Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0086

Kawża T-86/11: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Frar 2011 — Bamba vs Il-Kunsill

ĠU C 95, 26.3.2011, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/11


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2011 — Bamba vs Il-Kunsill

(Kawża T-86/11)

2011/C 95/18

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Nadiany Bamba (Abidjan, il-Côte d’Ivoire) (rappreżentant: P. Haïk, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ta’ Nadiany BAMBA ammissibbli;

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 25/2011, tal-14 ta’ Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 560/2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/18/PESK, tal-14 ta’ Jannar 2011, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż skont l-Artikoli 87 u 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), inkwantu l-atti kkontestati:

ma jipprevedu ebda proċedura li tista’ tiggarantixxi li r-rikorrenti teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari d-dritt għal smiegħ u d-dritt li tibbenefika minn proċedura li effettivament tippermettilha titlob it-tneħħija ta’ isimha mil-lista tal-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi;

fl-ebda mument ma jipprevedu l-komunikazzjoni ta’ motivazzjoni ddettaljata għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi;

fl-ebda mument ma jipprevedu n-notifika lill-persuna kkonċernata tar-rimedji u tat-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ inklużjoni fil-lista.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali tar-rispett tal-proprjetà, stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.


Top