IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.2.2024
COM(2024) 58 final
2024/0033(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja għall-istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji u fl-1 sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli (“il-Konvenzjoni ta’ Cape Town”) u l-Artikolu XII tal-Protokoll għall-Konvenzjoni ta’ Cape Town dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (“il-Protokoll tal-Lussemburgu”), b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’:
–L-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja;
–Il-Ftehim bejn l-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll tal-Lussemburgu u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) rigward il-funzjonijiet tas-Segretarjat;
–Ir-Regolamenti u l-Proċeduri tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji (l-Artikolu 17(2)(d-e) tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town);
–Ir-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji żviluppati fil-qafas tal-Kumitat għat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE).
L-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll tal-Lussemburgu hija skedata li ssir fit-8 ta’ Marzu 2024 f’Bern, l-Iżvizzera.
Din il-proposta hija rilevanti wkoll għall-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja għall-Istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji (Awtorità Superviżorja Proviżorja), li se tiltaqa’ għall-aħħar sessjoni tagħha fis-7 ta’ Marzu 2024, dahar ma’ dahar mal-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni ta’ Cape Town
Sfond
Il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (“il-Protokoll tal-Lussemburgu”) ġie adottat minn Konferenza diplomatika, li saret fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007, taħt l-awspiċji tal-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata (UNIDROIT) u tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF).
Il-Protokoll tal-Lussemburgu jistabbilixxi qafas legali dinji għar-rikonoxximent, għall-prijoritajiet u għall-infurzar tad-drittijiet tal-kredituri u tal-lokaturi, li se jiġu rreġistrati f’reġistru internazzjonali, skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town.
B’mod importanti, l-Artikolu XIV tal-Protokoll tal-Lussemburgu jipprevedi l-istabbiliment ta’ sistema għall-allokazzjoni tan-numri ta’ identifikazzjoni mir-Reġistratur li tippermetti l-identifikazzjoni unika ta’ oġġetti ta’ vetturi ferrovjarji.
Il-Protokoll joħloq ukoll sistema komuni għall-pussess mill-ġdid tal-assi f’inadempjenza jew f’insolvenza tad-debitur, soġġett għal salvagwardji tal-interess pubbliku. Dan huwa ta’ għajnuna fir-rigward ta’ tagħmir mobbli li jaqsam il-fruntieri, filwaqt li jevita l-inċertezzi legali preżenti meta liġi li taħtha jkun ġie ffinanzjat l-assi tiġi kkontestata fil-qrati ta’ ġuriżdizzjoni oħra, fejn ikun jinsab l-assi. Billi jnaqqas ir-riskji għall-finanzjaturi tat-tagħmir ferrovjarju, il-Protokoll tal-Lussemburgu għandu jattira aktar mutwanti privati, u dan jirriżulta f’finanzjament orħos, u joħloq għażliet għall-operaturi fir-rigward tal-kostijiet u tat-tipi ta’ finanzjament.
Dan għandu jinkoraġġixxi wkoll l-investiment kapitali, li min-naħa tiegħu jrawwem il-produzzjoni ta’ vetturi ferrovjarji u jiffaċilita l-lokazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji ġodda u moderni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-3 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrikonoxxa “li huwa meħtieġ investiment kbir mis-settur f’vetturi ferrovjarji internazzjonali ta’ distanzi twal” u “li huwa meħtieġ investiment b’mod urġenti mis-settur privat” filwaqt li jfakkar “lill-Istati Membri bl-eżistenza ta’ ftehimiet u trattati internazzjonali li jiffaċilitaw l-investiment privat, bħall-Protokoll dwar il-Ferroviji tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni ta’ Cape Town [dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli]”.
L-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea
L-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-kompetenzi tagħha, approvat il-Protokoll tal-Lussemburgu skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE tat-4 ta’ Diċembru 2014 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq Tagħmir Mobbli għal Kwistjonijiet Speċifiċi tal-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007, bl-istatus ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika (skont l-Artikolu XXII tal-Protokoll tal-Lussemburgu).
L-Anness ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill fih Dikjarazzjoni dwar il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq kwistjonijiet regolati mill-Protokoll tal-Lussemburgu, li fir-rigward tagħha l-Istati Membri ttrasferew il-kompetenza tagħhom lill-Unjoni.
Din tirreferi għal xi oqsma relatati mal-ġuriżdizzjoni u mar-rikonoxximent u mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, proċedimenti ta’ insolvenza u l-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali, u għal xi oqsma tal-acquis tat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja, l-operat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, is-sistema ta’ numerazzjoni tal-vetturi ferrovjarji u r-reġistrazzjoni tal-vetturi fl-UE, koperta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ġejja:
–Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità, imħassra u riformulata bid-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea;
–Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ir-Regolament tal-Aġenzija), imħassar bir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji;
–Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/920/KE tal-11 ta’ Awwissu 2006 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika tal-interoperabbiltà relatata mas-subsistema “L-Operat u l-Maniġment tat-Traffiku” tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali transEwropea, imħassra bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE tal-14 ta’ Novembru 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “l-operat u l-immaniġġjar tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li temenda d-Deċiżjoni 2007/756/KE, emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1693 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “operat u ġestjoni tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea;
–Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE tad-9 ta’ Novembru 2007li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi previst fl-Artikoli 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE, imħassra bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE.
