EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0140

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Protezzjoni temporanja lill-persuni li qed jaħarbu l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: Sena wara

COM/2023/140 final

Brussell, 8.3.2023

COM(2023) 140 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Protezzjoni temporanja lill-persuni li qed jaħarbu l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: Sena wara


1.Introduzzjoni

Fl-24 ta’ Frar 2022, ir-Russja bdiet gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna. Dan intlaqa’ b’rispons mingħajr preċedent u unifikat mill-Unjoni Ewropea u mill-komunità internazzjonali. Komponent ewlieni ta’ dan ir-rispons kien id-deċiżjoni unanima mill-Istati Membri dwar proposta tal-Kummissjoni biex tiġi attivata d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 1 . Fl-4 ta’ Marzu 2022, ġimgħa biss wara l-bidu tal-gwerra, miljuni ta’ persuni spostati li kienu qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna ngħataw aċċess immedjat għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-kura tas-saħħa, u l-akkomodazzjoni fl-UE. L-attivazzjoni tad-Direttiva ġiet ikkomplementata fit-28 ta’ Marzu 2022 bi Pjan ta’ 10 Punti 2 dwar koordinazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha biex jintlaqgħu persuni li kienu qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Il-protezzjoni temporanja diġà ġiet estiża sa Marzu 2024.

Sena wara, l-użu tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (TPD) huwa xhieda tal-għaqda u tas-solidarjetà tal-Unjoni mal-poplu tal-Ukrajna, fid-dawl ta’ sfidi mingħajr preċedent. Attivata għall-ewwel darba, id-Direttiva ppermettiet lill-Unjoni tipprovdi protezzjoni immedjata filwaqt li naqqset kemm jista’ jkun il-formalitajiet. Hija kkomplementat din il-protezzjoni b’sett komprensiv u armonizzat ta’ drittijiet, inklużi d-drittijiet ta’ residenza, akkomodazzjoni xierqa, aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għall-kura tas-saħħa u għas-suq tax-xogħol. Tat struttura għall-merħba mill-aqwa offruta minn ħafna Ewropej, mill-familji tagħhom, u mill-komunitajiet. Illum, madwar erba’ miljun persuna jgawdu minn protezzjoni temporanja fl-UE. Minn dawn, 47 % huma nisa u aktar minn terz huma tfal, li l-protezzjoni tagħhom tibqa’ prijorità kritika. L-implimentazzjoni tad-Direttiva ma kinitx mingħajr sfidi, iżda bis-saħħa tal-isforzi kontinwi tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri, id-Direttiva qed tkompli tagħti riżultati b’suċċess. 

Din il-Komunikazzjoni tqis l-implimentazzjoni tad-Direttiva fuq sena, filwaqt li tibni fuq il-Komunikazzjoni “Nilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna: Inħejju l-Ewropa biex tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet” 3 adottata fit-23 ta’ Marzu 2022. Tipprovdi għarfien dwar kif l-UE rnexxielha tattiva u tikkoordina rispons ġenwin min-naħa tas-soċjetà kollha għal l-akbar spostament fuq art Ewropea mit-Tieni Gwerra Dinjija. Tidentifika wkoll oqsma ta’ prijorità fejn huma meħtieġa sforzi kontinwi biex jiġu ggarantiti d-drittijiet previsti fid-Direttiva.

Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni se toffri xi riflessjonijiet dwar it-triq ’il quddiem biex jinżammu xi tagħlimiet ewlenin meħuda u biex l-UE ssir aktar reżiljenti u tkun tista’ tadatta aħjar għall-isfidi futuri.

2.Stampa tas-sitwazzjoni

Minn Frar 2023, ġew irreġistrati aktar minn 16-il miljun każ ta’ dħul mill-Ukrajna u mill-Moldova fl-UE, li minnhom 14-il miljun kienu ċittadini Ukreni. Kien hemm aktar minn 11-il miljun qasma tal-fruntieri mill-UE lejn l-Ukrajna u lejn il-Moldova 4 .

Il-każijiet ta’ dħul kienu ogħla b’mod sinifikanti matul l-ewwel xahar tal-aggressjoni Russa, b’medja ta’ 800 000 każ ta’ dħul kull ġimgħa mill-Ukrajna u mill-Moldova fl-UE, li laħqu l-ogħla livelli ta’ aktar minn 200 000 każ ta’ dħul kuljum li affettwaw bil-qawwi lill-Istati Membri li jinsabu fil-fruntiera mal-Ukrajna. Minn April 2022 ’il quddiem, ix-xejra stabbilizzat għal madwar 240 000 każ ta’ dħul fil-ġimgħa u l-għadd ta’ każijiet ta’ qsim tal-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna reġa’ lura għal-livelli ta’ qabel l-aggressjoni u ta’ qabel il-pandemija.

