This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011TN0358
Case T-358/11: Action brought on 27 June 2011 — Italy v Commission
Kawża T-358/11: Rikors ippreżentat fis- 27 ta’ Ġunju 2011 — L-Italja vs Il-Kummissjoni
Kawża T-358/11: Rikors ippreżentat fis- 27 ta’ Ġunju 2011 — L-Italja vs Il-Kummissjoni
ĠU C 252, 27.8.2011, p. 44–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.8.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 252/44 |
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2011 — L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-358/11)
2011/C 252/96
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubbblika Taljana (rappreżentant: P. Marchini, avvocato dello Stato)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
tannulla l-atti segwenti: (i) inkwantu mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea: id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni Europea C(2011) 2517, tal-15 ta’ April 2011, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nfiq sostnut mill-Italja taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG fir-rigward tal-miżura ‘Ħżin pubbliku — zokkor’ għas-sena finanzjarja 2006 (korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għal EUR 171 418,00), għas-sena finanzjarja 2007 (korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għal EUR 182 006,00), għas-sena finanzjarja 2008 (korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għal EUR 111 062,00), għas-sena finanzjarja 2009 (korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għal EUR 34 547,00) u dan minħabba “żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin”, għas-sena finanzjarja 2006 (korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għal EUR 781 044,00) u dan minħabba “Kontrolli ta’ inventarji li saru tard”, indikati fl-anness tal-istess deċiżjoni, relatat mal-Artikolu 1 tagħha; (ii) inkwantu miżuri li huma sine qua non għad-Deċiżjoni C(2011) 2517: l-ittra tad-Direttorat Ġenerali tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea (Direttorat J: Verifika tal-ispejjeż agrikoli), Nru ARES (2011) 2287 tat-3 ta’ Jannar 2011, u l-punt 2 tal-anness tagħha, li fih ġew espressi l-motivi finali insostenn tal-pożizzjoni definittiva wara r-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni fil-Każ 10/IT/435; (iii) inkwantu miżuri li huma sine qua non għad-Deċiżjoni C(2011) 2517: l-ittra tad-Direttorat Ġenerali tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea, (Direttorat J: Verifika tal-ispejjeż agrikoli), Nru ARES (2010) 57525 tat-3 ta’ Frar 2010 u l-anness tagħha, li fihom il-motivi għall-esklużjoni mill-finanzjament; |
|
sussidjarjament: tilqa’ l-eċċezzjoni tal-invalidità tar-Regolament (KE) Nru 915/2006. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali (Artikolu 269 TUE, li qabel kien l-Artikolu 253 TKE) minħabba nuqqas ta’ investigazzjoni, relatata mal-korrezzjoni finanzjarja tal-ispejjeż indikata bħala “żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin għas-snin finanzjarji 2006, 2007, 2008, 2009”.
Skont il-Gvern Taljan, il-Kummissjoni ma investigatx b’mod xieraq il-provi prodotti mill-AGEA [Aġenzija għal Ħlasijiet agrikoli] li juru li l-istudju tas-suq kien sar u li l-kawżi taż-żieda tal-prezzijiet tal-kiri tas-silos, li kienu jiddependu preċiżament mis-sitwazzjoni diffiċli li kienet teżisti mill-2005 fis-suq tal-kiri tad-depożiti tal-ħżin taz-zokkor, kienu magħrufa.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali (Artikolu 269 TUE, li qabel kien l-Artikolu 253 TKE) minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, relatata mal-korrezzjoni finanzjarja tal-ispejjeż indikata bħala “żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin għas-snin finanzjarji 2006, 2007, 2008, 2009”.
Skont il-Gvern Taljan, il-Kummissjoni ma spjegatx il-motivi li għalihom id-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali tal-AGEA u t-tariffa ta’ wieħed mill-ikbar operaturi ekonomiċi tal-ħżin ma ġewx meqjusa bħala dokumenti ta’ prova xierqa sabiex tiġi ppruvata t-talba ġenerali mill-impriżi taz-zokkor ta’ żieda sa 50 % fil-prezzijiet.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur u l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8 tar-Regolament KE Nru 884/2006, u tal-Anness I tal-imsemmi regolament, u tal-Artikolu 4 tar-Regolament KE Nru 2148/1996, kif emendat bl-anness tar-Regolament tal-Kummissjoni KE Nru 915/2006, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-leġiżlazzjoni, u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-korrezzjoni finanzjarja tal-5 % għas-sena finanzjarja 2006 minħabba “Kontrolli ta’ inventarji li saru tard”.