L-istatus tar-ratifika fl-UE u l-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ
Sal-lum, minbarra l-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, l-Iżvezja u Spanja huma l-uniċi Stati Membri tal-UE li bħalissa huma wkoll partijiet għal dan il-ftehim.
Wara r-ratifika minn Spanja f’Jannar 2023, l-ewwel prekundizzjoni għad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll tal-Lussemburgu, stabbilita fl-Artikolu XXIII(1), ġiet issodisfata. It-tieni prekundizzjoni hija d-depożitu mis-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja mad-Depożitarju ta’ ċertifikat li jikkonferma li r-Reġistru Internazzjonali huwa kompletament operazzjonali, li għandu jseħħ fit-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja, li għandha ssir fis-7 ta’ Marzu 2024. L-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja hija skedata li ssir fit-8 ta’ Marzu 2024.
2.2.L-Awtorità Superviżorja
Kompiti u funzjonijiet
L-Awtorità Superviżorja hija stabbilita skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u skont l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Il-kompiti u l-funzjonijiet tagħha, kif derivati mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-Lussemburgu u tal-Artikolu 17(2) tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town, huma elenkati fl-Artikolu 5 tal-abbozz tal-Istatuti, u għandhom jikkonsistu essenzjalment minn żewġ gruppi:
Kompiti amministrattivi: taħtar ir-Reġistratur, tinnegozja u temenda minn żmien għal żmien ftehimiet mar-Reġistratur, u tiżgura l-operat kontinwu tar-Reġistru Internazzjonali f’każ ta’ bidla fir-Reġistratur; tiffirma mas-Segretarjat kwalunkwe ftehim li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dettaljati għat-twettiq tal-kompiti tas-Segretarjat, u tinnegozja u temenda minn żmien għal żmien tali ftehim; tirrapporta perjodikament lill-Istati Kontraenti dwar it-twettiq tal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Protokoll tal-Lussemburgu; u tirrapporta perjodikament lill-UNIDROIT u tassistih fit-tħejjija tar-rapporti dwar il-mod li bih ir-reġim internazzjonali stabbilit fil-Konvenzjoni opera fil-prattika.
Kompiti operazzjonali: tistabbilixxi, tirrieżamina u minn żmien għal żmien temenda r-Regolamenti għar-Reġistru Internazzjonali; tissorvelja r-Reġistratur u l-operat tar-Reġistru Internazzjonali; fuq talba tar-Reġistratur, tipprovdi gwida lir-Reġistratur; tagħmel l-affarijiet kollha meħtieġa biex tiżgura li teżisti sistema ta’ reġistrazzjoni elettronika bbażata fuq avviż effiċjenti biex jiġu implimentati l-objettivi tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u tal-Protokoll tal-Lussemburgu.
Segretarjat
Fis-7 Assemblea Ġenerali tal-OTIF (Bern, 23/24 ta’ Novembru 2005) u fit-12-il Assemblea Ġenerali tal-OTIF (Bern, 29/30 ta’ Settembru 2015), din l-organizzazzjoni ddeċidiet li tassumi l-kompiti tas-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja, f’konformità mal-Artikolu XII(6) tal-Protokoll tal-Lussemburgu.
Kompożizzjoni
Is-sħubija tal-Awtorità Superviżorja hija ddeterminata f’konformità mal-Artikolu XII(1) tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Is-subparagrafu (a) jipprevedi li kull Stat Parti għandu jkun membru, bil-possibbiltà li kull wieħed jaħtar rappreżentant wieħed. Is-subparagrafi (b) u (c) jipprevedu li massimu ta’ tliet Stati oħra għandhom jinħatru mill-UNIDROIT u mill-OTIF rispettivament, li t-termini tal-ħatra tagħhom jiskadu mhux aktar tard minn sentejn wara d-data meta l-Protokoll tal-Lussemburgu jidħol fis-seħħ.
Sal-lum, minbarra l-erba’ Stati rratifikati (il-Gabon, il-Lussemburgu, Spanja u l-Iżvezja), l-OTIF ħatret lill-Alġerija, lit-Turkija u lir-Renju Unit, u l-UNIDROIT ħatret lil Franza u lill-Afrika t’Isfel bħala membri tal-Awtorità Superviżorja. Għad irid jiġi kkonfermat it-tielet Stat li għandu jinħatar mill-UNIDROIT.