B’mod ġenerali, ġew irreġistrati kważi erba’ miljun reġistrazzjoni għall-protezzjoni temporanja fl-UE, li minnhom, aktar minn tliet miljuni saru fl-ewwel nofs tal-2022. Minn Ġunju 2022, l-għadd ta’ reġistrazzjonijiet ta’ kull ġimgħa għall-protezzjoni temporanja qed jonqos b’mod kostanti, għalkemm b’xi varjazzjonijiet. B’kollox, mis-26 ta’ Frar, fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova, hemm 90 187 ċittadin barrani, li minnhom 84 038 huma ċittadini Ukreni u 44 751 huma minorenni.

Fl-aħħar tal-2022, kważi nofs il-benefiċjarji attwali totali ta’ protezzjoni temporanja (3,8 miljun) 5 kienu ospitati fil-Ġermanja u fil-Polonja, segwiti miċ-Ċekja, mill-Italja, u minn Spanja. L-Estonja, il-Polonja u ċ-Ċekja jospitaw l-ogħla għadd ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja per capita. Il-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji huma ċittadini Ukreni, b’madwar 70 000 ċittadin ta’ pajjiżi terzi għajr mill-Ukrajna li bbenefikaw minn protezzjoni temporanja fi tmiem l-2022.

Dawk li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna lejn l-UE huma fil-biċċa l-kbira nisa adulti (47 %) u tfal (34 %). Madwar 69 % tat-tfal spostati kellhom inqas minn 13-il sena u 0,5 % ġew irreġistrati bħala minorenni mhux akkumpanjati.

L-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja żgurat li s-sistemi tal-ażil madwar l-Istati Membri ma jkunux mgħobbija żejjed b’talbiet għal protezzjoni. Iċ-ċittadini Ukreni kienu d-disa’ l-akbar grupp, matul l-2022, għal applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (28 160).

Abbażi tal-kooperazzjoni tal-UE mas-sħab internazzjonali, s’issa aktar minn 400 000 persuna spostata mill-Ukrajna komplew jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit u bbenefikaw mill-iskemi ta’ protezzjoni rispettivi tagħhom. Ġew approvati 900 000 viża u applikazzjoni oħra għal residenza temporanja minn dawn il-pajjiżi.

3.Rispons għall-kriżi: sforz koordinat qawwi tal-UE

L-attivazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja rrikjedew koordinazzjoni u kooperazzjoni mingħajr preċedent fost l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom, is-servizzi tal-Kummissjoni, l-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà “Ukrajna” 6 stabbilita mill-Kummissjoni minnufih wara l-attivazzjoni tad-Direttiva, kellha rwol kruċjali fl-iżgurar ta’ tali rispons koordinat. Din tipprovdi qafas għal skambji regolari u tiżgura l-koerenza bejn il-fora eżistenti fil-livell tal-UE. Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà indirizzat firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, mill-ġestjoni tal-fruntieri sal-protezzjoni tal-minorenni, l-aċċess għall-edukazzjoni, l-aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendiment għall-adulti, kif ukoll ir-ritorn lejn l-Ukrajna u movimenti ulterjuri minn Stat Membru għal ieħor.

Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà ffukat ukoll fuq iż-żieda tat-tħejjija ġenerali fil-livell tal-UE billi żviluppat miżuri ta’ kontinġenza fil-każ ta’ żieda fil-wasliet mill-Ukrajna, dwar aspetti ta’ sigurtà u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u ħadmet regolarment mal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Is-sottogruppi dedikati tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, pereżempju dwar it-trasferimenti ta’ persuni spostati mill-Moldova u dwar il-Pjattaforma għar-Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni Temporanja, kellhom rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u fl-issodisfar tal-isfidi li dejjem jinqalgħu.

Barra minn hekk, il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà tat prova tal-valur miżjud tagħha fil-koordinazzjoni ġenerali tar-rispons tal-UE għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, billi offriet qafas flessibbli u informali għall-adozzjoni rapida ta’ dokumenti ta’ politika mhux vinkolanti (eż. tweġibiet għal Mistoqsijiet Frekwenti li saru disponibbli online, Proċeduri Operattivi Standard). L-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra jqisu li hija prattika tajba li għandha tiġi replikata fil-ġejjieni.

3.1.Data akkurata

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 7 , il-Kummissjoni għamlet sforz sostanzjali biex tikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-ġbir tad-data kien wieħed mill-isfidi ewlenin tal-koordinazzjoni ġenerali fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, iżda s-sitwazzjoni tjiebet b’mod kostanti bis-saħħa tal-azzjonijiet meħuda.

Sa mill-bidu tal-kriżi, in-Network tal-UE tal-Blueprint 8 dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni kellu aktar minn mitt laqgħa segwiti minn rapporti bil-miktub, li pprovdew għarfien komuni tas-sitwazzjoni dwar l-implikazzjonijiet migratorji tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna u t-tħejjija tal-UE u tal-Istati Membri. Dan jaħdem f’komplementarjetà sħiħa ma’ fora oħra, bħall-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, l-arranġamenti Integrati għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi, u n-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni u bħala parti mill-koordinazzjoni ġenerali għall-Ukrajna fil-livell tal-UE.

