Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0284

    P9_TA(2023)0284 — Rapport tal-2022 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina — Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2023 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina (2022/2200(INI))

    ĠU C, C/2024/4004, 17.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4004/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4004/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/4004

    17.7.2024

    P9_TA(2023)0284

    Rapport tal-2022 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2023 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina (2022/2200(INI))

    (C/2024/4004)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (2),

    wara li kkunsidra l-eżiti tal-ewwel u t-tieni laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina, li saru fil-5 u s-6 ta’ Novembru 2015 u fis-17 ta’ Ġunju 2021 rispettivament,

    wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija mal-UE, li ġiet ippreżentata fil-15 ta’ Frar 2016,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-summits bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, li saru f’Sofija fis-17 ta’ Mejju 2018, f’Zagreb fis-6 ta’ Mejju 2020, fi Brdo pri Kranju fis-6 ta’ Ottubru 2021 u f’Tirana fis-6 ta’ Diċembru 2022,

    wara li kkunsidra s-summit ta’ Sofija tal-10 ta’ Novembru 2020, inkluża d-Dikjarazzjoni dwar is-Suq Reġjonali Komuni u d-Dikjarazzjoni dwar l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent,

    wara li kkunsidra r-riżultati tad-disa’ Summit tal-Proċess ta’ Berlin tat-3 ta’ Novembru 2022,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1923 tal-4 ta’ Novembru 2021 dwar Miżura ta’ Assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-bini ta’ kapaċità għall-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina (3),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2353 tal-1 ta’ Diċembru 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina (4),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2022,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta’ Ġunju 2022 dwar l-Ukrajna, il-Balkani tal-Punent, l-applikazzjonijiet għas-sħubija fl-UE tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia, u r-relazzjonijiet esterni,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2022 li jagħtu l-istatus ta’ pajjiż kandidat tal-UE lill-Bożnija-Ħerzegovina,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2019, bit-titolu “Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija mal-Unjoni Ewropea” (COM(2019)0261) u r-rapport analitiku li jakkumpanjaha (SWD(2019)0222),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2020 bit-titolu “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0057),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2020 bit-titolu “Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija – Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni qabel il-laqgħa tal-mexxejja UE-Balkani tal-Punent fis-6 ta’ Mejju 2020 ” (COM(2020)0315),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0641),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “Komunikazzjoni tal-2022 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (COM(2022)0528),

    wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “Rapport 2022 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina” (SWD(2022)0336),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (COM(2021)0170),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni (COM(2020)0620),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali, adottata fil-25 ta’ Frar 1991,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-20 ta’ Ottubru 2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tas-17 ta’ Ottubru 2003 għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli,

    wara li kkunsidra l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża approvata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 2022,

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tal-10 ta’ Jannar 2022 bit-titolu “Appoġġ mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent: minkejja l-isforzi, għad hemm problemi fundamentali”, u r-Rapport Speċjali 09/2021 tal-QEA tat-3 ta’ Ġunju 2021 bit-titolu “Id-diżinformazzjoni taffettwa lill-UE: qed tiġi indirizzata iżda mhux mitigata”,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-esperti tal-5 ta’ Diċembru 2019 dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt fil-Bożnija-Ħerzegovina,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-11 ta’ Marzu 2005 dwar is-sitwazzjoni kostituzzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina u s-setgħat tar-Rappreżentant Għoli, u r-rakkomandazzjonijiet sussegwenti tagħha dwar kwistjonijiet kostituzzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina,

    wara li kkunsidra l-kumpilazzjoni tal-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istabbiltà tal-liġi elettorali,

    wara li kkunsidra s-sentenzi rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem favur l-atturi, inklużi Azra Zornić (5) u Dervo Sejdić u Jakob Finci (6), fost oħrajn,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Mostar iffirmat fis-17 ta’ Ġunju 2020 dwar l-elezzjonijiet f’Mostar,

    wara li kkunsidra l-ftehim politiku tat-12 ta’ Ġunju 2022 dwar il-prinċipji għall-iżgurar ta’ Bożnija-Ħerzegovina funzjonali li tavvanza tul il-perkors Ewropew tagħha,

    wara li kkunsidra l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2022 ta’ Transparency International, li jikklassifika l-Bożnija-Ħerzegovina fil-110 post minn total ta’ 180 pajjiż,

    wara li kkunsidra t-62 rapport tar-Rappreżentant Għoli għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi dwar il-Bożnija-Ħerzegovina tat-2 ta’ Novembru 2022 lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u r-rapporti preċedenti,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 2658(2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-2 ta’ Novembru 2022, li estendiet il-mandat tal-forza mmexxija mill-UE (EUFOR) fil-Bożnija-Ħerzegovina sat-2 ta’ Novembru 2023,

    wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana f’Madrid fid-29 ta’ Ġunju 2022 u d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO ta’ Madrid,

    wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tan-NATO fl-14 u l-15 ta’ Frar 2023,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton li jistabbilixxi l-mandat tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fil-Bożnija-Ħerzegovina,

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, li tiddikjara li hemm tliet lingwi uffiċjali fil-pajjiż, u l-kostituzzjonijiet tal-entità tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-entità tar-Republika Srpska,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar il-Kommemorazzjoni ta’ Srebrenica (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton (8),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fil-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020 (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent (10),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2022 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar il-Politika Barranija, ta’ Sigurtà u ta’ Difiża tal-UE wara l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna min-naħa tar-Russja (11),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bożnija-Ħerzegovina,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0229/2023),

    A.

    billi t-tkabbir huwa l-aktar strument effikaċi tal-politika barranija tal-UE, waħda mill-aktar politiki ta’ suċċess tal-Unjoni, u jirrappreżenta investiment ġeostrateġiku fil-paċi, id-demokrazija, il-prosperità u l-istabbiltà u s-sigurtà tal-kontinent kollu; billi l-politika tat-tkabbir tinċentiva u tinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE;

    B.

    billi l-UE jeħtiġilha tonora l-wegħdiet tagħha u l-mexxejja politiċi fil-pajjiżi kandidati jridu juru rieda politika ġenwina fir-rigward tal-proċessi ta’ riforma; billi l-posponimenti ripetuti fil-proċess tal-adeżjoni u n-nuqqas ta’ rieda politika ġenwina mill-mexxejja politiċi fil-pajjiżi kandidati naqqsu b’mod konsiderevoli l-effikaċja tiegħu u l-appoġġ taċ-ċittadini għall-adeżjoni mal-UE;

    C.

    billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna dgħajfet is-sigurtà u l-istabbiltà fil-kontinent Ewropew, uriet l-imperattiv strateġiku tal-integrazzjoni tal-UE u kompliet tenfasizza l-importanza tal-allinjament tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) fil-pajjiżi kandidati; billi dan wassal għal momentum ġdid fit-tkabbir, li wassal lill-UE biex taċċellera l-konsenji li ilhom li saru lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

    D.

    billi kull pajjiż tat-tkabbir għandu jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, b’enfasi fuq riformi ewlenin, ibbażati fuq il-kriterji ta’ Copenhagen dwar l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, l-istandards demokratiċi, ġudikatura indipendenti, id-drittijiet tal-minoranzi u l-libertajiet tal-media;

    E.

    billi l-ġejjieni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea; billi l-maġġoranza ċara tal-popolazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina jaspiraw lejn l-integrazzjoni Ewro-Atlantika għall-paċi, l-istabbiltà, id-demokrazija u l-prosperità sostenibbli;

    F.

    billi l-Bożnija-Ħerzegovina ngħatat l-istatus ta’ pajjiż kandidat tal-UE; billi l-progress tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE jiddependi milli jiġu ssodisfati l-14-il prijorità ewlenija identifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-UE; billi l-Kunsill stieden lit-tmexxija tal-Bożnija-Ħerzegovina tiffinalizza b’mod urġenti r-riformi kostituzzjonali u elettorali;

    G.

    billi l-avvanz tal-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-adeżjoni mal-UE jirrikjedi rikonċiljazzjoni ġenwina, ibbażata fuq il-karattru varjat u multikulturali tal-pajjiż u l-entitajiet tiegħu, u r-rispett għall-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tiegħu, id-drittijiet ugwali, u n-nondiskriminazzjoni għaċ-ċittadini kollha tiegħu, skont l-istandards u l-valuri tal-UE;

    H.

    billi aktar minn 25 sena wara tmiem il-gwerra, il-pajjiż għadu qed jiffaċċja diviżjoni profonda promossa minn elit politiku, tentattivi seċessjonisti mit-tmexxija tal-entità tar-Republika Srpska (RS) u sfidi fl-istat tad-dritt, il-governanza, l-obbligu ta’ rendikont, il-libertà tal-espressjoni u l-media, kif ukoll il-korruzzjoni, li jikkontribwixxu għat-tluq ta’ eluf ta’ ċittadini kull sena; billi d-diskriminazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina abbażi tal-etniċità, il-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi għadhom joħolqu sfida;

    I.

    billi fit-18 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/450 (13), li testendi l-qafas ta’ sanzjonijiet eżistenti għall-individwi li jikkompromettu s-sovranità, l-integrità territorjali u l-ordni kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina jew il-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton;

    J.

    billi fit-23 ta’ Marzu 2023, l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Srpska adottat emendi għall-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika Srpska, li jintroduċu mill-ġdid pieni kriminali għall-malafama, u l-President tal-entità tar-Repubblika Srpska Milorad Dodik ħabbar pjanijiet biex tiġi introdotta liġi dwar l-“aġent barrani”;

