Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0321

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati fl-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

COM/2023/321 final

Brussell, 9.6.2023

COM(2023) 321 final

2023/0185(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati fl-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li temenda l-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor 1 , li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Qafas ta’ Windsor

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Fis-27 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tar-Renju Unit laħqu ftehim politiku fil-prinċipju dwar il-Qafas ta’ Windsor. Il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-Ħruġ li sar f’Londra fl-24 ta’ Marzu 2023 adotta l-arranġamenti l-ġodda relatati mal-Qafas ta’ Windsor u ż-żewġ Partijiet qablu li jaħdmu flimkien b’mod intensiv u leali biex jimplimentaw l-elementi kollha tal-Qafas ta’ Windsor.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jinkludi rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit. Huwa kopresedut mill-Unjoni u mir-Renju Unit. L-Anness VIII tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena jew fuq talba tal-Unjoni jew tar-Renju Unit, u jistabbilixxi l-iskeda tal-laqgħat u l-aġenda permezz ta’ kunsens reċiproku.

Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt huma stipulati fl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u prinċipalment huma:

·is-sorveljanza tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim direttament jew permezz tal-ħidma tal-kumitati speċjalizzati li jirraportaw lilu;

·l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet, inklużi emendi tal-Ftehim fil-każijiet previsti fih;

·il-prevenzjoni ta’ problemi u s-soluzzjoni ta’ tilwim li jistgħu jinqalgħu rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim.

2.3.Att previst tal-Kumitat Konġunt

Fil-laqgħa tiegħu li jmiss, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni li żżid żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor (“l-att previst”), skont l-Artikolu 13(4) tiegħu.

L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. F’konformità mar-Regola 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt u tal-Kumitati Speċjalizzati, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt se jispeċifikaw id-data li fiha jidħlu fis-seħħ.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.    L-Anness 2 (“Dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(4)”) tal-Qafas ta’ Windsor

L-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor fih id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(4) tiegħu.

Fit-30 ta’ Mejju 2023, l-Unjoni adottat żewġ Regolamenti li jistabbilixxu regoli ġodda:

·għal simplifikazzjoni tar-rekwiżiti u tal-proċeduri għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ oġġetti agroalimentari bl-imnut, pjanti għat-tħawwil, patata taż-żrigħ, u makkinarju u vetturi, li ġew operati għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali domestiċi, jiġifieri klieb, qtates u inmsa domestiċi. Is-simplifikazzjonijiet il-ġodda huma akkumpanjati minn salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tal-integrità tas-suq intern tal-Unjoni, u għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti u tal-konsumaturi fl-Unjoni;

·relatati ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq u li temenda d-Direttiva 2001/83/KE. Ladarba r-regoli l-ġodda jibdew japplikaw, se jiżguraw li mediċini ġodda jiġu awtorizzati u jitqiegħdu fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mar-regoli tar-Renju Unit u mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tar-Renju Unit biss. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-mediċini bir-riċetta mqiegħda fis-suq tal-Irlanda ta’ Fuq ma jkollhomx il-karatteristiċi ta’ sikurezza tal-UE (identifikatur uniku/apparat kontra t-tbagħbis) li huma obbligatorji fl-UE biex jipprevjenu ċ-ċirkolazzjoni ulterjuri tagħhom fis-suq tal-UE. Ir-regoli l-ġodda huma akkumpanjati minn salvagwardji biex jiġi żgurat li l-mediċini awtorizzati mir-Renju Unit ma jiċċaqalqux lejn Stat Membru.

Dawn l-atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati huma relatati mas-suq intern għall-prodotti u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor u jenħtieġ li jiżdiedu mal-Anness 2 tiegħu.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Ħruġ.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni fir-rigward tiegħu f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-uniku objettiv u kontenut tal-att previst huwa li jiżdiedu żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati fl-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor.

Il-konklużjoni tal-Ftehim kienet ibbażata fuq l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Għaldaqstant, u f’konformità mal-prinċipju bażiku li att jista’ jiġi emendat biss b’att tal-istess tip, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 50(2) TUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 50(2) TUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat Konġunt se jemenda l-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2023/0185 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati fl-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 3 tat-30 ta’ Jannar 2020 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)Skont l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor 4 , li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet biex jemenda l-Annessi rilevanti tal-Qafas ta’ Windsor billi jżid atti tal-Unjoni li jkunu għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor, iżda li la jemendaw u lanqas jissostitwixxu l-atti tal-Unjoni elenkati fl-Annessi tal-Qafas ta’ Windsor.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ ... dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, pjanti għat-tħawwil, patata taż-żrigħ, makkinarju u ċerti vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali domestiċi fl-Irlanda ta’ Fuq 5 u r-Regolament (UE) 2023/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ ... dwar regoli speċifiċi relatati mal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE 6 , sa fejn ma jemendax id-Direttiva 2001/83/KE, huma atti tal-Unjoni li għadhom kemm ġew adottati li huma relatati mas-suq intern għall-oġġetti u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor.

(4)Il-Kumitat Konġunt, matul il-laqgħa tiegħu li jmiss, jenħtieġ li jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor li żżid dawk iż-żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023, ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87–87 .
(2)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(3)     ĠU L 29, 31.1.2020, p.1.  
(4)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023, ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87–87 .
(5)    daħħal ir-referenza tal-ĠU 
(6)    daħħal ir-referenza tal-ĠU
Top

Brussell, 9.6.2023

COM(2023) 321 final

ANNESS

ta'

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati fl-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor













ANNESS

ID-DEĊIŻJONI NRU […]/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’...

li żżid żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati fl-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 1 (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor 2 ,

Billi:

(1)L-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Konġunt”) biex jadotta deċiżjonijiet li jżidu atti tal-Unjoni li jkunu għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor mal-Annessi rilevanti tal-Qafas ta’ Windsor. Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti fuq l-Unjoni u għar-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit iridu jimplimentaw tali deċiżjonijiet, li jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(2)Jenħtieġ li żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati jiżdiedu mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)Ir-Regolament (UE) 2023/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ ... dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, pjanti għat-tħawwil, patata taż-żrigħ, makkinarju u ċerti vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali domestiċi fl-Irlanda ta’ Fuq 3 għandu jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor taħt il-punt 44 “Sanitarju u fitosanitarju - Oħrajn”;

(2)Ir-Regolament (UE) 2023/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ ... dwar regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE 4 , sa fejn ma jemendax id-Direttiva 2001/83/KE, għandu jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor taħt il-punt 20 “Prodotti mediċinali”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi ….,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti

(1)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(2)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023, ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87–87.
(3)    Daħħal ir-referenza tal-ĠU
(4)    Daħħal ir-referenza tal-ĠU
Top