Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0103

Kawża T-103/10 P(R): Appell ippreżentat fil- 5 ta’ Marzu 2010 mill-Parlament Ewropew kontra d-digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat- 18 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża F-92/09, U vs Il-Parlament

ĠU C 113, 1.5.2010, p. 70–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/70


Appell ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2010 mill-Parlament Ewropew kontra d-digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-18 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża F-92/09, U vs Il-Parlament

(Kawża T-103/10 P(R))

2010/C 113/103

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: S. Seyr u K. Zejdová, aġenti)

Appellat: U

Talbiet tal-appellant

tannulla d-digriet appellat tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tiddeċiedi definittivament fuq it-talba għal miżuri provviżorji billi tiċħadha bħala infondata;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tad-digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP), tat-18 ta’ Diċembru 2009, mogħti fil-Kawża U vs Il-Parlament, F-92/09 R, li jissospendi d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tas-6 ta’ Lulju 2009, sakemm tingħata d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ttemm l-istanza.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji bbażati:

fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, minħabba li r-raġunament mogħti fid-digriet appellat ma jippermettix, f’diversi punti, li jkunu magħrufa r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni meħuda mill-qorti għal miżuri provviżorji;

fuq nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-Parlament Ewropew, minħabba li d-digriet għal miżuri provviżorji jmur lil hinn mill-kuntest ta’ evalwazzjoni bażika skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li abbażi tiegħu t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom, b’mod partikolari, jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw, prima facie, l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba. Billi jidħol fid-dettalji tal-fondatezza tal-kawża, b’mod partikolari billi jiddeċiedi fuq id-dettalji tal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ titjib, id-digriet jikser id-drittijiet tad-difiża tal-Parlament, u b’hekk iċaħħdu mill-possibbiltà li jieħu pożizzjoni u milli jiddefendi ruħu fir-rigward ta’ dawn l-aspetti;

fuq nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova, minħabba li fir-rigward tar-rekwiżit tal-urġenza, il-provi rilevanti kollha li setgħu jinfluwenzaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-appellant ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, fatt li jikser il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti.


Top