    K.

    billi fil-21 ta’ Ġunju 2023 l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Srpska adottat Liġi dwar l-Emendi għal-Liġi dwar il-Pubblikazzjoni tal-Liġijiet u Regolamenti Oħra tar-Repubblika Srpska u fis-27 ta’ Ġunju 2023 adottat Liġi dwar in-Nonapplikazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina, u b’hekk ikkompromettiet l-integrità tal-Qorti Kostituzzjonali u l-Kostituzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina;

    L.

    billi l-UE hija s-sieħeb politiku, kummerċjali u ta’ investiment ewlieni tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-akbar fornitur ta’ assistenza finanzjarja tagħha, b’mod partikolari permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III), kif ukoll il-Pjan ta’ Investiment Ekonomiku għall-Balkani tal-Punent u l-Assistenza Makrofinanzjarja;

    M.

    billi l-atturi responsabbli għall-indħil dirett u bi prokura barrani malizzjuż u d-diżinformazzjoni għandhom l-għan li jiżirgħu d-diżgwid, il-vjolenza u t-tensjonijiet interetniċi, u jiddestabbilizzaw lill-Bożnija-Ħerzegovina u r-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi dawn l-azzjonijiet għandhom l-għan li jippreżentaw lill-UE bħala sieħeb mhux affidabbli u mhux involut għall-Balkani tal-Punent;

    Impenn għall-adeżjoni mal-UE

    1.

    Jilqa’ pożittivament id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jagħti l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Bożnija-Ħerzegovina fil-kuntest ta’ realtà ġeopolitika mibdula, bil-patt u l-kundizzjoni li jittieħdu azzjonijiet biex iħejju l-pajjiż għan-negozjati ta’ adeżjoni; itenni l-appoġġ ċar tiegħu għall-integrazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-UE, ibbażata fuq l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali;

    2.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-Balkani tal-Punent fil-politika tat-tkabbir tal-UE, u jħeġġeġ lill-UE taċċellera l-proċess ta’ adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, abbażi tal-merti tagħha stess;

    3.

    Ifaħħar l-implimentazzjoni rapida tar-riżultati tal-elezzjonijiet ġenerali ta’ Ottubru 2022, il-ħatra ta’ gvern ġdid fil-livell tal-istat, l-iffirmar ta’ programm ta’ koalizzjoni u t-tkomplija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi; jilqa’ l-ħatra tal-President u ż-żewġ Viċi Presidenti tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-formazzjoni tal-gvernijiet fil-livell tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-cantons tagħha; jiddispjaċih dwar l-imblukkar politiku li xekkel it-tlestija ta’ dan, li kellu jingħeleb mill-atturi domestiċi; jinnota l-intervent tar-Rappreżentant Għoli biex jiżblokka l-istaġnar politiku; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm awtoritajiet stabbiliti fil-livelli kollha biex ikomplu b’suċċess il-proċessi ta’ riforma meħtieġa għall-progress fit-triq lejn l-UE;

    4.

    Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet politiċi kollha jaħtfu l-momentum biex javvanzaw b’mod sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-14-il prijorità ewlenin skont l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini kollha, filwaqt li jirrispettaw l-obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet u l-kwalità u t-trasparenza tal-proċess; jiddispjaċih dwar il-pass kajman tal-implimentazzjoni mill-2019; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha jtemmu l-imblokki istituzzjonali li jdewmu t-teħid ta’ deċiżjonijiet importanti, iżommu lura minnhom u jegħlbuhom, biex jevitaw li jmorru lura għal politiki ostruttivi u retorika nazzjonalistika, u juru impenn, jipprijoritizzaw u jagħmlu progress sinifikanti fir-riformi meħtieġa relatati mal-UE billi javvanzaw fil-passi deskritti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u fil-ftehim politiku ta’ Brussell tat-12 ta’ Ġunju 2022 dwar il-prinċipji għall-iżgurar ta’ Bożnija-Ħerzegovina funzjonali;

    5.

    Jissottolinja li t-triq tal-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-adeżjoni mal-UE jeħtieġ li tkun ankrata f’istituzzjonijiet demokratiċi li jiffunzjonaw, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għaċ-ċittadini kollha;

    6.

    Jappella għal koordinazzjoni, armonizzazzjoni u allinjament konsistenti mal-istandards tal-UE u l-integrazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha tal-politika, kif ukoll ippjanar u monitoraġġ aħjar tar-riformi permezz ta’ koordinazzjoni politika u teknika, inkluż billi jiġi adottat programm nazzjonali għall-adozzjoni tal-acquis tal-UE mill-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina mingħajr aktar dewmien;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikomplu jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku għall-integrazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-UE abbażi tal-mertu u tal-kundizzjonalità stretta, jippromwovu u jappellaw għall-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-inklużività tal-proċessi ta’ riforma, jippubblikaw spjegazzjonijiet dettaljati tal-14-il prijorità ewlenija u l-kriterji ta’ kejl għall- prijoritajiet ewlenin biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-benefiċċji tal-integrazzjoni tal-UE u jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ fil-Bożnija-Ħerzegovina; jappella għall-kooperazzjoni koordinata tagħhom mal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina, li trawwem kundizzjonijiet li jwasslu għal progress fl-integrazzjoni tal-UE, kif ukoll mas-sħab rilevanti; jilqa’, f’dan il-kuntest, l-ewwel laqgħa tal-Forum Politiku ta’ Livell Għoli fil-Bożnija-Ħerzegovina, li saret f’Sarajevo fis-17 ta’ Mejju 2023;

    8.

    Ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar l-allegazzjonijiet rigward ir-rwol tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir; ifakkar fl-obbligi tal-integrità, id-diskrezzjoni u l-indipendenza tal-Kummissarji, f’konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni; iħeġġeġ mill-ġdid lill-Kummissjoni tagħti bidu għal investigazzjoni indipendenti u imparzjali biex taċċerta jekk il-kondotta u l-politiki li ppersegwa l-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir jikkostitwux ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni u tal-obbligi tal-Kummissarju skont it-Trattati;

    9.

    Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-mandati tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR) fir-rigward tal-aspetti ċivili, b’mod partikolari fit-tisħiħ tal-istabbiltà u tal-proċessi demokratiċi fil-Bożnija-Ħerzegovina, u tal-Operazzjoni Althea tal-EUFOR fir-rigward tal-aspetti militari fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, sakemm il-pajjiż ikun wettaq l-“aġenda 5+2” u sakemm tintemm is-superviżjoni internazzjonali tiegħu;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinvolvu ruħhom b’mod pożittiv mal-OHR u l-EUFOR Althea u jiddependu fuqhom biex jippreservaw l-istabbiltà fil-Bożnija-Ħerzegovina, u b’hekk jiffaċilitaw l-isforzi ta’ adeżjoni mal-UE; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw dan l-impenn u jirrispondu b’mod urġenti għall-isfidi għas-sigurtà Ewropea ppreżentati mir-Russja, iż-żieda fit-tensjonijiet fil-Bożnija-Ħerzegovina u l-atti seċessjonisti li jimminaw il-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton;

    11.

    Jilqa’ l-estensjoni tal-mandat tal-EUFOR Althea sa Novembru 2023; ifakkar li din il-missjoni għad għandha rwol fundamentali għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Bożnija-Ħerzegovina, inkluż fl-appoġġ tat-tneħħija ta’ żoni b’mini tal-art; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-monitoraġġ u l-kontroll tagħha tal-qerda ta’ munizzjon u armi żejda; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jiżguraw il-preżenza kontinwa u t-tiġdid futur tal-mandat tal-EUFOR Althea, kif ukoll kapaċitajiet imsaħħa, li jagħmluha aktar adattata għall-ħtiġijiet operazzjonali, anke fil-każ ta’ theddid f’daqqa u l-ħtieġa ta’ reazzjoni fi żmien qasir, u b’mod partikolari fid-dawl tal-eskalazzjoni reċenti fir-retorika u l-politiki seċessjonisti mill-mexxejja tal-entità tar-Repubblika Srpska; jappella, f’dan il-kuntest, għal valutazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni u l-kapaċitajiet fil-qasam tas-sigurtà fuq il-post u għall-kunsiderazzjoni tal-iskjerament ta’ persunal u kapaċitajiet addizzjonali għall-EUFOR Althea fir-rigward tad-distrett ta’ Brčko;

    12.

    Jilqa’ l-attivitajiet tal-OSKE fil-Bożnija-Ħerzegovina, fost l-oħrajn, l-involviment tagħha fil-kontroll tal-armi, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-investigazzjonijiet dwar id-delitti tal-gwerra u fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza l-attivitajiet tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-appoġġ tagħha għall-governanza tajba u r-riforma tal-media, is-soċjetà ċivili, l-inizjattivi tad-drittijiet tal-bniedem u l-prevenzjoni tal-kunflitti; jirrikonoxxi d-djalogu tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-OSKE biex tippromwovi l-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni;

    13.

    Ifaħħar l-allinjament miżjud tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-PESK tal-UE; iħeġġeġ titjib kontinwu u allinjament sħiħ f’dan ir-rigward, u biex jiġu evitati inkonsistenzi fil-pożizzjonijiet tal-politika barranija; jistieden bil-qawwa lill-atturi kollha jikkundannaw b’mod inekwivoku l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja u jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet immirati kollha li jirriżultaw mill-allinjament tal-PESK, b’mod partikolari kontra r-Russja u l-Belarussja;

    14.

