s-suq tas-servizzi tat-trasport bl-ajru kien kopert b’akkordju ma jistax jinvalida l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l‑valur tal-bejgħ li r-rikorrenti ġġenerat fis-suq tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, fuq ir-rotta kummerċjali kkonċernata bl‑akkordju relatat man-NES, huwa l-iktar li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur. Fil-fatt, l-ewwel nett, dan huwa dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti fil-kundizzjonijiet konkreti tas-suq. It-tieni nett, hemm rabta oġġettiva bejn l-akkordju relatat man‑NES u dan id-dħul mill-bejgħ li jirrifletti l-piż relatat mal‑parteċipazzjoni tar-rikorrenti.

    278

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li approċċ, li l-eżistenza ta’ akkordju illegali li jkopri suq qabel kien jobbliga lill-Kummissjoni li tipproċedi għal adattament tal-valur ta’ bejgħ iġġenerat b’rabta ma’ ksur li jkopri suq wara, iwassal sabiex jiġi introdott fattur ta’ inċertezza sa mill-ewwel stadju ta’ kalkolu tal-ammont ta’ multi. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ammont ta’ tnaqqis li għandu jsir huwa ġeneralment diffiċli li jkun stabbilit. It-tieni nett, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jsir tnaqqis mhux biss fil-każ fejn akkordju illegali jkopri suq qabel, iżda, b’mod iktar ġenerali, fil-każijiet kollha fejn fatturi li għandhom jitqiesu li huma kuntrarji għad‑dritt tal-Unjoni jista’ jkollhom effett dirett jew indirett fuq il‑prezzijiet tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. It-tielet nett, tali approċċ iwassal sabiex il-bażi ta’ kalkolu tal-ammont ta’ multa jkun f’riskju li jiġi kkontestat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bħal pereżempju fejn fatturi li jista’ jkollhom effett dirett jew indirett fuq il-prezzijiet tar-riżorsi jiġu skoperti wara din id-data. L-approċċ difiż mir-rikorrenti jista’ għalhekk jagħti lok għal tilwim bla tmiem u bla soluzzjoni, inkluż allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni.

    279

    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju nulla poena sine culpa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, peress li l-ammont tal-multa imposta fuq ir‑rikorrenti kien ikkalkolat abbażi ta’ prezzijiet ta’ bejgħ li hija stess iffatturat lill-klijenti tagħha, il-Kummissjoni ma ssanzjonathiex minħabba ksur imwettaq minn terz, iżda kkunsidrat id-dħul li hija stess kienet iġġenerat u li għalih hija kellha tirrispondi. Dan l‑argument għandu wkoll jiġi miċħud.

    280

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l‑eżistenza ta’ akkordju li jirrigwarda suq li jinsab qabel is-suq kopert bi ksur li minħabba fih ġiet imposta l-multa ma tistax titqies li hija ċirkustanza li tista’ tobbliga lill-Kummissjoni li twarrab il-metodu ġenerali previst mill-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006.

    281

    Għalhekk, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ akkordju li jkopri s-suq tas-servizzi tat-trasport għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 884 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti tista’ tibda proċedura quddiem il-qrati ċivili nazzjonali kontra t-trasportaturi, hijiex rilevanti f’dan il-kuntest preżenti. Fil-fatt, anki jekk din l-osservazzjoni kienet żbaljata, hija ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni li l-fondatezza tagħhom ġiet eżaminata iktar ’il fuq.

    – Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dannu ekonomiku kkawżat

    282

    Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx biżżejjed id‑dannu ekonomiku kkawżat mill-akkordju relatat man-NES. Skont il‑Linji gwida tal-2006, il-multi kellhom ikunu speċifikament marbuta mad-dannu ekonomiku allegatament ippjanat abbażi tal-valur ta’ bejgħ marbut mal-ksur. Il-Kummissjoni kellha għalhekk tiżgura li d-dħul mill‑bejgħ użat jirrifletti d-dannu ekonomiku. Meta jiġi ffissat id-dħul mill-bejgħ relatat mal-ksur stabbilit, ma għandux jiġi kkunsidrat effett dissważiv ġenerali, peress li tali effett ma setax jiġi kkunsidrat ħlief fi stadju ulterjuri tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. F’dan il-każ, il-fatt li d-dħul mill-bejgħ teoretiku massimu marbut mas-sistema NES jirrappreżenta biss parti żgħira tal-ammont tal-multa imposta u parti iżgħar mid-dħul mill-bejgħ użat mill-Kummissjoni, juri li l-approċċ tal‑Kummissjoni jmur kontra l-Linji gwida tal-2006.

    283

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    284

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, la l-punt 13, u lanqas xi punt ieħor tal-Linji gwida tal-2006 ma jipprevedu li l-valur tal-bejgħ għandu jiġi adattat għad-dannu ekonomiku kkawżat mill-ksur.

    285

    It-tieni nett, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma kinux jobbligaw lill-Kummissjoni li teskludi l-metodu ġenerali previst fil-punt 13 tal‑Linji gwida tal-2006 skont il-punt 37 tagħhom.

    286

    Ċertament, huwa veru li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, ma għandhiex tkun attribwita importanza sproporzjonata għall-valur tal‑bejgħ (sentenza KME Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, EU:C:2011:816, punt 60). Madankollu, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-valur tal-bejgħ huwa biss kriterju wieħed, fost diversi kriterji, li huwa meħud inkunsiderazzjoni fil-metodu ġenerali previst mill-Linji gwida tal-2006. Fil-fatt, li kieku ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti, bħad-dannu kkawżat jew il-marġni milħuq, huma rilevanti għall-kalkolu tal-ammont tal-multi, skont l-imsemmija metodoloġija, huma jistgħu jkunu kkunsidrati fil-qafas tal-istadji ulterjuri tiegħu, bħall-evalwazzjoni tar-rata ta’ gravità tal-ksur, tal‑eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti jew anki tal‑kapaċità kontributtiva tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, anki jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata li tikkunsidra ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti fi stadji ulterjuri ta’ iffissar tal-ammont tal-multa, hija ma kellhiex tkun obbligata, għal din ir-raġuni, li teskludi l-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 skont il-punt 37 tagħhom.

    287

    Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-ammont tal-multi u l-ammont tas-sovrataxxi imposti, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-multi għandhom ikunu ffissati f’livell għoli biżżejjed sabiex l-impriżi jkunu skorraġuti milli jipparteċipaw f’akkordju, minkejja gwadann li jistgħu jiksbu minnu. Min-naħa l-oħra, l-ammont tal-multa ma jistax jitqies li mhux xieraq sempliċement għaliex ma jirriflettix id-dannu ekonomiku li kien jew seta’ kien ikkawżat mill-akkordju inkwistjoni.

    288

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, meta ġie stabbilit il-valur tal-bejgħ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-għan ta’ dissważjoni ġenerali, minkejja li ma kellhiex dritt li tieħu inkunsiderazzjoni tali għan f’dan l-istadju tal‑kalkolu tal-ammont tal-multi.

    289

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rilevat li, billi użat il-valur tal-bejgħ li r-rikorrenti ġġenerat mis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija għall‑klijenti taż-ŻEE fuq ir-rotta kummerċjali kkonċernata mill‑akkordju relatat man-NES, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tapplika l-metodu ġenerali previst fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 u għalhekk ma eskludietx dan il-metodu billi invokat għan ta’ dissważjoni ġenerali.

    290

    Barra minn hekk, fil-każ fejn, bl-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tixtieq issostni li, sa fejn il-valur tal-bejgħ ma jirriflettix id-dannu ekonomiku kkawżat taħt forma ta’ sovrataxxi miġbura, il-Kummissjoni tkun obbligata li tadottah, sabiex tevita li għan ta’ dissważjoni ġenerali ma jiġix ikkunsidrat diġà f’dan l-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, dawn għandhom ukoll jiġu miċħuda.

    291

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-valur tal-bejgħ huwa użat bħala valur ta’ sostituzzjoni għall-importanza ekonomika tal-ksur mhux biss għax hija l-aħjar li tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża parteċipanti fil-ksur, iżda wkoll għax huwa kriterju oġġettiv faċli li jkun applikat. Din l-aħħar kwalità tal‑valur tal-bejgħ tagħmel l-azzjoni tal‑Kummissjoni iktar prevedibbli għall-impriżi u tippermettilhom li jevalwaw id-daqs tal-ammont ta’ multa li għaliha huma jesponu ruħhom meta jiddeċiedu li jipparteċipaw f’akkordju illegali. L-użu tal-kriterju tal-valur tal-bejgħ fil-punt 13 tal‑Linji gwida tal-2006 isegwi għalhekk, b’mod partikolari, għan ta’ dissważjoni ġenerali. Issa, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir‑rikorrenti, xejn ma jipprekludi li, fil-kuntest tar-rwol ta’ sorveljanza tal-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li jagħtiha t-trattat (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 246 iktar ’il fuq, EU:C:1983:158, punt 105, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 170), il‑Kummissjoni ssegwi għan ta’ prevenzjoni ġenerali, meta tistabbilixxi l-metodu ġenerali għall-kalkolu tal-ammont tal-multi.

    292

    Għalhekk, l-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti d-dannu ekonomiku kkawżat mill‑akkordju relatat man-NES għandhom ukoll jiġu miċħuda.

