EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0158

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-21 ta' Ġunju 2007.
Stichting ROM-projecten vs Staatssecretaris van Economische Zaken.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Fondi Strutturali - Rifużjoni ta' għajnuna Komunitarja fil-każ ta' irregolarità - Nuqqas ta' pubblikazzjoni u ta' komunikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' l-għotja ta' l-għajnuna - Nuqqas ta' konoxxenza tal-benefiċjarju - Bona fide - Ċertezza legali - Effettività -Artikolu 10 KE.
Kawża C-158/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:370

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C‑158/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Marzu 2006, fil-proċedura

Stichting ROM-projecten

vs

Staatssecretaris van Economische Zaken

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Schintgen, President tal-Ħames Awla, aġent President ta’ l-Ewwel Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič (relatur) u E. Levits, imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2007,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

– għal Stichting ROM-projecten, minn J. Roeleveld, advocaat,

– għall-Gvern Olandiż, minn C. ten Dam, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Flynn u A. Weimar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni C(95) 1753 tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 1995, rigward l-għoti ta’ għajnuna mill-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u l-Fond Soċjali Ewropew (ESF) għal programm ta’ ħidma fil-kuntest ta’ l-inizjattiva Komunitarja SME favur żoni eliġibbli skond l-Obbjettivi 1 u 2 fl-Olanda (aktar il-quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti”) u ta’ l-Artikolu 249KE.

2. Din it-talba ġiet ppreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Fondazzjoni taħt id-dritt Olandiz Stichting ROM-projecten (aktar il-quddiem “ROM-projecten”) u s-Staatssecretaris van Economische Zaken (is-Segretarju ta’ l-Istat għall-affarjiet ekonomiċi, aktar il-quddiem is-“Segretarju ta’ l-Istat”), fir-rigward ta’ l-abrogazzjoni u tat-talba għar-rifużjoni ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija fil-kuntest ta’ l-inizjattiva Komunitarja favur l-impriżi żgħar u medji.

Kuntest Ġuridiku

3. Fl-1 ta’ Lulju 1994, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikat il-Komunikazzjoni lill-Istati Membri li tiffissa l-prinċipji fundamentali tal-programmi operattivi jew tas-sussidji globali li l-Istati Membri huma mistiedna li jipproponu fil-kuntest ta’ inizjattiva komunitarja fuq l-adattament ta’ l-impriżi żgħar u medji għas-suq uniku (ĠU C 180, p. 10).

4. Id-deċiżjoni ta’ għoti tipprovdi

“Artikolu 1

Il-programm ta’ ħidma SME għall-Olanda adottat fir-rigward tal-perjodu bejn it-30 ta’ Novembru 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1999, li huwa elenkat fl-annessi ta’ hawn taħt, li jkopri numru koerenti ta’ miżuri multiannwali fil-kuntest ta’ l-inizjattiva Komunitarja SME favur żoni eliġibbli skond l-Obbjettivi 1 u 2 fl-Olanda, huwa bil-preżenti approvat.

[...]

Artikolu 6

L-għajnuna komunitarja tkopri l-infiq fuq l-attivitajiet li jitwettqu taħt dan il-programm li, fl-Istat Membru kkonċernat, jieħdu l-forma ta’ impenji li jorbtu legalment u li għalihom ġew allokati l-finanzi neċessarji mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999. Id-data finali li fiha wieħed jista’ jieħu in kunsiderazzjoni l-infiq fuq dawn il-miżuri hija l-31 ta’ Diċembru 2001.

[...]

Artikolu 9

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ l-Olanda.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5. B’ittra tal-31 ta’ Awwissu 1999, ROM-projecten talbet lis-Segretarju ta’ l-Istat l-għoti ta’ sussidju fil-kuntest ta’ programm ta’ ħidma SME għall-Olanda għall-progett imsemmi “Kenniskaart Medische Technologie en Life Science” (Karta ta’ konoxxenza fit-teknoloġija medika u xjenzi tal-ħajja).

6. Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 1999, is-Segretarju ta’ l-Istat ta lill-ROM-projecten sussidju fil-kuntest ta’ l-imsemmi programm li jammonta għal mhux aktar minn NLG 200 000. Fost kundizzjonijiet oħra, kien previst li l-proġett kellu jitlesta fil-31 ta’ Diċembru 2000, u li l-infiq li jsir qabel l-1 ta’ Jannar 2000 u wara l-31 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena ma jkunx eliġibbli.

7. Fuq talba ta’ ROM-projecten, is-Segretarju ta’ l-Istat iddepożita fil-kont ta’ dan ta’ l-aħħar, kemm fl-2000 kif ukoll fl-2001, ħlas bil-quddiem ta’ NLG 80 000.

8. B’deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2002, is-Segretarju ta’ l-Istat innotifika lil ROM-projecten li hija kienet naqset milli tikkonforma ruħha mal-kundizzjoni imposta fl-Artikolu 6 tad-deċiżjoni ta’ għoti, li tgħid li l-impenji kellhom jitwettqu qabel il-31 ta’ Diċembru 1999 (aktar il-quddiem il-“kundizzjoni taż-żmien”). Il-kwistjoni jekk is-sussidju kellux, konsegwentement, jiġi ffissat għall-ammont ta’ żero tressqet mis-Segretarju ta’ l-Istat quddiem il-Kummissjoni, liema domanda ngħatatilha risposta informali fin-negattiv mid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Fil-pendenza ta’ konferma formali tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, is-Segretarju ta’ l-Istat iffissa, suġġett għall-riżerva ġenerali, is-sussidju fl-ammont ta’ NLG 69 788. Huwa wkoll talab lil ROM-projecten tirrifondi s-somma ta’ NLG 90 212.

9. B’deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2003, is-Segretarju ta’ l-Istat iffissa l-għajnuna għal żero u talab lil ROM-projecten tirrifondi wkoll is-somma ta’ NLG 69 788, għar-raġuni li l-Kummissjoni qieset li l-impenji kellhom jitwettqu mill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999.

10. B’deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2003, is-Segretarju ta’ l-Istat ċaħad il-kontestazzjoni mressqa kontra d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Lulju 2002 u tas-27 ta’ Frar 2003.

11. B’sentenza tat-23 ta’ Jannar 2004, ir-Rechtbank te Roermond annulla d-deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2003. Huwa ordna lis-Segretarju ta’ l-Istat jadotta deċiżjoni ġdida dwar il-kontestazzjoni ppreżentata quddiemu.

12. B’deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2004, is-Segretarju ta’ l-Istat iffissa l-ammont tas-sussidju għal EUR 72 604,84, għar-raġuni li ROM-projecten ma kinitx irrispettat il-kundizzjoni taż-żmien.

13. Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, li ntalbet tieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat minn ROM-projecten kontra din id-deċiżjoni, tistaqsi jekk is-Segretarju ta’ l-Istat setax iressaq kontra ROM-projecten il-fatt li din ta’ l-aħħar ma kinitx irrispettat din il-kundizzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, fid-dritt Olandiż, tali kundizzjoni tista’ titressaq kontra benefiċjaru ta’ sussidju biss jekk dan ikun ġie infurmat dwarha bil-quddiem. Din ir-regola toħroġ kemm mill-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll mil-leġiżlazzjoni Olandiża. Issa, fil-każ preżenti, din il-kundizzjoni ma tidher la fid-deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 1999 meħuda mis-Segretarju ta’ l-Istat u lanqas fil-kundizzjonijet annessi ma din ta’ l-aħħar. Hija lanqas ma tidher fl-applikazzjoni għas-sussidju u lanqas fin-nota ta’ istruzzjonijiet li tiġi magħha.

14. Min dan, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li mill-perspettiva tal-liġi Olandiża waħedha, il-kundizzjoni ta’ żmien ma tistax titrressaq kontra ROM-projecten. Madankollu, hija tistaqsi jekk din il-kundizzjoni tistax titressaq kontra ROM-projecten bis-saħħa tad-dritt Komunitarju.

15. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“(1) L-Artikolu 6 tad-deċiżjoni [ta’ għoti] huwa ta’ natura inkundizzjonata u biżżejjed ċar u preċiż biex ikun direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ?

(2) Jekk ir-risposta għad-Domanda 1 hija fl-affermattiv:

L-Artikolu 249 KE għandu jiġi interpretat li jfisser li l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni għandu effett dirett, b’tali mod li jirrikjedi lill-individwu, bħala l-benefiċjarju finali, li jidħol għall-impenji kkontemplati f’dan ir-rigward u li jalloka speċifikament il-finanzi neċessarji sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999?

Jekk ir-risposta għad-Domanda 2 hija fl-affermattiv:

Meħud fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt komunitarju, [l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirkupraw il-fondi mitlufa bħala konsegwenza ta’ irregolarità] jagħti lok lill-Istati Membri milli jastjenu mill-irkupru minħabba vjolazzjoni ta’ dispożizzjoni fejn il-benefiċjarju tas-sussidju kkoncernat ma kienx jaf b’tali dispożizzjoni u ma jaħtix ta’ dan-nuqqas ta’ għarfien?”

Fuq id-domandi preliminari

Kunsiderazzjonijiet preliminari

16. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja istitwita mill-Artikolu 234, jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din ta’ l-aħħar li tagħti lil qorti nazzjonali risposta utili li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk inhu l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, FCE Bank, C-210/04, Ġabra p. I-2803, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17. Fil-każ preżenti, il-qorti nazzjonali ssottomettiet it-tielet domanda tagħha b’mod sussidjarju, jiġifieri fl-ipoteżi fejn l-ewwel u t-tieni domandi jkunu eżaminati preċedentement u li risposta affermattiva tingħata lill-dawn ta’ l-aħħar.

18. Għandu jiġi kkonstatat li t-tielet domanda tista’, bl-istess mod, tiġi eżaminata b’mod awtonomu u li risposta affermattiva għaliha tirrendi l-ewwel u t-tieni domandi inoperabbli. Fil-fatt, jekk wieħed jassumi li l-kundizzjonijet ta’ għoti ta’ għajnuna, fosthom il-kundizzjoni taż-żmien, għandhom jitqiesu li huma, fi kwalunkwe każ, mhux invokabbli kontra l-benefiċjarju finali minħabba li huma ma ġewx ikkomunikati lilu, m’hemmx lok li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija kundizzjoni ta’ żmien hijiex inkundizzjonata, biżżejjed ċara u preċiża u kapaċi li timponi direttament obbligi fuq il-benefiċjarju.

19. Għalhekk, huwa opportun li t-tielet domanda tingħatalha risposta l-ewwel u li tiġi fformulata hekk:

“Meta l-kundizzjonijet ta’ għoti ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità lil Stat Membru jinsabu fid-deċiżjoni ta’ għoti iżda qatt ma jkunu ġew la ppubblikati u lanqas ikkomunikati minn dak l-Istat Membru lill-benefiċjarju finali ta’ l-għajnuna, id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex tiġi eskluża r-rifużjoni min dan il-benefiċjaru ta’ l-ammonti mħallsa indebitament?”

Fuq it-tielet domanda

Osservazzjonijet ippreżentati quddiem il-Qorti

20. ROM-projecten issostni li ma kinitx taf bl-Artikolu 6 tad-deċiżjoni ta’ għoti u li dan in-nuqqas ta’ informazzjoni ma jistax jiġi invokat kontriha. Konsegwentement, il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi legittimi u ta’ ċertezza legali jipprojbixxu r-rifużjoni ta’ l-għajnuna finanzjarja li bbenefikat minnha. Fil-fatt, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li dawn il-prinċipji jiġu applikati biex jeskludu tali rifużjoni, bil-kundizzjoni li l-interessi tal-Komunità jittieħdu in kunsiderazzjoni u li l- bona fide tal-benefiċjarju tkun stabbilita.

