EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0450

Kawża C-450/10 P: Appell ippreżentat fil- 15 ta’ Settembru 2010 minn Nuova Terni Industrie Chimiche SpA kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal- 1 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-64/08, Nuova Terni Industrie Chimiche SpA vs Il Kummissjoni Ewropea

ĠU C 317, 20.11.2010, p. 21–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/21


Appell ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2010 minn Nuova Terni Industrie Chimiche SpA kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-1 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-64/08, Nuova Terni Industrie Chimiche SpA vs Il Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-450/10 P)

()

2010/C 317/38

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Nuova Terni Industrie Chimiche SpA (rappreżentanti: T. Salonico, G. Barone u A. Marega, avukati)

Appellata: Il Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata (1) u d-Deċiżjoni (2) sa fejn huma jiċħdu l-karattru ta’ indennizz u kumpensatorju tal-miżura kkontestata, u jqisuha minflok bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli; u/jew

tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija tiċħad li l-ordni għal irkupru li jinsab fid-Deċiżjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, għaldaqstant, tannulla d-Deċiżjoni sa fejn hija tordna lill-Italja sabiex tirkupra mill-iktar fis l-għajnuna u l-interessi; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqis li s-sentenza appellata hija żbaljata u għaldaqstant għandha tiġi annullata għal dawn l-aggravji:

(1)

ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, kif ukoll motivazzjoni kontradittorja u żball manifest minħabba żnaturament tal-provi ppreżentati fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-miżura kkontestata bħala għajnuna mill-Isat u mhux bħala miżura kumpensatorja favur l-appellanti. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta interpretat b’mod restrittiv ir-regoli u l-ġurisprudenza nazzjonali msemmija mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li juru li l-miżura kkontestata ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat iżda żammet l-iskop ta’ indennizz previst orġinarjament mil-leġiżlatur Taljan fl-1962 u rikonoxxut mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali.

(2)

ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolameent (KE) Nru 659/1999 (3), kif ukoll motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ordni għal irkupru li jinsab fid-Deċiżjoni ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata u nieqsa minn motivazzjoni suffiċjenti sa fejn hija ċaħdet li s-silenzju mtawwal tal-Kummissjoni fir-rigward tal-preċiżazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Taljani fl-aħħar tal-1991 fuq il-fatt li l-ewwel proroga tat-Tariffa Terni żżomm l-iskop orġinali ta’ kumpens jirrappreżenta fatt li jnissel aspettattiva leġittima fl-appellanti li l-prorogi tat-Tariffa Terni, fosthom il-miżura kkontestata, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.


(1)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Il-Ħames Awla), tal-1 ta’ Lulju 2010, fil-Kawża T-64/08

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/408/KE, tal-20 ta’ Novembru 2007, dwar l-Għajnuna tal-Istat C 36/A/06 (ex NN 38/06) implementata mill-Italja favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche (ĠU 2008 L 144, p. 37).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


Top