L-Aġenzija tal-UE għall-Ażil (EUAA) kellha rwol kruċjali fl-istabbiliment rapidu ta’ sistema għall-ġbir tad-data dwar ir-reġistrazzjonijiet ta’ kuljum għall-protezzjoni temporanja. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) żiedet ukoll l-appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, bl-għoti ta’ informazzjoni f’waqtha dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera, l-ippjanar ta’ xenarji differenti dwar l-evoluzzjoni possibbli u l-bidu ta’ rispons operazzjonali, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet u l-monitoraġġ tat-theddid transfruntier mill-kriminalità fiż-żona. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ipprovdiet aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva f’diversi Stati Membri permezz ta’ bullettini perjodiċi.

B’mod kruċjali, bħala segwitu għall-Pjan ta’ 10 Punti tat-28 ta’ Marzu 2022, il-Pjattaforma għar-Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni Temporanja ġiet żviluppata f’sitt ġimgħat biss. Qiegħed isir skambju ta’ informazzjoni bejn 25 Stat Membru dwar il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u ta’ protezzjoni adegwata disponibbli skont id-dritt nazzjonali biex jiġu identifikati reġistrazzjonijiet doppji fl-istess Stat Membru u madwar l-Istati Membri tal-UE.

3.2.Provvista ta’ informazzjoni

Il-Kummissjoni ħolqot network ta’ ċentri ta’ informazzjoni, b’mod partikolari bl-appoġġ tal-EUAA, inkorporat fin-network eżistenti ta’ ċentri ewlenin tat-trasport fl-Istati Membri, li jiffaċilita l-moviment ’il quddiem ta’ persuni li jaħarbu l-aggressjoni Russa u li jidħlu fl-UE kif ukoll l-għoti ta’ informazzjoni ewlenija lill-awtoritajiet u sorsi oħra ta’ informazzjoni uffiċjali.

Wara l-attivazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni nediet b’mod rapidu kampanja ta’ komunikazzjoni biex tinforma lin-nies li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna dwar id-drittijiet tagħhom. Din kienet karatteristika ewlenija tas-sit web ċentrali tal-UE dwar “Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna” 9 . Is-sit web, tradott għall-Ukren u għar-Russu, jinkludi informazzjoni prattika għan-nies li jkunu qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa u li jaslu fl-UE u mappa interattiva b’punti ta’ kuntatt ewlenin f’kull Stat Membru.

B’mod parallel, twettqu azzjonijiet ta’ komunikazzjoni ad hoc dwar il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, is-sensibilizzazzjoni dwar il-miżinformazzjoni, l-inizjattiva Djar Sikuri u l-inizjattiva Pilota tar-Riżerva ta’ Talent għal persuni li jkunu qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Il-Kummissjoni għamlet ukoll disponibbli fl-Ukrajna u fir-Russja l-EU-Helpline 10 . L-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u informazzjoni huma kkoordinati mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, mal-EUAA kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inklużi l-awtoritajiet Ukreni. Fl-24 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni nediet il-paġna web ta’ sena ta’ reżistenza Ukrena 11 .

3.3.Kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni temporanja

Il-protezzjoni temporanja tkopri persuni li telqu mill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 jew wara minħabba l-invażjoni militari tar-Russja u li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 12 . Fil-prattika, ħafna Stati Membri estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni għaċ-ċittadini Ukreni li daħlu fit-territorju tagħhom qabel l-24 ta’ Frar 2022.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li attivat id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tipproteġi wkoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna u lil persuni mingħajr Stat li kienu qed jirrisjedu b’mod permanenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom 13 .

F’ħafna Stati Membri, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kellhom drittijiet temporanji oħra biex jibqgħu fl-Ukrajna, eż. l-istudenti 14 bbenefikaw ukoll mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri iżda mhux kollha, ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li huma benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jaqgħu taħt l-istess proċeduri amministrattivi bħaċ-ċittadini Ukreni 15 .

Fl-istess ħin, l-Istati Membri li ddeċidew li japplikaw forma ta’ protezzjoni minbarra l-protezzjoni temporanja 16 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna ħadu miżuri biex jiżguraw proċess ta’ reġistrazzjoni rapidu biex jagħtu l-ħajja lid-drittijiet li jirriżultaw bl-istess veloċità bħal dik applikata liċ-ċittadini Ukreni. Fi kwalunkwe każ, jibqa’ importanti li l-ebda proċedura amministrattiva ma toħloq dewmien bla bżonn biex jitgawdew id-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja 17 .

Minn Novembru 2022, madwar 70 000 ċittadin ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna rċevew protezzjoni temporanja madwar l-UE, flimkien ma’ ftit anqas minn 300 persuna mingħajr Stat 18 .

3.4.Aċċess għar-reġistrazzjoni u għad-dokumentazzjoni

Sabiex il-protezzjoni temporanja ssir realtà, l-Istati Membri stabbilew malajr proċeduri rapidi għar-reġistrazzjoni u għall-ħruġ ta’ dokumentazzjoni. B’dan il-mod, l-awtoritajiet tal-Istati Membri rnexxielhom jipprovdu malajr protezzjoni meta s-sistemi tradizzjonali tal-ażil setgħu kienu mgħobbijin iżżejjed.