    – Fuq il-fatturi ta’ kompetizzjoni affettwati

    293

    Ir-rikorrenti targumenta wkoll li, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni użat il-valur tal-bejgħ iġġenerat mis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, hija ssanzjonatha bħal li kieku l-akkordju relatat man-NES kien ikopri l‑iffissar tal-prezzijiet finali tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija jew li jkopri t-totalità tal-fatturi ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-settur tal-ispedizzjoni tal-merkanzija.

    294

    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

    295

    F’dan r-rigward, għandu jitfakkar li, kif kien spjegat fil-punti 267 sa 270 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet korretta li tuża bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont tal-multa l-bejgħ li jaqa’ fil-parametru tal‑imsemmi akkordju, indipendentement mill-gravità ta’ dan il-ksur.

    296

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-metodu ġenerali previst mill-Linji gwida tal-2006, in-natura tal-ksur hija kkunsidrata fi stadju ulterjuri, waqt l-iffissar tar-rata ta’ gravità, li, skont il‑punt 20 tal‑imsemmija Linji gwida, hija evalwata każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ.

    297

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, mill-fatt li l-Kummissjoni użat il-valur tal-bejgħ iġġenerat mis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija affettwati bl-akkordju relatat man-NES bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma jistax jiġi konkluż li hija trattatha bħala akkordju intiż sabiex jiffissa l-prezz finali tas‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija jew li jkopri l-fatturi kollha tal-kompetizzjoni.

    298

    Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    – Fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni

    299

    Sa fejn ir-rikorrenti argumentat li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni, hija tillimita ruħha sabiex tirreferi għall-argumenti li kienu diġà ġew eżaminati u rrifjutati iktar ’il fuq. Għaldaqstant, anki dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    300

    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ juri li, bl-użu tal-valur tal-bejgħ iġġenerat mis‑servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija fir-rigward tal-akkordju relatat man-NES, il-Kummissjoni kisret il-Linji gwida tal-2006, kisret l‑Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ adegwatezza tal-piena mal-ksur jew il‑prinċipju nulla poena sine culpa jew ikkommettiet żbalji ta’ evalwazzjoni.

    301

    Minn dan isegwi li għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu l-ilment li jirrigwarda l-użu, mill-Kummissjoni, tal-valur tal-bejgħ li r-rikorrenti ġġenerat bis-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija għall-klijenti taż‑ŻEE fuq ir-rotta kummerċjali kkonċernata mill-akkordju relatat man-NES.

    Fuq l-ilment dwar ir-rata ta’ gravità

    302

    Fir-replika, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 945 tad-deċiżjoni kkontestata, li rata ta’ gravità ta’ 15 % kienet xierqa għall-akkordju relatat mal-NES.

    303

    Fil-premessi 891 sa 947 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat il-motivi li għalihom din ir-rata ta’ gravità kienet xierqa. F’dan il-kuntest, hija semmiet, b’mod partikolari, li l-akkordju relatat man‑NES kellu bħala għan li jiffissa b’mod dirett jew indirett prezzijiet jew kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni. F’dan ir-rigward, hija irrilevat li l-impriżi kienu qablu dwar l-introduzzjoni, il-livell u d-data tal‑introduzzjoni ta’ sovrataxxa relatata man-NES. Hija kkunsidrat ukoll li dan l-akkordju kien ġie implementat b’mod parzjali u li l‑implementazzjoni tiegħu kienet s-suġġett ta’ monitoraġġ.

    304

    Ir-rikorrenti tqis li r-rata ta’ gravità ta’ 15 % użata mill‑Kummissjoni ma tirriflettix b’mod korrett il-gravità tal-akkordju relatat man-NES.

    305

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    306

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jikkontesta speċifikament il‑kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rata ta’ gravità li jinsabu fil-premessi 891 sa 947 tad‑deċiżjoni kkontestata.

    307

    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk l-argumenti tar‑rikorrenti li jkopru l-użu tal-valur tal-bejgħ kienu wkoll ittieħdu inkunsiderazzjoni bħala argumenti li jkopru r-rata ta’ gravità, huma ma jistgħux juru żball fil-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw din ir-rata.

    308

    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-akkordju relatat man-NES jikkostitwixxi akkordju orizzontali li jirrigwarda element tal-prezz tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija u li għalhekk għandu jitqies li huwa restrizzjoni gravi għal kompetizzjoni.

    309

    Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li mill-punt 23 tal-Linji gwida tal-2006 jirriżulta li, għall-akkordji orizzontali li jirrigwardaw l-iffissar ta’ prezzijiet, il-proporzjon tal-bejgħ ikkunsidrat mill-Kummissjoni għandu ġeneralment jinżamm fuq fl-iskala, li titla’ sa 30 %.

    310

    Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tas-servizzi kkonċernati, il-fatt li l-akkordju relatat man-NES kien jirrigwarda biss is-sovrataxxa NES ma jippermettix li jitqies li rata ta’ gravità ta’ 15 % ma hijiex xierqa. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni spjegat fil-premessa 869 tad‑deċiżjoni kkontestata u kif huwa kkonfermat mill-provi li huma msemmija hemmhekk, il-ftehim li jikkonċerna r-riperkussjoni ta’ fatturi ta’ spejjeż permezz tal-impożizzjoni ta’ sovrataxxa seta’ jkollha impatt kunsiderevoli fuq l-aġir tal-burdnara u fuq l-istruttura tas-suq (ara l‑punti 155 sa 156 iktar ’il fuq).

    311

    Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li d-dħul mill-bejgħ teoriku massimu marbut mas-sistema NES jirrappreżenta biss parti żgħira tal-ammont tal-multa imposta u parti iżgħar mid-dħul mill-bejgħ użat mill-Kummissjoni.

    312

    Finalment, fir-rigward tal-implementazzjoni tal-akkordju, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet tal‑Kummissjoni li jidhru fil-premessa 907 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn naħa waħda, il-livell ta’ implementazzjoni tal-akkordju relatat man-NES ma kienx attribwabbli għall-volontà tal-impriżi li jitterminaw dan l-akkordju, iżda iktar għal sitwazzjonijiet estranji għall-funzjonament ta’ dan, bħar-retiċenzi murija mill-klijenti u, min-naħa l-oħra, l-ebda waħda mill-partijiet ma uriet b’mod suffiċjenti li kienet evitat li timplementa l-imsemmi akkordju, billi adottat aġir kompetittiv fis-suq.

    313

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-iffissar ta’ rata ta’ gravità ta’ 15 % ma jistax jitqies li mhux xieraq.

    314

    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment dwar ir-rata ta’ gravità ta’ 15 % stabbilita mill-Kummissjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk dan l-ilment huwiex ammissibbli minkejja l-fatt li r-rikorrenti, minn naħa waħda, ma invokatx in-natura mhux xierqa ta’ din ir-rata ħlief fl-istadju tar-replika u, min-naħa l-oħra, ma identifikatx il-kunsiderazzjonijiet tal‑Kummissjoni li jikkonċernaw ir-rata ta’ gravità li hija xtaqet tikkontesta.

    Fuq l-ilment dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti

    315

    Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ akkordju qabel u l-effett tiegħu fuq il-prezzijiet tas‑servizzi ta’ trasport bħala ċirkustanza attenwanti. Il-Kummissjoni kellha tinvestiga iktar f’dan ir-rigward u għalhekk kienet kisret ukoll il‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    316

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    317

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jwasslu, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal tnaqqis fl-ammont bażiku tal‑multa.

    318

    Fil-fatt, meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li tiġi eżaminata l-gravità relatata mal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom, bil-għan li jiġi stabbilit jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il-Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra, EU:T:2011:621, punt 277).

    319

    Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li ma huwiex possibbli li jkun hemm rabta bejn l-eżistenza ta’ akkordju li jkopri suq qabel ma’ waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija espressivament fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006.

    320

    Barra minn hekk, anki jekk il-lista prevista fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 ma hijiex eżawrjenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza tal‑akkordju li jkopri s-suq ta’ servizzi ta’ trasport huwa fattur estern li ma jistax inaqqas il-gravità relatata mal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl‑akkordju dwar in-NES.

    321

    Barra minn hekk, sa fejn l-argument imressaq mir-rikorrenti għandu jinftiehem bħala li jkopri r-rabta każwali bejn is-sovrataxxi li l-burdnara jitolbu mingħand il-klijenti tagħhom u dawk imposti mit-trasportaturi, huwa suffiċjenti li jiġi stabbilit li tali argument ma jistax jiġġustifika akkordju illegali bejn il-burdnara intiż sabiex ma jkunx hemm kompetizzjoni fir-rigward tal-ispejjeż li jirriżultaw mis-servizzi ta’ depożitu NES, iżda li jgħaddu dawn l-ispejjeż addizzjonali lill-klijenti tagħhom.

    322

    Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ akkordju li jkopri s-servizzi ta’ trasport ma jistax jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti.

    323

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti Ġenerali kellha diġà l‑okkażjoni li teżamina u tiċħad argument komparabbli (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2014, Reagens vs Il-Kummissjoni, T‑30/10, EU:T:2014:253, punt 289).

