This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010TN0219
Case T-219/10: Action brought on 14 May 2010 — Autogrill España v Commission
Kawża T-219/10: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Mejju 2010 — Autogrill España vs Il-Kummissjoni
Kawża T-219/10: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Mejju 2010 — Autogrill España vs Il-Kummissjoni
ĠU C 179, 3.7.2010, p. 54–55
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
3.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 179/54 |
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2010 — Autogrill España vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-219/10)
(2010/C 179/93)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Autogrill España, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, M. Muñoz de Juan u R. Calvo Salinero, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tilqa’ l-motivi għal annullament esposti fir-rikors, |
— |
tannulla l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Ottubru 2009 (Għajnuna mill-Istat Nru C 45/2007, ex NN 51/2007, ex CP 9/2007), dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa ta’ avvjament finanzjarju għall-akkwist ta’ ishma sinifikanti f’impriżi barranin, sa fejn jiddikjara li l-Artikolu 12(5) tat-test ikkodifikat tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (TRLIS) jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat, |
— |
sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 sa fejn dan jimponi obbligu ta’ rkupru fuq operazzjonijiet li twettqu qabel il-pubblikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tad-deċiżjoni finali li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, u |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rikors tikkunsidra li l-iskema ta’ għajnuna li Spanja implementat skont l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS hija inkompatibbli mas-suq komuni, fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji meta jwettqu akkwisti intra-Komunitarji. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tispeċifika li l-imsemmi artikolu jawtorizza t-tnaqqis tal-amortizzazzjoni tal-avvjament finanzjarju li tirriżulta mill-akkwist ta’ ishma li jammontaw għal iktar minn 5 % f’kumpanniji barranin.
Insostenn tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi li ġejjin:
(1) |
Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-miżura fiskali inkwistjoni tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, kif jimponi l-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni sempliċement tippreżumi li din il-miżura fiskali hija selettiva minħabba li tapplika biss għall-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji barranin u mhux għall-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji nazzjonali. Ir-rikorrenti tqis li dan ir-raġunament huwa żbaljat u ċirkulari: il-fatt li l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni — bħall-applikazzjoni ta’ kull miżura fiskali oħra — hija suġġetta għat-twettiq ta’ ċerti kundizzjonijiet oġġettivi, ma jagħmilhiex miżura selettiva de iure jew de facto. Fil-fatt, in-natura awtomatika tar-raġunament użat mill-Kummissjoni twassal sabiex kull dispożizzjoni fiskali titqies li hija prima facie selettiva. Barra minn hekk, kemm mill-analiżi legali tal-miżura kif ukoll mill-istatistika pprovduta mir-Renju ta’ Spanja jirriżulta li l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS jipprovdi miżura ġenerali disponibbli, de iure u de facto, għall-impriżi kollha suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji Spanjola, indipendentement mid-daqs, in-natura, is-settur u l-oriġini tagħhom. Min-naħa l-oħra, it-trattament prima facie differenti tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS mhux talli ma jikkostitwixxix vantaġġ selettiv iżda jservi sabiex l-operazzjonijiet kollha ta’ akkwist ta’ ishma, kemm jekk nazzjonali kif ukoll jekk barranin, jitpoġġew f’livell fiskali ugwali, peress li, li kieku, minħabba l-impossibbiltà li jiġu konklużi amalgamazzjonijiet transkonfinali, l-ammortizzazzjoni tal-avvjament finanzjarju tkun tista’ titwettaq biss fuq livell nazzjonali, fejn effettivament jeżitu dispożizjonijiet fiskali li jawtorizzaw dan, l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ikun qiegħed sempliċement jestendi din il-possibbiltà għax-xiri ta’ assi f’kumpanniji barranin. Sussidjarjament, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija sproporzjonata peress li l-applikazzjoni tagħha f’każijiet fejn jinkiseb kontroll ta’ kumpanniji barranin għandha, minn tal-inqas, tiġi assimilata mas-sitwazzjonijiet ta’ amalgamazzjoni nazzjonali u konsegwentement, iġġustifikata mill-istruttura u l-loġika tas-sistema spanjola. |
(2) |
Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba żball ta’ liġi fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-miżura Sussidjarjament, u għalkemm tikkunsidra li l-Artikolu 12(5) tat-TRILS jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kellha twettaq analiżi ekonomika eżawrjenti sabiex tiddetermina l-persuni li bbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, f’kull każ, il-benefiċjarji tal-għajnuna (fil-forma ta’ prezz eċċessiv għax-xiri ta’ ishma) huma l-bejjigħa tal-ishma u mhux, kif issostni l-Kummissjoni, l-impriżi Spanjoli li applikaw din il-miżura. |
(3) |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna. |