Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CA0316

Kawżi magħquda C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat- 8 ta’ Settembru 2010 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Giessen, Verwaltungsgericht Stuttgart — il-Ġermanja) — Markus Stoß (C-316/07), Avalon Service-Online-Dienste GmbH (C-409/07), Olaf Amadeus Wilhelm Happel (C-410/07), Kulpa Automatenservice Asperg GmbH (C-358/07), SOBO Sport & Entertainment GmbH (C-359/07), Andreas Kunert (C-360/07) vs Wetteraukreis (C-316/07, C-409/07, C-410/07), Land Baden-Württemberg (C-358/07, C-359/07, C-360/07) (Artikoli 43 KE u 49 KE — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi suġġetta għal monopolju pubbliku fuq livell reġjonali — Għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob — Proporzjonalità — Miżura restrittiva li għandha realment tkun intiża sabiex tnaqqas l-opportunitajiet tal-logħob u biex tillimita l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku — Riklamar magħmul minn detentur ta’ monopolju u li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-logħob tal-lotteriji — Logħob tal-ażżard ieħor li jista’ jkun propost minn operaturi privati — Espansjoni tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard ieħor — Liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor — Nuqqas ta’ obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku)

ĠU C 288, 23.10.2010, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/7


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Settembru 2010 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Giessen, Verwaltungsgericht Stuttgart — il-Ġermanja) — Markus Stoß (C-316/07), Avalon Service-Online-Dienste GmbH (C-409/07), Olaf Amadeus Wilhelm Happel (C-410/07), Kulpa Automatenservice Asperg GmbH (C-358/07), SOBO Sport & Entertainment GmbH (C-359/07), Andreas Kunert (C-360/07) vs Wetteraukreis (C-316/07, C-409/07, C-410/07), Land Baden-Württemberg (C-358/07, C-359/07, C-360/07)

(Kawżi magħquda C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07) (1)

(Artikoli 43 KE u 49 KE - Libertà ta’ stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi suġġetta għal monopolju pubbliku fuq livell reġjonali - Għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob - Proporzjonalità - Miżura restrittiva li għandha realment tkun intiża sabiex tnaqqas l-opportunitajiet tal-logħob u biex tillimita l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku - Riklamar magħmul minn detentur ta’ monopolju u li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-logħob tal-lotteriji - Logħob tal-ażżard ieħor li jista’ jkun propost minn operaturi privati - Espansjoni tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard ieħor - Liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor - Nuqqas ta’ obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku)

(2010/C 288/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qrati tar-rinviju

Verwaltungsgericht Giessen, Verwaltungsgericht Stuttgart

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Markus Stoß (C-316/07), Avalon Service-Online-Dienste GmbH (C-409/07), Olaf Amadeus Wilhelm Happel (C-410/07), Kulpa Automatenservice Asperg GmbH (C-358/07), SOBO Sport & Entertainment GmbH (C-359/07), Andreas Kunert (C-360/07)

Konvenuti: Wetteraukreis (C-316/07, C-409/07, C-410/07), Land Baden-Württemberg (C-358/07, C-359/07, C-360/07)

Suġġett

Talbiet għal deċiżjoni preliminari — Interpretazzjoni tal-Artikoli 43 u 49 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi, l-attività ta’ ġbir ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti, iżda li tagħmel prattikament impossibbli, minħabba t-twaqqif ta’ monopolju tal-Istat, il-kisba ta’ din l-awtorizzazzjoni

Dispożittiv

(1)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

(a)

sabiex ikunu jistgħu jiġġustifikaw monopolju pubbliku dwar l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u l-lotteriji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, permezz ta’ għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati ma għandhomx neċessarjament ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw studju li jistabbilixxi l-proporzjonalità tal-miżura msemmija li jkun sar qabel l-adozzjoni tagħha?;

(b)

il-fatt, għal Stat Membru, li jiffavorixxi tali monopolju meta mqabbel ma’ sistema li tawtorizza l-attività ta’ operaturi privati li jkunu awtorizzati li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni ta’ natura mhux esklussiva jista’ jissodisfa l-ħtieġa ta’ proporzjonalità, sa kemm, fir-rigward tal-għan relattiv għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, l-istituzzjoni tal-monopolju msemmi tkun akkumpanjata mill-implementazzjoni ta’ sistema leġiżlattiva li tassigura li d-detentur tiegħu ser ikun effettivament kapaċi li jsegwi, b’mod koerenti u sistematiku, tali għan permezz ta’ offerta kwantitattivament imkejla u kwalitattivament ippreparata skont l-għan imsemmi u suġġetta għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi?;

ċ)

il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jkunu kkonfrontati minn ċerti diffikultajiet għall-finijiet li jiżguraw l-osservanza ta’ tali monopolju fir-rigward ta’ organizzaturi ta’ logħob u ta’ mħatri stabbiliti f’pajjiż barrani, li jikkonkludu, permezz tal-Internet u bi ksur tal-monopolju msemmi, imħatri ma’ persuni li jinsabu fit-territorju tal-imsemmija awtoritajiet, mhuwiex ta’ natura, bħala tali, li jolqot l-eventwali konformità ta’ tali monopolju mal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat?;

d)

f’sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tikkonstata, fl-istess ħin:

li l-miżuri ta’ riklamar meħuda min-naħa tad-detentur ta’ tali monopolju u relatati ma’ tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard ukoll proposti minnu ma jibqgħux limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex il-konsumaturi jiġu diretti lejn l-offerta provenjenti minn dan id-detentur billi dawn jiġu żvijati minn ambjenti tal-logħob oħra mhux awtorizzati, iżda jkunu intiżi sabiex jinkoraġġixxu t-tendenza naturali għal-logħob tal-konsumaturi u biex jistimulaw il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fih għal finijiet ta’ massimizzazzjoni tad-dħul derivanti minn tali attivitajiet;

li tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jkunu operati minn operaturi privati li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, u

li fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard ieħor li ma jidħolx fil-kamp tal-imsemmi monopolju u li barra minn hekk ikollu potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju superjuri għal-logħob suġġett għal dan il-monopolju, l-awtoritajiet kompetenti jsegwu jew jittolleraw politika ta’ espansjoni tal-offerta tali li tiżviluppa u li tistimula l-attivitajiet tal-logħob, b’mod partikolari bil-għan li jiġi massimizzat id-dħul derivanti minnu,

l-imsemmija qorti nazzjonali tista’ b’mod leġittimu tasal sabiex tikkunsidra li tali monopolju mhuwiex adattat sabiex jiżgura t-twettiq tal-għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob li fid-dawl tiegħu dan ġie stabbilit sabiex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u sabiex jillimita l-attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku?

(2)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li operatur ikollu, fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, awtorizzazzjoni li tippermettilu li joffri logħob tal-ażżard ma jipprekludix li Stat Membru ieħor jissuġġetta, fl-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà, għal tali operatur, li joffri tali servizzi lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu stess?


(1)  ĠU C 269, 10.11.2007.

ĠU C 283, 24.11.2007.


Top