Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0205

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 17 ta' Lulju 2008.
Lodewijk Gysbrechts u Santurel Inter BVBA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van beroep te Gent - il-Belġju.
Artikoli 28 KE sa 30 KE - Direttiva 97/7/KE - Protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod - Terminu għall-irtirar mill-kuntratt - Projbizzjoni li jintalab mingħand il-konsumatur ħlas akkont jew pagament qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt.
Kawża C-205/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09947

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:427

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2008 ( 1 )

Kawża C-205/07

Proċeduri kriminali

kontra

Lodewijk Gysbrechts

u

Santurel Inter BVBA

“Artikoli 28 KE sa 30 KE — Direttiva 97/7/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod — Terminu għall-irtirar mill-kuntratt — Projbizzjoni li jintalab mingħand il-konsumatur ħlas akkont jew pagament qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt”

I — Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk l-Artikoli 28 KE sa 30 KE jipprojbixxux dispożizzjoni tal-liġi Belġjana tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki kummerċjali u l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem il-“liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi”) li abbażi tagħha, fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ li jsir mill-bogħod, il-bejjiegħ ma jista’ jippretendi mill-konsumatur l-ebda ħlas u lanqas ħlas akkont tal-prezz qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol għall-irtirar mill-kuntratt. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi jeħtieġ li jiġi stabbilit ukoll jekk dawk l-Artikoli tat-Trattat jipprojbixxux l-interpretazzjoni speċifika mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani b’referenza għad-dispożizzjoni ċċitata tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi, li l-bejjiegħ, meta jikkonkludi l-kuntratt ta’ bejgħ mill-bogħod, ma jistax jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu, anki jekk jobbliga ruħu li ma jużahx, għall-finijiet tal-ħlas, qabel ma jiskadi t-terminu għall-irtirar mill-kuntratt. B’dan il-mod din il-kawża tqajjem kwistjonijiet importanti dwar il-bejgħ permezz tal-Internet u dwar il-ħlasijiet relattivi bil-karta ta’ kreditu, li bihom huwa aġevolat u promoss il-bejgħ permezz tal-Internet.

2.

Meta tiġi kkunsidrata minn aspett usa’, din il-kawża turi b’mod ċar kif anki l-metodi u l-kundizzjonijiet ta’ ħlas tal-prezz tal-bejgħ għandhom jiġu adattati għall-iżvilupp tal-kuntratt ta’ bejgħ. Pereżempju fid-dritt Ruman, it-twettiq tal-kuntratt ta’ bejgħ kien jimplika li l-bejjiegħ jikkonsenja l-merkanzija lix-xerrej u li jirċievi mingħandu, kuntestwalment, il-ħlas tal-prezz tal-bejgħ ( 2 ); b’dan il-mod iż-żewġ obbligi kienu jitwettqu fl-istess ħin. Bl-iżvilupp tal-kuntratt tal-bejgħ il-metodi u l-kundizzjonijiet tal-ħlas ġew immodifikati ħafna u dawn il-modifiki saru iktar evidenti bl-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda. Għalhekk, il-metodi u l-kundizzjonijiet ta’ ħlas ukoll għandhom jiġu adattati għall-iżvilupp teknoloġiku, li jippermetti li jsir negozju fuq l-Internet u dawn għandhom jimmiraw għas-sigurtà, is-sempliċità u, fejn ikun possibbli, għall-protezzjoni tal-partijiet kollha involuti. Għalhekk fl-evalwazzjoni ta’ din il-kawża jeħtieġ li wieħed jiftakar il-fatt li n-negozju u l-kummerċ fuq l-Internet, kif ukoll il-ħlasijiet relattivi permezz ta’ karti ta’ kreditu, ser ikunu ferm iktar żviluppati fil-futur milli huma llum.

3.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni li għandha ssir abbażi tal-Artikolu 29 KE tqum il-kwistjoni importanti f’din il-kawża tad-definizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni li, skont il-prattika tal-ġurisprudenza fil-preżent, huma limitati biss għall-miżuri tal-Istati Membri li jirrestrinġu speċifikament l-esportazzjoni u jikkostitwixxu, fil-fatt jew fid-dritt, differenza fit-trattament bejn il-kummerċ intern u l-flussi kummerċjali ta’ esportazzjoni biex b’hekk jiġi vvantaġġat is-suq nazzjonali.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

4.

L-erbatax-il premessa tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/7”) tgħid hekk:

“Billi l-konsumatur ma jistax jara l-prodott jew jaċċerta ruħu min-natura tas-servizz ipprovdut qabel jikkonkludi l-kuntratt; billi għandha ssir dispożizzjoni kemm-il darba mhux speċifikat b’mod ieħor f’din id-Direttiva, għal dritt ta’ irtirar mill-kuntratt […]”.

5.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7 jgħid hekk:

“1.   Għal kull kuntratt li jsir mill-bogħod il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol li fihom jista’ jirtira mill-kuntratt mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni.

L-unika kont li jista’ jingħata lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ irtirar tiegħu huwa l-ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati.

Il-perjodu għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jibda:

fil-każ ta’ oġġetti, mill-ġurnata li l-konsumatur jirċiviehom fejn l-obbligi stabbilit fl-Artikolu 5 ikunu intlaħqu;

[…]

2.   Fejn id-dritt ta’ irtirar ġie eserċitat mill-konsumatur skond dan l-Artikolu, il-fornitur għandu jkun obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas. L-unika imposta li tista’ ssir lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira huwa l-ispiża diretta involuta fir-ritorn ta’ l-oġġetti. Dan ir-rimborż għandu jsir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien 30 jum.

3.   Kemm-il darba l-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor, il-konsumatur ma jistax jeżerċita d-dritt ta’ rtirar li hemm ipprovdut għalih fil-paragrafu 1 dwar kuntratti:

[…]

għall-forniment ta’ oġġetti magħmulin skond l-ispeċifikazzjonijiet li jkun ta l-konsumatur jew ikunu kjarament personalizzati jew li, minħabba n-natura tagħhom, ma jistgħux jingħataw lura jew li jistgħu jiddeterjoraw jew jiskadu malajr ħafna,

[…]”.

6.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/7 jistabbilixxi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu miżuri xierqa sabiex jippermettu lil konsumatur:

jitlob li jitħassar pagament fejn il-card tiegħu tkun intużat b’mod qarrieqi in konnessjoni ma’ kuntratti mill-bogħod koperti minn din id-Direttiva,

fl-eventwalità ta’ użu qarrieqi, li jerġa’ jiġi kkreditat bl-ammonti mħallsa jew li jingħatawlu lura”.

7.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7 jgħid hekk:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jinkludu projbizzjoni, fl-interess ġenerali, dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti jew servizzi, partikolarment prodotti mediċinali, fit-territorju tagħhom permezz ta’ kuntratti mill-bogħod, b’kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lit-Trattat”.

B — Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

8.

Il-Konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali li nfetħet għall-firem f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”) fl-Artikolu 5, bit-titolu “Kuntratti konklużi minn konsumaturi”, tgħid hekk:

“1.   Dan l-Artikolu japplika għal kuntratt li l-għan tiegħu huwa l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi lil persuna (‘il-konsumatur’) għal skop li jista’ jitqies li ma jkollux x’jaqsam man-negozju jew professjoni tiegħu, jew għal kuntratt biex jingħata krettu għal dak il-għan.

2.   Minkejja d-disposizzjonijiet tal-Artikolu 3, għażla tal-liġi applikabbli magħmula mill-partijiet m’għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli mandatorji tal-liġi tal-pajjiż li fih huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu :

jekk f’dak il-pajjiż il-kuntratt ikun ġie konkluż wara stedina speċifika indirizzata lilu jew reklam, u huwa jkun għamel f’dak il-pajjiż dak kollu meħtieġ minnu biex il-kuntratt jiġi konkluż, jew

jekk il-parti l-oħra jew l-aġent tagħha jkun irċieva l-ordni tal-konsumatur f’dak il-pajjiż, jew

jekk il-kuntratt ikun għal bejgħ ta’ merkanzija u l-konsumatur ikun mar minn dak il-pajjiż għal pajjiż ieħor u hemmhekk huwa jkun għamel l-ordni tiegħu, bil-kundizzjoni li l-vjaġġ tal-konsumatur ikun tħejja mill-bejjiegħ bl-iskop li jħajjar lill-konsumatur biex jixtri.

3.   Minkejja d-disposizzjonijiet tal-Artikolu 4, kuntratt li għalih japplika dan l-Artikolu għandu, fin-nuqqas ta’ għażla skont l-Artikolu 3, ikun regolat skont il-liġi tal-pajjiż li fih il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu jekk il-kuntratt ikun sar fiċ-ċirkustanzi msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

C — Id-dritt Belġjan

9.

Fil-Belġju d-dritt tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt f’każ ta’ kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod huwa rregolat mill-Artikolu 80 tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi.

10.

L-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi jgħid dan li ġej:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45(1) tal-liġi tat-12 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kreditu fuq il-konsum, il-konsumatur ma jista’ jintalab ebda ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt ta’ sebat ijiem tax-xogħol kif stabbilit fil-paragrafu 1.

Fil-każ li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rtirar, stabbilit fil-paragrafi 1 u 2, il-bejjiegħ huwa obbligat iħallas lura l-ammonti mħallsin mill-konsumatur, mingħajr spejjeż. Dan il-ħlas lura għandu jsir mhux iktar tard minn tletin jum wara l-irtirar.

[…]”.

III — Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11.

Santurel Inter BVBA (iktar ’il quddiem “Santurel”), li jamministraha L. Gysbrechts, hija kumpannija speċjalizzata fil-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ supplimenti tal-ikel. Il-biċċa l-kbira tal-bejgħ isir fuq is-sit tal-Internet tagħha u l-prodotti li jiġu ordnati jintbagħtu bil-posta.

12.

Fuq talba ta’ xerrej Franċiż, l-amministrazzjoni Belġjana tal-ispezzjoni ekonomika (l’administration de l’inspection économique) bdiet indaġni li waslet biex id-ditta Santurel u L. Gysbrechts ġew akkużati bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-bejgħ mill-bogħod. Fost il-ksur instab li kien hemm, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ ħarsien tal-projbizzjoni li l-konsumatur jintalab ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor taħt l-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi. B’mod iktar preċiż, kien hemm l-inosservanza tal-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjoni ċċitata mill-awtoritajiet Belġjani, li abbażi tagħha huwa pprojbit li l-konsumatur jintalab in-numru tal-karta ta’ kreditu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sebat ijiem għall-irtirar mill-kuntratt.

13.

Fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali, il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Dendermond ikkundannat lil kull imputat għal multa ta’ EUR 1250,00. Il-partijiet interponew appell kontra dik is-sentenza quddiem il-Hof van Beroep te Gent (Qorti tal-Appell ta’ Gent), li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda għal deċiżjoni preliminari dwar il-konformità tad-dispożizzjoni ċċitata Belġjana mad-dritt Komunitarju.

14.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi tfisser għal negozjant Belġjan ir-riskju li jkun diffiċli għalih li jikseb il-ħlas għall-fornituri lill-klijenti fl-Istati Membri oħrajn u dan ir-riskju huwa iktar verosimili fil-każ tal-ammonti żgħar tal-prezzijiet tas-supplimenti tal-ikel. Il-qorti tar-rinviju taqbel mal-argument tal-imputati jiġifieri li l-projbizzjoni inkwistjoni tirrappreżenta ostakolu illegali għall-moviment liberu intra-Komunitarju tal-merkanzija.

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2007, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-liġi Belġjana […] [dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi] tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti, ipprojbita mill-Artikoli 28 [KE] sa 30 KE, sa fejn din il-liġi nazzjonali fiha, fl-Artikolu 80(3) tagħha, projbizzjoni milli teżiġi ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor mill-konsumatur matul it-terminu obbligatorju ta’ rtirar, u li, konsegwentement, din il-liġi ma teżerċitax l-istess influwenza fuq il-kummerċ nazzjonali ta’ merkanzija bħal fuq it-tranżazzonijiet ma’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, minkejja li din is-sitwazzjoni tinvolvi fil-fatt ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, hekk kif iddikjarat mill-Artikolu 23 KE?”

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2007. Fil-proċedura bil-miktub, ippreżentaw osservazzjonijiet Santurel, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni. Fis-seduta li saret fl-20 ta’ Mejju 2008, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u rrispondew id-domandi li sarulhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

V — L-argumenti tal-partijiet

17.