2.3.Il-Kummissjoni Preparatorja
Ir-Riżoluzzjoni Nru 1 tal-Att Finali tal-Konferenza Diplomatika biex jiġi adottat il-Protokoll tal-Lussemburgu (Frar 2007) dwar l-istabbiliment tal-Awtorità Superviżorja u r-Reġistru Internazzjonali għall-vetturi ferrovjarji ddeċidiet li tistabbilixxi, sakemm jidħol fis-seħħ il-Protokoll tal-Lussemburgu, Kummissjoni Preparatorja biex taġixxi b’awtorità sħiħa bħala Awtorità Superviżorja Provviżorja għall-istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali, f’konsultazzjoni mal-UNIDROIT u mal-OTIF. L-għan ewlieni tal-Kummissjoni Preparatorja huwa li tħejji r-regolamenti u l-proċeduri għar-Reġistru Internazzjonali u li tħejji l-istabbiliment tal-Awtorità Superviżorja. Il-Kummissjoni Preparatorja ltaqgħet 11-il darba minn meta ġiet ikkostitwita. Fit-12-il sessjoni tagħha ppjanata fit-7 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni Preparatorja se tkun mistennija li tikkunsidra u tapprova l-abbozz finali tal-atti li għandhom jiġu adottati mill-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja ppjanata fit-8 ta’ Marzu 2024. Għalhekk, din il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill hija maħsuba biex tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fiż-żewġ laqgħat, dwar l-istess deċiżjonijiet rigward l-adozzjoni tal-atti previsti tal-Awtorità Superviżorja.
2.4.L-atti previsti tal-Awtorità Superviżorja
Fit-8 ta’ Marzu 2024, matul l-ewwel sessjoni tagħha, u fost punti oħra tal-aġenda, l-Awtorità Superviżorja hija mistennija li tadotta l-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha u l-Ftehim bejn l-Awtorità Superviżorja u l-OTIF rigward il-funzjonijiet tas-Segretarjat. Dawn l-istrumenti, li se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, jikkonċernaw l-ambitu kollu tal-attivitajiet tal-Awtorità Superviżorja, inklużi l-oqsma li għalihom l-Unjoni Ewropea hija esklussivament kompetenti, u se jaffettwaw direttament il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’dak il-korp. Għalhekk, l-approvazzjoni tagħhom se tkun tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
Barra minn hekk, l-Awtorità Superviżorja hija mistennija wkoll li tadotta atti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-istabbiliment u mal-funzjonament tar-Reġistru Internazzjonali li jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri:
Ir-Regolamenti u l-Proċeduri tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji
L-għan tal-atti previsti huwa li jorganizzaw u jirregolaw l-operazzjonijiet tar-Reġistru Internazzjonali. Huma jiddikjaraw kif ir-Reġistru Internazzjonali huwa stabbilit bħala l-faċilità għall-ġestjoni tar-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi ferrovjarji skont il-Konvenzjoni u l-Protokoll, u jinkludu dispożizzjonijiet xierqa biex jirregolaw l-operat ta’ tali reġistru, prinċipalment relatati mat-talba u mal-allokazzjoni tal-identifikatur tas-Sistema Unika ta’ Identifikazzjoni tal-Vetturi Ferrovjarji (URVIS), il-kontroll tal-aċċess, ir-rekwiżiti tal-informazzjoni, it-tfittxijiet, u rekwiżiti oħra relatati mar-reġistratur, bħall-ilmenti jew ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni. Dawn ir-Regolamenti u l-proċeduri jridu jinħarġu mill-Awtorità Superviżorja skont l-Artikolu 17(2)(d-e) tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town, u f’konformità mal-Artikoli XIV, XV, XVI u XVII tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Din il-kwistjoni – ir-reġistrazzjoni tal-vetturi ferrovjarji u l-iskambju tad-data bejn l-Istati Membri tal-UE u r-Reġistru Internazzjonali – hija regolata fil-livell tal-Unjoni permezz ta’: (1) id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE, u (2) id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “l-operat u l-immaniġġjar tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li temenda d-Deċiżjoni 2007/756/KE. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tistabbilixxi speċifikazzjonijiet komuni għar-reġistri nazzjonali tal-vetturi tal-Istati Membri, kif ukoll speċifikazzjonijiet għar-Reġistru Ewropew tal-Vetturi (EVR) ġestit fil-livell ċentrali mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji “ERA”. Din id-deċiżjoni tipprevedi wkoll il-ħolqien ta’ Numru Ewropew tal-Vetturi (EVN), li huwa obbligatorju. Il-format tal-EVN huwa stabbilit fl-Appendiċi 6 tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614: “Dan l-Appendiċi jiddeskrivi n-numru Ewropew tal-vetturi u l-immarkar relatat applikat b’mod viżibbli fuq il-vettura biex din tkun tista’ tiġi identifikata b’mod uniku u permanenti waqt it-tħaddim.” Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE tirreferi wkoll għall-EVN bħala wieħed mir-rekwiżiti operazzjonali tas-subsistema tal-“operat u l-immaniġġar tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja Ewropea (it-Taqsima 4.2.2.3 tal-Anness I tagħha: “Kull vettura għandu jkollha numru Ewropew tal-Vetturi biex jidentifikaha b’mod uniku minn kwalunkwe vettura ferrovjarja oħra.”) Għalhekk, l-approvazzjoni tar-Regolamenti u l-Proċeduri tar-Reġistru Internazzjonali stabbilit skont il-Protokoll tal-Lussemburgu se tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u se tkun kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji
