Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0401

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-9 ta' Ġunju 2011.
    Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE vs il-Bank Ċentrali Ewropew (Il-BĊE).
    Appell - Ammissibbiltà - Prokura - Konsorzju - Kuntratti pubbliċi - Proċedura nnegozjata - Servizzi ta’ konsulenza u ta’ żviluppi informatiċi - Ċaħda tal-offerta - Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali - Interess ġuridiku - Raġuni ta’ esklużjoni - Awtorizzazzjoni stabbilita mid-dritt nazzjonali - Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża C-401/09 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:370

    Kawża C-401/09 P

    Evropaïki Dynamiki Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE

    vs

    Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

    “Appell — Ammissibbiltà — Prokura — Konsorzju— Kuntratti pubbliċi — Proċedura nnegozjata — Servizzi ta’ konsulenza u ta’ żviluppi informatiċi— Ċaħda tal-offerta — Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Interess ġuridiku — Raġuni ta’ esklużjoni — Awtorizzazzjoni stabbilita mid-dritt nazzjonali — Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Proċedura — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Obbligu li l-eċċezzjoni tiġi ppreżentata b’att separat — Limiti

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 114)

    2.        Appell — Interess ġuridiku — Kundizzjoni — Appell li jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu — Portata

    3.        Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat – Inammissibbiltà

    (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,l-ewwel subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 112(1))

    1.        L-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma jeħtieġ li kull eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi ppreżentata b’att separat. Bil-kontra, il-preżentata ta’ tali eċċezzjoni b’att separat hija neċessarja biss jekk il-parti li tippreżentaha għandha l-intenzjoni li titlob lill-qorti li tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors mingħajr ma tibda diskussjoni dwar il-mertu.

    Għalhekk, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tista’ titqajjem f’risposta u tiġi eżaminata mill-Qorti Ġenerali meta din tal-aħħar tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors.

    (ara l-punti 43-45)

    2.        Rikorrent ma jistax ikollu interess leġittimu għall-annullment ta’ deċiżjoni fejn huwa diġà ċert li hija tista’ biss tiġi kkonfermata mill-ġdid fir-rigward tiegħu. Min-naħa l-oħra, motiv ta’ annullament huwa inammissibbli, għar-raġuni li l-interess ġuridiku huwa nieqes meta, anki jekk jiġi presuppost li huwa fondat, l-annullament tal-att ikkontestat abbażi ta’ dan il-motiv ma huwiex ta’ natura li jagħti sodisfazzjoni lir-rikorrent. B’hekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkunsidra, wara li ċaħdet l-ewwel motiv, li ma kienx hemm iktar lok li tagħti deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrent, peress illi dawn tal-aħħar ma ppermettewx lir-rikorrent li jirbaħ il-kawża fil-kuntest tar-rikors tiegħu.

    (ara l-punti 49, 50)

    3.        Appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li b’mod speċifiku jsostnu lil din it-talba. Ma jweġibx għal dan ir-rekwiżit l-aggravju li, mingħajr ma jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, huwa limitat sabiex jirriproduċi l-argumenti diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali aggravju jikkostitwixxi fir-realtà talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid ta’ motiv ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ħaġa li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minbarra dan, riferiment astratt għal aggravju waqt appell, mhux sostnut minn indikazzjonijiet iktar preċiżi, ma jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ dan l-appell. Dan huwa l-każ meta aggravju sempliċement jintuża sabiex isemmi diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma juri l-applikabbiltà tagħhom fil-każ ineżami u mingħajr ma jistabbilixxi kif dawn id-dispożizzjonijiet ġew miksura.

