EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0404

Kawża C-404/10 P: Appell ippreżentat fl- 10 ta’ Awwissu 2010 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fid- 9 ta’ Ġunju 2010 fil-Kawża T-237/05, Éditions Odile Jacob SAS vs Il-Kummissjoni

ĠU C 274, 9.10.2010, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 274/19


Appell ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2010 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fid-9 ta’ Ġunju 2010 fil-Kawża T-237/05, Éditions Odile Jacob SAS vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-404/10 P)

()

2010/C 274/30

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Smulders, O. Beynet, u P. Costa de Oliveira, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Éditions Odile Jacob SAS, Lagardère SCA

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2010, Kawża T-237/05, Éditions Odile Jacob SAS vs Il-Kummissjoni, billi annullat d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ April 2005, li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti dwar il-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet Nru COMP/M.2978;

tiċħad ir-rikors għal annullament tal-appellata ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u tieħu deċiżjoni definittiva fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tindika żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, l-appellanti sostniet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1) għal dak li jirrigwarda n-nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89 (2) dwar konċentrazzjonijiet bejn impriżi. Fil-fatt, ir-regoli ġenerali dwar id-drittijiet ta’ aċċess għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-proċeduri speċifiċi fil-qasam tal-kompetizzjoni u tal-garanziji ta’ kunfidenzjalità offruti lill-kumpaniji involuti f’konċentrazzjoni.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li għandu ħames partijiet, il-Kummissjoni tallega interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 iċċitat iktar ’il fuq, sa fejn hija kkunsidrat li l-appellanti kellha l-obbligu li twettaq eżami konkret u individwali ta’ kull dokument imsemmi f’talba għal aċċess, anki fil-każijiet li huma manifestament koperti minn eċċezzjoni (l-ewwel parti). Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-interpretazzjoni restrittiva tal-Qorti Ġenerali tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u verifika, liema interpretazzjoni tgħid li din l-eċċezzjoni ma tistax tapplika wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura amministrattiva ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni (it-tieni parti). L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest billi talbet, minn naħa, eżami konkret u individwali tad-dokumenti mwettaq mill-Kummissjoni, b’deskrizzjoni ta’ kull kontenut u, min-naħa l-oħra, billi talbet il-konsultazzjoni ta’ terzi, minkejja n-natura manifesta tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali (it-tielet parti). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali peress li annullat id-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti interni, meta dawn id-dokumenti jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjoni “proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet” msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) (ir-raba’ parti). Fl-aħħar nett, l-appellanti tinvoka interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq (il-ħames parti).


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31).


Top