Il-Gvern Taljan isostni li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fil-punt 5 tat-Taqsima AII tal-Anness I tar-Regolament Nru 884/2006. Peress li l-AGEA kienet diġà wettqet din l-attività, bħala parti mill-ispezzjonijiet rikjesti taħt il-Liġi Taljana, u kienet tat prova ta’ dan lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, billi pprovdiet ir-reġistri kollha tat-tgħabbija u tal-ħatt u d-dokumenti relatati lid-delegazzjoni tal-Kummissjoni waqt l-ispezzjoni ta’ Mejju 2007, id-dispożizzjonijiet tranżitorji kellhom jiġu applikati fis-sens li l-Istat Taljan li, minħabba diffikultajiet oġġettivi ta’ organizzazzjoni fir-rigward tal-koordinazzjoni ma’ Agecontrol, seta’ jiġi kkunsidrat bħala awtorizzat li jippreżenta biss id-dokumenti sommarji fi Frar 2007, ma jiġix issanzjonat. Il-Gvern Taljan jallega ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-leġiżlazzjoni, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-applikazzjoni immedjata ta’ obbligu li jsiru inventarji ta’ tranżazzjonijiet li kienu saru ħafna qabel il-mument tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija regolamenti, jiġifieri t-23 u l-24 ta’ Ġunju 2006 (b’mod partikolari, l-Anness tar-Regolament Nru 915/2006) u ftit żmien biss wara l-egħluq tas-sena finanzjarja fit-30 ta’ Settembru 2006), tikser tali prinċipji.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali (Artikolu 269 TUE, li qabel kien l-Artikolu 253 TKE) minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, relatata mal-korrezzjoni finanzjarja tal-ispejjeż b’rata fissa ta’ 5 % għas-sena finanzjarja 2006 minħabba “Kontrolli ta’ inventarji li saru tard”.
Skont il-Gvern Taljan, il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti n-nuqqas tagħha li timplementa l-proposta tal-Korp ta’ konċiljazzjoni, inkwantu, taħt din il-proposta, ir-regola l-ġdida stipulata fir-Regolament (KE) Nru 915/2006, li stabbilixxiet it-terminu finali tal-inventarji, kellha tiġi applikata biss għall-movimenti taz-zokkor b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-regolament, u mhux retroattivament għas-sena finanzjarja 2006 kollha, bl-effett illi l-korrezzjoni finanzjarja imposta kienet tiġi ridotta proporzjonalment (bejn wieħed u ieħor bi 8 xhur).
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni tal-invalidità tar-Regolament KE Nru 915/2006.
Il-Gvern Taljan iqajjem l-eċċezzjoni tal-invalidità ta’ tali regolament inkwantu jimponi l-obbligu li jinżammu l-inventarji tal-istokks rimanenti tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2004-2005 (30 ta’ Settembru 2005) tal-istokks inizjali tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005-2006 (1 ta’ Ottubru 2005) u tal-istokks rimanenti tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005-2006 (30 ta’ Settembru 2006) matul is-sena finanzjarja 2006, u dan tliet xhur biss qabel it-terminu l-ġdida tal-inventarju. Il-Gvern Taljan isostni li l-fatt li azzjonijiet relatati ma’ avvenimenti fil-passat u li ngħalqu jiġu imposti permezz ta’ regolament, u konsegwentement il-fatt li l-omissjoni ta’ tali azzjonijiet tiġi ssanzjonata permezz tal-proċedura tal-korrezzjoni finanzjarja, imorru kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali, b’mod partikolari, nuqqas ta’ motivazzjoni u nuqqas ta’ provi suffiċjenti (Artikolu 269 TUE, li qabel kien l-Artikolu 253 TKE).
Skont il-Gvern Taljan, il-Kummissjoni twettaq żnaturament tal-fatti inkwantu tapplika korrezzjoni finanzjarja fuq il-premessa żbaljata, proposta mid-DG AGRI, li AGEA ma kinitx ikkontrollat “id-dħul” u “il-ħruġ” taz-zokkor, u li “madwar 127 000 tunnellati ta’ zokkor tmexxew minn post għall-ieħor (mingħajr verifika uffiċjali tal-piż)”. Il-Gvern Taljan jallega wkoll illi ma kienx hemm provi biżżejjed sabiex tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni “li ma saritx l-ispezzjoni annwali tal-inventarji […] meta saru l-operazzjonijiet tal-ħżin” jew l-allegazzjoni li “madwar 127 000 tunnellati ta’ zokkor tmexxew minn post għall-ieħor (mingħajr verifika uffiċjali tal-piż) bejn it-30 ta’ Settembru 2006 (id-data sa meta kellu jsir l-inventarju) u Frar 2007.” Fid-dawl tal-provi dokumentarji prodotti minn AGEA, jiġifieri, il-kotba tal-kontijiet, li ngħataw lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, u li kienu juru ċ-ċifri dwar il-moviment u l-istokks taz-zokkor, għal kull kunsinna li ġiet maħżuna, is-servizzi tal-Kummissjoni ma jistgħux isostnu l-kuntrarju, mingħajr ma jipproduċu prova ta’ dan.
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali, b’mod partikolari, nuqqas ta’ motivazzjoni u nuqqas ta’ provi suffiċjenti (Artikolu 269 TUE, li qabel kien l-Artikolu 253 TKE), dwar l-allegat riskju li l-Fond jinkorri danni.
Skont il-Gvern Taljan, id-deċiżjoni hija żbaljata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni għaliex ma ġiex evalwat l-effett utli tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli li tagħmel l-AGEA fuq “id-dħul” u “il-ħruġ” taz-zokkor fil-ħżin, u tal-istokks mensili tagħhom.