EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CN0487

Kawża C-487/07: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (Civil Division) (ir-Renju Unit) fil- 5 ta' Novembru 2007 — L'Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC, Laboratoire Garnier & Cie vs Bellure NV, Malaika Investments Ltd (li topera bl-isem kummerċjali Honey pot cosmetic & Perfumery Sales ), Starion International Ltd

ĠU C 8, 12.1.2008, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 8/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (Civil Division) (ir-Renju Unit) fil-5 ta' Novembru 2007 — L'Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC, Laboratoire Garnier & Cie vs Bellure NV, Malaika Investments Ltd (li topera bl-isem kummerċjali “Honey pot cosmetic & Perfumery Sales”), Starion International Ltd

(Kawża C-487/07)

(2008/C 8/15)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: L'Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC, Laboratoire Garnier & Cie

Konvenuta: Bellure NV, Malaika Investments Ltd, li topera bl-isem kummerċjali “Honey pot cosmetic & Perfumery Sales”), Starion International Ltd.

Domandi preliminari

1)

Meta kummerċjant, f'riklam għal prodotti u servizzi tiegħu, jagħmel użu minn trade mark reġistrata ta' kompetitur sabiex jiġu mqabbla l-karatteristiċi (u b'mod partikolari r-rieħa) ta' prodotti jew ta' servizzi li jikkummerċjalizza bil-karatteristiċi (u b'mod partikolari r-rieħa) tal-prodotti jew tas-servizzi kkumerċjalizzati taħt din it-trade mark minn dan il-kompetitur, u b'mod illi dan l-użu kkonċernat ma joħloqx konfużjoni jew ma jostakolax il-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala indikazzjoni ta' l-oriġini, l-użu kkonċernat jaqa' taħt jew l-Artikolu 5(1)(a), jew l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104/KEE?

2)

Meta kummerċjant, matul il-kummerċ (b'mod partikolari f'lista komparattiva), jagħmel użu minn trade mark irreġistrata magħrufa sew sabiex jindika karatteristika tal-prodott tiegħu (b'mod partikolari r-rieħa) b'mod li:

a)

din ma toħloq l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni ta' kull tip;

b)

din ma teffettwax il-bejgħ ta' prodotti taħt it-trade mark irreġistrata magħrufa sew;

c)

din ma tostakolax il-funzjoni essenzjali tat-trade mark irreġistrata li tikkonsisti f'indikazzjoni ta' l-oriġini, la jkun ta' dannu għar-reputazzjoni ta' din it-trade mark, kemm jekk billi jtebba' l-immaġni, jew billi tnaqqsilha mis-saħħa jew b'kull mod ieħor;

d)

din ikollha rwol sinjifikattiv fil-promozzjoni tal-prodott tal-kummerċjant,

l-użu kkonċernat jaqa' taħt l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104/KEE?

3)

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3a(g) tad-Direttiva dwar reklamar qarrieqi (84/450), kif emendata bid-Direttiva dwar reklamar komparattiv (97/55), x'inhuwa s-sens ta' l-espressjoni “[jieħu] vantaġġ inġust [minn]” u, b'mod partikolari, meta kummerċjant, f'lista komparattiva, iqabbel il-prodott tiegħu ma prodott ikkumerċjalizzat taħt trade mark magħrufa sew, huwa jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta' din it-trade mark?

4)

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3a(h) ta' din id-direttiva, x'inhuwa s-sens ta' l-espressjoni “[jippreżenta] oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki” u, b'mod partikolari, din l-espressjoni tirrigwarda l-każ li fih, mingħajr ma toħloq konfużjoni u lanqas qerq, parti sempleċiment tinforma b'mod onest li l-prodott tagħha fih karatteristika essenzjali (ir-rieħa) simili għal dik ta' prodott magħruf sew li huwa protett minn trade mark?

5)

Meta kummerċjant jagħmel użu minn sinjal simili għal trade mark irreġistrata li għandha reputazzjoni u li dan is-sinjal ma jixbahx lit-trade mark b'mod tali li jista' joħloq konfużjoni, b'mod li:

a)

il-funzjoni essenzjali tat-trade mark irreġistrata tikkonsisti f'indikazzjoni ta' l-oriġini li la hija mibdula u lanqas mhedda;

b)

la tiġi mtebba' u lanqas ikun hemm konfużjoni fir-rigward tat-trade mark irreġistrata jew tar-reputazzjoni, u lanqas riskju li jseħħ dan;

c)

dan lanqas ma jeffettwa l-bejgħ tal-proprjetarju tat-trade mark;

d)

il-proprjetarju tat-trade mark mhuwiex imċaħħad minn ebda benefiċċju marbut mal-promozzjoni, mal-preżervazzjoni jew ma' l-iżvilupp tat-trade mark tiegħu;

e)

il-kummerċjant madankollu jkollu vantaġġ kummerċjali ta' l-użu tas-sinjal tiegħu minħabba fix-xebh tiegħu mat-trade mark irreġistrata,

l-użu kkonċernat jista' jitqies li huwa “vantaġġ inġust” mir-reputazzjoni ta' din it-trade mark irreġistrata skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks?


Top