    324

    Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l‑Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċirkustanza attenwanti u li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament

    325

    Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament filwaqt billi f’din il-kawża segwiet metodoloġija differenti minn dik segwita fil-Każ COMP/39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem il-“każ dwar it-trasport tal‑merkanzija bl-ajru”). F’dan il-każ, hija kellha tiffissa l-ammont tal‑multi imposti fuq it‑trasportaturi unikament abbażi tad-dħul mill‑bejgħ iġġenerat mill‑ispejjeż relatati mal-karburant u mas-sigurtà.

    326

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt li għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 101 TFUE u li jipprekludi dak li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, GDF Suez vs Il-Kummissjoni, T‑370/09, Ġabra, EU:T:2012:333, punt 386).

    327

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni ttrattatx sitwazzjoni paragunabbli b’mod differenti, l-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li l-prattika deċiżjonali tagħha preċedenti tagħha ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra għandhom biss natura indikattiva f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, peress li ċ‑ċirkustanzi tal-każijiet differenti ma jkunux identiċi (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra, EU:C:2006:594, punti 201205).

    328

    Dan japplika iktar u iktar għal dan il-każ, li fih l-element inkwistjoni, jiġifieri l-iffissar tal-valur tal-bejgħ użat bħala punt ta’ tluq għall‑kalkolu tal-ammont tal-multi, huwa s-suġġett ta’ regola espliċita fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006. Fil-fatt, f’tali eżempju, għandu jiġi eżaminat ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi punt, li l-Kummissjoni adottat bil-għan li ssaħħaħ il-koerenza tal-pożizzjoni tagħha minn kawża għall-oħra. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa waħda, il-Kummissjoni osservat il-metodoloġija ġenerali prevista mill-imsemmi punt u, min-naħa l-oħra, fiċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, hija ma kinitx obbligat li teskludiha.

    329

    Għaldaqstant, anki fil-każ fejn l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li l‑Kummissjoni segwiet metodoloġija differenti fil-kawża tal-merkanzija bl-ajru tkun ippruvata, din ma tistax turi li, f’dan il-każ, hija kisret il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, jew kuntrarjament għal dak li japplika f’dan il-każ, fil-kawża tal‑merkanzija bl-ajru kienu jeżistu karatteristiċi li jiġġustifikaw li l‑Kummissjoni teskludi l-metodu ġenerali previst fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, jew il-Kummissjoni ma kinitx osservathom fl-imsemmija kawża. Issa, fiż-żewġ każijiet, ir-rikorrenti ma kellhiex id‑dritt titlob li f’din il-kawża tiġi ttrattata bl-istess mod bħal fil-każ tal‑merkanzija bl-ajru.

    330

    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

    Konklużjoni

    331

    Għaldaqstant, sa fejn tkopri l-annullament tal-multa imposta fl‑Artikolu 2(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

    332

    Għandha tiġi miċħuda wkoll sa fejn hija invokata insostenn tat-talba għall-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    333

    Fil-fatt, l-eżami ta’ din il-parti mhux biss ma weriex żbalji, iżda lanqas elementi mhux xierqa fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi.

    334

    B’mod partikolari, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 240 sa 264 u 272 sa 301 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li la l-approċċ maħsub mir-rikorrenti li jikkonsisti li jiġi kkunsidrat biss id-dħul mill‑bejgħ iġġenerat mis-servizzi ta’ depożitu NES, la dak li l‑ispejjeż tas-servizzi ta’ trasport jistgħu jitnaqqsu mill-valur tal-bejgħ użat, u lanqas dak li dan il-valur tal-bejgħ jiġi adattat minħabba l-eżistenza ta’ akkordju li jkopri s-suq tas-servizzi ta’ trasport ma jistgħu jitqiesu li huma xierqa, peress li tali approċċi ma jistgħux jirriflettu b’mod adegwat is-sinjifikat ekonomiku tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju relatat man-NES, li kien ikopri s-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija bħala lott ta’ servizzi.

    335

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, anki jekk ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza ta’ marġni żgħir tista’ tkun indikazzjoni ta’ kapaċità dgħajfa finanzjarja ta’ impriża minkejja d-daqs tad-dħul mill-bejgħ tagħha, f’dan il-każ ma tqajjem l-ebda argument li jippermetti li jiġi stabbilit li l-multi imposti kienu eċċessivi fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tar-rikorrenti.

    336

    Barra minn hekk, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 265 sa 271 iktar ’il fuq, l-approċċ li jista’ jiġi kkunsidrat biss il-bejgħ li fuqu realment ġiet imposta sovrataxxa NES lanqas ma jitqies li huwa xieraq.

    337

    Għalhekk, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-drittijiet tad-difiża

    338

    Din il-parti tkopri l-motivazzjoni li tidher fil-premessi 887 u 888 tad‑deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom ma kellux jingħata aċċess lir-rikorrenti għall-fajl tal-każ dwar it-trasport tal-merkanzija bl-ajru. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrilevat li r-rikorrenti ma kinitx involuta f’dan każ u, li, għaldaqstant, hija ma setax ikollha aċċess għall-fajl skont il-komunikazzjoni tagħha dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl fil-kawżi li jaqgħu taħt l‑Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), u lanqas taħt ir‑Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004 (KE), tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l‑Artikolu [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81). Barra minn hekk, hija kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-ebda wieħed mid-dokumenti f’dan il-fajl relatat mal‑każ tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru ma kien rilevanti fir-rigward tar-responsabbiltà tal-burdnara fil-kawża preżenti.

    339

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 27(1) tar‑Regolament Nru 1/2003 u d-drittijiet tad-difiża. Hija kellha tippermettilha teżamina l-informazzjoni rilevanti fil-każ tat-trasport tal‑merkanzija bl-ajru, li hija marbuta mill-qrib ma’ din il-kawża. Mingħajr aċċess adegwat għall-fajl, hija ma setgħetx teżerċita kompletament id-drittijiet tad-difiża tagħha.

    340

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    341

    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, qabel ma jittieħdu d‑deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2) tal‑imsemmi regolament, il-Kummissjoni tagħti lill-impriżi involuti fil-proċedura l-okkażjoni li jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar l-ilmenti li hija kellha. Hija tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq l-ilmenti li dwarhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jsostnu l-pożizzjoni tagħhom.

    342

    L--Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li d-drittijiet tad‑difiża tal-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu żgurati kompletament matul l-iżvolġiment tal-proċedura. Il-partijiet għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni suġġett għall‑interess leġittimu tal-impriżi sabiex is-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati.

    343

    Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 773/2004, fuq talba, il‑Kummissjoni tagħti l-aċċess għall-fajl lill-partijiet lil lilhom hija bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-aċċess jingħata wara n‑notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    344

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tagħti l-possibbiltà lill-impriża kkonċernata li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl ta’ investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra, EU:C:2010:389, punt 22).

    345

    Fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti li jiskaġunaw, hija ġurisprudenza stabbilita li l-impriża għandha sempliċement tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar seta’ jinfluwenza, bi ħsara għal din tal-aħħar, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni. Għalhekk huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet użat l-imsemmija dokumenti għad-difiża tagħha, fis-sens li, li kieku setgħet tużahom matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tista’ tinvoka elementi li ma jikkorrispondux mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u setgħet għalhekk tinfluwenza, b’xi mod jew ieħor, l‑evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni eventwali, tal-inqas fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-aġir li dwaru hija ġiet ikkritikata, u, għalhekk, il-livell tal-multa (sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 344 iktar ’il fuq, EU:C:2010:389, punt 23).

    346

    Minn dan isegwi li hija r-rikorrenti li mhux biss għandha tistabbilixxi li hija ma kellhiex aċċess għad-dokumenti li kienu jinsabu fil-fajl tal-każ dwar it-trasport tal-merkanzija bl-ajru, iżda wkoll li hija setgħet tużahom fid-difiża tagħha. Fil-fatt, hija ma tistax tinvoka b’mod utli n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti mhux rilevanti.

    347

    Ir-rikorrenti targumenta li, abbażi ta’ partijiet rilevanti tal-fajl tal-każ dwar it-trasport tal-merkanzija bl-ajru, hija kienet kapaċi tipprovdi evalwazzjoni tal-effett tal-akkordju relatat mat-trasport tal-merkanzija bl-ajru fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha. B’hekk, hija setgħet tistabbilixxi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill‑bejgħ ta’ valur ogħla milli suppost ma kinitx xierqa u kienet sproporzjonata.

    348

    Issa, kif ġie spjegat fil-punti 272 sa 281 u 315 sa 324 iktar ’il fuq, l‑eżistenza ta’ akkordju li jkopri s-servizzi ta’ trasport bl-ajru ma setax ikollu effett fuq id-dħul mill-bejgħ użat mill-Kummissjoni u lanqas li jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-punti 325 sa 330 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża lment fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fuq l-aġir tal‑Kummissjoni fil-każ tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru.

    349

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li d‑deċiżjoni tal-Kummissjoni li jiġi rrifjutat lilha l-aċċess għall-fajl mingħajr eżami ieħor ma hijiex koerenti mal-“approċċ globali tad-dritt tal-Unjoni”. Fil-fatt, dan l-argument ma jistax jikkontesta l-konklużjoni li l-kontenut tal-fajl tal-każ tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru ma setax jinfluwenza l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, sa fejn, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni (T‑344/08, Ġabra, EU:T:2012:242), għandu jiġi rrilevat, minn naħa waħda, li din is-sentenza kienet tirrigwarda l-aċċess għall-fajl skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l‑aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) u mhux id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 341 sa 343 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, li din is-sentenza kienet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, Ġabra, EU:C:2014:112).

