IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.10.2023
COM(2023) 596 final
2023/0368(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal ċerti setturi u għal ċerti impriżi ta’ pajjiżi terzi
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ sistema regolatorja li tiżgura li l-objettivi jintlaħqu b’kostijiet minimi. Għaldaqstant, hija impenjat ruħha biex tagħti spinta ġdida lir-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar, bl-għan aħħari li tnaqqas dawn il-piżijiet b’25 %, mingħajr ma timmina l-objettivi ta’ politika relatati.
Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ infurzar korrett u ta’ monitoraġġ kif suppost tal-leġiżlazzjoni. B’mod ġenerali, il-kostijiet tagħhom jiġu fil-biċċa l-kbira kkumpensati mill-benefiċċju li jġibu magħhom, b’mod partikolari fil-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità ma’ miżuri ta’ politika ewlenin. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ rapportar jistgħu jimponu wkoll piżijiet sproporzjonati fuq il-partijiet ikkonċernati, piżijiet li jaffettwaw b’mod partikolari lill-SMEs u lill-mikrokumpaniji. Għalhekk, jenħtieġ li l-kumpaniji jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju kull meta jinħolqu rekwiżiti ta’ rapportar ġodda. Maż-żmien l-akkumulazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar tista’ tirriżulta f’obbligi żejda, doppji, jew li ma għadhomx applikabbli, fi frekwenza u twaqqit ineffiċjenti, jew b’metodi tal-ġbir inadegwati.
Għaldaqstant, is-simplifikazzjoni tal-obbligi tar-rapportar u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huma ta’ prijorità. F’dan il-kuntest, il-proposta se tirrazzjonalizza l-obbligi ta’ rapportar billi tipposponi l-iskadenza tal-adozzjoni tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ ċerti setturi u ta’ ċerti impriżi ta’ pajjiżi terzi.
Id-Direttiva dwar il-Kontabilità (2013/34/UE) kif emendata mid-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD - 2022/2464) tirrikjedi li kumpaniji kbar u kumpaniji żgħar u medji (SMEs) elenkati, kif ukoll kumpaniji omm ta’ gruppi kbar, jinkludu f’taqsima ddedikata tar-rapport ta’ ġestjoni tagħhom l-informazzjoni meħtieġa biex jinftiehmu l-impatti tal-kumpanija fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-informazzjoni meħtieġa biex jinftiehem kif kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-kumpanija.
Din l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà trid tiġi rrapportata f’konformità mal-Istandards Ewropej ta’ Rapportar dwar is-Sostenibbiltà (ESRS), li se jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati, filwaqt li jitqies il-parir tekniku pprovdut mill-EFRAG. Dawn l-ESRS iridu jispeċifikaw il-kontenut u, meta rilevanti, l-istruttura li trid tintuża biex tiġi ppreżentata dik l-informazzjoni.
L-ewwel sett ta’ ESRS ġie adottat mill-Kummissjoni fl-31 ta’ Lulju 2023 u issa huwa soġġett għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-ESRS f’dan l-ewwel sett huma agnostiċi għas-setturi, li jfisser li japplikaw għall-impriżi kollha taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-CSRD irrispettivament minn liema settur jew setturi topera fihom l-impriża.
L-Artikolu 29b(1), it-tielet subparagrafu tad-Direttiva dwar il-Kontabilità jistabbilixxi d-data tal-adozzjoni tal-ESRS speċifiċi għas-settur sat-30 ta’ Ġunju 2024. Dawn l-ESRS se jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jirrapportaw dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u oqsma ta’ rapportar speċifiċi għas-settur li fih topera impriża.
Il-Kummissjoni qed tressaq proposti konkreti biex tnaqqas il-piż tar-rappurtar għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji. Waħda minnhom hija li tipproponi dewmien ta’ sentejn mid-data tal-adozzjoni tal-ESRS speċifiċi għas-settur, li bħalissa huwa meħtieġa fl-2024. Dan iwieġeb ukoll għal talba mis-settur korporattiv.
Il-posponiment tad-data tal-adozzjoni b’sentejn huwa rilevanti għall-kumpaniji fl-ambitu tas-CSRD, fosthom l-SMEs elenkati, li huma meħtieġa jwettqu rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dan se jippermetti lil dawn il-kumpaniji jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-ewwel sett ta’ ESRS adottat fl-31 ta’ Lulju 2023, jiżgura li l-EFRAG ikollu ż-żmien biex jiżviluppa ESRS speċifiċi għas-settur li jkunu effiċjenti, u jillimita r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-minimu meħtieġ.
Barra minn hekk, l-Artikolu 40b tad-Direttiva dwar il-Kontabilità jistabbilixxi d-data tal-adozzjoni biex l-ESRS jintużaw minn ċerti kumpaniji mhux tal-UE li joperaw fl-Unjoni sat-30 ta’ Ġunju 2024. Meta jitqies li r-rekwiżiti ta’ rapportar għal dawn il-kumpaniji mhux tal-UE japplikaw biss mis-sena finanzjarja 2028, u meta jitqies il-posponiment ta’ sentejn tal-iskadenza għall-adozzjoni tal-ESRS speċifiċi għas-settur, anki l-iskadenza tal-adozzjoni għal dawn l-istandards jenħtieġ li tiġi posposta b’sentejn. Dan se jippermetti li jiġu ddedikati aktar riżorsi għall-iżvilupp ta’ ESRS effettivi u proporzjonati speċifiċi għas-settur, filwaqt li xorta jagħti biżżejjed żmien lil dawn il-kumpaniji mhux tal-UE biex iħejju ruħhom qabel is-sena finanzjarja tal-2028.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta hija parti mill-ewwel pakkett ta’ miżuri biex jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Dan huwa pass fi proċess li jħares b’mod komprensiv lejn ir-rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti, bil-ħsieb li jivvaluta r-rilevanza kontinwa tagħhom u biex jagħmilhom aktar effiċjenti. Ir-razzjonalizzazzjoni introdotta b’din il-miżura mhux se taffettwa b’mod negattiv l-ilħuq tal-objettivi fil-qasam tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
2.BAŻI BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 50 TFUE ġie ddeterminat li huwa l-bażi ġuridika xierqa għal din l-inizjattiva, billi jemenda Direttiva eżistenti li hija bbażata fuq dak l-Artikolu.
