EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0597

Kawża C-597/12: Appell ippreżentat fid- 19 ta’ Diċembru 2012 minn Isdin, SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid- 9 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-366/11 — Bial-Portela & Ca, SA vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

ĠU C 86, 23.3.2013, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/8


Appell ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2012 minn Isdin, SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-9 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-366/11 — Bial-Portela & Ca, SA vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-597/12)

2013/C 86/12

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Isdin, SA (rappreżentanti: H. L. Mosback, avukat, G. Marín Raigal, P. López Ronda, G. Macias Bonilla, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Bial-Portela & Ca, SA

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkonferma d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-6 ta’ April 2011 li tiċħad l-oppożizzjoni fl-intier tagħha;

tikkundanna lil Bial-Portela & Ca, SA għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-provi, peress li dik il-qorti stabbiliet fil-paragrafu 34 tas-sentenza appellata li “il-Bord tal-Appell żbalja meta kkunsidra li ma hemmx xebh fonetiku bejn is-sinjali”. Madankollu, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball, kif iddikjarat il-Qorti Ġenerali, meta kkonkluda li ma kienx hemm xebh fonetiku bejn is-sinjali, iżda minflok analizza korrettament ix-xebh fonetiku bejn is-sinjali, u kkonkluda li minkejja x-xebh fonetiku bejn is-sinjali, is-sonorità globali tas-sinjali hija differenti. Ir-rappreżentanti legali tal-appellanti huma tal-fehma li l-konklużjoni ta’ hawn fuq tal-Bord tal-Appell, li ġiet interpretata ħażin mill-Qorti Ġenerali, għandha tiġi kkonfermata.

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li kien hemm żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali peress li hi indikat, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-prodotti fil-klassi 3 u proporzjon kbir tal-prodotti fil-klassi 5 (…) “huma normalment ikkummerċalizzati fis-supermarkets u għalhekk jintagħżlu mill-klijenti wara eżami viżiv tal-imballaġġ tagħhom”. Din il-konklużjoni fattwali ma kienet sostnuta minn ebda prova u b’hekk żnaturat il-fatti li fuqhom kellha tiġi bbażata d-deċiżjoni. Barra minn hekk, dan il-fatt ma ġiex imressaq minn xi waħda mill-partijiet, u għalhekk seta’ biss jittieħed inkunsiderazzjoni jekk kien magħruf sew (u minħabba l-argumenti insostenn tan-nuqqas ta’ verosimiljanza ta’ dan il-fatt, jekk jiġi kkunsidrat bħala tali jirriżulta hu nnifsu fi żnaturament tal-fatti). Għalhekk, dan il-fatt ma jistax jintuża bħala bażi għall-konstatazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

L-appellanti ssostni wkoll li sar ksur tal-prinċipju audi alteram partem stabbilit fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) (li kien l-Artikolu 74(1) tar-Regolament 40/94 (2))) u li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 8(l)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u l-ġurisprudenza rilevanti, u b’hekk kisret id-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni globali tat-trade marks inkwistjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas- 26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja

ĠU L 78, p. 1

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja

ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1 p. 146.


Top