Dawn ir-regoli jistabbilixxu l-metodi u r-responsabbiltajiet għat-twaħħil tal-identifikatur tas-Sistema Unika ta’ Identifikazzjoni tal-Vetturi Ferrovjarji (URVIS) għall-vetturi ferrovjarji kif previst mill-Protokoll tal-Lussemburgu. Dawn ir-regoli huma volontarji ħlief fejn liġijiet speċifiċi jeħtieġu dan; fi kwalunkwe każ, parti trid tikkonferma l-konformità ma’ dawn ir-regoli jekk tixtieq tirreġistra, jew tkun il-benefiċjarju ta’, kwalunkwe interess reġistrat introdott fir-Reġistru Internazzjonali tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Parti li tixtieq tkun marbuta b’dawn ir-Regoli se tkun meħtieġa tagħmel dikjarazzjoni, u tinnotifika lir-Reġistratur b’dan. Skont it-tifsira tar-Regoli Mudell, “parti” tfisser kwalunkwe individwu, ditta, kumpanija, korporazzjoni, gvern, Stat jew aġenzija ta’ Stat jew aġenzija ta’ ġabra ta’ Stati, jew kwalunkwe assoċjazzjoni, trust, impriża konġunta, konsorzju jew sħubija jew sjieda jew entità oħra (kemm jekk ikollha personalità ġuridika separata kif ukoll jekk le). Dan is-suġġett – l-immarkar tal-istokkijiet ferrovjarji – huwa regolat fil-livell tal-Unjoni mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE msemmija hawn fuq, b’mod partikolari fl-Appendiċi P tal-Anness I tagħha (in-Numru Ewropew tal-Vetturi u l-immarkar alfabetiku relatat fuq il-karozzerija; it-Taqsima 2 “Arranġamenti Ġenerali għal Marki Esterni”). Għalhekk, l-approvazzjoni ta’ dawn ir-Regoli Mudell se tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u se tkun kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
3.1.Adozzjoni tal-Istatuti tal-Awtorità Superviżorja
L-abbozz tal-Istatuti tal-Awtorità Superviżorja jiddefinixxi aspetti bħall-personalità ġuridika, il-kompiti u l-qafas amministrattiv tagħha, kif meħtieġ mill-Konvenzjoni ta’ Cape Town u mill-Protokoll tal-Lussemburgu. L-adozzjoni tal-Istatuti hija prerekwiżit għall-istabbiliment u għall-operat tal-Awtorità Superviżorja. Għalhekk, qiegħed jiġi propost li tiġi appoġġata l-adozzjoni tagħhom, soġġett għal emenda minuri għall-Artikolu 2 (Kompożizzjoni) biex tiġi ċċarata l-kontroreferenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll tal-Lussemburgu (l-Artikolu XII (1) (a), (b) u (c)).
3.2.L-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja
L-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja jiddefinixxi aspetti bħar-regoli tal-laqgħat, ir-regoli tar-rappreżentanza, il-proposti u d-deċiżjonijiet u l-proċeduri tal-votazzjoni. L-adozzjoni tagħhom hija meħtieġa skont l-Artikolu XII(4) tal-Protokoll tal-Lussemburgu.
L-Artikolu XXII tal-Protokoll tal-Lussemburgu jistipula fil-paragrafu 1 li: “Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li hija magħmula minn Stati sovrani u li għandha kompetenza fuq ċerti kwistjonijiet regolati minn dan il-Protokoll tista’ bl-istess mod tiffirma, taċċetta, tapprova jew taderixxi ma’ dan il-Protokoll. F’dak il-każ, l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika għandu jkollha d-drittijiet u l-obbligi ta’ Stat Kontraenti, sal-punt li dik l-Organizzazzjoni jkollha kompetenza fuq kwistjonijiet regolati minn dan il-Protokoll (…)”. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprevedi li: “Kwalunkwe referenza għal “Stat Kontraenti” jew “Stati Kontraenti” jew “Stat Parti” jew “Stati Partijiet” f’dan il-Protokoll tapplika bl-istess mod għal Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika, fejn il-kuntest ikun jirrikjedi dan”.
L-UE ssieħbet fil-Protokoll tal-Lussemburgu. Skont l-Artikolu XXII(3) tal-Protokoll tal-Lussemburgu, l-UE, bħala Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika (“OI”), għandha titqies bħala Stat Parti skont l-Artikolu XII(1) tal-Protokoll tal-Lussemburgu, u għalhekk għandha titqies bħala membru sħiħ tal-Awtorità Superviżorja bl-istess status, drittijiet u obbligi bħal kwalunkwe Stat ieħor Parti għall-Protokoll tal-Lussemburgu.
