EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0385

Kawża T-385/07: Rikors imressaq fl- 4 ta' Ottubru 2007 — FIFA vs Il-Kummissjoni

ĠU C 315, 22.12.2007, p. 41–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 315/41


Rikors imressaq fl-4 ta' Ottubru 2007 — FIFA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-385/07)

(2007/C 315/77)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fédération Internationale de Football Association (FIFA) (rappreżentanti: R. Denton, E. Batchelor u F. Young, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 1 sa 2 tagħha; u

tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll ta' FIFA fir-rigward ta' dawn il-proċedimenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (1) Stat Membru jista' jfassal lista ta' avvenimenti sportivi jew oħrajn li huma kkunsidrati bħala avvenimenti ta' “importanza kbira għas-soċjetà”. L-avvenimenti fuq il-lista ma jistgħux ikunu suġġetti għal drittijiet esklussivi ta' xandir li jimpedixxu numru sostanzjali tal-pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat milli jaraw l-avveniment permezz ta' xandira diretta jew xandira differita fuq it-televiżjoni gratwita.

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/479/KE tal-25 ta' Ġunju 2007 (2) li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li l-lista mfassla mill-Belġju skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE kienet kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Ewropea.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-lista Belġjana tirrestrinġi l-libertà li jiġu provduti servizzi billi timpedixxi lir-rikorrenti milli tagħti liċenzji lil xandara barranin b'drittijiet esklussivi ta' xandir dirett tat-Tazza tat-Dinja tal-FIFA fir-rigward tas-suq Belġjan u li l-fatt li l-logħobiet kollha tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, irrispettivament mill-popolarità tagħhom, jitqiegħdu fil-lista, mhuxiex iġġustifikat, proporzjonat jew neċessarju.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-lista Belġjana hija ta'restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment minħabba li timpedixxi lir-rikorrenti milli tagħti liċenzji lil operaturi ġodda li jixtiequ jużaw ix-xandir ta' sports ewlieni sabiex jistabbillixxu lilhom infushom fis-suq Belġjan.

Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li l-lista Belġjana tikser id-dritt ta' proprjetà tar-rikorrenti billi qed tiġi mċaħħda mill-esklussività fir-rigward tad-dritt ta' xandir tagħha, dritt li, fl-opinjoni tagħha, huwa rrikonoxxut mil-leġiżlazzjoni Komunitarja bħala l-essenza tal-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li bil-kontra ta' l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, il-lista Belġjana ma kinitx imfassla b'mod ċar u trasparenti.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU 1989 L 298, p. 23).

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/479/KE tal-25 ta' Ġunju 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri meħuda mill-Belġju skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU 2007 L 180, p. 24).


Top