EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0341

Kawża C-341/10: Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Lulju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

ĠU C 260, 25.9.2010, p. 6–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/6


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-341/10)

()

2010/C 260/08

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren u Ł. Habiak, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tiddikjara li, peress li billi ma ttrasponietx b’mod korrett u komplet l-Artikolu 3(1)(d) sa (h) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (1), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 16 ta’ dik id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-kamp ta’ applikazzjoni fattwali tad-Direttiva 2000/43/KE jikkonsisti f’medda ta’ oqsma li huma msemmija fl-Artikolu 3(1) tagħha. Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jimplementaw id-Direttiva f’dawn l-oqsma kollha (jew sabiex jiżguraw li l-imsieħba soċjali jieħdu l-miżuri neċessarji) u li jinformaw lill-Kummissjoni b’dan. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ssodisfat biss parti minn dawn l-obbligi. F’dan ir-rikors, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li wettqet implementazzjoni żbaljata u inkompleta tad-Direttiva fir-rigward tal-affiljazzjoni jew involviment f’organizzazzjoni ta’ ħaddiema jew ta’ impjegati, jew kwalunkwe organizzazzjoni li l-membri tagħha jagħmlu parti minn professjoni partikolari, inklużi l-benefiċċji pprovduti minn tali organizzazzjoni, protezzjoni soċjali, inklużi sigurtà soċjali u servizzi tas-saħħa, benefiċċji soċjali, edukazzjoni, aċċess għal u provvista ta’ prodotti u servizzi li huma disponibbli lill-pubbliku, inkluż akkomodazzjoni (Artikolu 3(1)(d) sa (h) tad-Direttiva). Il-Kummissjoni tiċħad id-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Pollakki li l-implementazzjoni tad-Direttiva f’dawn l-oqsma hija żgurata bid-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, bil-leġiżlazzjoni u bi ftehim internazzjonali indikati matul il-proċedura qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors.

Il-Kummissjoni Ewropea tallega wkoll li r-Repubblika tal-Polonja ttrasponiet l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/43/KE fid-dritt nazzjonali b’mod żbaljat u inkomplet. Din id-dispożizzjoni, li tirreferi għall-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-individwi kontra diskriminazzjoni jew sitwazzjoni li hija l-konsegwenza ta’ ilment jew ta’ proċeduri intiżi għall-konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali, tikkonċerna l-persuni u s-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġew ikkomunikati sa issa mill-awtoritajiet Pollakki jindikaw l-eżistenza ta’ dawn it-tipi ta’ miżuri biss fir-rigward ta’ ħaddiema u tar-relazzjoni ta’ xogħol.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23.


Top