    (ara l-punti 55, 61)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    9 ta’ Ġunju 2011 (*)

    “Appell – Ammissibbiltà – Prokura – Konsorzju – Kuntratti pubbliċi – Proċedura nnegozjata – Servizzi ta’ konsulenza u ta’ żviluppi informatiċi – Ċaħda tal-offerta – Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Interess ġuridiku – Raġuni ta’ esklużjoni – Awtorizzazzjoni stabbilita mid-dritt nazzjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża C‑401/09 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2009

    Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Korogiannakis, dikigoros,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn F. von Lindeiner u G. Gruber, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tal-appell tagħha, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (iktar ’il quddiem “Evropaïki Dynamiki”) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tat-2 ta’ Lulju 2009, Evropaïki Dynamiki vs BĊE (T‑279/06, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li ma jilqax l-offerta tagħha ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ żvilupp informatiku u li jagħti l-kuntratt lill-offerenti li l-offerti tagħhom ġew aċċettati.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2        Fid-19 ta’ Lulju 2005, il-BĊE ippubblika avviż ta’ kuntratt fis-suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 5 137), li kien jikkonċerna proċedura nnegozjata għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ żvilupp informatiku, bil-preselezzjoni tal-kandidati xierqa. Din il-proċedura nnegozjata kellha bħala għan li jintgħażlu żewġ imprendituri sabiex jipprovdu servizzi favur il-BĊE fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti qafas.

    3        Fid-29 ta’ Awwissu 2005, Evropaïki Dynamiki ppreżentat kandidatura f’isem il-konsorzju E2Bank, fejn il-parteċipant l-ieħor kien Engineering Ingegneria Informatica SpA. Il-kumitat għall-attribuzzjoni tal-kuntratti tal-BĊE għażel, fost it-23 kandidati milqugħa, 7 kandidati, fosthom dan il-konsorzju.

    4        Fit-22 ta’ Diċembru 2005, il-BĊE innotifika l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt lill-kandidati li l-offerti tagħhom ġew aċċettati, u stedinhom sabiex jippreżentaw l-offerti tagħhom. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jinkludu l-istedina sabiex jagħmlu offerta u ħames annessi, fosthom l-abbozz tal-kuntratt qafas.

    5        Il-punt 2.4 tal-Anness 3 tal-istedina għal offerta kien jipprovdi l-obbligu, għall-offerenti, li jiksbu awtorizzazzjoni skont il-liġi Ġermaniża dwar il-provvista ta’ ħaddiema temporanji (Arbeitnehmerüberlassungsgesetz, iktar ’il quddiem l-“AÜG”) u indika li dawn tal-aħħar kellhom isemmu li huma kienu ser jieħdu l-impenn li jkunu fil-pussess tal-awtorizzazzjoni li jipprovdu ħaddiema temporanji (Arbeitnehmerüberlassungsgenehmigun, iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni mitluba”) fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt.

    6        Il-BĊE rċeviet ħamess offerti fit-terminu stabbilit, fosthom dak tal-konsorzju E2Bank. Din l-offerta, li ġiet meqjusa kompleta, kienet tinkludi b’mod partikolari l-impenn definittiv taż-żewġ membri tal-konsorzju E2Bank sabiex jiksbu l-awtorizzazzjoni mitluba qabel il-firma tal-kuntratt. Bħala prova ta’ dan l-impenn, kopja taż-żewġ applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni introdotti fit-3 u s-6 ta’ Frar 2006 mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti kienet ġiet ipprovduta.

    7        Wara li evalwa l-offerti, il-kumitat għall-attribuzzjoni tal-kuntratti tal-BĊE ddeċieda li joħroġ stedina għal negozjar lit-tliet offerenti l-aħjar ikklassifikati. Il-konsorzju E2Bank kien ikklassifikat fir-raba’ pożizzjoni.

    8        Wara negozjati li bdew matul ix-xahar ta’ April 2006, dan il-kumitat għall-attribuzzjoni tal-kuntratti ddeċieda li ma jkomplix in-negozjati ħlief maż-żewġ offerenti, peress li t-tielet offerent, stabbilit fl-Indja, ma kienx fil-pożizzjoni li jirrispondi għat-tħassib tal-BĊE dwar il-ksib tal-awtorizzazzjoni mitluba. In-negozjati segwiti maż-żewġ offerenti li kien jifdal seħħew matul ix-xahar ta’ Ġunju 2006.