Santurel tosserva li l-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ bejgħ mill-bogħod il-bejjiegħ jista’ jitlob in-numru tal-karta ta’ kreditu tax-xerrej jekk fl-istess ħin jobbliga ruħu li ma jużahx, għall-finijiet ta’ ħlas, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt. Santurel issostni li l-interpretazzjoni li huwa pprojbit li jintalab in-numru tal-karta ta’ kreditu fil-bejgħ mill-bogħod tmur kontra l-Artikoli 28 KE sa 30 KE. F’dan ir-rigward hija tirreferi għas-sentenzi Dassonville ( 3 ) u Keck u Mithouard ( 4 ) u ssostni li l-interpretazzjoni tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi, fejn il-bejjiegħ ma jistax jitlob lill-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu, għandha effetti prattiċi differenti fuq l-importazzjoni meta mqabbla mal-effetti fuq il-bejgħ ġewwa l-Belġju. Fil-fehma tagħha din l-interpretazzjoni tal-liġi Belġjana tikkostitwixxi ostakolu fattwali għall-moviment liberu tal-merkanzija u għalhekk hija miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva li hija pprojbita mit-Trattat KE.

18.

Il-Gvern Belġjan isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi jikkonforma mat-Trattat billi jammonta għal miżura ta’ protezzjoni ulterjuri tal-konsumatur ibbażata fuq l-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7. Il-Gvern Belġjan fil-verità jirrikonoxxi li dik id-dispożizzjoni tfisser, għal negozjant Belġjan, livell partikolari ta’ riskju li ma jirċevix ħlas għall-merkanzija mibgħuta barra; madankollu, fil-fehma tiegħu, dan ma jiksirx id-dritt Komunitarju. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjoni Belġjana kkontestata tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti skont l-Artikolu 28 KE dik il-miżura tkun ġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. L-għan tagħha huwa li tiggarantixxi lill-konsumatur il-possibbilità ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt. Fil-fehma tal-Gvern Belġjan, din il-miżura hija proporzjonata biex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

19.

Fis-seduta, il-Gvern Belġjan wera wkoll kif fil-Belġju qed jiġi adottat digriet rjali intiż biex jirregola s-sistema ta’ ħlas fil-bejgħ mill-bogħod li jkun sigur għall-konsumatur filwaqt li fl-istess ħin jiġi protett ukoll il-bejjiegħ. Fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ ħlas, il-konsumatur iħallas il-prezz fil-kont ta’ terza parti indipendenti liema prezz, meta jiskadi t-terminu għall-irtirar mill-kuntratt, jiġi mbagħad ittrasferit lill-bejjiegħ. Il-Gvern Belġjan imbagħad iċċara li fil-kuntest ta’ bejgħ mill-bogħod il-bejjiegħ ma jistax jillimita lill-konsumatur mill-possibbilità li jagħżel minn fost metodi differenti ta’ ħlas.

20.

Il-Kummissjoni tosserva, b’referenza għall-effetti fuq l-importazzjoni tal-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi, li dik id-dispożizzjoni tista’ tolqot ukoll il-kuntratti ta’ bejgħ konklużi mill-bejjiegħa ta’ Stati Membri oħrajn ma’ xerrejja Belġjani billi l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tippermetti lill-konsumatur jinvoka l-ogħla livell ta’ protezzjoni li jeżisti fil-Belġju mqabbel ma’ dak li jeżisti fl-Istati Membri tal-bejjiegħa. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tibda mid-definizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti skont is-sentenza Dassonville ( 5 ) u tkompli bl-analiżi billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza Keck u Mithouard ( 6 ). B’referenza għal din tal-aħħar, hija ssostni li d-dispożizzjoni Belġjana tirreferi għall-operaturi kummerċjali kollha u li, mill-aspett ġuridiku, hija tolqot il-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati b’mod assolutament identiku. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-effetti prattiċi tad-dispożizzjoni Belġjana kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li din l-evalwazzjoni għandha tagħmilha l-qorti nazzjonali. Jekk jirriżulta li l-effett prattiku fuq il-prodotti importati huwa akbar, u li għalhekk id-dispożizzjoni Belġjana kkontestata tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, il-Kummissjoni tqis li huwa possibbli li tiġġustifika dik il-miżura minħabba l-protezzjoni tal-konsumaturi u li l-miżura hija proporzjonata.

21.

Dwar l-effetti fuq l-esportazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi ma jikkostitwixxix miżura b’effett ekwivalenti skont l-Artikolu 29 KE. Minkejja l-fatt li tista’ taffettwa iktar il-kummerċ mal-Istati Membri oħrajn meta mqabbel mal-kummerċ intern fil-Belġju, id-dispożizzjoni kkontestata ma tikkostitwixxix miżura li għandha bħala għan jew effett li tirrestrinġi speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni fis-sens tas-sentenza Groenveld ( 7 ) u tal-ġurisprudenza li segwietha. Fis-seduta l-Kummissjoni pproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja li temenda d-definizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni u li jiġu ddefiniti bħala miżuri “li għandhom bħala konsegwenza restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u li jittrattaw b’mod differenti l-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-esportazzjoni”. Għalhekk, abbażi ta’ din id-definizzjoni l-ġdida l-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjoni Belġjana kkontestata tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti skont l-Artikolu 29 KE. Għalkemm huwa possibbli li din il-miżura tiġi ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tal-konsumaturi, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-istess miżura madankollu ma tikkonformax mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

VI — Kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali

A — Introduzzjoni

22.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk l-Artikoli 28 KE, 29 KE u 30 KE jipprojbixxux dispożizzjoni tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi li, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod, ma tippermettix li konsumatur jintalab jagħmel kwalunkwe ħlas akkont tal-prezz jew ħlas ieħor qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol għall-irtirar mill-kuntratt, kif inhu stabbilit mid-Direttiva 97/7. Minkejja l-fatt li l-qorti nazzjonali fformulat id-domanda tagħha billi staqsiet jekk l-Artikolu 29 KE jipprojbixxix li jingħata sinjifikat letterali lid-dispożizzjoni Belġjana, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali trid tkun taf jekk l-Artikoli ċċitati tat-Trattat KE jipprojbixxux l-interpretazzjoni li tingħata fil-prattika lid-dispożizzjoni tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi, li tgħid li l-bejjiegħ ma jistax jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu, minkejja li jassumi l-obbligu li ma jużahx għall-finijiet ta’ ħlas qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol għall-irtirar mill-kuntratt. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li hija jkollha quddiemha, kemm jekk din tkun għamlet referenza għalihom fid-domandi tagħha jew le ( 8 ). Għaldaqstant, biex tistabbilixxi jekk id-dritt Komunitarju jipprojbixxix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra dak il-kontenut tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li d-dispożizzjoni stess tassumi abbażi tal-interpretazzjoni li tingħatalha mill-awtoritajiet nazzjonali ( 9 ).

23.

L-ewwel nett nenfasizza li l-Belġju, meta adotta d-dispożizzjoni kkontestata, għamel użu mill-fakultà li ngħatat lilu mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7, li jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ, fil-qasam irregolat mid-Direttiva stess, dispożizzjonijiet iktar severi. Iżda dawn id-dispożizzjonijiet iktar severi għandhom ikunu kumpatibbli mat-Trattat, kif espressament stabbilit fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7 ( 10 ). Għalhekk, f’din il-kawża tqum il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija jipprojbixxux id-dispożizzjoni Belġjana kkontestata.

24.

Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet l-ewwel nett ser nanalizza d-domanda preliminari mill-aspett tal-Artikolu 28 KE, imbagħad minn dak tal-Artikolu 29 KE. Fil-kuntest tal-analiżi magħmula abbażi tal-Artikolu 29 KE, ser nanalizza l-kwistjoni l-ewwel nett abbażi tal-prattika fil-ġurisprudenza attwali, biex imbagħad neżamina u nikkunsidra r-raġunijiet possibbli għall-modifika ta’ dik il-prattika fil-ġurisprudenza; fl-aħħar nett, biħsiebi nipproponi soluzzjoni għad-domanda preliminari abbażi ta’ kriterji ġodda u mibdulin ta’ valutazzjoni abbażi tal-Artikolu 29 KE.

B — Kunsiderazzjoni tad-domanda preliminari abbażi tal-Artikolu 28 KE

25.

Bid-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju l-ewwel nett tistaqsi jekk l-Artikolu 28 KE jipprojbixxix id-dispożizzjoni kkontestata tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li fil-każ li xerrej Belġjan jakkwista merkanzija minn bejjiegħ ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi tista’ taffettwa l-importazzjoni ta’ merkanzija fil-Belġju. F’dan il-każ, il-konsumatur Belġjan jista’ jagħmel referenza għall-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma biex b’hekk abbażi tiegħu l-liġi applikabbli għall-kuntratt tkun dik tal-pajjiż fejn jirrisjedi abitwalment. Naqbel mal-Kummissjoni fuq il-fatt li problema bħal dik tista’ tinqala’ fil-prattika, anki wara d-dħul fis-seħħ tal-hekk imsejjaħ Regolament ta’ Ruma I ( 11 ), madankollu l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni mhumiex relatati maċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali.

26.

Iċ-ċirkustanzi fattwali fil-kawża prinċipali mhumiex relatati mal-importazzjoni ta’ merkanzija fil-Belġju, imma pjuttost mal-esportazzjoni ta’ merkanzija mill-Belġju. Konsegwentement, l-Artikolu 28 KE mhuwiex rilevanti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Fejn l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika, huwa possibbli li jiġi rrifjutat li tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali ( 12 ).

27.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex obbligata tirrispondi d-domanda preliminari mill-aspett tal-Artikolu 29 KE.

C — Kunsiderazzjoni tad-domanda preliminari abbażi tal-Artikolu 29 KE

1. Kunsiderazzjoni abbażi tal-ġurisprudenza eżistenti

28.

F’din il-kawża jeħtieġ jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi jikkostitwixxix miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni. Kif ingħad diġà, fil-kuntest ta’ din l-analiżi ser neżamina kemm il-projbizzjoni li jintalab ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ mill-bogħod, li hija projbizzjoni li tirriżulta diġà mit-tifsira letterali stess tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll l-interpretazzjoni speċifika li tingħatalha mill-awtoritajiet nazzjonali b’referenza għall-karti ta’ kreditu fejn il-bejjiegħ fl-ebda każ ma jista’ jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sebat ijiem għall-irtirar mill-kuntratt.

29.

B’mod differenti minn dak li jiġri fil-każ tar-restrizzjonijiet kwantitattivi sempliċi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi b’mod analogu fil-kuntest tal-Artikolu 28 KE u tal-Artikolu 29 KE ( 13 ), il-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet jiġu ddefiniti fil-ġurisprudenza b’mod ferm iktar restrittiv mill-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet.

30.

Fil-ġurisprudenza tal-bidu tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni eżattament bħar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni. Fis-sentenza Bouhelier ( 14 ), li tmur lura għall-1977, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni bħala miżuri li “jistgħu jkunu ta’ ostakolu dirett jew indirett, attwali jew potenzjali, għall-kummerċ intrakomunitarju” ( 15 ). Fil-kuntest ta’ din id-definizzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat id-definizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti li ngħatat, b’referenza għall-Artikolu 28 KE, fis-sentenza Dassonville ( 16 ), fejn stabbiliet li l-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi għall-importazzjoni huma kkostitwiti mir-“regoli kummerċjali kollha ta’ l-Istati Membri li, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, jistgħu jfixklu l-kummerċ intraKomunitarju” ( 17 ).

31.

Sentejn wara d-deċiżjoni Bouhelier, jiġifieri fl-1979, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-Artikolu 29 KE, irrestrinġiet radikalment din id-definizzjoni fis-sentenza Groenveld ( 18 ), fejn stabbiliet li l-Artikolu 29 KE (li qabel kien l-Artikolu 34 KE) jinkludi d-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni u b’dan il-mod jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-kummerċ ta’ esportazzjoni tiegħu, u b’hekk jingħata vantaġġ partikolari għall-produzzjoni nazzjonali jew għas-suq intern tal-Istat ikkonċernat, b’detriment għall-produzzjoni jew għall-kummerċ ta’ Stati Membri oħrajn ( 19 ).

32.