Fid-dawl ta’ dan, id-dispożizzjonijiet kurrenti tal-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura ma jidhrux kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tal-Protokoll tal-Lussemburgu:
Fl-Artikolu 1 (Definizzjonijiet), l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi li “Membri” tfisser “rappreżentanti tal-Istati Partijiet u tal-Istati Ddeżinjati li kollettivament jikkostitwixxu s-sħubija tal-Awtorità Superviżorja;” jipprevedi wkoll definizzjoni separata ta’ “Organizzazzjoni Reġjonali”, li tfisser “Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika kif definita fl-Artikolu XXII tal-Protokoll u li rratifikat jew issieħbet kemm għall-Konvenzjoni kif ukoll għall-Protokoll fir-rigward tal-kompetenzi tagħha”. B’kont meħud tal-formulazzjoni tal-kliem kurrenti tal-Artikoli 4 u 16, din id-distinzjoni tista’ tissuġġerixxi li l-UE (bħala REIO) ma tkunx membru sħiħ tal-Awtorità Superviżorja, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-Lussemburgu (l-Artikolu XII u l-Artikolu XXII);
Fl-Artikolu 4 (Rappreżentanza tal-Membri), l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura jindika fil-paragrafu 1 li kull Stat Parti u Stat maħtur għandu jkun irrappreżentat u għandu jivvota fil-laqgħat tal-Awtorità Superviżorja; il-paragrafu 2 jiddikjara li: “Membru jista’ jagħmel arranġamenti biex ikun irrappreżentat f’laqgħa tal-Awtorità Superviżorja minn membru ieħor. Madankollu, l-ebda membru ma jista’ jirrappreżenta aktar minn membru ieħor f’laqgħa tal-Awtorità Superviżorja”; il-paragrafu 3 jistabbilixxi li REIO għandu jkollha (biss) id-dritt li tiġi rrappreżentata; dan jista’ jerġa’ jissuġġerixxi li l-UE ma titqiesx bħala membru fiha nnifisha, peress li d-dritt tagħha għall-vot ma huwiex previst b’mod espliċitu bħal partijiet ta’ Stati oħrajn.
Fl-Artikolu 16 (Proċeduri ta’ votazzjoni), l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura jirreferi biss għall-“Membri”, li, skont l-Artikolu 1, ma jinkludux b’mod espliċitu lill-UE bħala REIO. Barra minn hekk, ma fih l-ebda regola dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot mill-REIO.
Minbarra l-kjarifiki li jeħtieġ li jiġu introdotti fl-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura biex tiġi żgurata r-rappreżentanza tal-UE bħala membru sħiħ tal-Awtorità Superviżorja, il-kwistjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot tal-UE għandu jitqies fid-dawl tar-regoli applikabbli taħt l-OTIF, li huwa ko-sponsor mal-UNDROIT tal-Protokoll tal-Lussemburgu, u li jipprovdi l-funzjoni tas-segretarjat tal-Awtorità Superviżorja.
L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) jiddikjara li:
“§2 L-organizzazzjoni reġjonali tista’ teżerċita d-drittijiet li jgawdu l-membri tagħha bis-saħħa tal-Konvenzjoni sal-punt li dawn ikopru kwistjonijiet li għalihom hija kompetenti. Dan japplika wkoll għall-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont il-Konvenzjoni (…).”; u
“§3 Għall-finijiet tal-eżerċitar tad-dritt għall-vot (…), l-organizzazzjoni reġjonali għandha tgawdi n-numru ta’ voti ugwali għal dawk tal-membri tagħha li huma wkoll Stati Membri tal-Organizzazzjoni. Dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom biss, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-vot, sa fejn ikun permess minn § 2”,
B’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-COTIF imsemmija hawn fuq, l-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-OTIF dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-COTIF tad-9 ta’ Mejju 1980 jiddikjara:
1. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-Istati Membri tagħha skont il-Konvenzjoni.
2. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvotaw jew l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.
3. Suġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-[COTIF], l-Unjoni għandu jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll partijiet għall-[COTIF]. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw”.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE tal-4 ta’ Diċembru 2014 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll tal-Lussemburgu fiha, fl-Anness tagħha, dikjarazzjoni dwar il-kompetenza tal-UE fuq kwistjonijiet regolati mill-Protokoll tal-Lussemburgu, li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri ttrasferew il-kompetenza tagħhom lill-Unjoni. Il-premessi 2, 3 u 7 tal-imsemmija Deċiżjoni tal-Kunsill jiċċaraw li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f’dawk l-oqsma.