    Jilqa’ l-vot tal-Bożnija-Ħerzegovina favur riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u s-sospensjoni tar-Russja mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jiddeplora, madankollu, il-pożizzjoni tat-tmexxija tal-entità tar-Repubblika Srpska favur ir-Russja u l-għoti ta’ dekorazzjoni lil Vladimir Putin; jikkundanna bil-qawwa ż-żjara f’Moska fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2023 minn Milorad Dodik u Nenad Stevandić, Speaker tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Srpska, u l-laqgħat tagħhom ma’ Vladimir Putin u atturi politiċi Russi ta’ livell għoli oħrajn; jirrifjuta bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet u r-retorika espressi fil-kuntest ta’ din iż-żjara u jibqa’ mħasseb serjament dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà tar-rabtiet ma’ uffiċjali għolja Russi; jikkundanna l-laqgħat ma’ atturi politiċi Iranjani ta’ livell għoli u l-astensjonijiet fil-voti tan-NU dwar l-Iran, fost ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u l-għoti ta’ droni lir-Russja fil-kuntest tal-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna; jitlob lill-Bożnija-Ħerzegovina titbiegħed b’mod kredibbli mir-reġimi antidemokratiċi;

    15.

    Jappoġġja bil-qawwa l-aspirazzjonijiet sostnuti tal-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-integrazzjoni Ewro-Atlantika u s-sħubija fin-NATO u jistieden lill-atturi politiċi kollha jaġixxu fuqhom b’azzjoni politika konkreta; jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-Ministru għad-Difiża tal-Bożnija-Ħerzegovina fis-Summit tan-NATO ta’ Madrid tal-2022, l-impenn tan-NATO li tagħti spinta lill-appoġġ imfassal apposta lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tibni l-integrità u r-reżiljenza, tiżviluppa l-kapaċitajiet u tiddefendi l-indipendenza politika, u l-pakkett ta’ għajnuna tagħha lill-Bożnija-Ħerzegovina; jilqa’ wkoll id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’valur ta’ EUR 10 miljun għall-benefiċċju tal-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina (AFBiH) u l-Kuntratt ta’ Kooperazzjoni u Taħriġ għall-2023 bejn l-AFBiH u l-EUFOR; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina taħdem biex tifforma unitajiet multietniċi tal-AFBiH;

    16.

    Jiddenunzja bl-aktar mod qawwi r-retorika xewwiexa u l-liġijiet u l-politiki seċessjonisti rikorrenti min-naħa tat-tmexxija tal-entità tar-Repubblika Srpska, inkluża ċ-ċelebrazzjoni tal-hekk imsejjaħ “Jum tar-Repubblika Srpska” antikostituzzjonali u avvenimenti oħra li jikkawżaw tensjonijiet, kif ukoll ir-rifjut li jiġu implimentati s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina; jiddenunzja l-preżenza ta’ uffiċjali għolja tal-Gvern Serb fl-okkażjoni tal-“Jum tar-Repubblika Srpska” antikostituzzjonali; jissottolinja li tali azzjonijiet jiddestabbilizzaw lill-Bożnija-Ħerzegovina, idgħajfu l-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, jikkontradixxu l-perspettiva tal-UE tal-Bożnija-Ħerzegovina u jipperikolaw l-aċċess għall-finanzjament tal-UE; jiddeplora, f’dan il-kuntest, id-deċiżjoni tal-gvern tal-entità tar-Repubblika Srpska li jaqta’ l-kuntatti diplomatiċi mar-rappreżentanti uffiċjali tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti;

    17.

    Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet internazzjonali u tal-UE rilevanti jimmonitorjaw mill-qrib l-iżvilupp tal-forzi tal-pulizija fl-entità tar-Repubblika Srpska, b’enfasi speċjali fuq l-iżvilupp possibbli ta’ funzjonijiet paramilitari jew militari, li jistgħu joħolqu tensjonijiet addizzjonali, jheddu s-sigurtà u l-istabbiltà fil-Bożnija-Ħerzegovina, u jkunu inkompatibbli mal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton;

    18.

    Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjoni konġunta tal-maġġoranza fil-gvern fl-entità tar-Repubblika Srpska dwar il-protezzjoni tal-proprjetà tal-istat u l-istatus kostituzzjonali tal-entità tar-Repubblika Srpska, li talbet li unità speċjali timmonitorja l-linja bejn l-entitajiet; jikkundanna wkoll il-fatt li fis-27 ta’ Ġunju 2023 l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Srpska adottat il-Liġi dwar in-Nonapplikazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina u li fil-21 ta’ Ġunju 2023 adottat il-Liġi dwar l-Emendi għal-Liġi dwar il-Pubblikazzjoni tal-Liġijiet u Regolamenti Oħra tar-Repubblika Srpska; jisħaq li dawn il-liġijiet jikkompromettu direttament l-integrità tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kostituzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina; jilqa’, għalhekk, id-deċiżjonijiet tar-Rappreżentant Għoli li jannullaw iż-żewġ liġijiet, u b’hekk jirrispettaw il-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, il-Kostituzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-istat tad-dritt fil-Bożnija-Ħerzegovina;

    19.

    Itenni l-appell tiegħu għal sanzjonijiet immirati kontra atturi politiċi destabbilizzanti fil-Bożnija-Ħerzegovina, inklużi dawk li jheddu u jikkompromettu s-sovranità, l-integrità territorjali u l-ordni kostituzzjonali tagħha, b’mod partikolari Milorad Dodik, kif ukoll uffiċjali għolja oħra tar-Repubblika Srpska u uffiċjali ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu appoġġ politiku u materjali għall-politiki seċessjonisti; ifakkar li jistgħu jiġu imposti wkoll miżuri restrittivi kontra min jhedded serjament is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż jew idgħajjef il-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton; jistieden lill-Istati Membri kollha jiżguraw li tali sanzjonijiet ikunu jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill u jimponuhom bilateralment jew flimkien ma’ Stati Membri oħra jekk l-adozzjoni tagħhom ma tkunx possibbli; ifakkar li l-qafas tal-UE għal miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina huwa fis-seħħ sal-31 ta’ Marzu 2024;

    20.

    Itenni li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom jiġu rispettati sabiex jiġu żgurati bis-sħiħ l-istabbiltà u l-ordni kostituzzjonali fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw malajr is-sentenzi kollha tal-Qorti Kostituzzjonali;

    21.

    Jikkundanna l-indħil barrani malizzjuż, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni u l-isforzi ta’ destabbilizzazzjoni kollha minn atturi internazzjonali u reġjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina, b’mod partikolari d-destabbilizzazzjoni kontinwa tal-Balkani tal-Punent mir-Russja; jibqa’ mħasseb ħafna dwar ir-rabtiet, iż-żjarat u l-laqgħat prominenti bejn it-tmexxija tal-entità tar-Repubblika Srpska u personalitajiet politiċi ta’ livell għoli u uffiċjali għolja fir-Russja, il-preżenza u l-attivitajiet possibbli tal-Grupp Wagner fil-pajjiż, kif ukoll narrattivi ta’ propaganda Russi mmexxija minn atturi barranin u domestiċi, inklużi dawk li juru lill-UE bħala sieħeb mhux affidabbli u mhux interessat;

    22.

    Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun jimpenjaw ruħhom għall-istabbiltà u l-integrità territorjali tal-Bożnija-Ħerzegovina, jikkundannaw l-użu ta’ retorika xewwiexa u jikkontribwixxu b’mod kostruttiv għall-progress tal-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-adeżjoni mal-UE;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bożnija-Ħerzegovina u lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jintensifikaw l-isforzi fil-promozzjoni tal-benefiċċji ta’ integrazzjoni aktar mill-qrib u jinvestu f’kampanji ta’ komunikazzjoni biex jiġġieldu l-influwenza barranija u n-narrattivi malizzjużi, inkluż permezz ta’ reazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza għal theddid bħal dan, u billi jespandu l-monitoraġġ StratCom biex jiffoka fuq it-theddid transfruntier ta’ diżinformazzjoni; jirrakkomanda li jitlaqqgħu djalogi mas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent u s-settur privat biex jiġu kkoordinati l-isforzi kontra d-diżinformazzjoni reġjonalment u b’għarfien espert lokali; jilqa’ t-tnedija ta’ kampanja mill-Uffiċċju tal-UE fil-Bożnija-Ħerzegovina biex jitħeġġeġ il-progress fl-integrazzjoni tal-UE bit-titolu “Il-progress jista’ jintlaħaq”;

    24.

    Jistieden lill-UE żżid il-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent biex issaħħaħ ir-reżiljenza demokratika u tiġġieled it-theddid ibridu, inkluż fiċ-ċibersigurtà, filwaqt li tipproteġi l-infrastruttura kritika u s-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija; ifakkar li l-Kunsill irrikonoxxa fil-Boxxla Strateġika li s-sigurtà u l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent għadhom mhumiex ċertezza u li hemm riskju ta’ riperkussjonijiet potenzjali mid-deterjorament attwali fis-sigurtà Ewropea;

    25.

    Jisħaq li l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-pluraliżmu, l-appoġġ għal media ħielsa u indipendenti, id-drittijiet fundamentali u l-allinjament mal-PESK jeħtieġ li jiġu integrati fil-finanzjament tal-IPA III tal-UE, li jrid ikun ibbażat fuq kundizzjonalità stretta u modulat, jew saħansitra sospiż, fil-każ ta’ rigressjoni sinifikanti jew nuqqas persistenti ta’ progress f’dawn l-oqsma, kif minqux fir-Regolament IPA III, u salvagwardjat minn sorveljanza komprensiva u bir-reqqa mill-Kummissjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonalità, u biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali 01/2022 tal-QEA;

    26.