Fil-ġurisprudenza li ġiet wara s-sentenza Groenveld, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat diversi drabi din id-definizzjoni (l-hekk imsejjaħ metodu Groenveld) ( 20 ). F’xi sentenzi biss hija ma mxietx mal-formulazzjoni fis-sentenza Groenveld, fejn hija abbandunat in-nofs tat-tielet parti tal-metodu Groenveld (“b’detriment għall-produzzjoni jew għall-kummerċ ta’ Stati Membri oħrajn”). Bħala eżempju, niċċita s-sentenzi Delhaize ( 21 ), Il-Kummissjoni vs Il-Belġju ( 22 ) u FFAD vs Københavns Kommune ( 23 ). Minkejja dan, l-elementi essenzjali tal-metodu Groenveld baqgħu fis-seħħ sallum.

33.

Għalhekk il-metodu Groenveld huwa bbażat fuq tliet kundizzjonijiet interkonnessi bejniethom: fl-ewwel lok, il-miżura għandha bħala għan u effett li tirrestrinġi speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni; fit-tieni lok, il-miżura tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-kummerċ ta’ esportazzjoni tiegħu; fit-tielet lok, permezz ta’ dik il-miżura jingħata vantaġġ partikolari lill-produzzjoni nazzjonali jew lis-suq intern tal-Istat ikkonċernat, b’detriment għall-produzzjoni jew għall-kummerċ ta’ Stati Membri oħrajn.

34.

Fil-fehma tiegħi, il-kundizzjonijiet iċċitati mhumiex sodisfatti f’din il-kawża.

35.

Id-dispożizzjoni Belġjana kkontestata u l-interpretazzjoni relattiva m’għandhomx bħala għan jew effett li jirrestrinġu speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni, billi dik id-dispożizzjoni u l-interpretazzjoni relattiva tagħha ma jirriferux speċifikament għall-esportazzjoni iżda, b’mod ġenerali, għall-projbizzjoni li jintalab il-ħlas u l-impossibbiltà li jintalab in-numru tal-karta ta’ kreditu qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt.

36.

Bl-istess mod, din id-dispożizzjoni u l-interpretazzjoni tagħha ma jikkostitwixxux, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, differenza fit-trattament bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-kummerċ ta’ esportazzjoni tiegħu. Mill-aspett ġuridiku huma jikkonċernaw, bl-istess mod, il-bejjiegħa kollha, indipendentement minn jekk dawn dawn ibiegħu l-prodotti tagħhom fil-Belġju jew barra mill-Belġju. Bl-istess mod, l-effett prattiku ta’ din id-dispożizzjoni u tal-interpretazzjoni li tingħatalha huwa identiku kemm għall-bejgħ fil-Belġju kif ukoll f’pajjiżi oħra. Fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi aċċettat l-argument li tagħmel il-qorti tar-rinviju li l-miżura inkwistjoni ma tipproduċix l-istess effett prattiku fuq il-kummerċ nazzjonali ta’ merkanzija u fuq il-kummerċ ma’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn.

37.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li huwa iktar diffiċli u jinvolvi iktar spejjeż l-irkupru tas-somom dovuti minn konsumaturi ta’ Stati Membri oħrajn, fil-każ li dawn il-konsumaturi ma jħallsux għall-merkanzija li jirċievu. Ma jidhirlix li dan l-argument huwa fundat. Fil-fatt, mhuwiex possibbli, mingħajr ebda prova konkreta, li wieħed jiddeduċi minn dan l-argument li l-irkupru ta’ dawn is-somom huwa iktar diffiċli u jinvolvi iktar spejjeż minħabba s-sempliċi fatt li l-konsumatur jirrisjedi abitwalment fi Stat Membru ieħor. Lanqas il-fatt li l-konsumatur jirrisjedi abitwalment fi Stat Membru ieħor ma jfisser li l-bejjiegħ huwa dejjem obbligat li jħarrek lill-konsumatur fil-qorti fil-pajjiż fejn dan ikun jirrisjedi abitwalment ( 24 ).

38.

Minn dan l-aspett nenfasizza li l-Komunità diġà adottat ħafna dispożizzjonijiet fis-settur tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili b’elementi ta’ portata transkonfini, li jikkontribwixxu għall-funzjonament korrett u effettiv tas-suq intern ( 25 ). Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu, skont l-Artikolu 65 KE it-titjib u s-simplifikazzjoni tas-sistema tan-notifiki f’pajjiż ieħor ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji, tal-kooperazzjoni fil-mod kif jinkisbu l-provi, kif ukoll tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ċivili u kummerċjali; barra minn hekk fl-istess ħin b’dawn id-dispożizzjonijiet ikun hemm il-promozzjoni tal-kumpatibbiltà tar-regoli li jikkonċernaw il-kunflitt bejn il-liġijiet u jiġu eliminati l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tal-proċeduri ċivili. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet Komunitarji ċċitati, ma tistax tiġi kkunsidrata fundata l-allegazzjoni li jkun iktar diffiċli, għall-bejjiegħ, li jibda proċedimenti kontra konsumatur ta’ Stat Membru ieħor. Minbarra dan, wieħed għandu jżomm f’moħħu li f’każijiet bħal dawk inkwistjoni, fejn ikunu involuti ammonti żgħr, fil-kwistjonijiet transkonfini ser jiġi applikat fil-futur ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ( 26 ).

39.

Konsegwentement, billi d-dispożizzjoni Belġjana kkontestata m’għandhiex bħala għan jew effett li tirrestrinġi speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni, u billi dik il-miżura ma tistabbilixxix differenza fit-trattament bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-flussi kummerċjali ta’ esportazzjoni tiegħu, abbażi ta’ dik id-dispożizzjoni lanqas ma jingħata vantaġġ partikolari lill-produzzjoni nazzjonali jew lis-suq intern tal-Istat ikkonċernat, b’detriment għall-produzzjoni jew għall-kummerċ ta’ Stati Membri oħrajn. Għaldaqstant, lanqas it-tielet kundizzjoni tal-metodu Groenveld ma hija sodisfatta.

40.

Għalhekk jista’ jiġi osservat li, abbażi tal-ġurisprudenza eżistenti, dispożizzjoni bħall-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll l-interpretazzjoni tagħha li l-bejjiegħ ma jistax, qabel ma jiskadi t-terminu ta’ sebat ijiem għall-irtirar mill-kuntratt, jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu, ma jikkostitwixxux miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi skont l-Artikolu 29 KE.

41.

Madankollu jeħtieġ jiġi stabbilit jekk, fid-dawl tal-iżvilupp ġenerali tal-ġurisprudenza dwar il-libertajiet fundamentali u tal-kritika qawwija magħmula mid-duttrina ( 27 ) b’referenza għall-ġurisprudenza dwar il-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitativi fuq l-esportazzjoni, għadux opportun li jiġi applikat il-metodu Groenveld imsemmi iktar ’il fuq.

2. Argumenti favur bidla fil-ġurisprudenza

42.

Hemm diversi argumenti favur bidla fil-ġurisprudenza eżistenti fir-rigward ta’ definizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni.

43.

L-ewwel argument li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ din l-analiżi huwa l-fatt li, minħabba d-definizzjoni ristretta li hemm fis-seħħ, xi miżuri tal-Istati Membri qatt ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, billi l-verifika tal-karattru diskriminatorju teħtieġ neċessarjament paragun bejn l-effetti tal-miżura fuq il-merkanzija mibjugħa ġewwa l-Istat Membru u fuq il-merkanzija esportata. Nistgħu nieħdu l-eżempju ta’ oġġett speċifiku li jiġi prodott fi Stat Membru imma li jkun intiż esklużivament għall-esportazzjoni u ma jinbigħx fis-suq nazzjonali. F’dan il-każ qatt ma nkunu nistgħu nivverifikaw jekk hemmx differenzi fit-trattament bejn il-kummerċ intern u l-flussi kummerċjali ta’ esportazzjoni, billi ma jeżistix kummerċ intern tal-prodott inkwistjoni; għal din ir-raġuni lanqas ma nkunu nistgħu nivverifikaw jekk miżura speċifika tagħtix vantaġġ lill-produzzjoni nazzjonali jew lis-suq intern tal-Istat Membru inkwistjoni ( 28 ). Minkejja dan, l-esportazzjoni tal-oġġett imsemmi tista’ tiġi ristretta b’mod kunsiderevoli, imma l-miżuri li jillimitawha ma jistgħu qatt jiġu kkunsidrati bħala miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni.

44.

It-tieni argument ta’ importanza għall-finijiet ta’ modifika tal-ġurisprudenza eżistenti jikkonsisti mill-fatt li l-Artikoli 28 KE u 29 KE għandhom l-istess għan ( 29 ) u huma bbażati fuq l-istess prinċipju, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-iskambji kummerċjali ġewwa l-Komunità. Is-sentenzi Schmidberger ( 30 ) u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija jagħtu eżempju eċċellenti tal-validità identika ta’ dan il-prinċipju u fl-istess ħin jagħtu indikazzjoni impliċita dwar kemm hu xieraq li tiġi unifikata d-definizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni ( 31 ). Fis-sentenza ċċitata l-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 67 “li l-Artikoli 28KE u 29KE, fil-kuntest tagħhom, għandhom jinftehmu li jwasslu għall-eliminazzjoni ta’ l-ostakli kollha, diretti jew indiretti, attwali jew potenzjali, fir-rigward ta’ skambji fil-kummerċ intrakomunitarju”. F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja rriferiet għas-sentenza Schmidberger ( 32 ) li fil-punt 56 tagħha kienet b’mod simili tat definizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti indipendentement mill-fatt jekk dawn kinux marbutin mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni. Ċertament ma nistgħux ninterpretaw dawn is-siltiet mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq bħala li jaqilbu l-ġurisprudenza preċedenti fuq l-Artikolu 29 KE, għaliex fl-istess perijodu ta’ żmien il-Qorti tal-Ġustizzja tat ukoll is-sentenza Jersey Produce ( 33 ), li fiha kkonfermat il-metodu Groenveld, jiġifieri definizzjoni stretta tal-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni. Minkejja dan, iż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq juru kif fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija — għalhekk b’referenza kemm għall-importazzjoni kif ukoll għall-esportazzjoni — jeħtieġ li jiġi applikat il-prinċipju tal-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-flussi tal-iskambji fil-kummerċ intrakomunitarju ( 34 ). Fid-dawl ta’ dak il-prinċipju ma narax għaliex id-definizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għandha tkun daqshekk differenti skont jekk dawn jirrigwardawx l-esportazzjoni jew l-importazzjoni.

45.

It-tielet argument li għandu jiġi kkunsidrat għandu x’jaqsam mal-importanza ta’ interpretazzjoni koerenti tal-erba’ libertajiet fundamentali: il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital. Fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali, id-definizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tibqa’ l-unika każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti fuq il-fatt li, biex ikun hemm restrizzjoni fuq il-libertà inkwistjoni, jeħtieġ li jkun hemm differenza fit-trattament ( 35 ).

46.

Rigward il-moviment liberu tal-merkanzija, diġà għedt iktar ’il fuq li l-Artikoli 28 KE u 29 KE huma bbażati fuq l-istess prinċipju u li għalhekk differenzi eventwali fid-definizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti fuq restrizzjonijiet kwantitattivi skont jekk dawn jirrigwardawx l-importazzjoni jew l-esportazzjoni mhumiex ġustifikati. Għaldaqstant, naqbel mal-Avukat Ġenerali Capotorti li fil-kawża Oebel enfasizza li kunċett mhux unitarju tal-miżuri b’effett ekwivalenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija jirriskja li joħloq il-konfużjoni ( 36 ).

47.

B’referenza għall-moviment liberu tas-servizzi nixtieq infakkar li anki f’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja, għal ċertu perijodu, kienet teżiġi li jkun hemm differenza fit-trattament biex iseħħ ksur tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ( 37 ), imma mbagħad hija mmodifikat dan l-orjentament ( 38 ). Fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha fil-ġurisprudenza iktar antika tagħha, biex tipprojbixxi l-miżuri nazzjonali diskriminatorji, imma wara ddikjarat li anki miżura li ma tkunx diskriminatorja tista’ tkun ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni ( 39 ). Anki l-ħtieġa li jiġi ggarantit il-moviment liberu tal-kapital tinvolvi xi ħaġa iktar mis-sempliċi projbizzjoni ta’ miżuri diskriminatorji; mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li mhumiex biss il-miżuri diskriminatorji li huma rilevanti imma jassumi importanza l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital ( 40 ).