    9        B’ittra tal-11 ta’ Lulju 2006, Evropaïki Dynamiki esprimiet dubji fir-rigward tal-legalità tal-proċedura għall-attribuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, billi b’mod partikolari sostniet li l-obbligu li tkun fil-pussess tal-awtorizzazzjoni mitluba kien jikkostitwixxi diskriminazjzoni kontra offerenti stabbiliti mhux fil-Ġermanja.

    10      Wara li kienet ġiet informata, b’ittra tal-31 ta’ Lulju 2006, bid-deċiżjoni għall-attribuzzjoni taż-żewġ kuntratti qafas taż-żewġ offerenti li l-offerti tagħhom ġew aċċettati, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Awwissu 2006, Evropaïki Dynamiki talbet iktar informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-offerti, u talbiet lill-BĊE li jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u informat bl-intenzjoni tagħha li tressaq il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali f’każ ta’ ċaħda tal-appell tagħha. Il-kumitat għall-attribuzzjoni tal-BĊE qies li din l-ittra kienet tikkostitwixxi appell formali u ressaqha quddiem il-korp tal-appelli tal-BĊE, li, b’ittra tat-18 ta’ Awwissu 2006, informa lil Evropaïki Dynamiki biċ-ċaħda ta’ dan l-appell.

     Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

    11      Fid-9 ta’ Ottubru 2006, Evropaïki Dynamiki ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-BĊE li ma taċċettax l-offerti tagħha u li tagħti l-kuntratt lill-offerenti li l-offerti tagħhom ġew aċċettati. Insostenn tar-rikors tagħha, Evropaïki Dynamiki qajmet tmien motivi.

    12      Wara li ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE u bbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali eżaminat, l-ewwel nett, it-tmien motiv tar-rikors, li kien ibbażat fuq l-illegalità tar-rekwiżit li l-offerenti kellhom ikollhom pussess tal-awtorizzazzjoni mitluba.

    13      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, Evropaïki Dynamiki akkużat lill-BĊE li introduċa dan ir-rekwiżit b’mod arbitarju u li ffavorixxa lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fil-Ġermanja.

    14      Permezz tat-tieni parti tat-tmien motiv tagħha, Evropaïki Dynamiki sostniet li, skont l-AÜG, l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata biss lill-impriżi barranin jekk huma għandhom, fl-Istat li fih huma stabbiliti, permess relatat mal-provvista ta’ ħaddiema temporanji. Issa, skont il-leġiżlazzjoni Griega, tali permess jista’ jingħata biss lill-impriżi li jeżerċitaw esklużivament attività ta’ provvista ta’ tali ħaddiema. Għalhekk, huwa impossibbli għaliha li tikseb dan il-permess fil-Greċja u, konsegwentement, li tibbenefika mill-awtorizzazzjoni mitluba.

    15      Permezz tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, Evropaïki Dynamiki ssostni li r-rekwiżit li l-offerenti jkollhom pussess tal-awtorizzazzjoni mitluba jmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi u għalhekk jikkostitwixxi ksur tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, previst fl-Artikolu 49 KE.

    16      Permezz tar-raba’ parti ta’ dan il-motiv, Evropaïki Dynamiki sostniet li dan ir-rekwiżit huwa diskriminatorju u jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza.

    17      Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrilevat, l-ewwel nett, li l-BĊE, bħal fil-każ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandu setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u li l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball gravi u manifest.