Għalhekk huwa rilevanti u xieraq li, għal deċiżjonijiet tal-Awtorità Superviżorja li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot isegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli fil-COTIF sa fejn hija kkonċernata l-REIO, jiġifieri li l-UE teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-Istati Membri tagħha fuq kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni (sostituzzjoni), billi titfa ammont ta’ voti daqskemm huma intitolati jitfgħu l-Istati Membri, fejn meħtieġ f’konformità ma’ pożizzjoni stabbilita minn qabel tal-Unjoni.
Eżempju ieħor ta’ approċċ bħal dan jista’ jinstab fl-Artikolu 3(8) tal-Istatut tal-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt Internazzjonali privat.
Għalhekk qiegħed jiġi propost li l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja jiġi approvat soġġett għall-introduzzjoni ta’ emendi li jirriflettu l-istatus tal-Unjoni Ewropea bħala membru sħiħ tal-Awtorità Superviżorja, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll tal-Lussemburgu, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tiegħu li jiġi rrappreżentat u d-drittijiet tiegħu għall-vot, jiġu żgurati b’mod effettiv.
3.3.Ftehim bejn l-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll tal-Lussemburgu u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) rigward il-funzjonijiet tas-Segretarjat
F’konformità mal-Artikolu XII(6) tal-Protokoll tal-Lussemburgu, huwa f’idejn l-OTIF li tassumi r-rwol tas-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja ladarba l-Protokoll jidħol fis-seħħ u li tospita l-laqgħat tal-Awtorità Superviżorja f’Bern, l-Iżvizzera.
Il-ftehim previst bejn l-Awtorità Superviżorja u l-OTIF jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dettaljati għat-twettiq tal-kompiti tas-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, it-twettiq ta’ kwalunkwe ħidma abitwali assoċjata ma’ tali laqgħat, inkluż il-ħruġ ta’ avviżi ta’ laqgħat, aġendi, it-tħejjija u t-tixrid ta’ dokumenti għal, u li jirriżultaw minn, tali laqgħat, u li jservi bħala l-punt ta’ kuntatt, vis-à-vis partijiet terzi, għall-Awtorità Superviżorja. Skont il-Ftehim, l-OTIF għandu jkollha d-dritt li tkun irrappreżentata fil-laqgħat tal-Awtorità Superviżorja, mingħajr dritt għall-vot, u li tkun finanzjarjament ikkumpensata għat-twettiq tal-kompiti tas-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja.
L-adozzjoni ta’ dan il-ftehim hija meħtieġa biex jiġu żgurati l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tajba tax-xogħlijiet tal-Awtorità Superviżorja. Għalhekk qiegħed jiġi propost li tiġi appoġġata l-adozzjoni tiegħu mill-Awtorità Superviżorja.
3.4.L-adozzjoni tar-Regolamenti u tal-Proċeduri tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji
Ir-Regolamenti u l-Proċeduri tar-Reġistru Internazzjonali għall-vetturi ferrovjarji jridu jinħarġu mill-Awtorità Superviżorja, skont l-Artikolu 17(2)(d-e) tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town, u skont l-Artikoli XIV, XV, XVI u XVII tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Huma jipprovdu l-qafas legali għall-ġestjoni tar-Reġistru Internazzjonali.
Dwar ir-relazzjoni bejn l-identifikatur tal-URVIS u n-Numru Ewropew tal-Vettura regolat fil-livell tal-UE bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614, il-punt 5.3.1 ta’ dawn ir-Regolamenti jipprevedi l-possibbiltà li jintuża numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jew reġjonali b’karatteristiċi simili għar-regoli dwar l-identifikatur u l-immarkar tal-URVIS li jikkorrispondu, tal-anqas, għall-istandards minimi stabbiliti fir-Regoli Mudell. Għalkemm is-sistemi ta’ reġistrazzjoni skont id-dritt tal-UE u skont il-Protokoll tal-Lussemburgu jittrattaw l-istess kwistjoni topika tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-vetturi ferrovjarji, dawn għandhom għanijiet u skopijiet differenti, li huma operazzjonali (tekniċi) għal tal-ewwel u finanzjarji għal tal-aħħar. B’riżultat ta’ dan, iż-żewġ sistemi jistgħu jeżistu flimkien, u, skont l-evoluzzjoni ta’ dan ir-Reġistru Internazzjonali u l-użu tiegħu, u dwar l-evoluzzjoni tar-Reġistru Ewropew tal-Vetturi li bħalissa huwa regolat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614, l-Unjoni Ewropea għandha tkun tista’ ssegwi perjodu ta’ żmien twil bejn kemm ir-reġistri kif ukoll is-sistemi ta’ identifikazzjoni.
Peress li l-adozzjoni tar-Regolamenti u tal-Proċeduri tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji hija meħtieġa biex jiġi żgurat it-tħaddim tar-Reġistru Internazzjonali, u peress li dawk id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli mal-qafas legali rilevanti tal-UE, qiegħed jiġi propost li tiġi appoġġata l-adozzjoni tagħhom mill-Awtorità Superviżorja.