48.

Għaldaqstant, l-ebda waħda mil-libertajiet fundamentali — bl-eċċezzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi taħt l-Artikolu 29 KE — mhija limitata għall-projbizzjoni biss tal-miżuri ta’ natura diskriminatorja tal-Istati Membri; huma ta’ importanza r-restrizzjonijiet ipprojbiti minn dawn il-libertajiet. Minn dan l-aspett, id-definizzjoni f’sens deċiżament restrittiv tal-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni hija, kjarament, differenti ħafna mill-interpretazzjoni tal-bqija tal-libertajiet fundamentali.

3. Proposta għal modifika tal-ġurisprudenza

49.

Fid-dawl tal-argumenti msemmija iktar ’il fuq, nikkunsidra li hemm raġunijiet biex il-Qorti timmodifika l-metodu Groenveld u għalhekk id-definizzjoni restrittiva ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni.

50.

Għall-modifika ta’ din id-definizzjoni hemm, fil-prinċipju, żewġ possibbilitajiet għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel waħda hija li l-Qorti tal-Ġustizzja tittrasponi għall-Artikolu 29 KE d-definizzjoni li hija żviluppat fir-rigward tal-Artikolu 28 KE. Dan ifisser li, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, għandha tapplika, bl-adattamenti xierqa, il-formulazzjoni adottata fis-sentenza Dassonville ( 41 ), li taċċetta espressament ġustifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri bbażata fuq rekwiżiti imperattivi speċifikati fis-sentenza Cassis de Dijon ( 42 ) u li fid-definizzjoni ta’ dawn il-miżuri tħalli barra l-modalitajiet ta’ bejgħ, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha fis-sentenza Keck u Mithouard ( 43 ). It-tieni possibbilità hija li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha biex tifformula mill-ġdid id-definizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti f’sens iktar restrittiv minn dak fis-sentenza Dassonville, ħaġa li tista’, possibbilment, tiġġustifika anki li ma jiġux applikati għar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Keck u Mithouard. Anki bit-tieni possibbilità l-miżura nazzjonali tista’ tirriżulta ġġustifikata abbażi tar-rekwiżiti imperattivi speċifikati fis-sentenza Cassis de Dijon.

51.

Iż-żewġ possibbilitajiet għandhom vantaġġi u żvantaġġi. Il-vantaġġ tat-tieni għażla huwa li tista’ tiġi evitata definizzjoni estensiva tal-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi li tinkludi numru bla qies ta’ dispożizzjonijiet tal-Istati Membri. Madankollu, biex naslu għal din id-definizzjoni iktar restrittiva nerġgħu nsibu ruħna quddiem il-kwistjoni tal-kriterji xierqa li abbażi tagħhom tiġi fformulata din id-definizzjoni. Żvantaġġ ieħor tat-tieni għażla huwa l-fatt li formulazzjoni ta’ definizzjoni speċifika ġdida tal-miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni tista’ twassal mill-ġdid għal nuqqas ta’ konsistenza fil-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u dik dwar il-libertajiet fundamentali b’mod ġenerali.

52.

Għalhekk, jidher li huwa iktar opportun li jiġu applikati anki għal-interpretazzjoni tal-Artikolu 29 KE d-definizzjonijiet, il-limitazzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fis-sentenzi Dassonville, Cassis de Dijon u Keck u Mithouard. Għal dan l-iskop jeħtieġ, madankollu, li din il-ġurisprudenza tiġi adattata għall-Artikolu 29 KE. Għaldaqstant, minn issa’l quddiem ser nuri l-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja trid tapplika biex tistabbilixxi jekk il-miżura inkwistjoni tkunx waħda b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni.

53.

L-ewwel nett nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddefinixxi l-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni bħala l-miżuri kollha tal-Istati Membri li jistgħu jfixklu direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju.

54.

F’dan il-kuntest hemm bżonn li wieħed jiftakar li, definizzjoni daqstant wiesgħa ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, tkopri numru kbir ħafna ta’ miżuri ( 44 ). Fil-prattika dan ifisser li jistgħu jkunu miżuri b’effett ekwivalenti, pereżempju, anki r-rekwiżit ta’ produzzjoni u l-limitazzjonijiet relattivi, il-miżuri kollha li bi kwalunkwe mod iwasslu għal żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni ( 45 ), jiġifieri l-miżuri li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan jista’ jkollu l-konsegwenza li jkun possibbli li jiġu kkontestati anki l-miżuri ta’ Stat Membru wieħed li ma jkunux marbutin biżżejjed mal-esportazzjoni.

55.

Fil-każ tal-importazzjoni ta’ merkanzija fi Stat Membru speċifiku, ma teżistix il-possibbilità li dawn l-elementi jkollhom effett billi l-merkanzija importata tiġi prodotta fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, dawn l-elementi jistgħu jaffettwaw biss ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni mill-Istat Membru. Iżda għandi nenfasizza li dawn l-elementi jaffettwaw ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni b’mod indirett wisq u b’hekk għandna neskludu l-possibbilità li nikklassifikawhom bħala miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi.

56.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrestrinġi d-definizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni b’mod li jiġu esklużi dawk il-miżuri li jaffettwaw l-esportazzjoni b’mod inċert u indirett wisq. Infakkar li fil-ġurisprudenza preċedenti dwar l-Artikolu 29 KE l-Qorti tal-Ġustizzja — indipendentement minn definizzjoni restrittiva tal-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni — diġà eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola msemmija xi wħud mill-miżuri msemmijin iktar ’il fuq. Pereżempju fis-sentenza Oebel ( 46 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni fuq ix-xogħol ta’ bil-lejl tal-furnara — jiġifieri miżura dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol — mhijiex miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni. Fis-sentenza ED Srl ( 47 ) hija enfasizzat li l-possibbilità li regola tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili Taljan, li permezz tagħha ma kienx permess li tiġi nnotifikata inġunzjoni ta’ ħlas lil debitur fi Stat Membru ieħor, tinvolvi għall-bejjiegħa fi Stat Membru partikolari effetti tali li jeżitaw li jbigħu merkanzija barra mill-pajjiż, hija inċerta u indiretta wisq (trop aléatoire et indirecte, too uncertain and indirect, zu ungewiß und zu mittelbar) biex tista’ tfixkel il-kummerċ fost l-Istati Membri ( 48 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat, pereżempju, dan il-kriterju f’xi kawżi fir-rigward ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwanttattivi fuq l-importazzjoni ( 49 ), tal-moviment liberu tal-persuni ( 50 ) u tal-libertà ta’ stabbiliment ( 51 ). Għandu jiġi enfasizzat hawnhekk il-fatt li bil-kriterju msemmi iktar ’il fuq hemm il-kwistjoni tar-rabta ta’ kawża u effett bejn il-miżura partikolari u r-restrizzjoni fuq l-esportazzjoni, mingħajr ma jkun rilevanti d-daqs tar-restrizzjoni.

57.

Għandha tiġi ttrattata wkoll il-kwistjoni kif il-kriterji stabbiliti fis-sentenza Keck u Mithouard ( 52 ), li bihom il-modalitajiet ta’ bejgħ mhux diskriminatorji huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE, jistgħu jiġu applikati wkoll fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 29 KE. Fil-fehma tiegħi huwa possibbli li t-test żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Keck jiġi traspost għall-kuntest tal-analiżi abbażi tal-Artikolu 29 KE, iżda billi jiġi adattat għall-karatteristiċi proprji tal-esportazzjonijiet.

58.

Għaldaqstant, b’referenza għal din il-kwistjoni, nipproponi qabelxejn li l-Qorti tal-Ġustizzja tadatta t-test imsemmi fil-punt 16 tas-sentenza Keck u Mithouard għall-miżuri relattivi għall-esportazzjoni, fis-sens li l-applikazzjoni għal prodotti li jiġu esportati fi Stati Membri oħrajn ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu modalitajiet speċifiċi ta’ bejgħ ma tfixkilx, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju, bil-kundizzjoni li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu applikabbli għall-operaturi kollha kkonċernati li jiżvolġu l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u jaffettwaw bl-istess mod, fil-fatt u fid-dritt, il-bejgħ kemm ta’ prodotti nazzjonali kif ukoll tal-prodotti, li jiġu esportati fi Stati Membri oħrajn.

59.

Madankollu nqis li għandna niftakru li xi modalitajiet ta’ bejgħ jimpedixxu jew jillimitaw il-ħruġ mis-suq, għalkemm ma jkunux diskriminatorji fil-fatt jew fid-dritt. Hemm diversi raġunijiet favur adattament simili tal-metodu Keck.

60.

L-ewwel waħda hija li interpretazzjoni tal-Artikolu 29 KE bħal dik tikkorrispondi bl-aħjar mod mal-għan u l-iskop tal-moviment liberu tal-merkanzija. Fil-kuntest ta’ kawżi li kellhom bħala suġġett l-Artikolu 28 KE diġà rriżulta kif, bl-adozzjoni ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-metodu Keck huwa possibbli li jkun hemm esklużjoni mhux ġustifikata ta’ xi modalitajiet ta’ bejgħ li għandhom effett restrittiv ħafna fuq l-importazzjoni. Għal dak il-motiv, diġà ġie enfasizzat xi drabi fil-konklużjonijiet tal-avukati ġenerali ( 53 ) u fid-duttrina ( 54 ) li jkun opportun li jiġu inklużi fost il-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni dawk il-modalitajiet ta’ bejgħ li jimpedixxu jew jillimitaw l-aċċess għas-suq. Dan l-argument huwa msaħħaħ b’argument ieħor li l-applikazzjoni tal-kriterji mill-ġurisprudenza Keck għandha fil-prinċipju tkun rilevanti biss wara li l-merkanzija tkun ġiet importata fis-suq ta’ Stat Membru partikolari ( 55 ). Bħal fil-każ tal-importazzjoni, fejn ċerti modalitajiet ta’ bejgħ jistgħu jillimitaw l-aċċess għas-suq, fil-każ tal-esportazzjoni, xi modalitajiet ta’ bejgħ jistgħu jillimitaw il-ħruġ mis-suq.

61.

Huwa veru li numru kbir ta’ regoli nazzjonali dwar il-modalitajiet ta’ bejgħ ma jaffettwawx ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija b’mod dirett biżżejjed biex jiġu kkunsidrati bħala limitazzjonijiet għall-ħruġ mis-suq. Fosthom hemm, pereżempju, regoli fuq il-ħinijiet ta’ ftuħ tal-ħwienet ( 56 ), jew fuq il-bejgħ ta’ prodotti speċifiċi fi ħwienet partikolari biss ( 57 ) jew minn bejjiegħa partikolari biss ( 58 ). Madankollu għandna nanalizzaw dawn il-modalitajiet ta’ bejgħ ( 59 ) skont il-metodu Keck, għaliex f’każ kuntrarju nerġgħu lura għall-perijodu ta’ qabel is-sentenza Keck, meta l-operaturi kienu jikkontestaw kull tip ta’ leġiżlazzjoni li l-“effett tagħha huwa li jillimita d-dritt tagħhom għal kummerċ liberu” ( 60 ). Minkejja dan, xi modalitajiet ta’ bejgħ jistgħu jillimitaw l-esportazzjoni b’mod iktar dirett, għaliex ikunu iktar marbutin mal-passaġġ stess tal-merkanzija mill-fruntiera ( 61 ). Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-regoli li jipprojbixxu l-bejgħ permezz tal-Internet ( 62 ). Madankollu, abbażi tal-karatteristiċi ta’ dawn il-modalitajiet ta’ bejgħ huwa diffiċli li jinħolqu żewġ kategoriji predeterminati u speċifikati b’mod ċar tal-modalitajiet ta’ bejgħ, u għalhekk qed nagħti hawnhekk ftit eżempji biss. Jidher li huwa iktar xieraq li ssir distinzjoni bejn il-modalitajiet ta’ bejgħ skont l-effett tagħhom, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk jistgħux jaffettwaw l-aċċess għas-suq jew il-ħruġ minnu.

62.