    18      F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tat-tmien motiv tar-rikors, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel nett, li Evropaïki Dynamiki ma kkontestatx la l-legalità tal-fatt li l-kuntratt qafas kien irregolat mid-dritt Ġermaniż u lanqas is-sottomissjoni ta’ kull kwistjoni li nħolqot mir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-BĊE u l-parti kontraenti quddiem il-qorti esklużiva tal-Amtsgericht/Landesgericht Frankfurt am Main (qorti kantonali/reġjonali ta’ Frankfurt am Main). Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-provvista ta’ servizzi mogħtija fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt qafas kienet teħtieġ il-provvista lill-BĊE, fuq livell professjonali, ta’ ħaddiema, li kienet timponi fuq il-parti kontraenti tiegħu li jkollha pussess tal-awtorizzazzjoni mitluba. Hija fakkret ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht (Qorti Federali Industrijali), il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit iffissat mill-AÜG ma huwiex limitat għall-aġenziji ta’ xogħol temporanju, iżda japplika wkoll għall-kumpanniji tas-settur tat-teknoloġiji tal-informatika li jikkollokaw il-persunal tagħhom ma’ kumpanniji oħra. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li, waqt il-konklużjoni, fix-xahar ta’ Mejju 2006, ta’ kuntratt dwar il-provvista mill-BĊE ta’ perit, ebda awtorizzazzjoni ma kienet intalbet, u l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li eventwali ksur preċedenti tal-AÜG mill-BĊE ma kienex jeżentah milli japplika korrettament din il-liġi fil-kuntest ta’ din il-proċedura preżenti nnegozjata.

    19      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-BĊE ma kien wettaq ebda żball ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tal-AÜG meta kkunsidra li l-forniment tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni kien suġġett għall-obbligu ta’ pussess tal-awtorizzazzjoni mitluba u li l-BĊE, meta stipula dan ir-rekwiżit, la kien aġixxa b’mod arbitrarju u lanqas iffavorixxa lill-offerenti stabbiliti fil-Ġermanja. Konsegwentement, hija ddeċidiet li l-ewwel parti tat-tmien motiv kienet manifestament infondata fid-dritt.

    20      F’dak li jikkonċerna t-tieni parti tat-tmien motiv, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjoni jekk l-interazzjoni ta’ żewġ drittijiet nazzjonali jikkostitwixxix effettivament ostakolu għal libertà li jiġu pprovduti servizzi, ipprojbit mill-Artikolu 49 KE. Il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex tikkontesta l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-awtorizzazzjoni mitluba, Evropaïki Dynamiki setgħet ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-qorti nazzjonali kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati. Konsegwentement, hija kkunsidrat li t-tieni parti tat-tmien motiv kienet manifestament inammissibbli.

    21      Fir-rigward tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, wara li l-ewwel nett fakkret li Evropaïki Dynamiki ma kienet invokat ebda regola ta’ dritt li kienet tippermetti lill-BĊE li jevita, f’dan il-każ, l-effett territorjali tad-dritt Ġermaniż u li l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-kundizzjonijiet previsti fid-dokumenti dwar kuntratt pubbliku ma jinċitawx lill-offerenti potenzjali sabiex jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-attività tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-BĊE ma jistax ikun ikkritikat talli applika dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż.

    22      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali sostniet li, meta Evropaïki Dynamiki ssostni li l-BĊE ma kellux għalfejn jeħtieġ l-awtorizzazzjoni mitluba, din l-impriża tikkontesta fir-realtà l-kompatibbiltà tal-AÜG mal-Artikolu 49 KE kif ukoll mad-Direttivi 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431), u 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-31 ta’ Marzu 2004, dwar kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7. p. 132). Issa, sabiex tikkontrolla l-legalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tad-dritt Komunitarju, Evropaïki Dynamiki jmissha ppreżentat rikors quddiem il-qorti nazzjonali, li setgħet għalhekk tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    23      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li Evropaïki Dynamiki ma tistax validament tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li hija tinvoka. Hija fakkret, f’dan ir-rigward, li, minn naħa, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635), l-awtorità kontraenti kienet ħadet inkunsiderazzjoni kriterju addizzjonali li ma kienx ġie impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li, min-naħa l-oħra, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen (C‑290/04, Ġabra p. I‑9461) kienet tikkonċerna domandi preliminari li kienu jirrigwardaw il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet parti tat-tmien motiv parzjalment bħala manifestament infondat u parzjalment bħala manifestament inammissibbli.