    350

    Ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jista’ jikkontesta dawn il‑kunsiderazzjonijiet jew juri li l-kontenut tal-fajl tal-każ tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru seta’ jinfluwenza element ieħor tal‑evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

    351

    Għalhekk, għandha tiġi miċħuda wkoll din il-parti u, għalhekk, dan il‑motiv kollu kemm hu, mhux biss f’dak li jikkonċerna t-talba għal annullament, iżda wkoll f’dak li jikkonċerna t-talba tal-eżerċizzju, mill‑Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    6. Dwar is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament, ta ’ nuqqas ta ’ osservanza tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u ta ’ żball ta ’ evalwazzjoni

    352

    Dan il-motiv jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti l‑immunità ta’ multa lil DP għall-akkordju relatat man-NES.

    353

    Fil-premessi 1026 sa 1103 tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa waħda, il-Kummissjoni tat l-immunità ta’ multa lil DP għall-akkordji relatati man-NES, mal-AMS, mal-CAF u mal-PSS. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni irrilevat li, meta hija rċeviet l-applikazzjoni għall‑immunità ta’ DP, fir-rigward tal-informazzjoni li hija kienet issottomettiet lilha, hija kienet korretta meta tatha, fl-ittra tagħha tal‑24 ta’ Settembru 2007, immunità kundizzjonali għal akkordju allegat bejn il-fornituri privati ta’ servizzi ta’ spedizzjoni internazzjonali tal‑merkanzija bil-għan li jiffissaw jew li jgħaddu fuq il-klijenti tagħhom diversi drittijiet u sovrataxxi, b’mod partikolari [kunfidenzjali]. Fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kkunsidrat li DP kienet ikkooperat b’mod sodisfaċenti u li l-akkordju preżunt li għalih hija kienet tat l-immunità kundizzjonali lil DP “kien ikopri b’mod sħiħ il‑ksur kollu msemmi fid-deċiżjoni kkontestata”. Min-naħa l-oħra, il‑Kummissjoni evalwat li l-applikazzjonijiet għall-immunità u għal tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ impriżi oħra b’rabta ma’ dawn l‑akkordji.

    354

    Ir-rikorrenti ssostni li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma vvizzjati bi żbalji. Il-Kummissjoni ppreferiet lil DP meta mqabbla ma’ impriżi oħra li kienu ssottomettew applikazzjonijiet għall-immunità u għal tnaqqis, billi evalwat l-applikazzjonijiet tagħhom fuq bażi differenti minn dik ta’ DP. Minkejja li stabbilixxiet l-eżistenza ta’ erba’ ksur, il-Kummissjoni kienet tat immunità kundizzjonali ġenerali li tkopri s-settur tal‑ispedizzjoni tal-merkanzija bl-ajru lil DP, mingħajr ma eżaminat jekk il-provi prodotti minn din l-impriża kinux koprew l-aġir kollu inkwistjoni. Il-Kummissjoni pproċediet b’mod differenti f’dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet għal tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ impriżi oħra, li hija evalwat fir-rigward ta’ kull ksur meħud b’mod separat. Ir-rikorrenti tallega li, kieku l-applikazzjonijiet kollha għall‑immunità u għal tnaqqis tal-ammont tal-multi ġew evalwati billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-settur ta’ spedizzjoni tal-merkanzija kollu kemm hu, hija kien ikollha dritt għal trattament iktar favorevoli.

    355

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    356

    Fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti, intiżi sabiex juru li, kieku l‑Kummissjoni applikat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 b’mod korrett, hija kellha tkun ittrattata b’mod iktar favorevoli, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni kkommettietx żball billi tat l-immunità lil DP għall-akkordju relatat man-NES qabel ma jiġi eżaminat, fit-tieni lok, l-argument ibbażat fuq il-fatt l-Kummissjoni użat bażi differenti għall-applikazzjonijiet ta’ tnaqqis tal-ammont ta’ multi ta’ impriżi oħra, fosthom ir-rikorrenti.

    Fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tal-immunità

    357

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jirriżulta li l-Kummissjoni tagħti immunità kundizzjonali lil impriża li tiżvela l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju allegat jekk hija tkun l-ewwel li tipprovdi informazzjoni u provi li jippermettulha li twettaq spezzjoni mmirata b’konnessjoni ma’ dan l‑akkordju.

    358

    Il-punt 9 ta’ dan l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jipprevedi dan li ġej:

    “Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq spezzjoni mmirata skont il‑punt 8(a), l-impriża għandha tagħtiha l-informazzjoni u l-provi msemmija hawn taħt, sa fejn, skont il-Kummissjoni, dan ma jikkompromettix l-ispezzjonijiet:

    (a)

    dikjarazzjoni tal-impriża […] li tinkludi, sa fejn dan ikun magħruf meta jkun qed jippreżentaha:

    deskrizzjoni ddettaljata tal-akkordju allegat, inkluż b’mod partikolari l-għanijiet, l-attivitajiet u t-tħaddim tiegħu; il‑prodott/i jew is-servizz/i kkonċernat/i, il-portata ġeografika tiegħu, id‑dewmien u l-volumi tas-suq stmati li ser jiġu affettwati mill‑akkordju allegat; informazzjoni speċifika dwar id-data, il‑post, is‑suġġett u l-parteċipanti tal-akkordji allegati; l‑ispjegazzjonijiet rilevanti kollha fuq il-provi prodotti insostenn tal-applikazzjoni;

    l-isem u l-indirizz tal-entità ġuridika li tkun qed tippreżenta l‑applikazzjoni għall-immunità, kif ukoll l-isem u l-indirizz tal‑impriżi l-oħra kollha li jipparteċipaw jew ipparteċipaw fl‑akkordju allegat;

    l-isem il-pożizzjoni, l-indirizz tal-uffiċċju u, fejn meħtieġ, l‑indirizzi privat tal-persuni kollha, li sa fejn jaf l-applikant, huma jew kienu involuti fl-akkordju allegat, u b’mod partikolari ta’ dawk li kienu involuti f’isem l-applikant;

    l-awtoritajiet l-oħra tal-kompetizzjoni, ġewwa jew barra l-UE, ġew ikkuntattjati jew huma maħsuba li ser jiġu kkuntattjati f’dak li għandu x’jaqsam mal-akkordju allegat; u

    (b)

    provi oħra relatati mal-akkordju allegat li jkunu fil-pussess tal‑impriża jew disponibbli lilha fid-data tal-preżentata tal‑applikazzjoni, u b’mod partikolari l-provi kontemporanji tal-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    359

    Skont il-punt 18 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, wara li tirċievi mingħand l-impriża l-informazzjoni u provi u wara li tivvverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 8(a) tagħha, kinux issodisfatti, il-Kummissjoni tagħti bil-miktub immunità kundizzjonali ta’ multa lill-impriża.

    360

    Mill-punt 22 tal-imsemmi Avviż jirriżulta li, jekk, fi tmiem il-proċedura amministrattiva, l-impriża tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil‑punt 12 tagħha, fosthom, b’mod partikolari, kooperazzjoni reali, totali, permanenti u rapida mal-Kummissjoni, din tal-aħħar tagħtiha l‑immunità definittiva fid-deċiżjoni li ttemm il-proċedura amministrattiva.

    361

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bl-adozzjoni tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2006, il-Kummissjoni ħolqot aspettattivi leġittimi, fatt li hija rrikonoxxiet barra minn hekk fil-punt 38 tal-imsemmi Avviż. Fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni jistgħu jisiltu minn dan l-Avviż, il-Kummissjoni hija għalhekk obbligata li tikkonforma ruħha miegħu. Għaldaqstant, fil‑każ fejn il-Kummissjoni ma tkunx osservat il-linji gwida imposti mill‑imsemmi Avviż, hija tkun kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra, EU:T:2008:211, punt 510, u tat-13 ta’ Lulju 2011, Kone et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/07, Ġabra, EU:T:2011:365, punt 127).

    362

    Fir-rigward tal-għażla tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-applikazzjoni ta’ kriterji msemmija fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq l-istħarriġ tal-legalità li jaqa’ fuqha, mingħajr ma tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l‑Kummissjoni sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fil-fond kemm fid‑dritt kif ukoll fil-fatt (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il-Kummissjoni, C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punti 2454).

    363

    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

    364

    Rigward l-istruttura tar-regoli tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, għandu jiġi eżaminat jekk, skont il-punt 8(a) u l-punti 9 u 18 tal‑Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, il-Kummissjoni kinitx korretta li tagħti immunità kundizzjonali lil DP għal akkordju allegat ta’ livell kif imsemmi fil-punt 353 hawn fuq, qabel ma jiġi eżaminat, jekk, fi tmiem il-proċedura amministrattiva, hija kellhiex dritt li tagħtiha l-immunità definittiva fir-rigward tal-akkordju relatat man-NES.

    365

    Skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, DP għalhekk kellha tkun l-ewwel impriża li tagħti informazzjoni u provi li jippermettu lill-Kummissjoni li twettaq spezzjoni mmirata b’konnessjoni mal-akkordju allegat li jkopri l-akkordju relatat man‑NES.