It-tieni raġuni biex jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-metodu Keck dawk il-modalitajiet ta’ bejgħ li jillimitaw il-ħruġ mis-suq tikkonsisti mill-fatt li, fil-kuntest tal-applikazzjoni prattika tal-prinċipji tal-ġurisprudenza Keck, għandna nikkunsidraw il-karatteristiċi tal-esportazzjoni. Il-kriterji oriġinali skont il-ġurisprudenza Keck, ifformulati b’referenza għar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni huma bbażati fuq il-prinċipju li l-modalitajiet ta’ bejgħ ma jillimitawx l-importazzjoni meta l-merkanzija nazzjonali u dik importata jkunu suġġetti, fis-suq tal-bejgħ, għal kundizzjonijiet ta’ bejgħ ugwali mill-aspett ta’ fatt u ta’ dritt. Jista’ jiġi traspost prinċipju analogu għall-każ tal-esportazzjoni: għall-merkanzija li tinbigħ fis-suq ta’ Stat Membru partikolari u għal dik intiża biex tiġi esportata minn dak is-suq għandhom jeżistu kundizzjonijiet identiċi ta’ fatt u ta’ dritt biex b’hekk il-miżura nazzjonali ma taffettwax iktar il-merkanzija esportata milli dik mibjugħa ġewwa l-pajjiż.

63.

Madankollu, l-effetti prattiċi ta’ dan il-prinċipju jistgħu jkollhom konsegwenzi differenti għall-esportazzjonijiet meta mqabblin mal-importazzjonijiet. Fil-każ tal-importazzjonijiet, meta ssir il-verifika skont il-metodu Keck niżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fis-suq nazzjonali bejn il-prodotti nazzjonali u dawk barranin, filwaqt li fil-każ tal-esportazzjoni niżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fis-suq nazzjonali bejn żewġ prodotti nazzjonali li wieħed minnhom ikun intiż għall-esportazzjoni. Jekk il-miżura nazzjonali ma twassalx għal diskriminazzjoni mil-lat legali fost prodotti esportati u prodotti mibjugħa fis-suq nazzjonali, forsi nsibu ħafna drabi diskriminazzjoni ta’ fatt fir-rigward tal-esportazzjoni unikament minħabba ċirkustanzi li ma jkunux preżenti fis-suq tal-bejgħ tal-prodott imma li jkunu preżenti barra minn dan is-suq. Madankollu, diversi drabi jkun diffiċli li jiġu stabbiliti b’ċertezza l-effetti konkreti ta’ fatturi esterni simili. Imma huwa veru wkoll li anki fuq il-pjan sempliċiment teoretiku ma jistax jiġi eskluż li l-miżura nazzjonali jkollha effetti konkreti differenti fuq il-prodott esportat u fuq dak mibjugħ ġewwa l-pajjiż anki minħabba ċirkustanzi li jirriżultaw fis-suq tal-bejgħ tal-prodott.

64.

Anki t-tielet raġuni hija marbuta b’mod speċifiku mal-esportazzjonijiet, billi ħafna drabi jkunu ta’ ostakolu għalihom il-modalitajiet ta’ bejgħ, u mhux ir-rekwiżiti relattivi għall-prodotti. Għaldaqstant, dan il-fatt huwa differenti meta mqabbel mal-importazzjonijiet, fejn għandhom effett restrittiv speċjalment ir-rekwiżiti ta’ produzzjoni stabbiliti minn Stat Membru partikolari. Fil-fatt, l-effetti tar-rekwiżiti relattivi għall-prodotti huma differenti skont jekk tkunx involuta merkanzija esportata jew importata. Il-merkanzija li tiġi importata minn Stat Membru għal ieħor għandha tissodisfa żewġ tipi ta’ rekwiżiti, jiġifieri l-ewwel nett dawk imposti mill-Istat Membru ta’ produzzjoni imbagħad dawk tal-Istat Membru ta’ importazzjoni. Ir-raġuni għal definizzjoni tar-rekwiżiti relattivi għall-prodotti bħala miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni hija dik li jiġi evitat li l-aċċess tal-merkanzija fl-Istat Membru ta’ importazzjoni jkun jista’ jiġi impedut jew ostakolat minħabba l-fatt li r-rekwiżiti imposti fuq il-prodotti f’dak l-Istat ikunu differenti minn dawk stabbiliti mill-Istat Membru ta’ produzzjoni. Iżda, fil-każ ta’ merkanzija esportata minn Stat Membru partikolari, huwa meħtieġ, meta tiġi aċċertata l-eżistenza ta’ ostakolu għall-esportazzjoni, li jitqiesu biss ir-rekwiżiti imposti fuq prodotti minn dak l-Istat Membru, imma mhux dawk li l-merkanzija trid tħares fl-Istat Membru fejn il-merkanzija tiġi esportata. Għalhekk billi l-modalitajiet ta’ bejgħ jikkostitwixxu ħafna drabi ostakolu għall-esportazzjoni jidher li huwa ġġustifikat li jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-metodu Keck dawk il-modalitajiet ta’ bejgħ li jimpedixxu jew jostakolaw direttament il-ħruġ mis-suq.

65.

Għar-raġunijiet fuq imsemmija nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkunsidra bħala miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni dawk ir-regoli tal-Istati Membri fir-rigward tal-modalitajiet ta’ bejgħ li jimpedixxu jew jostakolaw direttament il-ħruġ mis-suq.

66.

Minn hawn’il quddiem ser nagħmel analiżi tal-kawża Gysbrechts fid-dawl tal-interpretazzjoni modifikata tal-Artikolu 29 KE.

4. Kunsiderazzjoni abbażi tal-interpretazzjoni modifikata tal-Artikolu 29 KE.

67.

Mill-argumenti magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li fl-istadju attwali ta’ żvilupp tad-dritt Komunitarju huwa xieraq li tiġi mmodifikata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29 KE. Għaldaqstant, minn issa’l quddiem ser nagħmel analiżi tal-kawża Gysbrechts fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni differenti.

68.

Fl-evalwazzjoni tal-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi għandha ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti. Minn naħa, għandna nkunu ċerti jekk l-Artikolu 29 KE jipprekludix id-dispożizzjoni fuq imsemmija biex b’hekk jipprojbixxi li l-konsumatur jintalab ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol stabbilit għall-irtirar mill-kuntratt. Minn naħa l-oħra, għandna nanalizzaw fid-dawl tal-Artikolu 29 KE anki l-interpretazzjoni speċifika mogħtija lid-dispożizzjoni Belġjana inkwistjoni li fil-prattika tapplika b’mod li l-bejjiegħ ma jistax jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu anki jekk jobbliga ruħu li ma jużahx biex jikseb il-ħlas matul it-terminu msemmi stabbilit għall-irtirar.

69.

Il-kunsiderazzjoni tal-kawża abbażi tal-interpretazzjoni modifikata tal-Artikolu 29 KE li qed tiġi proposta hija maqsuma f’diversi fażijiet.

70.

L-ewwel nett jeħtieġ jiġi kkunsidrat kif id-dispożizzjoni Belġjana kkontestata u l-interpretazzjoni li tingħatalha jaqgħu taħt il-modalitajiet ta’ bejgħ u b’hekk ser napplikaw fl-analiżi l-kriterji tal-ġurisprudenza Keck. Għalkemm id-dispożizzjoni Belġjana tirregola l-kundizzjonijiet ta’ ħlas u l-interpretazzjoni tagħha tirreferi għal metodu ta’ ħlas speċifiku, dawn huma elementi essenzjali tal-kuntratt ta’ bejgħ jiġifieri, b’mod konkret, tal-bejgħ bl-Internet, li għandhom jiġu inkwadrati fost il-modalitajiet ta’ bejgħ. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat, fil-ġurisprudenza tagħha fuq l-Artikolu 28 KE, li l-bejgħ permezz tal-Internet jaqa’ taħt il-modalitajiet ta’ bejgħ ( 63 ).

71.

Fil-kuntest ta’ din l-analiżi jeħtieġ li tiġi solvuta l-kwistjoni jekk id-dispożizzjoni kkontestata u l-interpretazzjoni li tingħata fl-ewwel lok japplikawx għall-operaturi kollha kkonċernati li jwettqu l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u, fit-tieni lok, jaffettwawx bl-istess mod, fil-fatt u fid-dritt, il-bejgħ tal-prodotti nazzjonali u dak tal-prodotti li jiġu esportati fi Stati Membri oħrajn.

72.

L-ewwel kriterju tal-ġurisprudenza Keck huwa sodisfatt billi kemm id-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll l-interpretazzjoni tagħha jgħoddu għall-operaturi kollha li jbigħu merkanzija fil-Belġju fil-kuntest ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod.

73.

B’referenza għat-tieni kriterju l-ewwel nett jeħtieġ li jiġi kkonstatat li kemm id-dispożizzjoni kif ukoll l-interpretazzjoni tagħha jipproduċu effetti identiċi legali fuq il-bejgħ tal-prodotti nazzjonali u fuq dak tal-prodotti esportati, billi ma tirriżulta minnhom l-ebda regola partikolari li tirregola l-bejgħ ta’ prodotti nazzjonali jew ta’ prodotti esportati. Rigward l-effetti fuq l-esportazzjonijiet mill-aspett ta’ fatt diġà wrejt, fil-kuntest tal-analiżi abbażi tal-ġurisprudenza fis-seħħ, li kemm id-dispożizzjoni Belġjana kkontestata kif ukoll l-interpretazzjoni li tingħatalha jipproduċu effetti identiċi mill-aspett fattwali fuq il-bejgħ nazzjonali u l-esportazzjonijiet. Iżda jeħtieġ, skont l-interpretazzjoni modifikata proposta tal-Artikolu 29 KE, li jiġi kkunsidrat jekk id-dispożizzjoni Belġjana jew l-interpretazzjoni li tingħatalha — mingħajr ma tagħmel diskriminazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt — humiex ta’ ostakolu għall-ħruġ tal-merkanzija mis-suq.

74.

Minħabba l-projbizzjoni li jintalab il-ħlas qabel ma jiskadi t-terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol stabbilit għall-irtirar mill-kuntratt, il-bejjiegħ jibgħat lill-konsumatur il-merkanzija mingħajr qatt ma jkun jaf jekk huwiex ser jirċievi l-ħlas dovut. Din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza tal-bejjiegħ rigward il-ħlas hija biżżejjed biex iġġiegħlu ma jbiegħx merkanzija mill-bogħod. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti li wieħed ikun jaf jekk ir-riskju dwar jekk jiġix irċevut il-ħlas huwiex differenti fil-bejgħ ta’ merkanzija barra mill-pajjiż meta pparagunat ma’ dak li jiġri fil-bejgħ fil-Belġju. Anki l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni Belġjana li l-bejjiegħ ma jistax jitlob lill-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu jwassal għal inċertezza identika għall-bejjiegħ, billi dan m’għandu l-ebda garanzija li xi darba jirċievi l-ħlas. Din l-inċertezza tal-bejjiegħ tista’ twassal biex huwa, fil-biża’ li ma jirċevix il-ħlas, jieqaf milli jesporta oġġetti permezz tal-Internet jew inaqqas id-daqs ta’ dik l-esportazzjoni. Huwa proprju minħabba dan il-biża’ li l-kumpannija Santurel talbet lix-xerrejja barranin tagħha n-numru tal-karta ta’ kreditu.

75.

Għaldaqstant, nistgħu nikkonstataw li, abbażi tal-interpretazzjoni modifikata tal-Artikolu 29 KE, dispożizzjoni bħall-Artikolu 80(3) tal-liġi Belġjana fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi, u l-interpretazzjoni tagħha fejn il-bejjiegħ ma jistax jitlob lill-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu, huma ta’ ostakolu għall-ħruġ tal-merkanzija mis-suq u huma għalhekk miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni.

76.

Għalkemm il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza konsolidata fuq l-Artikolu 28 KE — trasponibbli għall-Artikolu 29 KE għar-raġunijiet spjegati diġà — li leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun miżura b’effett ekwivalenti għal dak ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata abbażi ta’ wieħed mill-motivi elenkati fl-Artikolu 30 KE, jiġifieri minħabba rekwiżiti imperattivi ( 64 ). Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tkun xierqa biex tilħaq l-għan segwit u m’għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jitwettaq ( 65 ).

77.