Il-biċċa l-kbira tal-persuni spostati li ħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna waslu b’dokumentazzjoni uffiċjali jew b’passaporti bijometriċi fuqhom, u dan iffaċilita l-kontroll tal-eliġibbiltà għal protezzjoni temporanja. Barra minn hekk, l-innovazzjonijiet fil-forniment tal-informazzjoni, fir-reġistrazzjoni u fil-ħruġ tad-dokumenti għenu biex jingħata aċċess rapidu għad-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja. Dan kien jinkludi push messages awtomatiċi, reġistrazzjoni diġitali, u pproċessar sussegwenti, u xi drabi l-ħruġ ta’ IDs diġitali. Meta n-nies ma kellhomx id-dokumentazzjoni meħtieġa, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri allinjaw mal-gwida tal-Kummissjoni biex jiġu ffaċilitati r-rekwiżiti meta jingħata permess għad-dħul.

F’ħafna Stati Membri, l-ambaxxati u l-konsulati Ukreni pprovdew appoġġ importanti, u dan wassal għall-ħruġ (mill-ġdid) ta’ passaporti, jew ipprovda ċertifikati oħra ta’ stat ċivili. L-użu ta’ applikazzjonijiet mobbli speċifiċi (bħall-applikazzjoni Ukrena DiiA), li jippermettu lill-persuni spostati jaċċessaw id-dokumenti diġitali tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar is-servizzi pubbliċi, ġie promoss ukoll. Il-“punti uniċi ta’ servizz” u arranġamenti rapidi oħra għenu biex jitħaffef l-aċċess prattiku għas-servizzi.

Skont stħarriġ li sar mill-FRA f’Awwissu 2022, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti rrapportaw li ma ffaċċjawx diffikultajiet huma u jivvjaġġaw lejn u fl-UE u li l-biċċa l-kbira ħassew li ngħatatilhom biżżejjed informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar is-servizzi disponibbli għalihom 19 .

Kien hemm rapporti differenti ta’ diffikultajiet sporadiċi li ltaqgħu magħhom xi ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll ir-Rom u gruppi żvantaġġati oħra (eż. persuni LGBTIQ kif ukoll persuni b’diżabilità) fl-aċċess għall-protezzjoni temporanja. B’mod aktar speċifiku, xi persuni Rom iltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-aċċess għall-protezzjoni minħabba n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni mill-Ukrajna fil-mument tal-wasla fl-UE; il-persuni b’diżabilità kellhom diffikultajiet biex jaċċessaw tipi speċifiċi ta’ appoġġ minħabba nuqqas ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikati tad-diżabilità jew ta’ dokumentazzjoni oħra. Il-FRA nnotat il-ħtieġa ta’ data aktar komprensiva f’dan ir-rigward kif ukoll il-ħtieġa ta’ azzjoni mmirata.

F’konformità mal-pożizzjoni tagħha li l-persuni kollha li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna jenħtieġ li jitħallew jidħlu fl-UE, irrispettivament min-nazzjonalità, mill-etniċità, jew mill-kulur tal-ġilda tagħhom, il-Kummissjoni għamlet kuntatt fil-livelli kollha mal-Istati Membri tal-UE, mal-awtoritajiet Ukreni, u mar-Repubblika tal-Moldova biex tiżgura li l-wasla sikura ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ta’ persuni Rom u ta’ gruppi żvantaġġati oħra tkun iffaċilitata.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li l-miżuri kollha li jappoġġaw lill-persuni spostati mill-Ukrajna fl-UE jiġu implimentati b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tar-rekwiżiti ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-UE, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u d-dritt internazzjonali 20 . Jeħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi mill-mument tal-ewwel wasla, li jwasslu għal akkoljenza u integrazzjoni, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ gruppi vulnerabbli li huma f’riskju akbar ta’ diskriminazzjoni, ta’ sfruttament u ta’ abbuż sesswali u tal-ħaddiema, kif ukoll ta’ traffikar tal-bnedmin, pereżempju kategoriji differenti ta’ tfal 21 u nisa vulnerabbli.

Bil-protezzjoni temporanja estiża sa Marzu 2024, l-isfida għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri hija li jġeddu l-permessi ta’ residenza. L-Istati Membri qed jadottaw diversi mudelli biex jagħmlu dan, mill-estensjoni awtomatika taċ-ċipep, sal-bgħit ta’ kards ġodda jew it-tiġdid wiċċ imb wiċċ fl-uffiċċju amministrattiv rilevanti. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu bl-impenn u bl-isforzi tagħhom biex jaċċelleraw il-ħruġ jew it-tiġdid tal-permessi ta’ residenza. Sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu fl-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri jirreġistraw il-mudell ta’ permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri (l-Anness 22 u 23 tal-Manwal Prattiku għall-Gwardji tal-Fruntieri) u l-IDs ta’ residenza kollha differenti maħruġa fuq livell nazzjonali relatati mal-protezzjoni temporanja fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

4.Approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha

Ir-rispons koordinat għall-ispostament kbir ta’ persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna laqat lis-setturi kollha tas-soċjetà fl-UE. Bil-kontribut taċ-ċittadini privati, tas-sħab soċjali, tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, tal-awtoritajiet pubbliċi, u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-UE rnexxielha tipprovdi rispons koerenti, li ta l-ħajja lid-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja.