21. Il-Gvern Olandiż jenfasizza li d-dritt Komunitarju għandu jkun magħruf mill-individwi u li l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun prevedibbli għal dawn ta’ l-aħħar. Min dan, huwa jiddeduċi li l-kundizzjoni taż-żmien ma tistax tiġi invokata kontra ROM-projecten, peress li ma kinitx ġiet infurmata.

22. Il-Kummissjoni wkoll tqis li l-kundizzjoni taż-żmien ma tistax tiġi invokata kontra ROM-projecten. Peress li l-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-kundizzjoni taż-żmien ma ġietx mgħarrfa lil ROM-projecten u li din ta’ l-aħħar ma taħtix għan-nuqqas ta’ informazzjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li din il-kundizzjoni tiġi invokata kontra ROM-projecten.

Risposta tal-Qorti

23. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kawżi dwar l-irkupru ta’ l-ammonti li jkunu tħallsu indebitament għandhom, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali skond id-dritt nazzjonali tagħhom, bla ħsara għall-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, fis-sens li l-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali ma jistgħux iwasslu li l-irkupru ta’ l-għajnuniet mogħtija indebitament ikun impossibbli jew eċċessivament diffiċili u li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha ssir b’mod mhux diskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intizi biex jiġu applikati għall-kawżi nazzjonali ta’ l-istess tip (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et , 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punt 19; tat-12 ta’ Mejju 1998, Steff-Houlberg Export et , C-366/95, Ġabra p. I-2661, punt 15, u tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber, C-336/00, Ġabra p. I-7699, punt 55).

24. Għaldaqstant, ma għandux jitqies li jmur kontra d-dritt Komunitarju l-fatt li d-dritt nazzjonali fil-qasam ta’ l-irtirar ta’ atti amministattivi u ta’ l-irkupru ta’ ammonti ta’ flus imħallsa indebitament mill-amministrazzjoni pubblika, jieħu in kunsiderazzjoni, flimkien mal-prinċipju ta’ legalità, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li dan ta’ l-aħħar jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (sentenzi Deutsche Milchkontor et , iċċitata aktar ‘il fuq, punt 30; tad-9 ta’ Ottubru 2001, Flemmer et , C-80/99 sa C-82/99, Ġabra p. I-7211, punt 60, u Huber, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 56).

25. B’mod partikolari, dan il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-legiżlazzjoni Komunitarja tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu b’ċertezza l-portata ta’ l-obbligi li hija timponi fuqhom (sentenzi ta’ l-1 ta’ Ottubru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-209/96, Ġabra p. I-5655, punt 35; ta’ l-20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, C-108/01, Ġabra p. I-5121, punt 89, u tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et , C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 72). Il-partijiet fil-kawża għandhom ikunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu l-miżuri b’riżultat ta’ dan (sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C-248/04, Ġabra p. I-10211, punt 79).

26. Din il-ħtieġa ta’ ċertezza legali hija meħtieġa b’ċerta rigorożità fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji (sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Emsland-Stärke, C-94/05, Ġabra p. I-2619, punt 43, u Koninklijke Coöperatie Cosun, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 79).

27. Fl-ewwel lok, fil-każ preżenti, hekk kif joħroġ mill-Artikolu 9 tad-deċizjoni ta’ għoti, ir-Renju ta’ l-Olanda huwa l-uniku destinatarju ta’ din id-deċiżjoni. Minkejja l-fatt li l-imsemmija deċiżjoni qatt ma ġiet ippubblikata u li kienet għalhe kk magħrufa minnhom biss, l-awtoritajiet Olandiżi ma kkomunikawx il-kundizzjonijiet ta’ għoti li jinsabu f’din ta’ l-aħħar lil ROM-projecten.

28. Barra minn dan, fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ għoti, bl-għoti ta’ sussidju lil ROM-projecten fid-29 ta’ Diċembru 1999, jiġifieri jumejn biss qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma kien informa lil ROM-projecten b’dan iż-żmien, is-Segretarju ta’ l-Istat ħoloq sitwazzjoni li twassal kważi neċessarjament għal nuqqas ta’ rispett tal-kundizzjonijiet ta’ għoti.

29. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-benefiċjarju finali ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja mhuwiex f’pożizzjoni li jkun jaf mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li jimxi skond dan it-tagħrif.

30. Għaldaqstant, kif sostnew ROM-projecten, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, f’sitwazzjoni bħal din, li fiha jinsab il-benefiċjarju finali, ikkaratterizzata bin-nuqqas ta’ tagħrif tal-kundizzjonijiet misjuba fid-deċiżjoni ta’ għoti, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimpedixxi li dawn il-kundizzjonijet jiġu invokati kontra dan ta’ l-aħħar.

31. Madankollu, huwa biss taħt il-kundizzjoni li l-imsemmi benefiċjarju kien in bona fide fir-rigward tar-regolarità ta’ l-użu ta’ l-għajnuna finanzjarja li huwa jkun f’pożizzjoni li jikkontesta l-irtirar u r-rifużjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk din il-kundizzjoni ġietx sodisfatta (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1999, Oelmühle u Schmidt Söhne, C-298/96, Ġabra p. I-4767, punt 29, u Huber, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 58).

32. Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li meta l-prinċipju ta’ ċertezza legali jimpedixxi li benefiċjarju ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja jkun obbligat li jirrifondiha, l-interess tal-Komunità li dik l-għajnuna tiġi rkuprata għandha, madankollu, tittieħed in kunsiderazzjoni (is-sentenza Huber, iċċitata aktar ‘il fuq punt 57).

33. F’sitwazzjoni bħal din, deskritta fil-kawża prinċipali, fejn in-nuqqas tar-rifużjoni ta’ l-għajnuna mill-benefiċjarju hija dovuta għal negliġenza mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jinsab fl-Artikolu 10 KE li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinżamm finanzjarjament responsabbli ta’ l-ammonti mhux irkuprati sabiex jiġi żgurat id-dritt tal-Komunità li tikseb ir-rifużjoni ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna.

34. Fid-dawl ta’ dak kollu li għadu kif ingħad, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li meta l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ għajnuna finanzjarja mill-Komunità lil Stat Membru jinsabu fid-deċiżjoni ta’ għoti, iżda qatt ma jkunu ġew la ppubblikati u lanqas ikkomunikati minn dan l-Istat Membru lill-benefiċjarju finali ta’ l-għajnuna, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li ssir applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali bil-għan li tiġi eskluża r-rifużjoni minn naħa ta’ dan il-benefiċjarju ta’ l-ammonti mħallsa indebitament, bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita l- bona fide ta’ l-imsemmi benefiċjarju. F’każ bħal dan, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinżamm finanzjarjament responsabbli ta’ l-ammonti mhux irkuprati sabiex jiġi żgurat id-dritt tal-Komunità li tikseb ir-rifużjoni ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna.

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

35. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta lill-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni taż-żmien hijiex inkundizzjonata u biżżejjed preċiża biex tkun direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, u lanqas dik dwar jekk l-imsemmija kundizzjoni tistax timponi obbligi direttament fuq il-benefiċjaru finali ta’ għajnuna finanzjarja.

Fuq l-ispejjeż

36. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Meta l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja mill-Komunità lil Stat Membru jinsabu fid-deċiżjoni ta’ għoti iżda qatt ma jkunu la ppubblikati u lanqas ikkomunikati minn dan l-Istat Membru lill-benefiċjarju finali ta’ l-għajnuna, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li ssir applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali bil-għan li tiġi eskluża r-rifużjoni minn naħa ta’ dan il-benefiċjarju ta’ l-ammonti mħallsa indebitament, bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita l- bona fide ta’ l-imsemmi benefiċjarju. F’każ bħal dan, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinżamm finanzjarjament responsabbli ta’ l-ammonti mhux irkuprati sabiex jiġi żgurat id-dritt tal-Komunità li tikseb ir-rifużjoni ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna.

Top