3.5.L-adozzjoni tar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-vetturi ferrovjarji
Kif iddikjarat fil-punt 4.5 tar-Regoli Mudell, l-identifikatur URVIS u l-immarkar tiegħu fuq il-vetturi ferrovjarji huma addizzjonali għal, u ma jaffettwawx, is-sistemi eżistenti ta’ numerazzjoni applikati f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar l-ammissjoni jew it-tħaddim ta’ vetturi ferrovjarji u ma jissostitwux is-sistemi eżistenti ta’ reġistrazzjoni jew ta’ informazzjoni użati fi Stati jew fi gruppi ta’ Stati għat-tħaddim ta’ vetturi ferrovjarji, bħal, għall-Unjoni Ewropea, l-EVR u l-EVN regolati mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614.
Għall-UE, il-konsegwenza tar-Regoli Mudell se tkun il-koeżistenza kemm tal-identifikaturi kif ukoll tal-marki mwaħħla fuq il-vetturi ferrovjarji. Għandu jiġi nnotat li dawn ma humiex l-uniċi marki fuq vettura, li jinkludu marki operazzjonali oħra, eż., mill-manifattur.
Sabiex jilħaq l-għan tiegħu, il-Protokoll tal-Lussemburgu jeħtieġ li jibbaża fuq sistema ċara ta’ identifikazzjoni u mmarkar ibbażata fuq standards internazzjonali. Dawn ir-Regoli Mudelli jipprevedu approċċ raġonevoli li ma jkunx f’kunflitt mal-qafas legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk qiegħed jiġi propost li l-adozzjoni tagħhom tiġi appoġġata mill-Awtorità Superviżorja.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-Awtorità Superviżorja hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (il-Protokoll tal-Lussemburgu), f’konformità mal-Artikolu XII tiegħu.
L-atti li l-Awtorità Superviżorja hija mitluba tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. Kif spjegat fit-taqsima preċedenti, l-atti previsti se jkunu vinkolanti skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni u se jkunu kapaċi jinfluwenzaw il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri: Id-Direttiva (UE) 2016/797, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614; u l-parteċipazzjoni proprja tal-Unjoni għall-funzjonament tal-Protokoll tal-Lussemburgu, li jingħata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE.
L-atti previsti ma jissupplimentawx u ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fuqu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw it-“trasport bil-ferrovija”. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2024/0033 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja għall-istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji u fl-1 sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Unjoni, fir-rigward tal-kompetenzi tagħha, approvat il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (“il-Konvenzjoni ta’ Cape Town”), adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (“il-Protokoll tal-Lussemburgu”), skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE tal-4 ta’ Diċembru 2014, u kisbet l-istatus ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika skont dak il-Protokoll.
(2)L-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll tal-Lussemburgu, matul l-ewwel sessjoni tagħha fit-8 ta’ Marzu 2024, u fost punti oħra tal-aġenda, hija mistennija tadotta l-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha, il-Ftehim bejn l-Awtorità Superviżorja u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) rigward il-funzjonijiet tas-segretarjat tal-Awtorità Superviżorja, u atti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-istabbiliment u mal-funzjonament tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji (l-Artikolu 17(2)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town), b’mod partikolari, ir-Regolamenti tar-Reġistru Internazzjonali għall-vetturi ferrovjarji u r-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji żviluppati fil-qafas tal-Kumitat għat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.
(3)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja, peress li l-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-Protokoll tal-Lussemburgu u d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-Awtorità Superviżorja jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ atti li huma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’dak il-korp u l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri: Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (riformulazzjoni), ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE tal-14 ta’ Novembru 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “l-operat u l-immaniġġjar tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li temenda d-Deċiżjoni 2007/756/KE, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE.
(4)L-Awtorità Superviżorja hija mistennija tadotta l-abbozz tal-Istatuti tagħha, li jiddefinixxu aspetti bħall-personalità ġuridika, il-kompiti u l-qafas amministrattiv tagħha, kif meħtieġ mill-Konvenzjoni ta’ Cape Town u mill-Protokoll tal-Lussemburgu. L-adozzjoni tal-Istatuti hija prerekwiżit għall-istabbiliment u għall-operat tal-Awtorità Superviżorja u għalhekk jenħtieġ li tiġi appoġġata. Jenħtieġ li tiġi proposta emenda minuri għad-dispożizzjoni li tiddefinixxi l-kompożizzjoni tal-Awtorità Superviżorja biex tiċċara r-referenza trasversali għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll tal-Lussemburgu (l-Artikolu XII(1)).