4.1.Protezzjoni speċjali għat-tfal

Il-protezzjoni tat-tfal kienet ċentrali fl-appoġġ tal-UE lil persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bħalissa kważi 20 % tat-tfal tal-Ukrajna huma rifuġjati fl-UE.

Mill-għadd kbir ta’ tfal li waslu fl-UE mill-Ukrajna, ftit ġew irreġistrati bħala tfal mhux akkumpanjati jew mifruda skont it-tifsira tad-dritt tal-UE 22 . Dan minħabba li bosta tfal jaslu akkumpanjati minn gwardjan maħtur fl-Ukrajna, inkluż aktar minn 5 000 li ġew evakwati mill-istituzzjonijiet Ukreni, flimkien mal-gwardjani tagħhom. Dawn it-tfal huma partikolarment vulnerabbli u għadd konsiderevoli minnhom huma tfal b’diżabilità.

Il-modalitajiet tal-wasla u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni ħolqu sfidi għall-Istati Membri ospitanti. Fl-istadji bikrija tal-ispostament, l-isfidi kienu relatati mal-iżgurar tar-reġistrazzjoni ta’ tfal mhux akkumpanjati u mifruda, u ta’ tfal li waslu ma’ gwardjani Ukreni u ta’ gruppi ta’ tfal minn faċilitajiet ta’ kura istituzzjonalizzati.

Sa mill-istadji bikrija tal-kunflitt, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-Istati Membri, u se tkompli tagħmel dan, biex tiżgura li dawn id-diversi sfidi jiġu indirizzati b’mod komprensiv u koerenti.

Filwaqt li jiġi rikonoxxut it-tħassib leġittimu tal-partijiet ikkonċernati Ukreni biex jinżammu l-għaqda u rendikont ta’ dawn il-kategoriji partikolarment vulnerabbli ta’ tfal, huwa importanti li jiġi żgurat standard għoli ta’ akkoljenza u kura f’ambjent deistituzzjonalizzat 23 , sabiex it-tfal ikunu ospitati f’konformità mal-istandards tal-UE tal-kura fil-komunità u f’familja. L-UE tinsab lesta li taħdem mal-awtoritajiet Ukreni biex tidentifika soluzzjonijiet li jippermettu kura alternattiva ta’ kwalità għolja għall-membri tal-grupp filwaqt li żżomm kuntatti mill-qrib fost il-membri tal-grupp u mal-gwardjan Ukren tagħhom. Se jkun importanti li jiġi żgurat li l-appoġġ u l-protezzjoni jkunu mfassla skont l-età, il-ġeneru, il-kapaċitajiet, u forom oħra ta’ diversità skont il-ħtiġijiet individwali ta’ kull tifel u tifla.

Fil-Gwida Operazzjonali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 24 , il-Kummissjoni tat parir dwar kif għandha tiġi rreġistrata kull kategorija ta’ tfal matul it-tranżitu u fil-pajjiż fejn jingħataw protezzjoni temporanja. Bħala parti mill-Pjan ta’ 10 Punti, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib ma’ esperti u partijiet ikkonċernati biex tidentifika l-isfidi speċifiċi relatati mal-akkoljenza u mal-kura għall-aktar kategoriji vulnerabbli ta’ tfal li jaslu mill-Ukrajna. Din il-ħidma rriżultat f’rakkomandazzjonijiet komprensivi, ippubblikati fil-forma ta’ “‘Frequently Asked Questions document on the registration, reception and care for unaccompanied and separated children from Ukraine 25 ”.

Il-Kummissjoni qiegħda tikkollabora mill-qrib mal-UNICEF biex tiżgura akkoljenza u kura xierqa fl-Istati Membri ospitanti għat-tfal li ġew evakwati bħala gruppi mill-istituzzjonijiet Ukreni u biex tappoġġa r-riforma tad-deistituzzjonalizzazzjoni tal-Ukrajna. Barra minn hekk, l-UE qed taħdem mill-qrib mal-kontropartijiet tagħha fl-Ukrajna dwar kif l-aħjar tgħin lill-awtoritajiet Ukreni u lill-ġenituri jew lill-gwardjani legali Ukreni fit-traċċar ta’ tfal neqsin, b’rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u tad-drittijiet tat-tfal u tar-rappreżentanti tagħhom.