    Ifakkar li l-finanzjament tal-UE għal proġetti fl-entità tar-Repubblika Srpska irid jibqa’ ffriżat sakemm jitreġġa’ lura r-rigress demokratiku mill-entità tar-Repubblika Srpska u sakemm ikun hemm allinjament sħiħ mal-PESK, b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi; jistieden lill-Kummissjoni tfittex opinjoni mill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew qabel ma terġa’ tibda l-provvista ta’ fondi għall-entità tar-Repubblika Srpska;

    27.

    Jappella għal titjib fl-assorbiment tal-fondi mal-pajjiż kollu, inkluż mill-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali; iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tistabbilixxi sistemi effiċjenti ta’ ġestjoni finanzjarja, kontroll u awditjar madwar il-pajjiż għall-fondi tal-UE; jappella għall-assistenza teknika u finanzjarja meħtieġa għall-Bożnija-Ħerzegovina f’dan il-kuntest; jisħaq li huwa fl-interess tas-sigurtà tal-UE u r-responsabbiltà tagħha li tiggarantixxi li l-fondi tal-UE ma jikkontribwux għat-tisħiħ tan-networks tal-klijentela jew il-korruzzjoni;

    28.

    Jappella lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jistabbilixxu qafas għal kooperazzjoni effettiva bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-pajjiżi ta’ adeżjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-UPPE jkun jista’ jeżerċita b’mod effettiv il-kompetenzi tiegħu dwar l-użu tal-fondi tal-UE fil-Bożnija-Ħerzegovina; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkonkludu malajr arranġamenti ta’ ħidma bilaterali mal-UPPE;

    29.

    Jilqa’ l-istabbiliment tal-korpi ta’ ħidma tal-Kamra tal-Popli tal-assemblea parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina; jappella għall-impenn imġedded tal-Bożnija-Ħerzegovina favur id-djalogu politiku tal-UE billi tinvolvi ruħha malajr f’kooperazzjoni interparlamentari regolari permezz tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA), li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-14-il prijorità ewlenija; jilqa’ l-fatt li ntlaħaq qbil dwar ir-regoli ta’ proċedura għall-KPSA bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina;

    30.

    Jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fis-summits inawgurali u t-tieni summits tal-Komunità Politika Ewropea, iżda jisħaq li din l-inizjattiva pożittiva m’għandhiex tkun alternattiva għall-integrazzjoni tal-UE;

    Demokrazija u l-istat tad-dritt

    31.

    Itenni r-rwol ċentrali tal-istat tad-dritt u l-integrità istituzzjonali; ifakkar fil-ħtieġa ta’ standards tas-servizz ċivili armonizzati u bbażati fuq il-mertu fil-livelli amministrattivi tal-Bożnija-Ħerzegovina, li jippermettu amministrazzjoni pubblika professjonali, simplifikata, depolitiċizzata u responsabbli li tista’ tipprovdi servizzi liċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina; jistieden lill-atturi politiċi tal-Bożnija-Ħerzegovina jappoġġjaw u jistabbilixxu struttura ta’ koordinazzjoni li tiffunzjona biex tmexxi r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; jilqa’ l-progress fil-ħatra ta’ kapijiet ta’ aġenziji statali importanti;

    32.

    Jilqa’ l-fatt li l-elezzjonijiet li saru f’Ottubru 2022 kienu ġeneralment organizzati tajjeb u kompetittivi, u li l-kampanja rrispettat il-libertajiet fundamentali ta’ assoċjazzjoni, ta’ għaqda u ta’ espressjoni; jiddispjaċih, madankollu, li dawn seħħew f’kuntest ta’ riformi staġnati, retorika diviżiva, impedimenti politiċi u finanzjarji rrappurtati, akkużi ta’ negozjar tal-pożizzjonijiet tal-Kummissjoni tal-Postijiet ta’ Votazzjoni bejn il-partiti politiċi, u irregolaritajiet oħra rrappurtati lill-osservaturi, inklużi każijiet ta’ assistenza soċjali, żvilupp u proġetti ta’ infrastruttura pubblika mibdija minn presidenti jew gvernijiet fil-kariga fil-perjodu elettorali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu miżuri adegwati biex jipprevjenu kwistjonijiet u abbużi ta’ fondi pubbliċi fil-futur u jindirizzaw it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont inadegwati tal-finanzi tal-kampanja; jesprimi tħassib dwar l-ammont ta’ nfiq pubbliku użat fit-tentattiv biex jinfluwenzaw l-elettorat;

    33.

    Jieħu nota tal-bidliet introdotti fil-liġi elettorali u fil-kostituzzjoni tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mir-Rappreżentant Għoli, bl-għan li jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet ta’ funzjonalità; jesprimi, madankollu, tħassib dwar iż-żmien, it-trasparenza u n-nuqqas ta’ konsultazzjonijiet f’dawn il-proċessi; jistieden lill-OHR jaġixxi skont il-mandat tiegħu, filwaqt li jipprevjeni t-tisħiħ tad-diviżjonijiet politiċi jew etniċi u t-tensjonijiet fil-pajjiż u fir-reġjun usa’, u jfakkar li s-Setgħat ta’ Bonn għandhom jintużaw bħala miżura tal-aħħar istanza;

    34.

    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas tal-atturi politiċi li jġibu l-kostituzzjoni u l-qafas elettorali konformi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, billi naqsu milli jimplimentaw is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (fil-kawżi Sejdić-Finci, Zornić, Pilav u Šlaku); jiddispjaċih ukoll li s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina għadhom ma ġewx implimentati, u dan ixekkel id-drittijiet politiċi ugwali għaċ-ċittadini kollha; jistieden lil dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jilħqu ftehim skont is-sentenzi tal-qrati internazzjonali u nazzjonali kif ukoll mal-ftehim politiku ta’ Brussell tat-12 ta’ Ġunju 2022; jappoġġja riformi trasparenti u inklużivi mirfuda minn konsultazzjonijiet komprensivi u djalogu pubbliku li jinvolvu s-soċjetà ċivili li jippermettu trasformazzjoni sostenibbli tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton skont l-istandards u l-prinċipji Ewropej, li jegħlbu d-diviżjonijiet u jiżguraw l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni taċ-ċittadini kollha u rappreżentanza politika diversa b’mod adegwat fil-livelli kollha ta’ governanza, skont il-valuri u l-prinċipji tal-UE, u l-progress fit-triq lejn l-UE;

    35.

    Itenni r-rispett tiegħu għal-legat tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, filwaqt li jfakkar fl-għan tiegħu li jtemm il-gwerra u jissalvagwardja l-paċi; jieħu nota tal-kunċett ta’ popli kostitwenti iżda jenfasizza li dan il-kunċett m’għandu bl-ebda mod iwassal għad-diskriminazzjoni ta’ ċittadini oħra jew jimplika xi drittijiet addizzjonali għal persuni li jidentifikaw ma’ wieħed minn dawn il-gruppi meta mqabbla ma’ ċittadini oħra tal-Bożnija-Ħerzegovina; jikkundanna d-dikjarazzjonijiet u l-proposti li għandhom l-għan li jimminaw ir-rikonoxximent ta’ stat u l-valuri kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina, u jfakkar li jeħtieġ li l-Bożnija-Ħerzegovina tindirizza n-nuqqasijiet fil-qafas kostituzzjonali tagħha, filwaqt li ġġibu konformi mal-istandards u l-prinċipji tal-UE;

    36.

    Jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tarmonizza r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-partiti u tiżgura t-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi f’konformità mal-istandards internazzjonali u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi internazzjonali rilevanti; jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali (CEC) u jappella biex il-kapaċitajiet tagħha jissaħħu, b’mod konformi mal-proċeduri legali tagħha; jiddenunzja bil-qawwa l-forom kollha ta’ intimidazzjoni u theddid minn xi atturi politiċi fil-Bożnija-Ħerzegovina kontra l-membri tas-CEC u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina u lid-Delegazzjoni tal-UE joffru appoġġ lill-membri tas-CEC f’każ ta’ theddid; jilqa’ l-intervent tal-OHR tas-7 ta’ Ġunju 2022 biex itejjeb l-integrità tal-proċess elettorali u jsaħħaħ ir-rwol tas-CEC wara li l-grupp ta’ ħidma bejn l-aġenziji dwar ir-riforma elettorali u l-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovia naqsu milli jagħmlu dan;

    37.

    Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-inizjattivi biex jittejbu l-proċess demokratiku, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt fil-pajjiż, bħall-proġett pilota tal-UE għall-introduzzjoni ta’ sistema elettronika ta’ identifikazzjoni tal-votanti u trażmissjoni aktar rapida tar-riżultati elettorali;

    38.

    Jappella għal miżuri urġenti biex jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u l-professjonaliżmu tal-ġudikatura abbażi tal-14-il prijorità ewlenija u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Priebe, inkluż permezz ta’ salvagwardji addizzjonali u applikazzjoni konsistenti ta’ regoli u kriterji oġġettivi dwar l-allokazzjoni tal-każijiet, il-ħatriet, ir-responsabbiltà dixxiplinari, l-avvanz fil-karriera, il-kunflitti ta’ interess u l-verifika tal-assi tal-imħallfin u tal-prosekuturi sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja pubblika; jappella għall-eliminazzjoni tal-ġustizzja selettiva, tal-każijiet pendenti, tal-korruzzjoni, tan-nuqqas ta’ trasparenza u tas-sorveljanza ħażina, li jimminaw it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti ta’ pressjoni politika u irregolaritajiet fl-għażla ta’ mħallfin u prosekuturi ta’ livell għoli;

    39.