    24      F’dak li jikkonċerna r-raba’ parti ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, peress li l-kundizzjoni li l-offerenti kellhom ikollhom pussess tal-awtorizzazzjoni mitluba kienet b’mod ċar prevista f’diversi dokumenti relatati mal-proċedura nnegozjata u li Evropaïki Dynamiki ma kienet iltaqgħet ma’ ebda diffikultà ta’ interpretazzjoni tar-rekwiżit inkwistjoni, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Traunfellner (C‑421/01, Ġabra p. I‑11941), li tikkonċerna l-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu li jissemmew kundizzjonijiet minimi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kienet irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni li tressqet quddiemha.

    25      Fir-rigward tas-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale Bau et (C‑470/99, Ġabra p. I‑11617), u tad-9 ta’ Frar 2006, La Cascina et (C‑226/04 u C‑228/04, Ġabra p. I‑1347), il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont l-ewwel minn dawn is-sentenzi, il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha tosserva, fl-istadji kollha tagħha, b’mod partikolari dak tas-selezzjoni tal-kandidati f’proċedura ristretta, kemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti potenzjali kif ukoll dak ta’ trasparenza. Hija indikat li t-tieni minn dawn is-sentenzi tikkonċerna domandi preliminari li rrigwardaw il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju, fir-rigward b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza.

    26      Issa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Evropaïki Dynamiki ma setgħetx validament issostni li hija ma kinitx suffiċjentement informata bir-rekwiżit inkwistjoni, b’mod li hija ma tistax validament tibbaża fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza. F’dak li jikkonċerna l-ksur allegat tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, hija sostniet li dan ir-rekwiżit kien jikkonċerna l-offerenti kollha. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ parti tat-tmien motiv parzjament bħala manifestament infondat u parzjament bħala manifestament inammissibbli.

    27      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tmien motiv tar-rikors, parzjalment bħala manifestament inammissibbi u parzjalment bħala manifestament infondat.

    28      Fir-rigward tal-ewwel sas-seba’ motivi tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ċaħdithom bħala manifestament inammissibbli.

    29      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa waħda, li Evropaïki Dynamiki ma kinitx irnexxielha turi li l-kriterju imperattiv, previst mid-dokumenti relatati mal-proċedura nnegozjata inkwistjoni, li l-offerenti kellhom ikollhom l-awtorizzazzjoni mitluba, kien illegali u , min-naħa l-oħra, li din il-kumpannija kienet espliċitament rikonoxxiet fl-atti tagħha li hija ma setgħet f’ebda każ tikseb l-awtorizzazzjoni mitluba fil-Ġermanja. Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, Evropaïki Dynamiki ma setgħet tieħu ebda vantaġġ miċ-ċirkustanza li wieħed jew diversi minn dawn l-ewwel sas-seba’ motivi setgħu jirriżultaw fondati. Fil-fatt, anki jekk id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-offerta tagħha u ta’ għoti tal-kuntratt lil offerenti oħra kellhom jiġu annullati abbażi ta’ dawn il-motivi, xorta jibqa’ l-fatt li Evropaïki Dynamiki ma rnexxilhiex turi l-illegalità tal-motiv ta’ esklużjoni mogħti mill-BĊE, b’mod li dan tal-aħħar ma jistax jissostitwixxi d-deċiżjonijiet ikkontestati ħlief permezz ta’ deċiżjoni ġdida li tiċħad l-offerta ta’ Evropaïki Dynamiki minħabba din ir-raġuni ta’ esklużjoni.

    30      Il-Qorti Ġenerali fakkret li rikorrent ma jistax ikollu interess leġittimu għall-annullament ta’deċiżjoni fejn huwa diġà ċert li hija tista’ biss tiġi kkonfermata mill-ġdid fir-rigward tiegħu. Huwa għalhekk paċifiku li Evropaïki Dynamiki, wara ċ-ċaħda tat-tmien motiv tar-rikors tagħha, ma kellhiex iktar interess leġittimu sabiex tinvoka motivi oħra intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-offerta tagħha u ta’ għoti tal-kuntratt lil offerenti oħra. Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li motiv ta’ annullament huwa inammissibbli, minħabba l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent, meta, anki jekk jiġi presuppost li dan il-motiv huwa fondat, l-annullament tal-att ikkontestat fuq il-bażi ta’ dan il-motiv ma huwiex ta’ natura li jagħti sodisfazzjon lir-rikorrent.