Id-domanda ta’ wara li għandna nsolvu hija għalhekk jekk il-miżura Belġjana tistax tiġi bbażata fuq waħda mir-raġunijiet stabbiliti mill-Artikolu 30 KE jew fuq wieħed mir-rekwiżiti imperattivi ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Cassis de Dijon ( 66 ) u fil-ġurisprudenza ta’ wara. F’din il-kawża mhi relevanti ebda raġuni taħt l-Artikolu 30 KE, imma huwa possibbli li ssir referenza għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li hija waħda mir-rekwiżiti imperattivi msemmijin iktar ’il fuq.

78.

M’hemm l-ebda dubju li l-għan tal-projbizzjoni li jintalab ħlas jew ħlas akkont tal-prezz qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol stabbilit għall-irtirar mill-kuntratt, kif ukoll tal-interpretazzjoni marbuta ma’ din il-projbizzjoni, li bis-saħħa tagħha fil-pendenza tat-terminu msemmi l-bejjiegħ ma jkunx jista’ jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu, huwa l-protezzjoni tal-konsumaturi. Permezz tal-projbizzjoni li jintalab kwalunkwe ħlas jew ħlas akkont tal-prezz fil-pendenza tat-terminu għall-irtirar, ir-Renju tal-Belġju ried jikkonsolida d-dritt tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt tal-bejgħ mill-bogħod ( 67 ), kif iggarantit mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7, kif ukoll jagħti lill-konsumatur stess kundizzjonijiet għall-irtirar mill-kuntratt li bis-saħħa tagħhom huwa jista’ juża d-dritt tiegħu li jirtira mingħajr ebda riskju. Wieħed jifhem li fil-każ ta’ kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod il-konsumatur jitħares iktar milli fil-bejgħ normali; ir-raġuni tad-dritt tal-irtirar tal-konsumatur tikkonsisti mill-fatt li fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod il-konsumatur jara l-prodott b’mod konkret biss wara li jkun ttrażmetta l-ordni relattiva ta’ xiri ( 68 ). F’dan ir-rigward, l-erbatax-il premessa tad-Direttiva 97/7 tiddikjara li hemm bżonn jiġi stabbilit id-dritt tal-irtirar mill-kuntratt billi l-“konsumatur ma jistax jara l-prodott jew jaċċerta ruħu min-natura tas-servizz ipprovdut qabel jikkonkludi l-kuntratt” stess.

79.

Għaldaqstant, permezz tal-Artikolu 80(3) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, ir-Renju tal-Belġju ddeċieda li jiggarantixxi lill-konsumatur livell ogħla ta’ protezzjoni, kif fil-fatt tippermettilu d-Direttiva 97/7. B’dan il-mod ried jevita li l-konsumatur, fil-każ li jirtira mill-kuntratt, ikollu jistenna li jingħataw lura s-somom imħallsin. Fil-fatt skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, ir-rimborż għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli u f’kull każ sa tletin jum. Fl-istess ħin, ir-Renju tal-Belġju ried jipproteġi lill-konsumatur mir-riskju li l-bejjiegħ ma jagħtihx lura s-somom imħallsin diġà. Għar-raġunijiet imsemmijin, nistgħu ngħidu li r-regola Belġjana inkwistjoni u l-interpretazzjoni tagħha jistgħu jiġu ġġustifikati abbażi tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

80.

Fl-aħħar nett hemm bżonn jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjoni Belġjana kkontestata u l-interpretazzjoni li tingħatalha humiex proporzjonati. Fil-kuntest tal-verifika tal-proporzjonalità jeħtieġ jiġi ċċarat jekk id-dispożizzjoni u l-interpretazzjoni relattiva humiex adegwati u meħtieġa biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, jew jekk teżistix miżura li tippermetti li jintlaħaq l-għan b’mod daqstant effettiv imma li ġġib anqas restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija ( 69 ). L-ewwel nett ser nanalizza taħt l-aspett tal-proporzjonalità l-projbizzjoni ġenerali li jintalab kwalunkwe ħlas jew ħlas akkont tal-prezz qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt, imbagħad ser ngħaddi biex neżamina l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni li l-bejjiegħ ma jistax jitlob lill-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi iktar ’il fuq għall-irtirar.

81.

Fil-fehma tiegħi, il-projbizzjoni ġenerali li jintalab kwalunkwe ħlas jew ħlas akkont tal-prezz qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt hija miżura proporzjonata bil-għan li tħares il-konsumatur. Ir-Renju tal-Belġju għażel livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tali li, f’każ ta’ irtirar mill-kuntratt tal-bejgħ mill-bogħod, il-konsumatur ma jkun daħal f’ebda riskju. Billi d-Direttiva 97/7 tistabbilixxi terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol għall-irtirar mill-kuntratt, huwa aċċettabbli l-fatt li matul dan il-perijodu ta’ żmien il-konsumatur lanqas ma jintalab iħallas għall-merkanzija rċevuta.

82.

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 29 KE ma jipprojbixxix li dispożizzjoni nazzjonali li fil-kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod ma tippermettix li konsumatur jintalab kwalunkwe ħlas jew ħlas akkont tal-prezz fil-pendenza ta’ terminu obbligatorju għall-irtirar mill-kuntratt.

83.

Fl-aħħar jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni Belġjana inkwistjoni, fejn il-bejjiegħ ma jistax jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt, hijiex proporzjonata. F’dan ir-rigward nixtieq nenfasizza li, biex jiġi stabbilit jekk regola tad-dritt Komunitarju tipprojbixxix dispożizzjoni nazzjonali, hemm bżonn li jitqies mhux biss is-sinjifikat letterali tagħha imma wkoll l-interpretazzjoni li tingħata mill-awtoritajiet nazzjonali ( 70 ). Fil-fatt, id-dritt Komunitarju jista’ jipprojbixxi kemm is-sinjifikat letterali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kif ukoll l-interpretazzjoni li tingħatalhom billi din tal-aħħar torbot fil-livell nazzjonali d-destinatarji kollha tal-istess dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretaw id-dritt intern f’sens li jikkonforma mad-dritt Komunitarju ( 71 ).

84.

Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni li bejjiegħ ma jistax jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt, fil-fehma tiegħi għandu jiġi kkonstatat li din l-interpretazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Hemm diversi argumenti li jappoġġaw din l-affermazzjoni.

85.

L-ewwel nett, f’dak il-każ il-bejjiegħ ma jitlobx in-numru tal-karta ta’ kreditu biex jikseb il-ħlas tal-merkanzija imma biss biex iħares kontra l-eventwalità li l-konsumatur ma jħallasx il-prezz tagħha. Jekk jibgħat il-merkanzija mingħajr ma jitlob in-numru tal-karta ta’ kreditu, il-bejjiegħ ikollu r-riskju li ma jirċievi qatt il-ħlas. Jekk il-bejjiegħ ma jiddebitax fuq il-karta ta’ kreditu l-ammont tal-ħlas dovut, il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ma jiġix imdgħajjef bl-ebda mod. Naturalment wieħed jifhem il-biża’ tal-awtoritajiet Belġjani li l-bejjiegħ jista’ jabbuża bil-karta ta’ kreditu biex jikseb il-ħlas qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt jew li saħansitra jiddebita fuq il-karta ta’ kreditu l-ammont tal-ħlas mingħajr lanqas biss ma jibgħat il-merkanzija. Madankollu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni Belġjana kkontestata li biha l-awtoritajiet Belġjani għandhom l-intenzjoni li jwaqqfu abbużi bħal dawn, hija sproporzjonata. L-għoti tan-numru tal-karta ta’ kreditu jippermetti li jkun hemm bilanċ xieraq bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ħtieġa li l-bejjiegħ ma jibqax espost għar-riskju li l-konsumatur ma jħallasx. Fil-fatt, jekk il-konsumatur ma jirtirax mill-kuntratt u ma jħallasx, il-bejjiegħ jista’ jiddebita fuq il-karta l-ammont tax-xiri.

86.

Fit-tieni lok, fil-Belġju, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu tal-bejjiegħ li ma jiddebitax fuq il-karta ta’ kreditu l-prezz tal-bejgħ fil-pendenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt, jingħata lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu. Huwa veru li meta tiġi permessa t-trażmissjoni tan-numru tal-karta ta’ kreditu tkun aċċettata wkoll il-possibbilità li f’xi każijiet ikun hemm l-abbużi; madankollu, din l-eventwalità issir anqas probabbli meta jkun hemm sanzjoni effettiva għall-każijiet ta’ ksur. Forsi din ir-regola ġuridika tista’ ma tkunx effettiva mija fil-mija, imma bil-garanzija ta’ sanzjoni adegwata tkun effettiva biżżejjed biex tiżgura l-livell adegwat ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jrid ir-Renju tal-Belġju. Irid jiġi kkunsidrat ukoll li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/7 li jiżguraw li l-konsumatur jista’ jitlob l-annullament ta’ ħlas fil-każ ta’ użu frodulenti tal-karta ta’ ħlas tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratti mill-bogħod u li, fil-każ ta’ użu frodulenti, l-ammonti mħallsin jingħatawlu lura u jerġa’ jiġi kkreditat bihom. Għaldaqstant, minbarra s-sanzjoni kriminali għall-bejjiegħ, hemm stabbilit, fil-każ ta’ użu abbużiv tal-karta ta’ kreditu, anki protezzjoni speċifiku favur ix-xerrej.

87.

Fit-tielet lok, hemm bżonn li titqies ukoll ir-realtà ekonomika tal-ħlasijiet bil-karta ta’ kreditu, li huma fost l-hekk imsejħin “metodi ġodda ta’ ħlas”, kif ukoll il-vantaġġi offruti minn din il-forma ta’ ħlas. Flimkien mal-forom klassiċi oħrajn ta’ ħlas li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-bejjiegħ fil-bejgħ mill-bogħod (pereżempju trasferimenti bankarji), jiġri li jekk il-bejjiegħ ma jkunx jista’ jitlob il-ħlas qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt, il-konsumatur biss jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni. Minħabba dan, il-ħlas b’karta ta’ kreditu għandu vantaġġ kbir billi jippermetti l-protezzjoni simultanja tat-tnejn, il-konsumatur u l-bejjiegħ, mingħajr ma dan jikkawża, bħala regola, tnaqqis sostanzjali fil-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Il-livell ta’ protezzjoni ta’ dan tal-aħħar jitnaqqas biss potenzjalment u f’każijiet partikolari. Jekk is-sanzjoni biex tħares din ir-regola ġuridika hija xierqa, ikunu rari l-każijiet ta’ użu frodulenti ta’ karti ta’ kreditu. Jekk il-konsumatur jingħata l-protezzjoni kollha u l-bejjiegħ xejn, għalkemm ikun hemm il-possibbilità ta’ protezzjoni tat-tnejn fl-istess ħin, nistgħu nikklassifikaw din is-sitwazzjoni bħala waħda ta’ summum ius summa iniuria — l-applikazzjoni riġida tal-liġi ġġib inġustizzja kbira. Il-fatt li mal-forom oħrajn ta’ ħlas ma jkunx possibbli li jitħarsu fl-istess ħin il-konsumatur u l-bejjiegħ m’għandux iwassal għall-konvinzjoni żbaljata li ma jkunx legali li tingħata protezzjoni lit-tnejn jekk forma partikolari ta’ ħlas tippermetti dan.

88.

Għall-motivi msemmijin iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjoni Belġjana kkontestata — fis-sens li fil-kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod, il-bejjiegħ ma jistax jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu fil-pendenza ta’ terminu obbligatorju għall-irtirar mill-kuntratt, anki jekk jobbliga ruħu li ma jużahx biex jikseb il-ħlas qabel l-iskadenza ta’ dak it-terminu — hija sproporzjonata.

89.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq, għandu jingħad li l-Artikolu 29 KE jipprojbixxi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tgħid li fil-kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod, il-bejjiegħ ma jistax jitlob mingħand il-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu fil-pendenza tat-terminu obbligatorju għall-irtirar mill-kuntratt anki jekk jobbliga ruħu li ma jużahx biex jikseb il-ħlas qabel l-iskadenza ta’ dak it-terminu

5. Konklużjoni

90.