Kwistjoni oħra hija relatata mar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ta’ kustodja mill-Ukrajna. Għad hemm rapporti ta’ diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom fl-Istati Membri fil-kisba ta’ rikonoxximent dirett tad-deċiżjonijiet ta’ kustodja maħruġa mill-awtoritajiet rilevanti fl-Ukrajna, għalkemm kemm l-Ukrajna kif ukoll l-Istati Membri japplikaw il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal 26 . Il-partijiet ikkonċernati jindikaw ukoll li, xhur wara l-wasla fl-UE, ir-relazzjonijiet bejn it-tfal u l-gwardjani Ukreni tagħhom qed jibdew imorru għall-agħar peress li dawn l-arranġamenti spiss inħolqu biex ikunu temporanji. Dan se jippreżenta sfidi ġodda għas-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal fl-Istati Membri. Xi Stati Membri ħadu passi bikrija biex jipprevjenu din ix-xejra billi ħatru gwardjani lokali biex jagħtu appoġġ u jiggwidaw lill-gwardjani Ukreni.

Il-Kummissjoni kkollaborat ukoll mill-qrib man-Network Ewropew tal-Kustodja, li ġabar u għamel disponibbli prattiki tajbin żviluppati fl-Istati Membri fir-rigward tal-akkoljenza u tal-kura ta’ tfal vulnerabbli 27 . L-isfidi relatati mal-protezzjoni tat-tfal ġew esplorati wkoll flimkien mal-Istati Membri f’diversi laqgħat tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà u f’laqgħat tekniċi apposta mal-pajjiżi li laqgħu l-maġġoranza tat-tfal evakwati mill-istituzzjonijiet Ukreni.

Aktar ’il quddiem se tiġi mmobilizzata assistenza finanzjarja mmirata. Fi Frar 2023, ġewwa Kiev, il-President von der Leyen ħabbret l-appoġġ tal-UE għal riforma ta’ deistituzzjonalizzazzjoni fl-Ukrajna. Qabel l-invażjoni Russa, l-Ukrajna kellha aktar minn 100 000 tifel u tifla f’kura istituzzjonali u l-Ukrajna trid tgħaddi għal kura fil-komunità u f’familja. L-għan tar-riforma huwa li titfassal strateġija moderna għall-indukrar tat-tfal, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet u li jiġi ffinanzjat proġett ta’ ġemellaġġ biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki tagħna.

Fl-UE, il-Fondi għall-Affarijiet Interni jappoġġaw direttament għajnuna għal persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, l-akkoljenza tat-tfal, b’mod partikolari jekk ma jkunux akkumpanjati, u għal persuni b’diżabilità, inklużi t-tfal, kif ukoll l-identifikazzjoni bikrija ta’ persuni f’riskju ta’ traffikar tal-bnedmin u r-riferiment tagħhom għal servizzi speċjalizzati. Barra minn hekk, il-Fond Soċjali Ewropew - l-FSE+ jista’ jintuża biex jiżdied l-appoġġ għar-rilokazzjoni ta’ tfal mhux akkumpanjati għall-kura f’familja u fil-komunità. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tat-tfal b’diżabilità. L-FSE+ 2021-2027 se jkun jista’ jappoġġa wkoll sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’enfasi partikolari akbar fuq it-tfal u l-gruppi żvantaġġati, u l-persuni b’diżabilità, waqt li jippromwovi b’mod partikolari l-aċċessibbiltà ta’ sistemi bħal dawn.

Il-passi li jmiss:

·Il-Kummissjoni qiegħda timmobilizza EUR 10 miljun biex tappoġġa t-tranżizzjoni tal-Ukrajna lejn id-deistituzzjonalizzazzjoni tal-indukrar tat-tfal.

·Fl-UE, il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà se tappoġġa l-koordinazzjoni tat-trasferiment ta’ tfal mhux akkumpanjati għal kura f’familja u fil-komunità kif meħtieġ.

·Il-Kummissjoni se taħdem mal-awtoritajiet u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti Ukreni u Pollakki fuq proġett f’faċilità għall-indukrar tat-tfal fil-Polonja, li tospita għadd kbir ta’ tfal Ukreni, bħala proġett pilota għar-riforma tad-deistituzzjonalizzazzjoni fl-Ukrajna. 

·Il-Kummissjoni se taġġorna l-gwida eżistenti għall-Istati Membri biex tiżgura r-reġistrazzjoni tat-tfal li jaslu fl-UE akkumpanjati mill-gwardjani Ukreni tagħhom u tiggarantixxi l-impenn tas-servizzi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal.

4.2.L-indirizzar tar-riskji tat-traffikar tal-bnedmin u l-appoġġ għall-vittmi ta’ reati tal-gwerra

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, u l-Aġenziji rilevanti tal-UE stabbilew attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ prevenzjoni fil-pront. L-għadd ta’ każijiet ikkonfermati ta’ traffikar tal-bnedmin relatati ma’ persuni spostati mill-Ukrajna bħalissa huwa baxx 28 . Madankollu, ir-riskju tat-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari għan-nisa u għat-tfal, se jibqa’ għoli u r-riskji se jiġu aggravati jekk is-sitwazzjoni ekonomika ta’ xi persuni spostati tmur għall-agħar, u dan jista’ jżid il-vulnerabbiltà tagħhom 29 .

Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà approvat Pjan Komuni Kontra t-Traffikar 30 apposta fil-11 ta’ Mejju 2022, żviluppat u implimentat taħt it-tmexxija tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar. Il-pjan għandu ħames għanijiet: (1) li jsaħħaħ is-sensibilizzazzjoni; (2) li jsaħħaħ il-prevenzjoni; (3) li jtejjeb l-infurzar tal-liġi u r-rispons ġudizzjarju; (4) li jtejjeb l-identifikazzjoni bikrija, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi; (5) li jindirizza r-riskji tat-traffikar tal-bnedmin f’pajjiżi mhux tal-UE, speċjalment fl-Ukrajna u fir-Repubblika tal-Moldova. L-azzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Pjan jikkomplementaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja li kkontribwiet sostanzjalment għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-persuni li jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna minħabba traffikar. Il-Kummissjoni rrapportat dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan fir-raba’ rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, adottat fid-19 ta’ Diċembru 2022 31 .

L-azzjonijiet kollha tlestew jew għadhom għaddejjin. Il-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar baqa’ jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rapporteurs Nazzjonali u Mekkaniżmi Ekwivalenti 32 , il-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-Aġenziji tal-UE.

Bħala parti mill-approċċ koordinat, qed jittieħdu azzjonijiet biex jiġi indirizzat it-traffikar ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fil-qafas tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), li tinvolvi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, kif ukoll l-ispettorati tax-xogħol. L-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE jħarrġu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jidentifikaw is-sinjali tat-traffikar tal-bnedmin.

Il-Europol, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni permezz tal-informazzjoni li tirċievi permezz ta’ SIENA. L-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jikkondividu informazzjoni dwar każijiet eventwali ta’ traffikar mal-Europol.

Barra minn hekk, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol torganizza laqgħat mal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u mal-awtoritajiet tax-xogħol u mas-sħab soċjali biex tindirizza l-vulnerabbiltajiet u r-riskji marbuta max-xogħol mhux iddikjarat u l-isfruttament tax-xogħol bħala parti mis-sottogrupp tal-Pjattaforma Ewropea li jindirizza x-xogħol mhux iddikjarat fost il-persuni spostati mill-Ukrajna.

B’mod parallel ma’ dan l-isforz, il-Kummissjoni qed taħdem biex tiżgura li l-persuni spostati mill-Ukrajna li huma vittmi ta’ reati tal-gwerra, jirċievu appoġġ u protezzjoni fl-UE, kif previst fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 33 . Skont il-Pjattaforma tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-korpi u l-aġenziji tal-UE, bħall-Eurojust, u ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, rilevanti għad-drittijiet tal-vittmi biex tiżgura li d-drittijiet tal-vittmi ta’ reati tal-gwerra jiġu kkunsidrati. Fl-21 ta’ Settembru 2022, l-Eurojust u l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI ppubblikaw b’mod konġunt linji gwida għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar id-dokumentazzjoni ta’ reati internazzjonali u ksur tad-drittijiet tal-bniedem għal finijiet ta’ responsabbiltà 34 . L-iżgurar li l-vittmi jkunu jistgħu jiddependu għal kollox fuq id-drittijiet tagħhom huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-investigazzjonijiet li għaddejjin fl-Istati Membri tal-UE.

Il-passi li jmiss:

·Il-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar se jkompli jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Pjan Komuni Kontra t-Traffikar u jaġġornah kif xieraq.

·L-Istati Membri huma mħeġġa jikkondividu informazzjoni dwar każijiet ta’ traffikar mal-Europol biex jimmassimizzaw l-impatt ta’ approċċ koordinat.

·L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol se tkompli tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati ewlenin bħala parti mill-grupp apposta dwar ix-xogħol mhux iddikjarat fost dawk spostati mill-gwerra kontra l-Ukrajna u se tippreżenta s-sejbiet tagħha lill-Pjattaforma ta’ Solidarjetà.

4.3.Aċċess għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali

L-edukazzjoni hija indispensabbli għall-inklużjoni u tgħin biex jittejjeb il-benesseri soċjali u emozzjonali tat-tfal spostati mill-aggressjoni Russa, li ħafna minnhom diġà esperjenzaw tfixkil fl-iskola bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19.

Skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu aċċess lill-persuni taħt it-18-il sena għas-sistema edukattiva bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti. Huma jistgħu jagħtu wkoll aċċess għas-sistema edukattiva ġenerali lill-adulti li jgawdu minn protezzjoni temporanja.

L-Istati Membri tal-UE għamlu sforzi sostanzjali biex jinkludu kemm jista’ jkun malajr tfal spostati mill-Ukrajna fis-sistemi edukattivi tagħhom, mill-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal sal-edukazzjoni għolja 35 . Madankollu, fil-bidu tas-sena skolastika 2022/2023, nofs miljun tifel u tifla Ukreni biss ġew irreġistrati f’sistemi edukattivi madwar l-UE 36 . Barra minn hekk, f’lokalitajiet fejn l-għadd ta’ tfal spostati huwa partikolarment kbir, it-tisħiħ tal-infrastruttura bażika għadu neċessità, flimkien mal-ħtieġa ta’ reklutaġġ u taħriġ tal-għalliema, tal-ħarrieġa u tal-indokraturi. Appoġġ lingwistiku u psikosoċjali addizzjonali qed jirriżulta essenzjali, u jenħtieġ li jissaħħaħ meta ma jkunx disponibbli biżżejjed sabiex jiġu sostnuti r-rati ta’ reġistrazzjoni u jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti.

