Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0379

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV)

COM/2024/379 final

Brussell, 16.8.2024

COM(2024) 379 final

2024/0209(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV fit-18 ta’ Ottubru 2024 b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV li jista’ jkollhom effetti legali fuq id-dritt tal-Unjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Status partikolari tal-UE fl-OIV

Bħalissa, 50 Stat huma membri tal-OIV, li fosthom 20 huma Stati Membri tal-Unjoni. L-UE mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, mill-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV, li jippermettilha tintervjeni fil-ħidmiet tal-Kummissjonijiet, tas-Sottokummissjonijiet u tal-gruppi ta’ esperti u tattendi għal-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kumitat Eżekuttiv.

2.2.L-OIV

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid, tax-xorb abbażi tal-inbid, tal-għeneb tal-mejda, taż-żbib u ta’ prodotti oħra tad-dwieli. L-objettivi tal-OIV huma li (i) tinforma dwar miżuri fejn jista’ jitqies it-tħassib tal-produtturi, tal-konsumaturi u ta’ atturi oħra fis-settur tad-dwieli u tal-prodotti tal-inbid, (ii) tassisti organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li huma involuti f’attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u (iii) tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali ta’ prattiki u standards eżistenti.

2.3.L-att previst tal-OIV

L-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss se ssir fit-18 ta’ Ottubru 2024. F’dak il-kuntest u abbażi ta’ diskussjonijiet li saru fil-laqgħat tal-grupp ta’ esperti f’April 2024, wieħed jista’ jistenna li r-riżoluzzjonijiet li ġejjin, li joħolqu effett legali fuq id-dritt tal-Unjoni, se jkunu fuq l-aġenda tal-Assemblea Ġenerali għall-adozzjoni:

L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-MICRO 23–740 li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi riżoluzzjonijiet eżistenti,

L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-SPECIF 23-723 jimmodifika monografija tal-OIV eżistenti,

L-abbozzi ta’ Riżoluzzjonijiet OENO-TECHNO 15-581B, u OENO-TECHNO 20-672B li jistabbilixxu prattiki enoloġiċi ġodda.

Bħal fl-imgħoddi, wieħed jista’ jistenna li l-aġenda tal-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV se tibqa’ tevolvi u li se jiżdiedu mal-aġenda aktar riżoluzzjonijiet li joħolqu effetti legali fuq id-dritt tal-Unjoni. Sabiex tiżgura l-effiċjenza tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali filwaqt li tirrispetta r-regoli tat-Trattati, il-Kummissjoni se tissupplimenta jew temenda fiż-żmien dovut il-proposta attwali biex tippermetti lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni li għandha tittieħed ukoll għal dawn ir-riżoluzzjonijiet.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet li se jiġu sottomessi għall-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss ġew diskussi estensivament mill-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-inbid. Jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fin-negozjar tal-prodotti tas-settur tal-inbid. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu appoġġati.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hix membru tal-korp jew parti tal-ftehim 1 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tal-liġi internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid, tax-xorb abbażi tal-inbid, tal-għeneb tal-mejda, taż-żbib u ta’ prodotti oħra tad-dwieli. Bħalissa, 50 Stat huma membri tal-OIV, li fosthom 20 huma Stati Membri tal-Unjoni. L-UE mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, mill-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV, li jippermettilha tintervjeni fil-ħidmiet tal-Kummissjonijiet, tas-Sottokummissjonijiet u tal-gruppi ta’ esperti u tattendi għal-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kumitat Eżekuttiv.

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934, ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV għandhom effett legali fuq id-dritt tal-UE. Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawk ir-riżoluzzjonijiet b’rabta mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, tiġi adottata mill-Kunsill u espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV waqt il-laqgħat tal-OIV, b’azzjoni konġunta fl-interess tal-Unjoni.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni fir-rigward tiegħu f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni tal-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet previsti relatat mal-armonizzazzjoni tal-istandards tal-inbid u għalhekk mal-implimentazzjoni ta’ politika agrikola komuni. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija magħmula mill-Artikolu 43 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Mhux applikabbli.

2024/0209 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fl-Assemblea Ġenerali li jmiss tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2024, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) se teżamina u possibbilment tadotta riżoluzzjonijiet li se jkollhom effetti legali għall-finijiet tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

(2)L-Unjoni mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, fl-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV.

(3)L-OIV hija magħmula minn 20 Stat Membru. Dawk l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipproponu emendi tal-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV u se jintalbu jadottaw dawk ir-riżoluzzjonijiet fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss fit-18 ta’ Ottubru 2024.

