EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0206

Kawża C-206/10: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ April 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja

ĠU C 179, 3.7.2010, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/22


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ April 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja

(Kawża C-206/10)

(2010/C 179/37)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: V. Kreuschitz, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Ġermanja

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, billi tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċji għall-għomja u l-persuni b’diżabbilità, inkluż it-torox (Blindengeld jew Landesblindengeld, Blindenbeihilfe jew Landesblindenbeihilfe (Benefiċċji u allowances tal-Istat jew tal-Länder għall-għomja), Pflegegeld (allowance għal kura) jew assistenza favur it-torox u l-għomja, Blinden- und Gehörlosengeld (allowance għat-torox u għall-għomja) eċċ), taħt il-leġiżlazzjoni tal-Länder, fir-rigward ta’ persuni li fir-rigward tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija l-Istat Membru kompetenti, għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jkun jirrisjedi jew abitwalment jirrisjedi fil-Land Ġermaniż ikkonċernat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (1) u taħt l-Artikolu 4(1)(a), flimkien mal-Kapitolu 1 tat-Titolu III,, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (2);

tikkundanna lir-Repubblika tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors preżenti jikkonċerna l-inkompatibbiltà mar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u mar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-leġiżlazzjoni tal-Länder Ġermaniżi li tipprovdi li l-għoti ta’ benefiċċji lill-persuni għomja u b’diżabbilità huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarji jkunu jirrisjedu jew abitwalment jirrisjedu fil-Land Ġermaniż ikkonċernat.

Ir-Regolament Nru 1408/71 huwa intiż li jikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali fil-kuntest tal-moviment liberu skont l-għanijiet tal-Artikolu 42 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 48 TFUE). Skont l-Artikolu 4(2b), ir-Regolament Nru 1408/71 ma għandux japplika għal dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar benefiċċji speċjali mhux kontributorji, li jissemmew fis-Sezzjoni III tal-Anness II,, li l-validità tagħhom tapplika biss fir-rigward ta’ parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Il-benefiċċji Ġermaniżi inkwistjoni huma elenkati bħala benefiċċji speċjali s-Sezzjoni III tal-Anness II. tar-Regolament Nru 1408/71.

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sempliċi indikazzjoni ta’ benefiċċju fil-lista fl-Anness II tar-Regolament Nru 1408/71 mhijiex suffiċjenti sabiex benefiċċju jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament bħala “benefiċċju speċjali mhux kontributorju”. L-Artikolu 4(2b) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu, bħala eċċezzjoni, jiġi interpretat b’mod strett; jista’ japplika biss għal benefiċċji li jissodisfaw, b’mod kumulattiv, il-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, id-dispożizzjoni tkopri biss benefiċċji li huma kemm speċjali kif ukoll mhux kontributorji, li jissemmew fis- Sezzjoni III tal-Anness II, tar-Regolament Nru 1408/71 u li huma pprovduti f’leġiżlazzjoni li tapplika fir-rigward ta’ parti mit-territorju ta’ Stat Membru.

Madankollu, il-benefiċċji inkwistjoni li huma rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Länder ma jissodisfawx dawn il-kriterji kollha, inkwantu għandhom jiġu klassifikati bħala “benefiċċji tal-mard” u mhux bħala “benefiċċji speċjali mhux kontributorji”, abbażi tar-raġunijiet segwenti.

L-ewwel nett, il-benefiċċji tal-Länder inkwistjoni jingħataw abbażi ta’ ċirkustanzi stabbiliti mil-liġi, mingħajr ebda evalwazzjoni għall-bżonn personali. Huma jservu bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti minħabba diżabbiltà u huma intiżi li jtejbu l-istat ta’ saħħa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni b’diżabbilità. Konsegwentement, huma essenzjalment intiżi li jkunu anċillari għall-benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-mard. Il-fatt li allowances tal-kura mogħtija taħt il-leġiżlazzjoni Federali tal-Ġermanja huma inklużi mal-benefiċċji mogħtija mil- Länder għall-għomja u għall-persuni b’diżabbilità jistabbilixxi, barra minn hekk, li ż-żewġ benefiċċji jkopru l-istess riskju — jiġifieri r-riskju ta’ spejjeż addizzjonali relatati mal-mard — u li mhemmx inkwistjoni “kopertura addizzjonali, sostitwibbli jew anċillari kontra r-riskji”.

It-tieni nett, il-klassifika ta’ ċertu benefiċċju skont il-kostituzzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ma tiddeterminax jekk dan il-benefiċċju għandux jitqies bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali għall-finijiet tar-Regolament Nru 1408/71.

Barra minn hekk, minn perspettiva sostantiva, il-leġiżlazzjoni tal-Länder inkwistjoni ma tirrappreżentax vantaġġ anċillari li huwa validu biss fuq bażi reġjonali. A contrario, dan il-benefiċċju jagħmel parti mis-sistema ta’ kopertura kontra r-riskju ta’ spejjeż tal-mard addizzjonali li ġiet stabbilita fil-Ġermanja u li, bis-saħħa ta’ akkreditament reċiproku, hija relatata b’mod strett mad-dritt federali.

Minn dan isegwi li l-benefiċċji tal-Länder ikkonċernati għandhom jiġu kklassifikati bħala benefiċċji tal-mard, u mhux bħala benefiċċji speċjali. L-inklużjoni ta’ dawn il-benefiċċji fis- Sezzjoni III tal-Anness II, tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 hija għaldaqstant illegali; huma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ residenza impost taħt id-dritt Ġermaniż jikser ir-Regolament Nru 1612/68 inkwantu jipprekludi ħaddiema transkonfinali u membri tal-familji tagħhom milli jirċievu dawn il-benefiċċji.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat b’mod ċar li Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċju soċjali għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jkun jirrisjedi f’dak l-Istat. Il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika għall-vantaġġi soċjali kollha fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

Il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” huwa kunċett wiesa’. Huwa jkopri mhux biss il-vantaġġi marbuta ma’ kuntratt ta’ impjieg, iżda l-vantaġġi kollha li Stat Membru jagħti liċ-ċittadini tiegħu u għaldaqstant, lill-ħaddiema tiegħu. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-fatt li l-għoti tal-benefiċċji kkonċernati la huwa ddeterminat mill-impjieg u lanqas mir-riżorsi finanzjarji tal-persuna kkonċernata jew tal-familja tagħha, u huwa għalhekk ibbażat kompletament fuq ir-residenza fil-Land inkwistjoni, ma jistax jiġġustifika n-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi għall-ħaddiema li jaħdmu fil-Ġermanja iżda li jirrisjedu fi Stat Membru differenti. Għalhekk, ma hemm ebda raġuni xierqa għalfejn dawk il-benefiċċji ma għandhomx jitqiesu bħala vantaġġi soċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68.

Għaldaqstant, ħaddiema transkonfinali li jaħdmu fil-Ġermanja u membri tal-familji tagħhom għandhom, anki jekk ma jirrisjedux fil-Ġermanja, ikunu intitolati għall-benefiċċji mogħtija lill-persuni b’diżabbilità jew lill-għomja taħt il-leġiżlazzjoni tal-Länder. Il-kundizzjoni li teżiġi li jkunu jirrisjedu jew abitwalment jirrisjedu fil-Land ikkonċernat għalhekk tisker ir-Regolament Nru 1612/68.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35


Top