    366

    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-mument meta DP issottomettiet l-applikazzjoni għall-immunità, il-Kummissjoni ma kellha ebda informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur eventwali fis-settur tal‑ispedizzjoni tal-merkanzija bl-ajru. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tevalwa l-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP abbażi ta’ informazzjoni u provi pprovduti minnha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l‑informazzjoni ta’ DP ippermettitilha twettaq spezzjonijiet immirati fir‑rigward ta’ akkordju tal-livell kif imsemmi fil-punt 353 iktar ’il fuq.

    367

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti targumenta biss li l-Kummissjoni tat lil DP immunità awtomatika għall-aġir kollu inkwistjoni mingħajr ma evalwat jekk il-provi prodotti minn DP kinux ikopru l-aġir kollu inkwistjoni.

    368

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-mument li fih il-Kummissjoni tirċievi applikazzjoni għall-immunità fis-sens ta’ dan il-paragrafu, hija ma jkunx għad għandha għarfien dwar l-akkordju inkwistjoni. Għalhekk, kif spjegat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1 tal-punt 8(a) tal‑Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, hija għandha tipproċedi b’evalwazzjoni ex ante tal-applikazzjoni għall-immunità, ibbażata b’mod esklużiv fuq in-natura u l-kwalità tal-informazzjoni pprovduta mill-impriża.

    369

    L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 ma jipprekludix għalhekk li l‑Kummissjoni tagħti l-immunità kundizzjonali lil impriża, anki jekk l‑informazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar ma tippermettilhiex li jkollha idea ddettaljata u preċiża dwar in-natura u l-portata tal-akkordju allegat.

    370

    Fil-fatt, minn naħa waħda, għalkemm il-punt 9(a) tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2006 jirrikjedi li l-impriża li titlob l-immunità tipprovdi lill-Kummissjoni “deskrizzjoni ddetaljata”, b’mod partikolari tal-akkordju allegat u tal-portata ġeografika tiegħu kif ukoll “informazzjoni speċifika” dwar is-suġġett tiegħu, dan l-obbligu japplika biss sa fejn l-impriża għandha għarfien dwaru fil-mument tal‑applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-kollaborazzjoni ta’ impriża għall-iskoperta ta’ akkordju li dwaru l-Kummissjoni ma kellha l-ebda għarfien għandha valur instrinsiku li jista’ jiġġustifika l‑immunità tal-multa. Fil-fatt, l-għan tal-punt 8(a) u tal-punt 18 tal‑Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 huwa li jiffaċilita l-kxif ta’ ksur mhux magħruf mill-Kummissjoni, li kieku jibqa’ sigriet fl-assenza ta’ provi mogħtija mill-impriża li qed tapplika għall-immunità (ara, b’analoġija, is-sentenza Kone et vs Il-Kummissjoni, punt 362 iktar ’il fuq, EU:C:2013:696, punt 67).

    371

    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il-punti 8(a) u l-punti 9 u 18 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 ma jirrikjedux li l-elementi sottomessi mill-impriża jikkostitwixxu informazzjoni u provi li jkopru b’mod speċifiku l-ksur li l-Kummissjoni tikkonstata fi tmiem il-proċedura amministrattiva. Huwa biżżejjed li dawn jippermettulha twettaq investigazzjoni mmirata b’konnessjoni mal-ksur allegat li jkopri ksur wieħed jew ħafna li hija tikkonstata fi tmiem din il-proċedura.

    372

    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jista’ jikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li d‑dettalji u l‑informazzjoni li DP kienet ipprovditilha qabel l-24 ta’ Settembru 2007 kienu jippermettulha twettaq spezzjoni mmirata dwar l‑akkordju preżunt bejn il-fornituri privati ta’ servizzi ta’ spedizzjoni internazzjonali tal-merkanzija bil-għan li jiffissaw jew jiġbru diversi drittijiet u sovrataxxi fit-territorji msemmija fil-punt 353 iktar ’il fuq.

    373

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi tat l-immunità kundizzjonali lil DP għal tali akkordju allegat bis-saħħa tal-punt 8(a) u tal-punti 9 u 18 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

    374

    Dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti l-immunità definittiva lil DP fi tmiem il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi rrilevat li, wara li kien ikkonstatat, fil-premessa 1029 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑akkordji relatati man-NES, mal-AMS, mal-CAF u mal-PSS kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu distint, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 1031 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-akkordju preżunt li għalih hija kienet tat l-immunità kundizzjonali lil DP “kien ikopri kompletament il-ksur kollu msemmi fid-deċiżjoni kkontestata”.

    375

    Billi mxiet hekk, il-Kummissjoni segwiet il-proċedura prevista mill‑punt 22 tal-Avviż tal-kooperazzjoni tal-2006.

    376

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kisritx il-kundizzjonijiet previsti fil‑punt 8(a) u fil-punti 9, 18 u 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006.

    Fuq l-argument ibbażat fuq l-użu ta ’ bażi differenti

    377

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni billi ttrattat l-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP fuq bażi differenti mill-applikazzjonijiet ta’ impriżi oħra.

    378

    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 1029 u 1031 tad-deċiżjoni kkontestata, meta, fi tmiem il‑proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ddeċidiet b’mod definittiv dwar l-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP u dwar l-applikazzjonijiet għal tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ impriżi oħra, hija evalwat dawn l‑applikazzjonijiet fuq l-istess bażi, jiġifieri b’konnessjoni mal-akkordji distinti relatati man-NES, mal-AMS, mal-CAF u mal-PSS li hija kienet ikkonstatat f’dan l-istadju tal-proċedura.

    379

    Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni applikat b’mod ħażin l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 billi ħadet inkunsiderazzjoni elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument li fih hija rċeviet, minn naħa waħda, l-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP, u min-naħa l-oħra, l-applikazzjonijiet ta’ impriżi oħra, fosthom dik tar-rikorrenti. Skont ir‑rikorrenti, il-mument tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għall‑immunità u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet. Għalhekk, ma setax jiġi kkunsidrat mill-ġdid sabiex tkun iġġustifikata l‑applikazzjoni ta’ DP u l-applikazzjonijiet għal tnaqqis ta’ impriżi oħra li kienu ttrattati fuq bażi differenti.

    380

    L-ewwel nett, fil-każ fejn dan l-ilment ikopri l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument fejn l-applikazzjonijiet differenti ġew sottomessi, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li mir-regoli previsti fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni hija obbligata li tikkunsidra l-elementi li hija tiddisponi minnhom fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għall-immunità jew għal tnaqqis. B’hekk, mill-punt 10 tal-imsemmi Avviż jirriżulta li l-immunità kundizzjonali fis-sens tal-punt 8(a) ma tingħatax jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex diġà provi suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjoni li tordna spezzjoni b’konnessjoni mal-akkordju preżunt. Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal tnaqqis tal-ammont tal-multi, mill-punt 24 tal-Avviż dwar kooperazzjoni tal-2006 jirriżulta li, sabiex tikseb tnaqqis, impriża għandha tagħti lill-Kummissjoni provi tal-ksur preżunt li jwasslu għal valur miżjud sinjifikattiv “b’konnessjoni mal-provi diġà fil-pussess ta’ [din tal-aħħar]”.

    381

    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li l-programm ta’ klemenza tal‑Kummissjoni ma huwiex intiż sabiex iwassal lill-impriżi li jipparteċipaw f’akkordji sigrieti għall-possibbiltà li jevitaw il‑konsegwenzi pekunjarji tar-responsabbiltà tagħhom, iżda li jiffaċilita l-kxif ta’ tali prattiki u sussegwentement, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikostruzzjoni tal-fatti rilevanti sa fejn dan huwa possibbli. Għalhekk, il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu mill-impriżi li jipparteċipaw f’tali prattiki ma jistgħux jaqbżu l-livell li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-programm ta’ klemenza u tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni.

    382

    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żbalji meta kkunsidrat il-fatt li, fil‑mument li fih DP issottomettiet l-applikazzjoni tagħha għall‑immunità, hija kien għad ma kellhiex għarfien ta’ aġir antikompetittiv li jkopri servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, minkejja li, fil-mument li fih hija rċeviet l-applikazzjonijiet minn impriżi oħra, fosthom dik tal-grupp DB, hija kellha diġà tali informazzjoni. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, meta l-impriżi oħra ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni kellha mhux biss informazzjoni u provi li DP kienet issottomettitilha, iżda wkoll minn provi li hija kienet ġabret matul l-ispezzjonijiet għall-għarrieda.

    383

    It-tieni nett, fil-każ li l-argument tar-rikorrenti jkopri l-fatt li, minn naħa waħda, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP, fl‑ewwel lok, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali abbażi ta’ informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha f’dan l-istadju tal-proċedura u, fit-tieni lok, fi tmiem il‑proċedura amministrattiva, hija tat immunità definittiva għall-akkordji kkonstatati minħabba li dawn kienu koperti mill-akkordju li għalih hija kienet tat l-immunità kundizzjonali, filwaqt, li min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l‑applikazzjonijiet għal tnaqqis ta’ impriżi oħra, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex teżamina l-valur miżjud tal-informazzjoni u tal-provi pprovduti b’konnessjoni mal-akkordji kkonstatati fi tmiem il-proċedura amministrattiva, dan għandu wkoll jiġi miċħud.