(5)L-Awtorità Superviżorja hija mistennija wkoll li tadotta l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, li jiddefinixxu aspetti bħar-regoli tal-laqgħat, ir-regoli tar-rappreżentanza, il-proposti u d-deċiżjonijiet u l-proċeduri tal-votazzjoni. Madankollu, l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura kurrenti ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-Lussemburgu li jirrikonoxxu l-istatus ta’ organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika bħala ekwivalenti għal dak ta’ Stat Parti, minħabba li jintroduċu differenzi mhux ġustifikati bejn, minn naħa, l-Istati Partijiet per se, intitolati li jkunu rrappreżentati u li jivvutaw fuq deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Awtorità Superviżorja, u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet Reġjonali għall-integrazzjoni Ekonomika, li ma humiex espressament imsemmija bħala membri tal-Awtorità Superviżorja. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu proposti emendi għar-Regoli ta’ Proċedura biex jiġi żgurat li s-sħubija u d-drittijiet tal-vot tal-Unjoni Ewropea fl-Awtorità Superviżorja jkunu previsti b’mod effettiv f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-Lussemburgu, inklużi regoli dwar il-votazzjoni li jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jifdal tal-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura jenħtieġ li jiġu appoġġati.
(6)F’konformità mal-Artikolu XII(6) tal-Protokoll tal-Lussemburgu, huwa f’idejn l-OTIF li tassumi r-rwol tas-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja ladarba l-Protokoll jidħol fis-seħħ. Il-ftehim previst bejn l-Awtorità Superviżorja u l-OTIF jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dettaljati għat-twettiq tal-kompiti tas-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja. L-adozzjoni ta’ dan il-ftehim hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tax-xogħlijiet tal-Awtorità Superviżorja u għalhekk jenħtieġ li tiġi appoġġata.
(7)Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu, l-Awtorità Superviżorja għandha tipprovdi għall-istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali tal-Vetturi Ferrovjarji. Hija għandha tiżgura wkoll li teżisti sistema elettronika effiċjenti bbażata fuq avviż għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Protokoll tal-Lussemburgu, permezz tal-istabbiliment, ir-rieżami u l-emendar, fejn meħtieġ, ta’ regolamenti u proċeduri għar-Reġistru Internazzjonali. Dawn ir-regolamenti u l-proċeduri jridu jinħarġu mill-Awtorità Superviżorja skont l-Artikolu 17(2)(d-e) tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u skont l-Artikoli XIV, XV, XVI u XVII tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Dawn huma meħtieġa biex jipprovdu l-qafas legali għat-tħaddim tar-Reġistru Internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tat-talba u l-allokazzjoni tal-identifikatur tas-Sistema Unika ta’ Identifikazzjoni tal-Vetturi Ferrovjarji (URVIS). Fl-UE, ir-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-vetturi ferrovjarji huma regolati wkoll mid-Direttiva (UE) 2016/797 u mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614, li jipprovdu fost l-oħrajn speċifikazzjonijiet għal Numru Ewropew tal-Vetturi (EVN) u għal Reġistru Ewropew tal-Vetturi (EVR). Għalkemm is-sistemi skont id-dritt tal-UE u skont il-Protokoll tal-Lussemburgu jittrattaw l-istess kwistjoni topika tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-vetturi ferrovjarji, dawn għandhom għanijiet u skopijiet differenti, jiġifieri operazzjonali (tekniċi) għal tal-ewwel u finanzjarji għal tal-aħħar. B’riżultat ta’ dan, bħalissa, id-dispożizzjonijiet legali ma jmorrux kontra xulxin, u ż-żewġ sistemi jistgħu jeżistu flimkien. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ ssegwi komplementarjetà dejjiema bejn dawk ir-reġistri u s-sistemi ta’ identifikazzjoni. Peress li l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli hija meħtieġa biex jiġi żgurat it-tħaddim tar-Reġistru Internazzjonali, u peress li dawk ir-regoli huma kompatibbli u konsistenti mal-qafas legali tal-UE, jenħtieġ li l-adozzjoni tagħhom tiġi appoġġata mill-Awtorità Superviżorja.
(8)Sabiex jilħaq l-għan tiegħu, il-Protokoll tal-Lussemburgu jeħtieġ li jibbaża fuq sistema ċara ta’ identifikazzjoni u ta’ mmarkar tal-vetturi ferrovjarji bbażata fuq standards internazzjonali. Ir-Regoli Mudell previsti dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji jipprovdu qafas għall-assenjazzjoni tal-identifikatur URVIS u għall-immarkar tiegħu fuq il-vetturi ferrovjarji. Skont dawk ir-Regoli Mudell, il-marka tal-identifikatur tal-URVIS hija addizzjonali għal kwalunkwe sistema ta’ mmarkar eżistenti oħra bħas-sistema tal-UE stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE. Dawn ir-Regoli Mudell ma jmorrux kontra l-qafas legali rilevanti kurrenti tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk qiegħed jiġi propost li l-adozzjoni tagħhom tiġi appoġġata mill-Awtorità Superviżorja.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja u fl-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji adottati fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 hija stabbilita fl-Anness.
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat jistgħu jaqblu fuq xi tibdil minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President