Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0298

    Kawża T-298/10: Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Lulju 2010 — Arrieta D. Gross vs UASI — Toro Araneda (BIODANZA)

    ĠU C 260, 25.9.2010, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 260/17


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2010 — Arrieta D. Gross vs UASI — Toro Araneda (BIODANZA)

    (Kawża T-298/10)

    ()

    2010/C 260/24

    Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Christina Arrieta D. Gross (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentant: J.-P. Ewert, avukat)

    Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Rolando Mario Toro Araneda (Santiago de Chile, iċ-Ċilì)

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-13 ta’ April 2010 fil-Każ R 1149/2009-2;

    tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż; u

    tikkundanna lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell, jekk issir parti intervenjenti f’din il-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Applikant għat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

    Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark figurattiva “BIODANZA” għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 41 u 44

    Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-rikorrenti

    Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Ġermaniża Nru 2905152 tat-trade mark verbali “BIODANZA” għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16 u 41; ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Daniża Nru VA 199500708 tat-trade mark verbali “BIODANZA” għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 41 u 44

    Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa għal parti mill-prodotti u servizzi kkontestati u applikazzjoni milqugħa għall-bqija tal-prodotti kkonċernati

    Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell milqugħ, deċiżjoni kkontestata annullata u oppożizzjoni miċħuda kolla kemm hi.

    Motivi invokati: Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 42(2) u 42(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma wrietx li t-trade mark preċedenti kienet tintuża b’mod ġenwin fi Stat Membru li fih it-trade mark nazzjonali preċedenti kienet protteta għall-użu fil-Komunità.

    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-Regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jitlob lir-rikorrenti sabiex tipproduċi l-provi neċessarji kif kien obbligat li jagħmel.


    Top