    384

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jipprevedi sistemi distinti, minn naħa waħda, għall‑applikazzjonijiet ta’ immunità u, min-naħa l-oħra, għall-applikazzjonijiet ta’ tnaqqis fl-ammont tal-multi. Fil-fatt, huwa biss fil-każ tal-applikazzjonijiet għall-immunità li jipprevedi li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ immunità kundizzjonali abbażi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-mument li hija tirċievi tali applikazzjoni, għalhekk fuq bażi ta’ evalwazzjoni ex ante. Għall-kuntrarju, għal applikazzjonijiet għal tnaqqis tal-ammont tal-multi, tali deċiżjoni kundizzjonali antiċipata ma hijiex prevista u l-Kummissjoni tillimita ruħha għalhekk sabiex teżamina, fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-valur miżjud tal‑informazzjoni u tal-provi sottomessi b’konnessjoni mal-akkordji li hija kkonstatat fi tmiem il-proċedura.

    385

    Sa fejn l-argument tar-rikorrenti huwa intiż sabiex jikkontesta din id‑distinzjoni magħmula mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-trattament ipprivileġġat tal-ewwel impriża li tikkopera b’mod utli mal-Kummissjoni fis-sens tal-punt 8 tal‑imsemmi Avviż huwa ġġustifikat mill-għanijiet, minn naħa waħda, sabiex iħajru lill-impriżi li jikkooperaw mill-iktar fis possibbli ma’ din tal-aħħar sabiex jibbenefikaw minn dan it-trattament ipprivileġġat u, min-naħa l-oħra, li ma jagħtux lill-impriżi li ma humiex minn tal-ewwel li jikkooperaw b’mod utli mal-Kummissjoni, benefiċċji li jmorru lil hinn mil-livell neċessarju li jiżgura l-effikaċja sħiħa tal-programm ta’ klemenza u tal-proċedura amministrattiv (ara l-punt 381 iktar ’il fuq).

    386

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li d-distinzjoni bejn is-sistema prevista, minn naħa waħda, għall-applikazzjonijiet għall-immunità, u, min-naħa l-oħra, għall-applikazzjonijiet għal tnaqqis ma hijiex daqstant ċara bir-regola prevista fit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2006. Skont din ir-regola, meta impriża li titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħti provi determinanti fis-sens tal‑punt 25 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, li l-Kummissjoni tuża biex tistabbilixxi fatti supplimentari li jsaħħu l-gravità u t-tul tal‑ksur, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax dawn il-fatti sabiex tiffissa l‑ammont tal-multa imposta fuq l-impriża li pprovdiethom u tagħtiha, minħabba dan il-fatt, “immunità parzjali”.

    387

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni evalwat l-applikazzjoni għall-immunità ta’ DP u l-applikazzjonijiet għal tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ impriżi oħra fuq bażi differenti għandu wkoll jiġi miċħud.

    388

    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jistabbilixxi li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-applikazzjoni għall-immunità ta’ multa ta’ DP u l-applikazzjonijiet għal tnaqqis fl-ammont tal-multi ta’ impriżi oħra huma vvizzjati bi żbalji.

    389

    Konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mhux biss f’dak li jikkonċerna t-talba għall-annullament, iżda wkoll f’dak li jikkonċerna t-talba għall-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal‑ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    7. Fuq is-seba ’ motiv, li jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tintlaħaqx tranżazzjoni tal-kawża

    390

    Ir-rikorrenti targumenta li, b’ittra tal-21 ta’ Ottubru 2009, il-grupp DB informa lill-Kummissjoni bil-fatt li din il-kawża setgħet tiġi tranżatta u esprimiet l-interess tagħha li tiftaħ negozjati sabiex tintlaħaq tranżazzjoni. Filwaqt li rrispondiet, b’ittra tal-4 ta’ Novembru 2009, li, fid-dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ u tal-istadju relattivament avvanzat tal-proċedura, hija ma kkunsidratx li huwa xieraq li tiftaħ diskussjonijiet sabiex tintlaħaq tranżazzjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni, minn naħa waħda, kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni u min-naħa oħra, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    Dwar l-ewwel parti, ibbażata, b’mod partikolari, fuq ksur tal‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u żbalji ta ’ evalwazzjoni

    391

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li, wara li rċeviet l-ittra tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni kellha, minn naħa waħda, tistaqsi jekk il-partijiet ikkonċernati kinux jixtiequ jipparteċipaw fi tranżazzjoni sabiex tkun tista’ teżerċita b’mod utli s-setgħa diskrezzjonali tagħha u, min-naħa l-oħra, tiftaħ diskussjoni magħha bil‑għan li tintlaħaq tranżazzjoni tal-kawża. L-għan ta’ proċedura ta’ tranżazzjoni huwa sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi tal‑Kummissjoni filwaqt li jitjiebu l-metodi ta’ eżekuzzjoni mingħajr ma jiżdiedu neċessarjament l-oneri amministrattivi. Issa, il-Kummissjoni ma setgħetx tevalwa b’mod adegwat il-possibbiltajiet li jkun hemm gwadann ta’ effiċjenza bis-saħħa tal-proċedura ta’ tranżazzjoni mingħajr ma tkun żgurata minn qabel jekk il-partijiet involuti fl-investigazzjoni kinux disposti li eventwalment jirrikonoxxu r-responsabbiltà tagħhom fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE għall-aġir kollu jew parti minnu eżaminat minnha.

    392

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    393

    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l‑approċċ sostnut mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għandhiex kapaċità tevalwa għal kollox l-opportunità ta’ proċedura ta’ tranżazzjoni qabel ma tkun daħlet f’kuntatt mal-partijiet ikkonċernati u qabel ma tkun fittxet l‑interess tagħhom li jaslu għal tranżazzjoni tal-kawża. Għalhekk, il‑Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li ma tikkunsidrax tranżazzjoni tal-kawża qabel ma tidħol f’kuntatt mad‑destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

    394

    Tali approċċ ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli.

    395

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Nru 773/2004, kif kien emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008, tat‑30 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 171, p. 3), il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi terminu lill-partijiet sabiex huma jkunu jistgħu jinformawha bil-miktub jekk humiex disposti jipparteċipaw f’diskussjonijiet bil-għan li tintlaħaq tranżazzjoni, sabiex jippreżentaw, f’dan il-każ, proposti ta’ tranżazzjoni. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta għalhekk b’mod ċar li ma hijiex obbligata li tidħol f’kuntatt mal-partijiet, iżda li għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Dan il-qari tal-Artikolu 10(1)(a) tar‑Regolament Nru 773/2004, kif emendat, huwa kkonfermat mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 622/2008, li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tidentifika liema każijiet jistgħu jkunu adattati sabiex tesplora l-interess tal-partijiet f’parteċipazzjoni f’diskussjonijiet ta’ tranżazzjoni, sabiex tiddeċiedi li tibda dawn id-diskussjonijiet jew li ttemmhom jew li tintlaħaq tranżazzjoni definittiva fil-każ.

    396

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-prattika tal-Kummissjoni hija konformi ma’ dan l-approċċ. Fil-fatt, skont il-punt 6 tal‑Avviż relatata mal-proċeduri ta’ tranżazzjoni, meta hija tikkunsidra li każ partikolari jista’ jwassal, bħala regola, għal tranżazzjoni ta’ kawża, hija għandha tfittex li tagħraf l-interess eventwali tal-partijiet kollha sabiex tintlaħaq tranżazzjoni, minkejja li l-partijiet fil-proċedura ma għandhomx dritt għal din il-forma ta’ proċedura. Minn dan il-punt jirriżulta b’mod ċar li huwa biss fil-każ fejn hija tikkunsidra li kawża tista’ tiġi tranżatta li hija għandha tfittex li tagħraf l-interess tal-impriżi kkonċernati. Għaldaqstant, l-imsemmi punt jipprevedi wkoll il‑possibbiltà li hija tista’ tikkunsidra li kawża ma twassalx għal trattament ta’ tranżazzjoni mingħajr ma, minn qabel, tkun daħlet f’kuntatt mal-partijiet ikkonċernati u fittxet l-interessi tagħhom li jilħqu tranżazzjoni.

    397

    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma fittxitx l-interess tagħha u l-interess ta’ impriżi oħra kkonċernati sabiex tintlaħaq tranżazzjoni ma jistax fih innifsu juri li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    398

    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, id‑deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tintlaħaqx tranżazzjoni kienet ivvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni. F’dan il-każ, tranżazzjoni tal-kawża kellha twassal għal gwadann ta’ effiċjenza.

    399

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    400

    Għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tħalli x’tifhem ir‑rikorrenti, il-Kummissjoni użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Novembru 2009, hija rrispondiet li hija ma kkunsidratx li huwa xieraq li tibda diskussjonijiet ta’ tranżazzjoni f’din il-kawża.

    401

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilmenti dwar żball ta’ evalwazzjoni tal‑Kummissjoni, preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, skont l‑indikazzjonijiet ta’ din tal-aħħar, id-deċiżjoni tagħha li ma tintlaħaqx tranżazzjoni f’din il-kawża kienet ibbażata b’mod partikolari fuq il‑kunsiderazzjoni li l-probabbiltà li tasal għal ftehim komuni dwar il‑portata tal-ilmenti eventwali mal-partijiet inkwistjoni ma tidhirx suffiċjentement għolja, fir-rigward, b’mod partikolari, għan-numru sinjifikattiv tagħhom.