•Sussidjarjetà
L-iskadenzi għall-adozzjoni tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jinlaħqu mill-Kummissjoni. Il-posponiment ta’ dawn l-iskadenzi jista’ jsir biss permezz ta’ att tal-koleġiżlaturi. Mhix meħtieġa azzjoni fil-livell nazzjonali f’dan ir-rigward.
•Proporzjonalità
Din l-inizjattiva għandha l-objettiv primarju li tippermetti lill-kumpaniji jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-ewwel sett ta’ ESRS adottat fl-31 ta’ Lulju 2023, tiżgura li l-EFRAG ikollu żmien biex jiżviluppa ESRS settorjali li jkunu effiċjenti, u tillimita r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-minimu meħtieġ. Il-posponiment tal-iskadenzi għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal ċerti setturi - kif ukoll għal ċerti kumpaniji ta’ pajjiżi terzi - jilħaq dan l-objettiv filwaqt li jħalli biżżejjed żmien għall-kumpaniji biex iħejju għal dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar addizzjonali.
•Għażla tal-istrument
Meta jitqies li l-emendi jikkonċernaw biss il-posponiment tal-limiti ta’ żmien biex il-Kummissjoni tadotta atti delegati, u għalhekk ma teħtieġx traspożizzjoni mill-Istati Membri, Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 50(1) tat-TFUE titqies bħala l-aktar strument ġuridiku xieraq. Tabilħaqq, dan l-istrument huwa dwar il-kuntest normattiv kumplessiv li fih l-Istati Membri huma mitluba japprossimaw il-liġijiet tagħhom permezz tad-Direttiva, kif meħtieġ mill-Artikolu 50 TFUE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din l-inizjattiva ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni
Mhix meħtieġa traspożizzjoni mill-Istati Membri peress li din l-inizjattiva tipposponi b’sentejn ċerti skadenzi biex il-Kummissjoni tadotta atti delegati.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:
(1)L-iskadenza għall-Kummissjoni biex tadotta ESRS speċifiċi għas-settur permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 29b(1), it-tielet subparagrafu, hija stabbilita għat-30 ta’ Ġunju 2026 (minflok it-30 ta’ Ġunju 2024);
(2)L-iskadenza għall-Kummissjoni biex tadotta l-ESRS għal kumpaniji mhux tal-UE li jilħqu ċerti limiti permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 40b hija stabbilita għat-30 ta’ Ġunju 2026 (minflok it-30 ta’ Ġunju 2024).
2023/0368 (COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal ċerti setturi u għal ċerti impriżi ta’ pajjiżi terzi
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tat-trasparenza tas-suq u fl-iżgurar li l-impriżi jkunu responsabbli għall-impatti tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.
(2)L-Artikolu 29b(1), it-tielet subparagrafu tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ atti delegati sat-30 ta’ Ġunju 2024 li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jirrapportaw fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u l-oqsma ta’ rapportar speċifiċi għas-settur li fih topera impriża, minbarra l-informazzjoni li l-impriżi diġà jridu jipprovdu skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) XX/XXX.
(3)Biex jitnaqqas il-piż tar-rappurtar fuq l-impriżi, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, jenħtieġ li l-impriżi jitħallew jiffokaw l-ewwel fuq l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) XX/XXX. Għal dik ir-raġuni, l-iskadenza għall-adozzjoni tal-atti delegati li fihom ir-rekwiżiti ta’ rapportar komplementari dwar is-sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 29b(1), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2013/34/UE jenħtieġ li tiġi posposta b’sentejn.
(4)L-Artikolu 40b tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tadotta, sat-30 ta’ Ġunju 2024, att delegat biex tipprevedi li jintużaw standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fir-rigward ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi b’fatturat nett ta’ aktar minn EUR 150 miljun u b’sussidjarji fl-Unjoni li huma impriżi kbar jew impriżi żgħar u medji b’titoli ammessi għall-kummerċ fis-swieq regolati tal-Unjoni, jew b’fergħat fl-Unjoni b’fatturat nett ta’ aktar minn EUR 40 miljun.
(5)Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għal ċerti impriżi ta’ pajjiżi terzi japplikaw biss mis-sena finanzjarja 2028. Peress li l-iskadenza għall-adozzjoni tal-atti delegati li fihom l-obbligi komplementari ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 29b(1), it-tielet subparagrafu tad-Direttiva 2013/34/UE se jiġi pospost b’sentejn, l-iskadenza għall-adozzjoni tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal ċerti tal-impriżi ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li tiġi posposta b’sentejn ukoll.
(6)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2013/34/UE tiġi emendata skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2013/34/UE
Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:
(1)Fl-Artikolu 29b(1), it-tielet subparagrafu, il-kliem introduttorju, “30 ta’ Ġunju 2024” huwa sostitwit bi “30 ta’ Ġunju 2026”;
(2)fl-Artikolu 40b, “30 ta’ Ġunju 2024” huwa sostitwit bi “30 ta’ Ġunju 2026”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President