    Jafferma mill-ġdid l-istedina tiegħu lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tadotta emendi għall-integrità, Liġi ġdida dwar il-Kunsill Ġudizzjarju u ta’ Prosekuzzjoni Għoli (HJPC) u Liġi ġdida dwar il-Qrati f’konformità mal-istandards Ewropej; jilqa’, għalhekk, l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Ministri tal-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Emendi għal-Liġi dwar l-HJPC, u jistieden lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina tapprovah; jistieden lill-awtoritajiet jippermettu l-aċċess għall-ġurnalisti għall-proċessi u jistieden lill-qrati jippubblikaw id-deċiżjonijiet tagħhom online u jwieġbu għat-talbiet tal-libertà tal-informazzjoni fil-ħin;

    40.

    Jopponi bil-qawwa kwalunkwe tentattiv biex jiġu stabbiliti istituzzjonijiet paralleli fil-livell tal-entità, li jimmina l-ordni kostituzzjonali u legali; jikkundanna, f’dan ir-rigward, l-adozzjoni mill-ġdid tal-Liġi tal-entità tar-Repubblika Srpska dwar il-Proprjetà Immobbli Użata għall-funzjonament tal-Awtorità Pubblika, preċedentement annullata mill-Qorti Kostituzzjonali u sospiża darbtejn mir-Rappreżentant Għoli; jieħu nota pożittiva tad-deċiżjoni tal-OHR u jtenni t-talba biex il-leġiżlazzjoni tal-entitajiet tiġi allinjata mas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali; jistieden lill-entità tar-Repubblika Srpska tirtira u tirrevoka minnufih il-liġijiet li jsostnu l-proprjetà tal-istat, u twaqqaf ir-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-assi tal-Istat bħala proprjetà tar-Repubblika Srpska mingħajr dewmien; jikkundanna bil-qawwa l-vot tal-Assemblea Nazzjonali tal-entità tar-Repubblika Srpska bil-għan li jiġi stabbilit HJPC separat, kif ukoll il-konklużjonijiet tagħha li jikkontestaw il-ħidma tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina, filwaqt li jitolbu li d-deċiżjonijiet finali u vinkolanti tagħha ma jiġux rispettati u l-imblukkar tal-ħidma tagħha, kif ukoll jitolbu li mħallef tal-Qorti Kostituzzjonali jirriżenja;

    41.

    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar in-nuqqas ta’ progress fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni mifruxa u s-sinjali dejjem jiżdiedu ta’ manipulazzjoni tal-Istat, indħil politiku u ostruzzjoni, pressjoni u intimidazzjoni; jappella għall-użu trasparenti tal-assistenza finanzjarja tal-UE; itenni l-ħtieġa li jiġu investigati r-rabtiet politiċi u amministrattivi mal-kriminalità organizzata; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ kundanni finali għal każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, li jirriskja li jrawwem kultura ta’ impunità; iħeġġeġ lill-awtoritajiet iwettqu proċeduri kriminali f’waqthom u jżidu l-isforzi biex iħarrku b’mod effettiv u jaslu għal deċiżjonijiet finali f’każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli;

    42.

    Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tadotta liġijiet dwar il-kunflitt ta’ interess u strateġija kontra l-korruzzjoni, u tinforza r-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess u l-lobbying fil-livelli amministrattivi kollha, flimkien ma’ protezzjoni aktar b’saħħitha għall-informaturi, f’konformità mal-istandards tal-UE, u tiżgura l-implimentazzjoni tal-liġijiet eżistenti minn istituzzjonijiet indipendenti;

    43.

    Jappella għal aktar riżorsi u kompetenzi għall-istrutturi kontra l-korruzzjoni, inkluż l-involviment attiv tagħhom fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO), kif ukoll l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ integrità għal dawn l-istrutturi; jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud tal-kooperazzjoni effettiva mal-pajjiż kollu u Ewropea fost l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

    44.

    Jilqa’ l-ħatra ta’ koordinatur nazzjonali għall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra l-Atti Kriminali u jistenna li l-kooperazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-Europol u l-Eurojust tkun funzjonali bis-sħiħ; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-iffirmar tal-Ġabra ta’ Regoli dwar l-operat tal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali/Konġunt għall-kooperazzjoni mal-Europol; jappella għal salvagwardji kontra l-indħil politiku fil-ħidma tal-pulizija;

    45.

    Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha u tieħu azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

    46.

    Jieħu nota pożittiva tal-passi meħuda biex jiżdied l-allinjament tal-liġijiet dwar l-akkwist pubbliku mal-acquis tal-UE, kif ukoll l-adozzjoni ta’ pjan għall-integrità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni mill-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku; itenni l-ħtieġa ta’ trasparenza, kompetizzjoni u trattament ugwali fil-proċess tal-akkwist pubbliku, kif ukoll li jitnaqqas l-abbuż tar-riżorsi pubbliċi; jibqa’ mħasseb dwar il-vulnerabbiltajiet tas-settur għall-korruzzjoni u l-irregolaritajiet, u jappella għal liġi dwar l-akkwist li tindirizzahom b’mod suffiċjenti u adegwat; jitlob, għalhekk, titjib, inkluż permezz ta’ kapaċitajiet aktar b’saħħithom għall-monitoraġġ, il-ġestjoni u l-appoġġ; jappella għal leġiżlazzjoni aktar robusta u effiċjenti dwar l-użu tar-riżorsi naturali u għal aktar trasparenza u integrità, b’mod partikolari fil-qasam tal-konċessjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ diversi proġetti ewlenin ma’ kumpaniji Ċiniżi u Ungeriżi;

    Ir-rikonċiljazzjoni, il-kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien;

    47.

    Jafferma mill-ġdid is-sinifikat tar-rikonċiljazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koeżistenza paċifika ġenwini fil-Bożnija-Ħerzegovina u jistieden lill-awtoritajiet kollha jippromwovu u jiżguraw b’mod attiv l-aċċess għall-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjonijiet mhux selettivi; jilqa’ l-inizjattivi fil-livell lokali li jikkommemoraw il-vittmi ċivili tal-gwerra, it-tlestija tal-monument fid-Distrett ta’ Brčko u d-deċiżjoni tal-OHR li jemenda l-Liġi dwar iċ-Ċentru tal-Mafkar u ċ-Ċimiterju ta’ Srebrenica-Potočari għall-Vittmi tal-Ġenoċidju tal-1995, sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma taċ-Ċentru tal-Mafkar;

    48.

    Jistieden lill-mexxejja politiċi u reliġjużi fil-Bożnija-Ħerzegovina jaħdmu favur il-promozzjoni tal-unità, l-inklużività, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi; jikkundanna r-retorika xewwiexa u bellikuża kollha li tħeġġeġ it-tensjonijiet u d-diviżjonijiet fis-soċjetà tal-Bożnija-Ħerzegovina;

    49.

    Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mas-superstiti kollha tad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità, il-ġenoċidju, it-tindif etniku, l-ispostament, l-għajbien, il-qtil, it-tortura u l-attakk sesswali, u mal-familji tagħhom; Jikkundanna bil-qawwa r-reviżjoniżmu storiku kollu, inklużi ċ-ċaħda tal-ġenoċidju, il-glorifikazzjoni tad-delitti tal-gwerra u tal-kriminali tal-gwerra, u l-kontestazzjoni ta’ fatti u tribunali stabbiliti, notevolment mill-mexxejja politiċi, kif ukoll it-twettiq ta’ valdaliżmu fuq is-siti ta’ tifkira; jissottolinja li tali atti u retorika huma inaċċettabbli u jmorru kontra l-valuri tal-UE; jappella għall-prosekuzzjoni effettiva ta’ tali każijiet; jiddispjaċih li ma nbeda l-ebda proċediment kriminali u li l-ebda awtur ma tressaq quddiem il-ġustizzja, wara l-emendi introdotti fil-Kodiċi Penali fl-2021 mill-ex Rappreżentant Għoli Valentin Inzko li kkriminalizza dawn l-atti;

    50.

    Jikkundanna, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ mixja li tikkommemora l-vittmi tal-massakru fi Prijedor mill-forzi tas-sigurtà tal-entità tar-Repubblika Srpska; jikkundanna bil-qawwa l-attakki vjolenti fil-25 ta’ Marzu 2023 kontra żewġ persuni rimpatrijati lejn Višegrad u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Srpska jinvestigaw dawn il-każijiet u jżommu responsabbli lill-awturi tar-reati;

    51.

    Jinsab ixxukkjat bir-rimarki li saru mill-kriminal tal-gwerra li nstab ħati Dario Kordić, li ma wera l-ebda sinjal ta’ rimors u qal li “jerġa’ jagħmel dan” b’referenza għad-delitti li għalihom ġie kkundannat, inkluż it-tindif etniku fil-Wied ta’ Lašva; jitlob lill-forzi politiċi kollha, b’mod partikolari l-membri tal-gvern fil-Bożnija-Ħerzegovina, biex jikkundannaw din id-dikjarazzjoni u jitbiegħdu b’mod ċar minnha; jitlob lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Bożnija-Ħerzegovina jieħdu azzjoni legali xierqa;

    52.