(4)Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawk ir-riżoluzzjonijiet b’rabta mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, tiġi adottata mill-Kunsill u espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV waqt il-laqgħat tal-OIV, b’azzjoni konġunta fl-interess tal-Unjoni.

(5)Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 4 , ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV se jkollhom effetti legali.

(6)L-Artikolu 80(3), il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, meta tawtorizza l-prattiki enoloġiċi, il-Kummissjoni trid tqis il-prattiki enoloġiċi u l-metodi ta’ analiżi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

(7)L-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-prodotti tas-settur tal-inbid importati fl-Unjoni għandhom ikunu magħmulin f’konformità mal-prattiki enoloġiċi awtorizzati mill-Unjoni skont dak ir-Regolament jew, qabel dik l-awtorizzazzjoni, prodotti f’konformità mal-prattiki enoloġiċi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

(8)L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934 jistipula li, meta ma jkunux stabbiliti mill-Kummissjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni ta’ sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi għandhom ikunu dawk imsemmija fil-kolonna 4 tat-Tabella 2 tal-Parti A tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, li jirreferu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OIV.

(9)L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-MICRO 23–740 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi riżoluzzjonijiet għal ħmira non-Saccharomyces bil-ħsieb li jiġi rregolat l-użu tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 80(3), il-punt (a) u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dik ir-Riżoluzzjoni se jkollha effetti legali.

(10)L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-SPECIF 23–723 jirtira l-proteina tal-qamħ mid-dokumenti kollha tal-OIV, inkluż il-Kodiċi Enoloġiku Internazzjonali u l-Kodiċi Internazzjonali tal-Prattiki Enoloġiċi. F’konformità mal-Artikolu 80(3), il-punt (a) u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u mal-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934, dik ir-Riżoluzzjonijiet se jkollha effetti legali.

(11)L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 15–581B jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida biex tittejjeb l-aċidità fl-inbid bl-użu tal-aċidu fumariku. L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 20–672B jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida għall-istabbilizzazzjoni tal-proteini tal-inbejjed bl-użu ta’ silika meżoporuża funzjonalizzata. F’konformità mal-Artikolu 80(3), il-punt (a), u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effetti legali.

(12)Dawk l-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV ġew diskussi estensivament mal-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-inbid. Jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fin-negozjar tal-prodotti tas-settur tal-inbid. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu appoġġati.

(13)Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul in-negozjati qabel l-Assemblea Ġenerali tal-OIV fit-18 ta’ Ottubru 2024, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma membri tal-OIV jkunu awtorizzati li jaqblu mal-bidliet f’dawk l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV sakemm dawn il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV skedata għat-18 ta’ Ottubru 2024 hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma Membri tal-OIV filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

1.Meta jkun hemm il-probabbiltà li l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tiġi affettwata b’informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun ippreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-OIV, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV għandhom jitolbu biex il-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun stabbilita abbażi tal-informazzjoni l-ġdida.

2.Wara l-koordinazzjoni u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, b’azzjoni konġunta f’isem l-Unjoni, jistgħu jaqblu ma’ bidliet tekniċi fl-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet imsemmija fl-Anness li ma jbiddlux is-sustanza tagħhom.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President
   

(1)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punt 64.
(2)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).
(4)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ vitikultura li fihom tista’ tiżdied il-qawwa alkoħolika, il-prattiki enoloġiċi awtorizzati u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni u l-konservazzjoni tal-prodotti tad-dielja, il-persentaġġ minimu tal-alkoħol għall-prodotti sekondarji u r-rimi tagħhom, u l-pubblikazzjoni tal-fajls tal-OIV (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/934/oj).
Top

Brussell, 16.8.2024

COM(2024) 379 final

ANNESSI

ta'

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV)











ANNESS

L-Istati Membri tal-Unjoni li huma Membri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni, u soġġett għal kull rieżami futur abbażi ta’ żviluppi ġodda, għandhom jappoġġaw l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet li ġejjin fl-istadju 7 tul l-Assemblea Ġenerali tal-OIV skedata għat-18 ta’ Ottubru 2024:

OENO-MICRO 23-740: Aġġornament tal-monografiji fir-rigward ta’ prodotti u sottoprodotti ta’ ħmira mhux Saccharomyces;

OENO-SPECIF 23-723: Aġġornament tal-monografija u tal-kodiċi dwar il-proteina li toriġina mill-pjanti (irtirar tal-qamħ);

OENO-TECHNO 15-581B: Trattament bl-aċidu fumariku fl-inbid għall-aċidifikazzjoni;

OENO-TECHNO 20-672B: Trattament b’silika mesoporuża (FMS) funzjonalizzata għall-istabbilizzazzjoni tal-proteini tal-inbejjed.

Top