Għalhekk mill-analiżi li saret iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 29 KE ma jipprojbixxix is-sinjifikat li d-dispożizzjoni Belġjana għandha abbażi ta’ interpretazzjoni li tkun strettament letterali imma jipprojbixxi l-interpretazzjoni li ngħatatilha mill-awtoritajiet nazzjonali. Kif intwera diġà, dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali f’sens li jikkonforma mad-dritt Komunitarju. Bħala konklużjoni, jista’ jiġi kkonstatat li l-Artikolu 29 KE ma jipprojbixxix dispożizzjoni nazzjonali li fil-kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod ma tippermettix li l-konsumatur jintalab kwalunkwe ħlas jew ħlas akkont tal-prezz fil-pendenza ta’ terminu obbligatorju għall-irtirar mill-kuntratt, bil-kundizzjoni li d-dispożizzjoni msemmija ma tiġix interpretata fis-sens li l-bejjiegħ ma jistax jitlob mingħand il-konsumatur fil-pendenza ta’ dak it-terminu għall-irtirar in-numru tal-karta ta’ kreditu, anki jekk jobbliga ruħu li ma jużahx matul dan l-istess terminu biex jikseb il-ħlas.

VII — Konklużjonijiet

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li twieġeb id-domanda preliminari magħmula mill-Hof van Beroep te Gent bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 29 KE ma jipprojbixxix dispożizzjoni nazzjonali li fil-kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod ma tippermettix li l-konsumatur jintalab kwalunkwe ħlas jew ħlas akkont tal-prezz fil-pendenza ta’ terminu obbligatorju għall-irtirar mill-kuntratt, bil-kundizzjoni li d-dispożizjoni msemmija ma tiġix interpretata fis-sens li l-bejjiegħ ma jistax jitlob mingħand il-konsumatur fil-pendenza ta’ dak it-terminu għall-irtirar in-numru tal-karta ta’ kreditu, anki jekk jobbliga ruħu li ma jużahx matul dan l-istess terminu biex jikseb il-ħlas.


( 1 ) Lingwa oriġinali: is-Sloven.

( 2 ) A. Watson, Roman Law & Comparative Law, The University of Georgia Press, Ateni u Londra, 1991, p. 45; V. Korošec, Rimsko pravo, l-Ewwel Parti, Uradni list, Ljubljana 2005, p. 277.

( 3 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837).

( 4 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (kawżi magħquda C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097).

( 5 ) Sentenza Dassonville, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 6 ) Sentenza Keck u Mithouard, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

( 7 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 1979, Groenveld (15/79, Ġabra p. 3409).

( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8); tad-29 ta’ April 2004 Weigel (C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 44) u tal-11 ta’ Settembru 2007, Céline (C-17/06, Ġabra p. I-7041, punt 29).

( 9 ) B’hekk, pereżempju, fis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1996, Siemens vs Nold (C-42/95, Ġabra p. I-6017) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq il-kumpatibbilità mad-dritt Komunitarju ta’ prattika fil-ġurisprudenza żviluppata mill-Bundesgerichtshof Ġermaniż. Fid-duttrina, fuq il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjoni nazzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali, ara R. Bieber, A. Epiney, M. Haag, Die Europäische Union, is-Sitt Edizzjoni, Nomos, Baden-Baden 2005, p. 280 u 281, punt 128; b’referenza għall-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-proċeduri għan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, ara K. Lenaerts, D. Arts, I. Maselis, Procedural Law of the European Union, it-Tieni Edizzjoni, Sweet & Maxwell, Londra 2006, p. 162, punt 5-056.

( 10 ) Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, DocMorris (C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 64).

( 11 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, pag. 6) ser jibda japplika, skont l-Artikolu 29 tiegħu, mis-17 ta’ Diċembru 2009, ħlief għall-Artikolu 26 tiegħu li ser jibda japplika mis-17 ta’ Ġunju 2009. Fl-Artikolu 6(1), dan ir-Regolament jipprovdi li kuntratt konkluż minn konsumatur “għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li: (a) il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew (b) bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż, u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli, imma “[t]ali għażla, madankollu, ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ l-għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-paragrafu 1”.

( 12 ) Ara, fost sentenzi oħra, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia vs Novello (244/80, Ġabra p. 3045, punt 18); tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et (kawżi magħquda minn C-422/93 sa C-424/93, Ġabra p. I-1567, punt 29); tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali (C-314/96, Ġabra p. I-1149, punt 19) u tas-17 ta’ April 2008, Quelle (C-404/06, Ġabra p. I-2685, punt 20).

( 13 ) Fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Geddo (2/73, Ġabra p. 865, punt 7) il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li: il-“projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi tkopri l-miżuri li għandhom in-natura ta’ projbizzjoni, totali jew parzjali, fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 14 ) Sentenza tat-3 ta’ Frar 1977, Bouhelier (53/76, Ġabra p. 197).

( 15 ) Sentenza Bouhelier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 16 [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 16 ) Sentenza Dassonville, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 5.

( 17 ) Din id-definizzjoni ġiet ikkonfermata diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja b’referenza għall-Artikolu 28 KE. Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1981, Il-Kummissjoni vs L-Italja (193/80, Ġabra p. 3019, punt 18); tat-22 ta’ Ġunju 1982, Robertson (220/81, Ġabra p. 2349, punt 9); tat-18 ta’ Mejju 1993, Yves Rocher (C-126/91, Ġabra p. I-2361, punt 9); tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-217/99, Ġabra p. I-10251, punt 16); tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-420/01, Ġabra p. I-6445, punt 25); tat-2 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-41/02, Ġabra p. I-11375, punt 39); tas-26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et (C-20/03, Ġabra p. I-4133, punt 23); tal-10 ta’ Jannar 2006, De Groot en Slot Allium u Bejo Zaden (C-147/04, Ġabra p. I-245, punt 71); tat-28 ta’ Settembru 2006, Ahokainen u Leppik (C-434/04, Ġabra p. I-9171, punt 18), kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-297/05, Ġabra p. I-7467, punt 53).

( 18 ) Sentenza Groenveld, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

( 19 ) Sentenza Groenveld, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 7 [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1981, Oebel (155/80, Ġabra p. 1993, punt 15); tas-7 ta’ Frar 1984, Jongeneel Kaas (237/82, Ġabra p. 483, punt 22); tas-27 ta’ Marzu 1990, Spanja vs Il-Kunsill (C-9/89, Ġabra p. I-1383, punt 21); tal-24 ta’ Jannar 1991, Alsthom Atlantique (C-339/89, Ġabra p. I-107, punt 14); tal-10 ta’ Novembru 1992, Exportur (C-3/91, Ġabra p. I-5529, punt 21); tat-22 ta’ Ġunju 1999, ED Srl (C-412/97, Ġabra p. I-3845, punt 10); tal-20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma (C-108/01, Ġabra p. I-5121, punt 54); tal-20 ta’ Mejju 2003, Ravil (C-469/00, Ġabra p. I-5053, punt 40); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Grilli (C-12/02, Ġabra p. I-11585, punt 41) u tat-8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce (C-293/02, Ġabra p. I-9543, punt 73).

( 21 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1992, Delhaize (C-47/90, Ġabra p. I-3669, punt 12).

( 22 ) Sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-80/92, Ġabra p. I-1019, punt 24).

( 23 ) Sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, FFAD vs Københavns Kommune (C-209/98, Ġabra p. I-3743, punt 34).

( 24 ) Kompetenza simili hija possibbli biss fil-każijiet u bil-kundizzjonijiet skont l-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).

( 25 ) F’dan ir-rigward, l-ewwel nett niċċita r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 16.1.2001, L 12, p. 1), ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU 30.4.2004, L 143, p. 15), ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 30.12.2006, L 399, p. 1), kif ukoll il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (COM/2005/0087 def. — COD 2005/0020). Fid-duttrina, fir-rigward ta’ uħud mir-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq ara, pereżempju, V. Rijavec, Postopek potrditve Evropskega izvršilnega naslova, Podjetje in delo, Nru 5/2007, p. 791; A. Stadler, From the Brussels Convention to Regulation 44/2001: Cornerstones of a European law of civil procedure, Common Market Law Review, Nru 6/2005, p. 1639; B. Sujecki, Das Europäische Mahnverfahren, Neue Juristische Wochenschrift, Nru 23/2007, p. 1623.

( 26 ) Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (GU 31.7.2007, L 199, p. 1), li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 29 tiegħu, se jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

( 27 ) Ara, pereżempju, W. Alexander, Case 15/79, P.B. Groenveld BV v Produktschap voor Vee en Vlees, Common Market Law Review, sena 17, 1980, p. 285; J.T. Füller, Grundlagen und inhaltliche Reichweite der Warenverkehrsfreiheiten nach dem EG-Vertrag, Nomos, Baden-Baden 1998, p. 244; P. Oliver, Some Further Reflections on the Scope of Articles 28-30 (Ex 30-36) EC, Common Market Law Review, Nru 4/1999, p. 799 et seq; P.-C. Müller-Graff, in von der H. Groeben, J. Schwarze, (editur), Kommentar zum Vertrag über die Europäische Union und zur Gründung der Europäischen Gemeinschaft, ir-Raba’ Edizzjoni, Nomos, Baden-Baden 2003, l-ewwel volum, kummentarju fuq l-Artikolu. 29 KE, p. 1082 et seq, punti 19 et seq; A. Tizzano, Trattati dell’Unione Europea e della Comunità Europea, Giuffrè, Milan 2004, p. 295; P. Oliver, W.-H. Roth, The Internal Market and the Four Freedoms, Common Market Law Review, Nru 2/2004, p. 419; C. Piska, f’H. Mayer (editur), Kommentar zu EU- und EG-Vertrag, Manz, Vienna 2005, kummentarju fuq l-Artikolu 29, punt 4; C. Barnard, The Substantive Law of the EU, Oxford University Press, Oxford 2007, p. 171; A. Dawes, Importing and exporting poor reasoning: worrying trends in relation to the case law on the free movement of goods, German Law Journal, Nru 8/2007, p. 761 et seq.

( 28 ) F’dan is-sens ukoll J.T. Füller, Grundlagen und inhaltliche Reichweite der Warenverkehrsfreiheiten nach dem EG-Vertrag, Nomos, Baden-Baden, 1998, p. 245.

( 29 ) J.T. Füller, Grundlagen und inhaltliche Reichweite der Warenverkehrsfreiheiten nach dem EG-Vertrag, Nomos, Baden-Baden, 1998, p. 246, jenfasizza, pereżempju, li dawn iż-żewġ artikoli għandhom l-istess għan ta’ politika legali.

( 30 ) Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra p. I-5659).

( 31 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-320/03, Ġabra p. I-9871).

( 32 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30.

( 33 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce (C-293/02, Ġabra p. I-9543, punt 73).

( 34 ) Fis-sentenza Schmidberger il-Qorti tal-Ġustizzja użat espressament il-formulazzjoni li tirreferi kemm għall-importazzjoni kif ukoll għall-esportazzjoni: “l-eliminazzjoni ta’ l-ostkli kollha […] fir-rigward ta’ skambji fil-kummerċ intrakomunitarju” [“l’élimination de toutes entraves […] aux courants d’échanges dans le commerce intracommunautaire”; “to eliminate all barriers […] to trade flows in intra-Community trade”; “(Beseitigung aller) Beeinträchtigungen der Handelsströme innerhalb der Gemeinschaft”]. Sentenza Schmidberger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 56, u s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 67.

( 35 ) Barnard jenfasizza li fil-każ tal-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex limitata għall-verifika tal-karattru diskriminatorju tal-miżura; ara C. Barnard, The Substantive Law of the EU, Oxford University Press, Oxford, 2007, p. 171 u 172. Behrens isostni li l-interpretazzjoni tal-libertajiet fundamentali tal-Komunità żviluppat fis-sens li l-enfasi ġiet spustata mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għall-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet; ara P. Behrens, “Die Konvergenz der wirtschaftlichen Freiheiten im europäischen Gemeinschaftsrecht”, Europarecht, Nru 2/1992, p. 148 et seq.

( 36 ) Konklużjonijiet ppreżentati mill-Avukat Ġenerali Capotorti fis-27 ta’ Mejju 1981 fil-kawża Oebel (155/80, Ġabra p. I-2012, paragrafu 3). Bl-istess mod l-Avukat Ġenerali Gulmann, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fis-16 ta’ Jannar 1992 fil-kawża Delhaize (C-47/90, Ġabra p. I-3669), stqarr li f’dak il-każ kellu jistaqsi l-mistoqsija jekk il-formula elaborata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Groenveld kinitx eċċessivament restrittiva.