    402

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li tranżazzjoni ta’ kawża għandha l‑għan li timmassimizza l-użu tar-riżorsi tal-Kummissjoni bl‑impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effikaċi u mogħtija b’mod rapidu. Skont il-premessa 4 tar-Regolament Nru 622/2008, hija trid tikkunsidra l‑probabbiltà li jintlaħaq, f’terminu raġonevoli, ftehim komuni dwar il‑portata tal-ilmenti eventwali mal-partijiet inkwistjoni. Kif jirriżulta mill-imsemmija premessa, f’dan il-kuntest, hija tista’ tikkunsidra fatturi bħan-numru ta’ partijiet inkwistjoni, id-diverġenzi fil-perspettivi prevedibbli fir-rigward tal-għoti tar-responsabbiltajiet u l-portata tal‑kontestazzjoni tal-fatti. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l‑Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra minbarra dawk li jikkonċernaw eventwali gwadann ta’ effiċjenza, bħall-possibbiltà li jinħoloq preċedent.

    403

    Huwa fid-dawl ta’ dawn kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti jistgħux juru żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

    404

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka n-numru għoli ta’ partijiet ikkonċernati u l-fatt li proċedura ta’ tranżazzjoni setgħet twassal għal gwadann ta’ effiċjenza.

    405

    Fir-rigward ta’ dan l-argument, għandu jitfakkar li gwadann ta’ effiċjenza li jirriżulta minn proċedura ta’ tranżazzjoni huma ikbar meta l-partijiet kollha kkonċernati jaċċettaw li tintlaħaq tranżazzjoni. Fil-fatt, f’tali każ, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tippermetti l-aċċess għall‑fajl u torganizza seduta. Hija tista’ wkoll tillimita ruħha sabiex tirrediġi verżjoni fil-qosor tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’lingwa waħda. Min-naħa l-oħra, jekk waħda jew bosta partijiet ikkonċernati ma jkunux lesti li jilħqu tranżazzjoni, il-gwadann ta’ effiċjenza huwa iktar limitat. Għalhekk, ma huwiex żbaljat li jitqies li numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati għandu r-riskju li jkollu impatt negattiv fuq it‑terminu li fih il-Kummissjoni tilħaq evalwazzjoni komuni dwar il-portata tal-ilmenti eventwali mal-partijiet ikkonċernati.

    406

    Fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, in-numru ta’ partijiet li pparteċipaw fil‑proċedura tela’ għal 47, il-Kummissjoni ma kkommettietx żball meta kkunsidrat li dan l-aspett tal-kawża ma kellux tendenza favur li tintlaħaq tranżazzjoni.

    407

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, minn naħa waħda, li numru mhux żgħir ta’ impriżi kkonċernati ma kinux ikkooperaw mal-Kummissjoni abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 tagħha u li, min-naħa oħra, ċerti elementi fid-deċiżjoni tagħha, bħall-ammissibbiltà tal‑informazzjoni u ta’ provi sottomessi minn DP, l-għoti ta’ responsabbiltà lis-suċċessuri ekonomiċi u l-iffissar tal-valur tal-bejgħ iġġenerat b’konnessjoni mal-akkordji, kienu jirriskjaw li jiġu kkontestati minn ċerti destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, ma setax ikun eskluż li ċerti elementi tad-deċiżjoni kkontestata kienu f’riskju li jiġu kkontestati mid-destinatarji.

    408

    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, in-numru għoli ta’ partijiet ma kienx jipprekludi għalhekk lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi li ma tibdiex proċedura ta’ tranżazzjoni ta’ kawża.

    409

    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li n-numru tal-partijiet ikkonċernati seta’ kien inqas għoli kieku l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċeduri distinti għal kull akkordju relatat mal-AMS, mal-CAF, man-NES u mal‑PSS, minflok li tiġborhom kollha fi proċedura waħda. Il‑Kummissjoni ma setgħetx tuża ċirkustanza li tagħha hija kienet responsabbli.

    410

    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

    411

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kemm l-għażla ta’ tranżazzjoni ta’ kawża kif ukoll l-għażla ta’ trattament parallel ta’ diversi ksur fil‑kuntest tal-istess proċedura għandhom l-għan li jintlaħaq gwadann ta’ effiċjenza. Issa, l-ebda dispożizzjoni ma kienet tipprovdi ġerarkija bejn dawn iż-żewġ għażliet, u l-għażla tal-Kummissjoni li tittratta diversi ksur fil-qafas ta’ proċedura waħda ma hijiex ristretta mill-għażla ta’ tranżazzjoni ta’ kawża. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li għażlet li tittratta l-akkordji relatati mal-AMS, mal-CAF, man-NES u mal-PSS flimkien u li kienet evalwat l-opportunità ta’ tranżazzjoni ta’ kawża filwaqt li kkunsidrat is-sitwazzjoni proċedurali li tirriżulta minn din l-għażla.

    412

    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix li d‑deċiżjoni li tittratta l-ksur imsemmi iktar ’il fuq b’mod iżolat kellu bħala konsegwenza li jwassal għal riżultat ieħor f’dak li jikkonċerna t‑tranżazzjoni ta’ kawża. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk l-imsemmi ksur jiġi kkunsidrat b’mod iżolat, kien jeżisti, għal kull ksur, numru kunsiderevoli ta’ impriżi, li ma kinux ikkooperaw fil-qafas tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u li, abbażi ta’ din iċ‑ċirkustanza, il-Kummissjoni kellha dritt li tqis li l-ebda wieħed mill-ksur ma kien iwassal għal tranżazzjoni ta’ kawża, mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

    413

    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta semmiet l-istadju avvanzat ta’ din il-proċedura. Din ma hijiex raġuni rilevanti sabiex ma tibdiex il-proċedura ta’ tranżazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax tieħu deċiżjoni dwar proċedura possibbli qabel ma tkun laħqet stadju relattivament avvanzat tal-proċedura li jippermettilha tevalwa sew l-aġir tal-impriżi inkwistjoni u li jkollha fil‑pussess tagħha elementi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur.

    414

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    415

    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    416

    Dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-kawża ma kinitx twassal għal tranżazzjoni kienet diġà ġġustifikata minħabba l-kunsiderazzjoni li tirrigwarda n-numru kbir ta’ partijiet (ara l-punti 404 sa 408 iktar ’il fuq).

    417

    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ħadet inkunsiderazzjoni l‑istadju li fih il-proċedura kienet tinstab fil-mument li fih hija rċeviet l‑ittra tal-grupp DB li fiha dan tal-aħħar esprima l-interess tiegħu fi proċedura ta’ tranżazzjoni. Kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, il-fatt li impriżi juru l-interess tagħhom li jipparteċipaw fi tranżazzjoni huwa wieħed mill-fatturi li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra sabiex tiddeċiedi jekk il-każ iwassalx għal tranżazzjoni, peress li dan il-fattur jista’ jinfluwenza l-probabbiltà li jintlaħaq, f’terminu raġonevoli, ftehim komuni dwar il-portata tal-ilmenti eventwali mal-partijiet inkwistjoni. Madankollu, l-oneru li jintwera tali interess jista’ jvarja skont l-istadju tal-proċedura. Fil-fatt, fil-każ fejn, mingħajr ma twettaq żball, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipproċedix bi tranżazzjoni u tkun diġà bdiet proċedura li ma twassalx għal tranżazzjoni, il-gwadann ta’ effiċjenza li jista’ jirriżulta minn tranżazzjoni jista’ jkun iktar limitat.

    418

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ppjanat proċedura li ma tirriżultax fi tranżazzjoni u, fil-mument li fih hija rċeviet l-ittra tal-grupp DB tal-21 ta’ Ottubru 2009, hija kienet diġà ppreparat u ddiskutiet abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni tagħha, li, fid-dawl tax-xogħol li kien diġà sar, is-sinjal ta’ interess tal‑grupp DB kellu inqas sinjifikat, ma kinitx ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni.

    419

    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti targumenta li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f’bosta Stati terzi, bħal New Zealand, l-Istati Uniti u l-Afrika ta’ Isfel, iddeċidew li jkun utli li jipproċedu bi tranżazzjoni dwar ksur identiku jew simili.

    420

    Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

    421

    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li d-deċiżjoni tal‑Kummissjoni għandha tiġi evalwata abbażi ta’ regolamenti tal‑Unjoni applikabbli u li l-fatt li Stati terzi kienu għażlu li jipproċedu bi tranżazzjoni ma jistax għalhekk juri żball ta’ evalwazzjoni tal‑Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, sa fejn ir-rikorrenti semmiet eżempji li jikkonċernaw Stati li fihom tintuża sistema ta’ “plea bargaining”, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ tranżazzjoni prevista fl-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Nru 773/2004, kif emendat, hija differenti b’mod sostanzjali minn tali sistema.

    422

    Għaldaqstant, l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ juri li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li dan il-każ ma jwassalx għal tranżazzjoni, hija vvizzjata bi żbalji.