    Jinnota b’mod pożittiv it-tnaqqis kontinwu fil-kawżi pendenti ta’ delitti tal-gwerra, iżda jiddispjaċih li r-ritmu baqa’ baxx, u dan ixekkel l-għan strateġiku li jissolvew il-każijiet kollha; jitlob, għalhekk, li jitħaffu l-proċedimenti kriminali f’każijiet ta’ delitti tal-gwerra; jinnota l-limitazzjonijiet persistenti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja reġjonali f’dan ir-rigward; jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li xi kriminali tal-gwerra kkundannati fil-qrati tal-Bożnija-Ħerzegovina jaħarbu mill-ġustizzja minħabba ċittadinanza doppja u residenza fi stati oħra;

    53.

    Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ipproċessar tad-Delitti tal-Gwerra riveduta, b’mod partikolari permezz ta’ diviżjoni adegwata tal-każijiet bejn l-uffiċċji tal-prosekuturi, filwaqt li tingħata prijorità fil-livell tal-istat lill-aktar każijiet kumplessi; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw strateġija ġdida għall-perjodu ta’ wara l-2023;

    54.

    Jappella għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni bil-għan li tiggarantixxi firxa wiesgħa ta’ drittijiet għall-vittmi ċivili tal-gwerra; jinnota b’mod pożittiv l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-Vittmi Ċivili tal-Gwerra fid-Distrett ta’ Brčko u fil-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, li kemm tirrikonoxxi kif ukoll tagħti d-drittijiet lit-tfal; iħeġġeġ lill-entità tar-Repubblika Srpska tadotta leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward;

    55.

    Jistieden lill-awtoritajiet statali jadottaw liġi dwar il-vittmi tat-tortura matul il-gwerra; jappella għall-appoġġ għall-kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-prattiki fil-Bożnija-Ħerzegovina, bil-għan li tingħata assistenza lis-superstiti tal-vjolenza sesswali matul il-gwerra flimkien ma’ atturi li issa qed jaħdmu mas-superstiti tal-vjolenza sesswali fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata fl-Ukrajna;

    56.

    Jappella biex isiru aktar sforzi dwar il-kwistjoni tal-persuni nieqsa, inkluża l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-istabbiliment ta’ fond li jappoġġja lill-familji tagħhom; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet fir-reġjun kollu jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

    57.

    Jenfasizza li ma sarx biżżejjed progress fl-implimentazzjoni tal-Anness VII tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton dwar ir-rifuġjati, il-persuni spostati internament u l-persuni rimpatrijati; itenni l-appell tiegħu għal miżuri addizzjonali u programmi konkreti dwar ir-ritorn sostenibbli, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-edukazzjoni, u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tagħhom;

    58.

    Jilqa’ l-parteċipazzjoni attiva kontinwata tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-kooperazzjoni reġjonali; jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali fil-promozzjoni tal-istabilità, il-prosperità u l-integrazzjoni; jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi reġjonali inklużivi bħas-Suq Reġjonali Komuni, kif ukoll inizjattivi diġà eżistenti bħall-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, l-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali (CEI), l-EUSAIR u l-Proċess ta’ Berlin, u jappella għal sinerġiji bejniethom;

    59.

    Jilqa’ il-ftehimiet riċenti fil-kuntest tal-Proċess ta’ Berlin dwar il-Libertà tal-Moviment bil-Karti tal-Identità, dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki tal-Edukazzjoni Għolja, u dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali għat-Tobba tal-Mediċina, Dentisti u Arkitetti, u jappella sabiex jiġu rratifikati malajr. iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina ssaħħaħ l-involviment tagħha mal-pajjiżi ġirien u tippermetti malajr vjaġġar mingħajr viża bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo;

    60.

    Jilqa’ d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Kostijiet tar-Roaming; f’dan il-kuntest, jistieden lill-awtoritajiet, lill-atturi privati u lill-partijiet ikkonċernati kollha jiffaċilitaw l-ilħuq tal-miri miftiehma biex jinkiseb tnaqqis sostanzjali tat-tariffi tar-roaming għad-data mill-1 ta’ Ottubru 2023 u aktar tnaqqis li jwassal għal prezzijiet qrib il-prezzijiet domestiċi sal-2027;

    61.

    Jilqa’ t-tħejjijiet mill-Kunsill tal-Ministri għas-Summit Diġitali tal-Balkani tal-Punent, li se jsir f’Sarajevo fit-2 ta’ Ottubru 2023;

    Libertajiet fundamentali u drittijiet tal-bniedem

    62.

    Jenfasizza r-rwol vitali tal-media indipendenti għat-twassil ta’ informazzjoni preċiża, f’waqtha u trasparenti; jikkundanna bil-qawwa l-attakki u t-theddid, il-kampanji ta’ malafama, l-insulti, l-intimidazzjoni u l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) kontra l-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media, anki minn politiċi u personalitajiet pubbliċi, inklużi l-attakki reċenti fuq il-ġurnalisti Aleksandar Trifunović u Nikola Morača, u minn kumpaniji privati; jinsisti li jingħata segwitu ġudizzjarju xieraq, sistematiku u effettiv u li l-ġurnalisti jiġu protetti, inkluż permezz ta’ saff speċjali ta’ protezzjoni fil-kodiċi kriminali u kapaċitajiet imtejba tal-prosekuturi u l-imħallfin; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata t-trasparenza tas-sjieda tal-media u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tax-xandir pubbliku; jistieden lill-UE żżid l-appoġġ finanzjarju u tekniku tagħha għal taħriġ medjatiku u ġurnalistiku ta’ kwalità, b’mod partikolari għall-media investigattiva u indipendenti;

    63.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar l-introduzzjoni u l-kunsiderazzjoni parlamentari tal-emendi għall-kodiċi kriminali tal-entità tar-Repubblika Srpska li jintroduċu mill-ġdid pieni kriminali għall-malafama; iħeġġeġ lill-entità tar-Repubblika Srpska tirtira l-emendi u tiżgura l-protezzjoni sħiħa tal-libertà tal-espressjoni u tal-media;

    64.

    Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata rappreżentanza adegwata ta’ gruppi minoritarji u vulnerabbli fil-media pubblika, kif ukoll il-pluraliżmu tal-media, ir-rappreżentanza tal-komunitajiet u l-kulturi kollha, u d-disponibbiltà tal-kontenut fil-lingwi uffiċjali kollha;

    65.

    Jilqa’ l-fatt li l-film “Quo Vadis, Aida?” irċieva l-Premju LUX tal-Udjenza 2022 tal-Parlament Ewropew u l-European Film Academy; jinsab imħasseb, madankollu, li x-xandar pubbliku tar-Repubblika Srpska rrifjuta li jxandar dan il-film dwar il-ġenoċidju ta’ Srebrenica; jikkundanna l-finanzjament pubbliku minn xi muniċipalitajiet tar-Repubblika Srpska tal-film reviżjonista ta’ propaganda “Republika Srpska: The Struggle for Freedom” (Repubblika Srpska: Il-Ġlieda għal-Libertà);

    66.

    Jikkundanna l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, segregazzjoni, vjolenza u diskors ta’ mibegħda kontra n-nisa, il-minoranzi, inklużi l-minoranzi etniċi, il-persuni LGBTIQ+, il-persuni b’diżabilità, ir-rifuġjati, il-persuni spostati u l-persuni li jiċċaqilqu, u jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tiżgura l-protezzjoni u l-libertajiet fundamentali tagħhom; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ aċċess effettiv għal rimedji legali u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet bħal dawn mingħajr dewmien; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tissalvagwardja u tippromwovi d-drittijiet tal-minoranzi kollha fil-pajjiż kollu, inkluż id-dritt tagħhom li jipparteċipaw f’elezzjonijiet demokratiċi; ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħu l-indipendenza u l-effikaċja tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem; jappella għall-applikazzjoni effettiva tal-politiki kontra d-diskriminazzjoni u dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jiġbru data statistika dwar ir-reati ta’ mibegħda kkategorizzati skont il-motivazzjoni;

    67.

    Jinnota s-sottorappreżentanza tan-nisa fil-politika, fil-ħajja pubblika u fil-gradi għoljin tas-servizzi tas-sigurtà, u li l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneru mhumiex qed jitwettqu kif meħtieġ mil-liġi; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aspetti kollha tal-ħajja pubblika u privata; jappella għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-istabbiliment ta’ strateġiji rilevanti; jikkundanna l-inċidenti f’Banja Luka waqt il-Jum Internazzjonali tan-Nisa; jikkundanna bil-qawwa r-rati dejjem jiżdiedu tal-femminiċidju u jħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina ttejjeb l-isforzi għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa kif ukoll ir-rispons istituzzjonali għall-vjolenza sesswali u sessista, tiġbor data dwar il-femminiċidji, iżżid u ttejjeb l-aċċess għall-appoġġ għall-vittmi, l-għajnuna legali u l-akkomodazzjoni sikura, u tistabbilixxi ċentri ta’ kriżi għall-vittmi tal-vjolenza sesswali; itenni li l-Bożnija-Ħerzegovina għandha tħaffef il-prosekuzzjoni tad-delitti ta’ vjolenza sesswali, tipprovdi kumpens lin-nisa vittmi ta’ delitti tal-gwerra u tiżgura l-protezzjoni tax-xhieda;

    68.