    31      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat.

     Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    32      Permezz tal-appell tagħha, Evropaïki Dynamiki, li taġixxi għan-nom tal-konsorzju E2Bank, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla d-digriet appellat;

    –        tannulla l-atti li permezz tagħhom il-BĊE eskluda lill-konsorzju E2Bank mill-proċedura u ta l-kuntratt lil offerenti ieħor, u

    –        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza.

    33      Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tiċħad l-appell, u

    –        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

     Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

    34      Il-BĊE iqis li l-appell huwa inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat f’isem u għan-nom tal-konsorzju E2Bank mingħjar ma prokura ġiet stabbilita għal dan il-għan. Huwa jirrileva li Evropaïki Dynamiki kienet ippreżentat ir-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali f’isem u għan-nom ta’ dan il-konsorzju, u li hija kienet hemżet ma’ dan ir-rikors prokura ffirmata minn rappreżentat ta’ Engineering Ingegneria Informatica SpA, kumpannija li kienet tagħmel parti minn dan il-konsorzju, iżda li l-portata ta’ din il-prokura kienet limitata għall-proċedura mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali u li hija ma awtorizzatx lill-benefiċjarju tagħha li jippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    35      Evropaïki Dynamiki ssostni li l-aħħar paragrafu ta’ din il-prokura ma jillimitax lil din tal-aħħar għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda jinkludi l-eżawriment tal-mezzi legali possibbli kollha.

    36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, skont l-ewwel paragrafu ta’ din il-prokura, Evropaïki Dynamiki hija awtorizzata sabiex tieħu l-azzjonijiet legali neċessarji kollha għan-nom tal-konsorzju E2Bank quddiem il-Qorti Ġenerali.

    37      Madankollu, it-tieni paragrafu tal-istess prokura jippreċiża li hija tibqa’ valida sakemm ikun meħtieġ, sabiex jintemmu l-azzjonijiet ġuridiċi kollha, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli.

    38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prokura inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tkopri wkoll dan l-appell ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    39      Għaldaqstant, l-appell huwa ammissibbli.

     Fuq il-mertu

    40      Insostenn tal-appell tagħha, Evropaïki Dynamiki tqajjem erba’ aggravji.

     Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

    41      Bl-ewwel aggravju, Evropaïki Dynamiki ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta kkunsidrat bħala ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE, minkejja li din ma tressqitx b’att separat.

    42      Il-BĊE jikkunsidra lil dan l-aggravju huwa infondat, peress li l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirrikjedi li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà titqajjem permezz ta’ att separat unikament jekk issir talba lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni separatament minn dik tal-eżami tal-mertu tal-kawża.

    43      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma jeħtieġ li kull eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi ppreżentata b’att separat.

    44      Bil-kontra, il-preżentata ta’ tali eċċezzjoni b’att separat hija neċessarja biss jekk il-parti li tippreżentaha għandha l-intenzjoni li titlob lill-qorti li tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors mingħajr ma tibda diskussjoni dwar il-mertu.

    45      Għalhekk, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tista’ titqajjem f’risposta u tiġi eżaminata, mill-Qorti Ġenerali, meta din tal-aħħar tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors.

