Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0546

Kawża C-546/12 P: Appell ippreżentat fit- 28 ta’ Novembru 2012 minn Ralf Schräder mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit- 18 ta’ Settembru 2012 fil-Kawżi T-133/08, T-134/08, T-177/08 u T-242/09 — Ralf Schräder vs L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

ĠU C 38, 9.2.2013, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/12


Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2012 minn Ralf Schräder mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-18 ta’ Settembru 2012 fil-Kawżi T-133/08, T-134/08, T-177/08 u T-242/09 — Ralf Schräder vs L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

(Kawża C-546/12 P)

2013/C 38/15

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Ralf Schräder (rappreżentanti: T. Leidereiter, W.-A. Schmidt, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), Jørn Hansson

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Settembru 2012 sa fejn tikkonċerna d-deċiżjoni fil-Kawża T-242/09 u d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż;

tilqa’ t-talba mressqa mill-appellant fl-ewwel istanza għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tat-23 ta’ Jannar 2009 (Każ A 010/2007);

tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż kollha tal-appellant marbuta ma’ din il-proċedura, mal-proċedura fil-Kawżi magħquda T-133/08, T-134/08, T-177/08 u T-242/09 quddiem il-Qorti Ġenerali u mal-proċedimenti preċedenti quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO.

Aggravji u argumenti prinċipali

(1)

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-fatti fil-proċedimenti ta’ appell quddiem is-CPVO fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba għad-dikjarazzjoni ta’ nullità tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti ma setgħux jiġu stabbiliti ex officio. Skont l-appellant, dan jammonta għal ksur tar-regoli applikabbli għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova u, għalhekk, jirriżulta fin-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li twettaq l-obbligu tagħha li tistħarreġ il-legalità u fi ksur tad-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq, għal amministrazzjoni tajba u għal rimedju effettiv.

(2)

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li d-dritt għat-twettiq ta’ miżuri istruttorji fil-proċedimenti quddiem is-CPVO jeżisti biss jekk il-parti kkonċernata tkun ressqet indikazzjoni ta’ prova suffiċjenti fir-rigward ta’ dak li tkun qiegħda ssostni. F’dan id-dawl, l-appellanti jsostni li hemm ksur tar-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova, ksur tad-drittijiet tad-difiża u żnaturament tal-fatti u tal-provi, anki jekk jitqies li l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuq l-appellanti.

(3)

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli aċċettat, b’mod żbaljat, bħala “magħruf b’mod ġenerali”, fatt li, fil-fehma tiegħu, huwa “fatt falz”, fis-sens li ma seħħx b’dan il-mod. F’ dan id-dawl, l-appellant jallega ksur tal-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-legalità u żnaturament tal-fatti u tal-provi.

(4)

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellant jindika li l-Qorti Ġenerali għamlet affermazzjonijiet żbaljati legalment fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova u tal-oneru tal-prova meta ddikjarat li l-appellant ma kien ipproduċa ebda prova fir-rigward tal-allegazzjonijiet tiegħu dwar l-effett tal-prodotti li jirregolaw it-tkabbir tal-pjanti. F’dan id-dawl, l-appellanti jinvoka n-natura kontradittorja tas-sentenza, in-nuqqas ta’ stħarriġ tal-legalità min-naħa tal-Qorti Ġenerali u assenza ta’ motivazzjoni.

(5)

Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellanti jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li l-karatteristika “dehra taz-zkuk” ta’ varjetà ta’ Osteospermum ma kinitx inkluża — jew ma kinitx inkluża b’mod deċiżiv — fl-eżami tal-karattru distintiv tal-varjetà. F’dan il-kuntest l-appellanti jsostni li hemm ksur tal-Artikoli 7 u 20 tar-Regolament (1) u twessigħ indebitu tas-suġġett tal-kawża, u dan sa fejn din id-deċiżjoni tikser il-projbizzjoni li jingħataw deċiżjonijiet dwar aspett li ma jkunx ġie diskuss mill-partijiet. Barra minn hekk, l-appellant jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża.

(6)

Permezz tas-sitt aggravju, l-appellant jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li d-“dehra taz-zkuk” ta’ varjetà tal-pjanti għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ kriterji relattivi — jiġifieri fil-konfront ta’ pjanti oħra suġġetti għall-eżami korrispondenti. Fil-fehma tal-appellanti, dan iwassal għal żnaturament tal-fatti, għal ksur tar-Regolament, għal twessigħ indebitu tas-suġġett tal-kawża u għan-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li twettaq l-obbligu tagħha li tisħarreġ kompletament il-legalità. Għaldaqstant, is-sentenza hija vvizzjata b’kontradizzjonijiet.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).


Top