    Jilqa’ s-suċċess tat-tielet Pride tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-2022, iżda jiddispjaċih li dan l-avveniment għadu qed jiffaċċja ostakli amministrattivi u diskriminazzjoni; jilqa’ l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni LGBTI għall-Bożnija-Ħerzegovina 2021-2024 u l-istabbiliment ta’ punt fokali inkarigat mis-sorveljanza tar-reati ta’ mibegħda kontra l-LGBTIQ+ fl-Uffiċċji tal-Prosekuturi tal-Cantons; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tieħu passi prattiċi biex tippromwovi l-inklużjoni u l-prevenzjoni tal-vjolenza kontra l-komunità LGBTIQ+, inkluż billi żżid l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru mad-dispożizzjonijiet dwar ir-reati ta’ mibegħda fil-kodiċijiet kriminali;

    69.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ostakli politiċi għal-libertà tal-għaqda għall-attivisti LGBTIQ+ u l-inċitament għall-vjolenza minn ċerti politiċi; jiddenunzja l-projbizzjoni ta’ laqgħa pubblika f’Banja Luka b’solidarjetà mal-attivisti, il-ġurnalisti u l-persuni LGBTIQ+; jikkundanna bil-qawwa l-attakki vjolenti sussegwenti u l-pressjoni fuq ġurnalisti u attivisti f’Banja Luka, kif ukoll l-azzjoni insuffiċjenti tal-pulizija biex dan jiġi evitat; jikkundanna wkoll il-pjanijiet tat-tmexxija tal-entità tar-Repubblika Srpska li tintroduċi liġi ġdida li tipprojbixxi lil persuni LGBTIQ+ mill-istituzzjonijiet edukattivi;

    70.

    Jappella sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranza Rom, inkluż l-aċċess tagħhom għas-servizzi pubbliċi, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa; jikkundanna s-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni li għaddejjin kontrihom, b’mod partikolari kontra t-tfal Rom fl-edukazzjoni; jenfasizza l-faqar sproporzjonat tal-persuni Rom; jilqa’, f’dan il-kuntest, l-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Inklużjoni tar-Rom;

    71.

    Jinnota li l-persuni b’diżabilità, b’mod partikolari t-tfal, huma wieħed mill-aktar gruppi emarġinati fil-Bożnija-Ħerzegovina; itenni l-appell tiegħu lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tiżgura l-protezzjoni tagħhom, tiżviluppa u tadotta strateġija dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, li tagħti lill-persuni b’diżabilità ħajja dinjituża, f’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li l-Bożnija-Ħerzegovina hija firmatarja tagħha; jissottolinja l-ħtieġa ta’ aċċess ugwali għall-appoġġ; jiddispjaċih għall-fatt li ħafna tfal b’diżabilità għadhom jitqiegħdu f’istituzzjonijiet;

    72.

    Jistieden lill-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-entità tar-Repubblika Srpska u lid-Distrett ta’ Brčko jabbozzaw liġi bil-għan li jiġi żgurat ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru bbażat fuq l-awtodeterminazzjoni, f’konformità mal-prattika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-reviżjoni tal-ICD-11 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li daħlet fis-seħħ f’Jannar 2022, u li tiddepatoloġizza l-identitajiet trans fl-oqsma kollha tal-ħajja;

    73.

    Jilqa’ l-progress fl-elaborazzjoni ta’ liġi fil-livell Federali li tagħti lill-koppji tal-istess sess aċċess għad-drittijiet ta’ sħubija ċivili; jinkoraġġixxi lill-gvern jabbozza din il-liġi mingħajr dewmien; jistieden lill-entità tar-Repubblika Srpska u lid-Distrett ta’ Brčko jibdew ukoll proċessi għall-abbozzar ta’ soluzzjonijiet leġiżlattivi għar-rikonoxximent ta’ sħubijiet bejn persuni tal-istess sess, sabiex il-koppji tal-istess sess jingħataw trattament ugwali fil-pajjiż kollu;

    74.

    Jissottolinja l-importanza ta’ edukazzjoni mhux diskriminatorja, inklużiva u ta’ kwalità, inkluż billi l-kurrikuli jsiru aktar inklużivi, filwaqt li titqies id-diversità kulturali u lingwistika, jiġi eliminat il-kontenut kontrofattwali li jippromwovi d-diviżjoni, u jitrawwem il-ħsieb kritiku; itenni t-talba tiegħu biex b’urġenza tintemm il-prattika diskriminatorja li għaddejja ta’ “żewġ skejjel taħt saqaf wieħed”, f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-qorti; jirrakkomanda bil-qawwa l-inkorporazzjoni tar-rikonċiljazzjoni fil-proċess edukattiv; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tnaqqas l-ostakli amministrattivi għall-istudenti li jixtiequ jkomplu l-edukazzjoni tagħhom f’canton jew f’entità oħra;

    75.

    Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili fit-titjib tar-reżiljenza tas-soċjetajiet demokratiċi u fil-proċessi ta’ riforma; jappoġġja l-parteċipazzjoni aktar intensa taċ-ċittadini f’fora li jsawru l-politiki, bħall-assemblea taċ-ċittadini mal-pajjiż kollu fil-Bożnija-Ħerzegovina, u jieħu nota sewwa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tagħha; jistieden lill-awtoritajiet irawmu ambjent favorevoli għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, u li b’mod sistematiku jikkundannaw u jiftħu proċeduri l-qorti kontra t-theddid, il-fastidji, l-attakki u l-intimidazzjonijiet kollha, inklużi minn persuni politiċi u personalitajiet pubbliċi, u għall-iSLAPPs kontra dawn id-difensuri u l-attivisti; jappella għal djalogu attiv u miftuħ mas-soċjetà ċivili u għall-involviment tagħha fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE;

    76.

    Jappella sabiex jissaħħu l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertà tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni, inkluż billi l-liġijiet jinġiebu f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali; jikkundanna d-deċiżjoni tal-gvern tal-entità tar-Repubblika Srpska li jadotta Abbozz ta’ Liġi dwar l-NGOs, li għandu l-għan li jnaqqas l-ispazju u l-attività tas-soċjetà ċivili u li jirriskja li jikkriminalizza l-ħidma ta’ ħafna mill-organizzazzjonijiet tagħha, filwaqt li jsemmi lil dawk li jirċievu finanzjament internazzjonali bħala aġenti barranin; iħeġġeġ lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Srpska biex ma tadottax din il-leġiżlazzjoni;

    77.

    Itenni l-ħtieġa ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil ibbażata fuq is-solidarjetà li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali, inkluż fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, u distribuzzjoni xierqa, dinjituża u ġusta tal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza madwar il-pajjiż, bl-inklużjoni effettiva tal-atturi tas-soċjetà ċivili fir-rispons ta’ akkoljenza sabiex jiġi żgurat li jkun hemm monitoraġġ; jinnota l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-Istati Membri ġirien tal-UE; jissottolinja l-prinċipju ta’ non-refoulement u l-projbizzjoni ta’ trattament inuman fir-ritorni; jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi biex tittejjeb il-koordinazzjoni fil-livell lokali u internazzjonali; jilqa’ l-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehim ta’ status imtejjeb tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u jappella għall-konklużjoni f’waqtha tiegħu sabiex jiġu ffaċilitati l-protezzjoni u l-ġestjoni aħjar tal-fruntieri tagħha, f’konformità mad-drittijiet fundamentali u l-istandards internazzjonali; jiddispjaċih għan-nuqqasijiet persistenti fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri, minkejja l-appoġġ finanzjarju sinifikanti tal-UE lill-Bożnija-Ħerzegovina, u jappella għal żieda fil-kapaċità ta’ rispons għall-kriżijiet; jesprimi tħassib serju dwar rapporti ta’ pushbacks vjolenti fil-Bożnija-Ħerzegovina; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu t-trasparenza fl-allokazzjoni u l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE f’ dan il-qasam kif ukoll l-iskrutinju tagħhom, b’mod partikolari l-fondi implimentati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni; jinsab imħasseb dwar ir-rapporti ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza insuffiċjenti fiċ-ċentru ffinanzjat mill-UE f’Lipa;

    78.

    Jilqa’ l-adozzjoni tal-Istrateġija dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil għall-perjodu 2021-2025 u jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tadotta malajr il-pjan ta’ azzjoni relatat; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina ttejjeb il-ħeffa, it-tul u l-kwalità tal-proċeduri tal-ażil u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u s-sikurezza fiċ-ċentri ta’ akkoljenza temporanji;

    79.

    Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina żżid l-isforzi tagħha kontra l-kriminalità transfruntiera, b’mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin u ta’ armi illeċiti; jissottolinja l-ħtieġa li jittejbu t-taħriġ u l-kapaċitajiet tal-Pulizija tal-Fruntieri u jieħu nota tal-allokazzjoni mill-Kummissjoni ta’ EUR 5 miljun tal-fondi tal-IPA III fl-2022 għal dan l-għan;

    80.

    Jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tallinja ruħha bis-sħiħ mal-politika tal-UE dwar il-viżi sabiex tiżgura ambjent ta’ migrazzjoni u ta’ sigurtà mmaniġġjat tajjeb;

    Riformi soċjoekonomiċi

    81.

    Jilqa’ l-adozzjoni ta’ strateġija għar-riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika fil-livelli kollha tal-gvern, il-Programm ta’ Riformi Ekonomiċi għall-2023-2025, l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Baġit u d-Dokument ta’ Qafas tal-Baġit għall-perjodu 2023-2025, u jappella għall-implimentazzjoni bir-reqqa tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jistabbilixxu sistemi effettivi ta’ kontroll intern, trasparenza baġitarja u miżuri baġitarji sostenibbli għall-istituzzjonijiet tal-istat; jirrikonoxxi t-tkomplija pożittiva tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-istat u jilqa’ t-titjib fil-prospetti ta’ kreditu sovran tal-Bożnija-Ħerzegovina, wara l-formazzjoni f’waqtha ta’ gvern ġdid fil-livell tal-istat u l-għoti ta’ status ta’ kandidat;

    82.

    Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tipprijoritizza miżuri mmirati biex jindirizzaw il-faqar, l-inugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, itejbu l-kompetittività u l-ambjent tan-negozju, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali, jagħtu spinta lid-diversifikazzjoni ekonomika u jġibu l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-VAT u tad-dazji tas-sisa f’konformità ma’ dik tal-UE; iħeġġeġ ukoll lill-Bożnija-Ħerzegovina tippromwovi t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, tindirizza l-ekonomija informali u taffronta l-qgħad u l-faqar, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħall-abitanti taż-żoni rurali, ir-Rom, it-tfal u l-anzjani; jappella biex jiġi stabbilit qafas istituzzjonali u regolatorju adegwat, inkluż it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet superviżorji, u biex ikun hemm governanza aħjar u depolitiċizzata fis-settur pubbliku;

    83.

    Jappella b’urġenza għal miżuri biex jiġi indirizzat il-grad għoli kontinwu ta’ eżodu ta’ mħuħ; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tindirizza l-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi li jippromwovu l-impjiegi u l-intraprenditorija; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll l-importanza tal-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku, u jħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tinvesti fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

    84.

    Jilqa’ l-assoċjazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina ma’ Orizzont Ewropa u l-adozzjoni tal-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027; jilqa’ l-Appoġġ tal-UE għar-Riforma tas-Settur tas-Saħħa fil-Bożnija-Ħerzegovina, b’valur ta’ EUR 10 miljun, u l-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tas-settur tas-saħħa tal-Bożnija-Ħerzegovina permezz tal-proġett “EU4Health”; jilqa’ s-sħubija sħiħa tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u jfaħħar lill-awtoritajiet u liċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-appoġġ fil-pront tagħhom lill-popli tat-Turkija u tas-Sirja wara t-terremot tas-6 ta’ Frar 2023;

    L-enerġija, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u l-konnettività

    85.

    Jilqa’ l-pakkett ta’ appoġġ għall-enerġija tal-Kummissjoni ta’ EUR 1 biljun f’għotjiet tal-UE għall-Balkani tal-Punent biex jgħinhom jegħlbu l-kriżi tal-enerġija, inkluż appoġġ baġitarju immedjat ta’ EUR 70 miljun lill-Bożnija-Ħerzegovina, li jipprovdi assistenza lill-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli fil-mitigazzjoni tal-effetti taż-żieda fil-prezzijiet u li jappoġġa l-effiċjenza enerġetika fis-setturi residenzjali u tan-negozju; jissottolinja li l-fondi ta’ emerġenza jridu jiġu allokati biex jappoġġaw lill-Bożnija-Ħerzegovina fi triqtha lejn sistema effiċjenti fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, f’konformità mar-REpowerEU; jirrakkomanda li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fis-suq Ewropew tal-enerġija, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza enerġetika fuq ir-Russja, b’segwitu tal-bidu tal-invażjoni fuq skala kbira u l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; jilqa’ l-inizjattiva Global Gateway għal Kuritur tal-Elettriku Trans-Balkan u jappella għall-implimentazzjoni rapida tagħha;

    86.

    Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tiffinalizza u tadotta pjan għall-enerġija u l-klima ambizzjuż, kredibbli u koeżiv għall-2021-2030; itenni l-ħtieġa li tadotta l-leġiżlazzjoni meħtieġa dwar il-gass, l-elettriku, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, f’konformità mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent, il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa u standards u objettivi ta’ politika oħra tal-UE dwar il-protezzjoni tal-klima u l-enerġija, u li tiżgura l-armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet fil-livell tal-istat sabiex jinkiseb suq tal-enerġija funzjonali;

    87.

    Jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ malajr id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, f’konformità mal-impenji tal-pajjiż favur id-dekarbonizzazzjoni; iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tevita u twaqqaf proġetti f’setturi strateġiċi, inkluża l-infrastruttura tal-enerġija, li jżidu d-dipendenza tal-pajjiż fuq ir-Russja u ċ-Ċina; jilqa’ t-tħabbira tal-gvern Federali tal-Bożnija-Ħerzegovina li jirrifjuta proposta għal sottokuntrattur Ċiniż alternattiv għall-impjant tal-enerġija propost ta’ Tuzla 7 li jaħdem bil-faħam;

    88.

    Jilqa’ l-għażla ta’ Sarajevo li tipparteċipa fil-Missjoni tal-UE għal 100 belt newtrali għall-klima u intelliġenti sal-2030, li se tirċievi EUR 360 miljun ta’ finanzjament minn Orizzont Ewropa li jkopru l-perjodu 2022-2023;

    89.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ proġetti fil-qafas tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, li jippermettu lill-pajjiż inaqqas id-dipendenza tiegħu fuq il-fjuwils fossili, filwaqt li jippromwovu t-triq lejn id-dekarbonizzazzjoni u jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Ekoloġika; jissottolinja li t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-konnettività sostenibbli jirrappreżentaw fattur xprunatur għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali u għall-integrazzjoni mal-UE;

    90.

    Jinkoraġġixxi lill-gvernijiet tal-entitajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jżidu t-trasparenza permezz tal-parteċipazzjoni u konsultazzjoni pubblika mal-komunitajiet lokali, l-esperti xjentifiċi u s-settur ċivili meta jippjanaw proġetti; jissottolinja l-ħtieġa li jittejbu l-valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi komprensivi ex ante u li jkun hemm allinjament mad-dispożizzjonijiet tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali; jenfasizza l-importanza tal-użu trasparenti u effiċjenti tal-investimenti;

    91.

    Jinnota l-iżviluppi pożittivi fil-protezzjoni ambjentali u jfaħħar il-ħidma tal-organizzazzjonijiet ambjentali lokali u tal-attivisti tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina żżid l-integrazzjoni tal-perspettiva ambjentali f’politiki settorjali differenti u tagħti spinta lill-prosekuzzjoni tar-reati ambjentali; iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tistabbilixxi applikazzjoni stretta tal-liġijiet u tal-miżuri għall-protezzjoni ambjentali biex tipprevjeni u tnaqqas l-impatt tar-riċerka fil-minjieri u tal-operazzjonijiet tal-minjieri fuq l-ambjent; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina żżid l-għadd u d-daqs taż-żoni naturali protetti u żżomm l-integrità tal-parks nazzjonali eżistenti u żoni protetti oħra;

    92.

    Jinsab ferm allarmat bit-tniġġis fix-xmajjar; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jindirizzaw il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma, jipproteġu x-xmajjar tagħha, inkluż mill-impatt dannuż tal-impjanti idroelettriċi żgħar, ikomplu jallinjaw ruħhom mal-acquis tal-UE dwar il-kwalità tal-ilma u l-protezzjoni tan-natura, u jtejbu b’mod konsiderevoli l-ġestjoni tal-iskart, inkluż billi jadottaw strateġija mal-pajjiż kollu b’attenzjoni partikolari għall-effiċjenza fir-riżorsi u għall-miżuri tal-ekonomija ċirkolari;

    93.

    Iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tibda programmi effettivi ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-arja fil-bliet tal-Bożnija-Ħerzegovina li huma mniġġsa ħafna, b’mod partikolari f’Sarajevo; jilqa’, f’dan il-kuntest, l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ministri ta’ inizjattiva li għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja u ta’ gassijiet serra fit-tisħin ta’ bini residenzjali u fit-traffiku; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tnaqqas ukoll it-tniġġis transfruntier tal-arja;

    94.

    Jinnota li l-Bożnija-Ħerzegovina jeħtieġ li tagħmel sforzi addizzjonali biex tkompli tallinja ruħha mal-acquis tal-UE u timplimentah b’mod effettiv fl-oqsma kollha tat-trasport; jissottolinja l-ħtieġa li jittejbu l-armonizzazzjoni u l-konnettività interna u reġjonali; ifakkar fil-ħtieġa ta’ miżuri ta’ riforma tal-konnettività u ta’ allinjament man-Network Trans-Ewropew tat-Trasport u n-Networks Trans-Ewropej għall-Enerġija; jilqa’ l-investimenti Ewropej fl-infrastruttura tat-toroq u tal-ferroviji fil-Bożnija-Ħerzegovina, b’mod partikolari l-iżvilupp tal-Kuritur Vc, li se jtejjeb l-iskambju ekonomiku u l-konnettività fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent;

    °

    ° °

    95.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, tar-Repubblika Srpska u d-Distrett ta’ Brčko, lill-gvernijiet tal-għaxar cantons kif ukoll lill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli.

    (1)   ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2.

    (2)   ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1.

    (3)   ĠU L 391, 5.11.2021, p. 45.

    (4)   ĠU L 311, 2.12.2022, p. 149.

    (5)  Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2014.

    (6)  Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2009.

    (7)   ĠU C 265, 11.8.2017, p. 142.

    (8)   ĠU C 399, 24.11.2017, p. 176.

    (9)   ĠU C 362, 8.9.2021, p. 129.

    (10)   ĠU C 251, 30.6.2022, p. 87.

    (11)   ĠU C 493, 27.12.2022, p. 136.

    (12)   ĠU C 167, 11.5.2023, p. 105.

    (13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/450 tat-18 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2011/173/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina (ĠU L 91, 18.3.2022, p. 22).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4004/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top