    46      Isegwi li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-interess ġuridiku

    47      Permezz ta’ dan l-aggravju, Evropaïki Dynamiki ssostni li l-Qorti Ġenerali jmissha eżaminat l-ewwel sas-seba’ motivi tar-rikors, anki jekk hija kienet ċaħdet it-tmien rikors, u li hija żbaljat meta kkonstatat nuqqas ta’ interess ġuridiku. Hija tqis li l-kunċett ta’ interess ġuridiku għandu jiġi interpretat b’mod daqstant wiesa’ daqskemm jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246)

    48      Il-BĊE isostni li l-assenza ta’ interess ġuridiku għandha tiġi kkonstatata meta l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jagħti sodisfazzjoni lill-applikant. Huwa jqis li huwa korrett li, wara li ċaħdet it-tmien motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel seba’ motivi mqajma minn Evropaïki Dynamiki quddiemha, peress li, għalkemm dawn kienu fondati, il-kuntratt ma setax jingħata lill-konsorzju E2Bank, peress li dan tal-aħħar ma kellux l-awtorizzazzjoni mitluba u ma seta’ fl-ebda każ jiksibha.

    49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali aġixxiet b’mod korrett, meta filwaqt li għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, rrilevat li, minn naħa, rikorrent ma jistax ikollu interess leġittimu għall-annullment ta’ deċiżjoni fejn huwa diġà ċert li hija tista’ biss tiġi kkonfermata mill-ġdid fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 1989, Souna vs Il‑Kummissjoni, 432/85, Ġabra p. 2229 punt 20) u, min-naħa l-oħra, motiv ta’ annullament huwa inammissibbli, għar-raġuni li l-interess ġuridiku huwa nieqes meta, anki jekk jiġi presuppost li huwa fondat, l-annullament tal-att ikkontestat abbażi ta’ dan il-motiv ma huwiex ta’ natura li jagħti sodisfazzjoni lir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1973, Marcato vs Il‑Kummissjoni, 37/72, Ġabra p. I‑361, punti 2 sa 8).

    50      Isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat, wara li ċaħdet it-tmien motiv tar-rikors ta’ Evropaïki Dynamiki, li ma kienx hemm iktar lok li tagħti deċiżjoni dwar is-seba’ motivi l-oħra tagħha, fejn dawn ma ppermettulhiex li tirbaħ il-kważa fil-kuntest tar-rikors tagħha.

    51      Fir-rigward tal-argument ta’ Evropaïki Dynamiki li hija kienet, f’kull każ, żammet interess ġuridiku fir-rigward tal-ewwel seba’ motivi tar-rikors tagħha minħabba l-possibbiltà li hija kellha li tikseb l-awtorizzazzjoni mitluba permezz tal-intermedju ta’ fergħa stabbilita fil-Ġermanja, għandu jiġi rrilevat li Evropaïki Dynamiki ma ressqitx tali possibbiltà quddiem il-Qorti Ġenerali. Li parti tiġi awtorizzata tqajjem argumenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun ifisser li tkun qed tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha ġurisprudenza limitata fil-qasam tal-appell, kwistjoni iktar estensiva minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, fil-kuntest ta’ appell, il‑kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall‑evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u l‑argumenti li jkunu ġew diskussi quddiem l-ewwel qorti (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement dan l-argument huwa inammissibbli.

    52      Għalhekk, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

     Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq in-natura mhux obbligatorja tal-awtorizzazzjoni mitluba

    53      Permezz ta’ dan l-aggravju, Evropaïki Dynamiki ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat li l-pussess mill-offerenti tal-awtorizzazzjoni mitluba kellu natura imperattiva. Hija żżid li d-dritt Ġermaniż ma kienx jeħtieġ f’dan il-każ li tinkiseb tali awtorizzazzjoni u li hija kkonkludiet kuntratti oħra mal-BĊE mingħajr ma kellha pussess tagħha. Hija tallega wkoll li l-fatt li l-BĊE kien irrikjeda din l-awtorizzazzjoni jmur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-Artikolu 49 KE.

    54      Il-BĊE jsostni li ma kienx huwa li introduċa l-obbligu, għall-offerenti, li jkollhom pussess tal-awtorizzazzjoni meħtieġa, iżda li l-pussess tagħha tikkostitwixxi kundizzjoni imperattiva li tirriżulta mid-dritt Ġermaniż.