    423

    It-tielet nett, għandha tingħata risposta għall-argument imressaq mir‑rikorrenti li l‑Kummissjoni mmotivat b’mod ieħor id-deċiżjoni tagħha li ma tipproċedix bi tranżazzjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li dawn l-elementi tal-motivazzjoni tagħha huma inammissibbli jew tal-inqas mhux rilevanti.

    424

    F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jsir riferiment għall‑ġurisprudenza msemmija fil-punti 229 sa 231 iktar ’il fuq. Għandu jitfakkar ukoll li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha, bħala regola, tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li takkużaha u li l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rrimedjata bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il‑proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenza tad-Il‑Kummissjoni, 19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vsC‑628/10 P u C‑14/11 P, Ġabra, EU:C:2012:479, punt 74).

    425

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li dan ir-rikors jirrigwarda d‑deċiżjoni kkontestata u li hija għalhekk il-motivazzjoni ta’ din id‑deċiżjoni li għandha tiġi eżaminata. Madankollu, bħala kuntest ta’ din id-deċiżjoni, il-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2009 għandha tiġi kkunsidrata wkoll.

    426

    Fir-rigward tas-suffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, minn naħa waħda, fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni semmiet l-istadju avvanzat tal-proċedura u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża. Min-naħa oħra, jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mill-kuntest u mill-kontenut tad‑deċiżjoni kkontestata li n-numru tal-partijiet ikkonċernati kien għoli, li numru kunsiderevoli ta’ impriżi ma kinux ikkooperaw mal‑Kummissjoni u li ċerti elementi tal-approċċ ta’ din tal-aħħar kienu f’riskju li jiġu kkontestati (ara, b’mod partikolari, l-indikazzjoni tad‑destinatarji fid-deċiżjoni kkontestata, il-punt 2.2 tagħha li jikkonċerna impriżi li huma s-suġġett tal-proċedura quddiem il‑Kummissjoni, il-punt 8.5 tagħha dwar l-applikazzjoni tal‑Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, il-premessi 644 sa 648 tagħha li jikkonċernaw il-kompetenza tal-Kummissjoni u l-premessi 857 sa 890 tagħha li jikkonċernaw l-iffissar tal-valur tal-bejgħ).

    427

    It-tieni nett, mill-kuntest ġuridiku tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-premessa 4 tar-Regolament Nru 622/2008 u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ tranżazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li dawn iċ-ċirkustanzi kienu rilevanti għall-għażla tagħha dwar jekk tipproċedix bi tranżazzjoni tal-każ jew le.

    428

    Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement ċara sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    429

    Għalhekk, l-ewwel parti tas-seba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit‑trattament

    430

    Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-każ relatat mal-ispedizzjoni tal-merkanzija ma hijiex differenti b’mod sinjifikattiv minn każijiet oħra li fihom il-Kummissjoni għażlet li tipproċedi bi tranżazzjoni.

    431

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod simili, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifika, iżda li, fir-rigward tal-komparabbiltà ta’ sitwazzjonijiet, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li deċiżjonijiet li jirrigwardaw każi oħra għandhom biss natura indikattiva fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, peress li l-elementi fattwali ta’ każijiet differenti ma jkunux identiċi (punti 326 u 327 hawn fuq).

    432

    Sussegwentement, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-fatti msemmija mir-rikorrenti ma jistgħux juru ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    433

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li n-natura paragunabbli ta’ żewġ sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal‑għan u tal-iskop tal-kuntest ġuridiku inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra, EU:C:2008:728, punt 26). Peress li l-proċedura ta’ tranżazzjoni għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni li tittratta l-każijiet ta’ akkordju b’mod iktar mgħaġġel u iktar effiċjenti, hija għandha b’mod partikolari tikkunsidra l-probabbiltà li jintlaħaq, f’terminu raġonevoli, ftehim komuni dwar il‑portata tal-ilmenti eventwali mal-partijiet inkwistjoni (ara l-premessa 4 tar-Regolament Nru 622/2008).

    434

    L-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li, f’każijiet oħra, il-ksur kien iktar kumpless, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dawn il-fatturi ma jistgħux, fihom infushom, juru li f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li kien ikun iktar faċli li tasal għal ftehim komuni dwar il-portata tal-ilmenti eventwali mal-partijiet inkwistjoni f’terminu raġonevoli.

    435

    It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li f’kull wieħed mill-akkordji relatati man-NES, mal-AMS, mal-CAF u mal-PSS seta’, fih innifsu, jintlaħaq tranżazzjoni, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jirrigwardax prassi preċedenti tal-Kummissjoni, iżda huwa limitat, essenzjalment, sabiex jirrepeti l-ilment ibbażat fuq il-fatt li n-numru ta’ partijiet ikkonċernati seta’ kien inqas għoli li kieku l-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri distinti għal kull akkordju relatat mal-AMS, mal-CAF, man-NES u mal-PSS, li diġà ġie miċħud fil-punti 409 sa 412 hawn fuq.

    436

    It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li, fid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2010) 5001 finali, tal-20 ta’ Lulju 2010, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu [101 TFUE] u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.866 – Fosfati għall-għalf tal-annimali), din tal-aħħar adottat deċiżjoni ta’ tranżazzjoni li ma kinitx tkopri lill‑partijiet kollha involuti fil-ksur, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, wara li ġie deċiż li tinbeda diskussjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex tintlaħaq tranżazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tadottax deċiżjoni ta’ tranżazzjoni fir-rigward ta’ impriża li ddeċidiet li tabbanduna d-diskussjonijiet. Issa, ir-rikorrenti ma urietx kif dan jagħmel il-każ paragunabbli ma’ dan il-każ, li fih in-numru ta’ partijiet kien għoli ferm u numru mhux żgħir tal-impriżi inkwistjoni ma kinux ikkooperaw mal-Kummissjoni.

    437

    Għalhekk, il-parti bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi miċħuda, u għalhekk, is-seba’ motiv fl-intier tiegħu.

    438

    Peress li l-motivi kollha għandhom jiġu miċħuda u peress li l-eżami tagħhom ma rrilevax elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal‑multa imposta fuq ir-rikorrenti fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mhux biss f’dak li jirrigwarda t-talba għal annullament, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda t-talba għall-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal‑ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    Fuq l-ispejjeż

    439

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l‑ispejjeż magħmula mill-Kummissjoni, skont it-talbiet tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Schenker Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Berardis

    Czúcz

    Popescu

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Frar 2016.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

     

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, minn naħa waħda, fuq ksur tal-Artikoli 4, 7 kif ukoll tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-drittijiet tad‑difiża kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

     

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 4 u 7 kif ukoll tal‑Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq

     

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tas-sigriet professjonali

     

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-projbizzjoni tar-rappreżentanza doppja u tal-prinċipju ta’ lealtŕ

     

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligi ta’ fiduċja ta’ DP

     

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

     

    2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141

     

    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141

     

    Fuq is-servizzi koperti bl-akkordju relatat man-NES

     

    3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il‑kummerċ bejn l-Istati Membri

     

    Fuq l-ewwel parti, dwar is-servizzi koperti bl-akkordju relatat man-NES

     

    Fuq it-tieni parti, dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

     

    Fuq l-effett fuq il-kummerċ li jirrigwarda s-servizzi ta’ spedizzjoni tal‑merkanzija

     

    – Fuq l-effetti fuq il-klijenti tal-burdnara u fuq l‑aġir tal-burdnara fi Stati Membri oħra

     

    – Fuq in-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ

     

    Fuq l-effett tal-moviment tal-merkanzija

     

    Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-interpretazzjoni żbaljata tal-punt 77 tal-Linji gwida tal-2004

     

    4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żammet lir-rikorrenti bħala l-unika waħda responsabbli

     

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata b’mod partikolari fuq il-ksur tal‑Artikolu 101(1) TFUE u tal-prinċipju ta’ responsabbiltŕ personali

     

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u t-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

     

    Dwar il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal‑prinċipju tal-amministrazzjoni tajba.

     

    Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

     

    5. Fuq il-ħames motiv, dwar żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa kif ukoll ksur tal-Artikolu 27(1)u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tad‑drittijiet tad-difiża

     

    Fuq l-ewwel parti, dwar żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

     

    Fuq l-ilment dwar il-valur tal-bejgħ

     

    – Fuq il-bejgħ iġġenerat b’rabta mal-akkordju relatat man-NES

     

    – Fuq l-applikazzjoni tas-sovrataxxa NES

     

    – Fuq l-eżistenza ta’ akkordju dwar is-servizzi ta’ trasport bl-ajru

     

    – Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dannu ekonomiku kkawżat

     

    – Fuq il-fatturi ta’ kompetizzjoni affettwati

     

    – Fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni

     

    Fuq l-ilment dwar ir-rata ta’ gravità

     

    Fuq l-ilment dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti

     

    Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament

     

    Konklużjoni

     

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-drittijiet tad-difiża

     

    6. Dwar is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u ta’ żball ta’ evalwazzjoni

     

    Fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tal-immunità

     

    Fuq l-argument ibbażat fuq l-użu ta’ bażi differenti

     

    7. Fuq is-seba’ motiv, li jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tintlaħaqx tranżazzjoni tal-kawża

     

    Dwar l-ewwel parti, ibbażata, b’mod partikolari, fuq ksur tal‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u żbalji ta’ evalwazzjoni

     

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    ( 1 )   Data kunfidenzjali mħollija barra.

    Top