( 37 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C-379/92, Ġabra p. I-3453, punt 51). Fis-sentenza Peralta l-Qorti tal-Ġustizzja pereżempju ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Taljana li tipprojbixxi r-rimi tal-iskart ta’ sustanzi kimiċi noċivi fil-baħar ma tmux kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tas-servizzi, billi hija tapplika għall-bastimenti kollha mingħajr distinzjoni, kemm jekk jagħmlu trasport intern fl-Italja kif ukoll jekk jagħmlu trasport lejn Stati Membri oħrajn, u għalhekk ma tistabbilixxix sistema differenti għas-servizzi relattivi għal prodotti esportati u għal servizzi li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti mpoġġija fis-suq fl-Italja, kif ukoll għaliex hija ma tagħti l-ebda benefiċċju speċifiku lis-suq intern Taljan, lit-trasport Taljan jew lill-prodotti Taljani.

( 38 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12), u tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C-384/93, Ġabra p. I-1141). Fis-sentenza Alpine Investments, b’referenza għall-“esportazzjoni” ta’ servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura ta’ Stat Membru, anki meta hija ta’ natura ġenerali u mhux diskriminatorja u la għandha bħala għan u lanqas bħala effett li tikseb vantaġġ għas-suq nazzjonali meta mqabbel ma’ min jagħti servizz fl-Istati Membri oħrajn, tista’, madankollu, tkun ta’ restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

( 39 ) Rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema, ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 104), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Dwar il-libertà ta’ stabbiliment, ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1988, Wolf u Dorchain (kawżi magħquda 154/87 u 155/87, Ġabra p. 3897, punt 9), u tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32). Fid-duttrina, fir-rigward tal-problema tad-diskriminazzjoni u tal-moviment liberu tal-persuni, ara, pereżempju, N. Bernard, “Discrimination and Free Movement in EC Law”, International and Comparative Law Quarterly, Nru 1/1996, p. 83 et seq; L. Daniele, “Non-Discriminatory Restrictions to the Free Movement of Persons”, European Law Review, Nru 3/1997, p. 191 et seq.

( 40 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-367/98, Ġabra p. I-4731), u tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (kawżi magħquda C-282/04 u C-283/04, Ġabra p. I-9141). Fid-duttrina ara, pereżempju, K. Lenaerts, u P. Van Nuffel, Constitutional Law of the European Union, it-Tieni Edizzjoni, Sweet & Maxwell, Londra, 2005, p. 240.

( 41 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 42 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral AG vs Bundesmonopolverwaltung für Branntwein (Cassis de Dijon) (120/78, Ġabra p. 649).

( 43 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

( 44 ) Anki d-duttrina tara li hemm dan ir-riskju. Ara, pereżempju, Füller, J. T., Grundlagen und inhaltliche Reichweite der Warenverkehrsfreiheiten nach dem EG-Vertrag, Nomos, Baden-Baden, 1998, p. 245; P. Oliver, “Some Further Reflections on the Scope of Articles 28-30 (Ex 30-36) EC”, Common Market Law Review, Nru 4/1999, p. 800; Woods, L., Free Movement of Goods and Services within the European Community, Ashgate, Aldershot, 2004, p. 108; P. Oliver, ed S. Enchelmaier, “Free movement of goods: Recent developments in the case law”, Common Market Law Review, Nru 3/2007, p. 686; S. Enchelmaier, The ECJ’s Recent Case Law on the Free Movement of Goods: Movement in All Sorts of Directions, Yearbook of European Law, 2007, p. 144.

( 45 ) Il-possibbiltà li definizzjoni daqstant wiesgħa tinkludi wkoll il-miżuri li jwasslu għal żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni hija enfasizzata b’mod partikolari minn P.-C. Müller-Graff, f’H. von der Groeben, u J. Schwarze, (edituri), Kommentar zum Vertrag über die Europäische Union und zur Gründung der Europäischen Gemeinschaft, is-Sitt Edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2003, vol. 1, kummentarju fuq l-Artikolu 29 KE, p. 1081, punt 15.

( 46 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

( 47 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, ED Srl (C-412/97, Ġabra p. I-3845).

( 48 ) Sentenza ED Srl, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 11.

( 49 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1990, Krantz (C-69/88, Ġabra p. I-583, punt 11); tat-13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C-93/92, Ġabra p. I-5009, punt 12), u tas-26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et (C-20/23, Ġabra p. I-4133, punt 31).

( 50 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C-190/98, Ġabra p. I-493, punt 25). Ara wkoll il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Sharpston fit-28 ta’ Ġunju 2007 fil-kawża Gouvernement de la Communauté française (C-212/06, Ġabra p. I-1683, punti 56, 59 et seq).

( 51 ) Ara l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Tizzano fil-25 ta’ Marzu 2004 fil-kawża CaixaBank (C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 75).

( 52 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Generali Stix-Hackl fil-11 ta’ Marzu 2003 fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 77), u dawk ippreżentati mill-Avukat Generali Kokott fl-14 ta’ Diċembru 2006 fil-kawża Mickelsson (C-142/05, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 66).

( 54 ) C. Barnard, The Substantive Law of the EU, Oxford University Press, Oxford, 2007, p. 159 et seq; P. Oliver, “Some Further Reflections on the Scope of Articles 28-30 (Ex 30-36) EC”, Common Market Law Review, Nru 4/1999, p. 795.

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-11 ta’ Marzu 2003 fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 77). Ara wkoll il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott fl-14 ta’ Diċembru 2006 fil-kawża Mickelsson (C-142/05, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 53).

( 56 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1996, Semeraro Casa (kawżi magħquda minn C-418/93 sa C-421/93, minn C-460/93 sa C-462/93, C-464/93, minn C-9/94 sa C-11/94, C-14/94, C-15/94, C-23/94, C-24/94 u C-332/94, Ġabra p. I-2975).

( 57 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-391/92, Ġabra p. I-1621).

( 58 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Banchero (C-387/93, Ġabra p. I-4663).

( 59 ) Huwa veru li l-modalitajiet ta’ bejgħ iċċitati iktar ’il fuq jirrigwardaw il-meta, fejn u minn min isir il-bejgħ ta’ prodott speċifiku; madankollu, bħala regola ma nistgħux inkunu ċerti li dawn il-modalitajiet ta’ bejgħ ma jillimitawx l-aċċess tal-merkanzija għas-suq jew il-ħruġ tagħha minnu billi l-każijiet imsemmijin iktar ’il fuq m’għandhomx jinftiehmu bħala xi tip ta’ kategorija astratta ta’ modalità ta’ bejgħ, li hija predeterminata u definita b’mod ċar u li għandha tiġi eskluża kull verifika skont il-metodu Keck.

( 60 ) Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 14.

( 61 ) Għalhekk il-kwistjoni hija l-iktar dwar il-modalitajiet ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-mod kif jinbiegħ il-prodott; imma anki hawnhekk huwa diffiċli li wieħed jitkellem fuq kategorija predeterminata. L-effett ta’ modalità partikolari ta’ bejgħ għandu jiġi evalwat speċifikament f’kull każ konkret.

( 62 ) Fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 74), il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm irrikonoxxiet li l-projbizzjoni Ġermaniża li jinbiegħu mediċinali permezz tal-Internet tippreġudika iktar lill-ispiżeriji barranin milli dawk Ġermanżi, u għalkemm ma ċċaqalqitx mill-kriterju tad-diskriminazzjoni fattwali, hija madankollu affermat l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fattwali fl-aċċess għas-suq.

( 63 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra p. I-14887, punti 68 et seq).

( 64 ) Fir-rigward tar-rekwiżiti imperattivi, ara s-sentenza Rewe-Zentral AG vs Bundesmonopolverwaltung für Branntwein (Cassis de Dijon), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 8.

( 65 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2002, Radiosistemi (kawżi magħquda C-388/00 u C-429/00, Ġabra p. I-5845, punti 40 sa 42); tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C-14/02, Ġabra p. I-4431, punt 64); tat-8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto (C-40/04, Ġabra p. I-7755, punt 55), u tat-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-432/03, Ġabra p. I-9665, punt 42).

( 66 ) Sentenza Rewe-Zentral AG vs Bundesmonopolverwaltung für Branntwein (Cassis de Dijon), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.

( 67 ) B’mod ġenerali, fuq id-dritt tal-konsumatur li jirtira minn kuntratt ta’ bejgħ mill-bogħod ara, pereżempju, N. Reich, “Die neue Richtlinie 97/7/EG über den Verbraucherschutz bei Vertragsabschlüssen im Fernabsatz”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, Nru 19/1997, p. 584 et seq; H.-W. Micklitz,, “Die Fernabsatzrichtlinie 97/7/EG”, Zeitschrift für europäisches Privatrecht, Nru 4/1999, p. 884 et seq; L. Bernardeau, “La directive communautaire 97/7 en matière de contrats à distance”, Cahiers de droit européen, Nru 1-2/2000, p. 129; É. Poillot, “Le droit comparé au service de la compréhension de l’acquis communautaire en droit privé: l’exemple du droit de rétractation dans la directive 97/7/CE concernant la protection des consommateurs en matière de contrats à distance”, Revue internationale de droit comparé, Nru 4/2005, p. 1017; R. Knez, “Direktiva 97/7/ES Evropskega parlamenta in Sveta z dne 20. maja 1997 o varstvu potrošnikov glede sklepanja pogodb pri prodaji na daljavo”, fi V. Trstenjak, Evropsko pravo varstva potrošnikov, GV Založba, Lubiana, 2005, p. 113.

( 68 ) F’dan is-sens ara H. Heinrichs, “Das Widerrufsrecht nach der Richtlinie 97/7/EG über den Verbraucherschutz bei Vertragsabschlüssen im Fernabsatz”, f’Beuthien, V. et al. (eduturi), Festschrift für Dieter Medicus zum 70. Geburtstag, Heymanns, Cologne, 1999, p. 190; A. Pützhoven, Europäischer Verbraucherschutz im Fernabsatz. Die Richtlinie 97/7/EG und ihre Einbindung in nationales Verbraucherrecht, Beck, Monaco, 2001, p. 76; M. Reuter, Der Fernabsatz und seine rechtliche Ausgestaltung in der Europäischen Union, Peter Lang, Frankfurt am Main, 2002; A. Lodder, u H.W.K. Kaspersen, (editur), eDirectives: Guide to European Union Law on E-Commerce. Commentary on the Directives on Distance Selling, Electronic Signatures, Electronic Commerce, Copyright in the Information Society, and Data Protection, Kluwer, L-Aja, 2002.

( 69 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 1994, Ortscheit (C-320/93, Ġabra p. I-5243, punt 16); tal-15 ta’ Ġunju 1999, Heinonen (C-394/97, Ġabra p. I-3599, punt 36) u tat-28 ta’ Settembru 2006, Ahokainen u Leppik (C-434/04, Ġabra p. I-9171, punt 33). Fid-duttrina, ara K. Lenaerts, u P. Van Nuffel, Constitutional Law of the European Union, it-Tieni Edizzjoni, Londra, 2005.

( 70 ) Fid-duttrina ara, pereżempju, R. Bieber, A. Epiney, editur M. Haag, Die Europäische Union, is-Sitt Edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2005, p. 280 u 281, punt 128. K. Lenaerts, Arts, D., u I. Maselis, Procedural Law of the European Union, it-Tieni Edizzjoni, Sweet & Maxwell, Londra, 2006, p. 162, punt 5-056, jenfasizzaw il-ħtieġa li tiġi vvalutata l-portata tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dawn l-atti magħmula mill-qrati nazzjonali. Kif indikajt diġà iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1996 Siemens vs Nold (C-42/95, Ġabra p. I-6017), iddeċidiet fuq il-kwistjoni jekk id-dritt Komunitarju kienx jipprojbixxi l-ġurisprudenza żviluppata mill-Bundesgerichtshof Ġermaniz.

( 71 ) Għal dak li jirrigwarda, b’mod ġenerali l-obbligu ta’ interpretazzjoni li tkun konformi mad-dritt primarju tal-Komunità, ara S. Leible, u R. Domröse, “Die primärrechtskonforme Auslegung”, f’K. Riesenhuber (editur), Europäische Methodenlehre. Handbuch für Ausbildung und Praxis, De Gruyter Recht, Berlin, 2006, p. 184 et seq dwar l-obbligu ta’ interpretazzjoni li tkun konformi mad-Direttivi Komunitarji, ara W.-H. Roth, “Die richtlinienkonforme Auslegung”, f’Riesenhuber, K. (editur), Europäische Methodenlehre. Handbuch für Ausbildung und Praxis, De Gruyter Recht, Berlin, 2006, p. 308 et seq.

Top