    55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li qed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali li b’mod speċifiku jsostnu lil din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, AEPI vs Il‑Kummissjoni, C‑425/07 P, Ġabra p. I‑3205, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma jweġibx għal dan ir-rekwiżit l-aggravju li, mingħajr ma jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, huwa limitat sabiex jirriproduċi l-argumenti diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali aggravju jikkostitwixxi fir-realtà talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid ta’ motiv ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ħaġa li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kumissjoni, C‑131/03 P, Ġabra p. I‑7795, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-punti 52 sa 94 tad-digriet appellat u 12 sa 27 ta’ din is-sentenza, analizzat fid-dettall l-allegata illegalità tar-rekwiżit li l-offerenti kellhom ikollhom pussess tal-awtorizzazzjoni mitluba.

    57      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kritiki fformulati minn Evropaïki Dynamiki fil-kuntest ta’ dan l-aggravju ma jirreferux b’mod preċiż għal elementi tar-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali, fid-digriet appellat, sabiex tiċħad it-tmien motiv żviluppat quddiemha. Permezz ta’ dan l-aggravju, li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fl-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, essenzjalment jirriproduċi dan it-tmien motiv, Evropaïki Dynamiki tirrepeti essenzjalment il-kritiki invokati, quddiem il-Qorti Ġenerali, kontra d-deċiżjoni tal-BĊE, kif riflessa fid-dokumenti relatati mal-kuntratt inkwistjoni, li jimponi f’dan il-każ lill-offerenti l-obbligu li jkollhom l-awtorizzazzjoni mitluba.

    58      Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

     Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    59      Permezz ta’ dan l-aggravju, Evropaïki Dynamiki ssostni li l-Qorti Ġenerali ma applikatx id-dispożizzjonijiet rilevanti li kienu jwassluha sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li, f’kull każ, il-BĊE ma kienx ipprovda ġustifikazzjonijiet validi u lanqas informazzjoni suffiċjenti insostenn ta’ din id-deċiżjoni. Meta għamlet riferiment fit-tabella ta’ dan l-aggravju għall-Artikolu  253 KE, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), l-Artikolu 100(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74) u l-Artikolu 149(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), Evropaïki Dynamiki tidher li tinvoka, minbarra dan, il-ksur mid-digriet appellat ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

    60      Il-BĊE isostni li dan il-motiv huwa inammissibbli u, sussidjarjament, huwa infondat.

    61      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati minn Evropaïki Dynamiki fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar sempliċement tagħmel riferiment għalihom, mingħajr ma turi l-applikabbiltà tagħhom f’dan il-każ u mingħajr ma tistabbilxixxi kif id-digriet appellat jikser dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi riferiment astratt għal aggravju waqt appell, mhux sostnut minn indikazzjonijiet iktar preċiżi, ma jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ dan l-appell (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tad-29 ta’ Novembru 2007, Weber vs Il‑Kummissjoni, C‑107/07 P, punti 24 u 25, kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2009, Correia de Matos vs Il‑Kummissjoni, C‑290/08, punti 18 u 19).

    62      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-argumenti l-oħra ta’ Evropaïki Dynamiki, ibbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argument tagħha li s-sempliċi preżentata tan-noti relatati mal-evalwazzjoni tal-offerti ma kinitx biżżejjed sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tal-BĊE li tagħti l-kuntratt lill-offerenti li l-offerti tagħhom ġew aċċettati, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali limitat l-evalzzjoni tagħha għall-motiv dwar l-illegalità tar-rekwiżit li l-offerenti kellhom ikollhom pussess tal-awtorizzazzjoni mitluba. Wara li ċaħdet dan il-motiv, hekk kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali korrettament ċaħdet is-seba’ motivi l-oħra tar-rikors, b’mod partikolari l-ħames u s-sitt motivi, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni, u, min-naħa l-oħra, ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti, bħala li kienu manifestament inammissibbli, mingħajr ma eżaminat is-sustanza tal-argumenti ta’ din tal-aħħar.

    63      Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    64      Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati minn Evropaïki Dynamiki ma nltaqa’, hemm lok li l-appell jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    65      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress Evropaïki Dynamiki tilfet l-aggravji tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top