Hekk kif l-aggressjoni Russa qed tissokta, ir-reġistrazzjoni għall-edukazzjoni hija essenzjali biex tgħin lit-tfal kollha spostati mill-Ukrajna, inklużi t-tfal b’diżabilità, jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jistabbilixxu l-pedamenti għall-ġejjieni tagħhom. Għat-tfal li dalwaqt isiru adulti, din tista’ tiffaċilita wkoll l-inklużjoni tagħhom aktar tard fis-suq tax-xogħol. L-edukazzjoni mogħtija fl-UE se tkun rilevanti wkoll għar-rikostruzzjoni u għall-bini mill-ġdid aktar tard fl-Ukrajna.

Biex titħaffef it-tranżizzjoni u fl-istess ħin biex it-tfal ikunu jistgħu jżommu r-rabta tagħhom mal-kultura u mal-lingwa Ukreni, xi Stati Membri qabbdu għalliema ta’ appoġġ li jitkellmu bl-Ukren fl-iskejjel, żiedu l-kotba tal-iskola bl-Ukren fl-iskejjel u fil-libreriji u pprovdew materjal ta’ informazzjoni apposta għall-ġenituri Ukreni. Barra minn hekk, f’xi każijiet, l-awtoritajiet Ukreni ħadmu mal-iskejjel u mal-awtoritajiet edukattivi fl-Istati Membri biex jiżguraw li l-kurrikulu Ukren, l-użu tar-riżorsi online u l-inklużjoni fi skola ġdida tal-pajjiż ospitanti jkunu jistgħu jissupplimentaw lil xulxin 37 . Fis-Summit Ewropew dwar l-Edukazzjoni fl-1 ta’ Diċembru 2022, tħabbar appoġġ għall-pubblikazzjoni tal-kotba tal-iskola Ukreni.

Id-diskussjonijiet dwar l-arranġamenti ta’ rikonoxximent għal perjodi ta’ studju fi skola ta’ pajjiż ospitanti mar-ritorn fl-Ukrajna huma essenzjali f’dan ir-rigward. Arranġamenti ta’ rikonoxximent bħal dawn jgħinu biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-edukazzjoni u tar-rikonoxximent tal-kisbiet u tal-kwalifiki u jistgħu jgħinu lill-ġenituri u lit-tfal jevitaw li jħossuhom li jridu jagħżlu bejn l-inklużjoni fil-pajjiż ospitanti tagħhom u l-edukazzjoni kontinwa mar-ritorn fl-Ukrajna. Lil hinn minn dan, il-manwal prattiku tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2022 għall-inklużjoni ta’ tfal spostati mill-Ukrajna fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri jiġbor fil-qosor l-aħjar prattiki bikrija fir-rigward tal-aspetti kollha tal-inklużjoni fl-iskejjel 38 . Issa huwa importanti li l-Istati Membri jibnu fuq dawn l-isforzi u jindirizzaw l-isfidi dwar l-aspetti rilevanti kollha, pereżempju billi jappoġġaw lill-iskejjel u lill-persunal involut fl-edukazzjoni biex jinkludu tfal spostati, attivitajiet immirati relatati mal-appoġġ psikosoċjali u l-apprendiment tal-lingwa, jinvolvu lill-familji u lill-komunitajiet spostati jew jgħinu lit-tfal spostati biex iżommu r-rabta mal-Ukrajna.

Biex tappoġġa lill-Istati Membri u b’mod partikolari lill-għalliema fl-isforzi tagħhom, l-UE tipprovdi riżorsi u informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ maħsuba għall-ġenituri spostati, għall-istudenti, għall-iskejjel u għall-għalliema, kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati u għall-organizzazzjonijiet involuti fil-forniment ta’ sforzi ta’ solidarjetà fl-Istati Membri tal-UE. Il-Fond Soċjali Ewropew+ (FSE+) ipprovda riżorsi sinifikanti għat-taħriġ tal-għalliema, għaż-żieda fl-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni, u għall-għoti ta’ programmi ta’ adattament għat-tfal. Dawn huma disponibbli fuq il-Portal taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u fuq il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel 39 , is-suċċessur ta’ School Education Gateway 40 u d-dar il-ġdida tal-eTwinning.

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel online taqdi lill-għalliema, lill-mexxejja tal-iskejjel, lir-riċerkaturi, lill-edukaturi tal-għalliema, lil dawk li jfasslu l-politika u lil professjonisti oħra li jaħdmu fl-edukazzjoni skolastika – inklużi l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal kif ukoll l-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (Vocational Education and Training, VET). Biex tappoġġa l-inklużjoni ta’ tfal spostati mill-Ukrajna, il-Kummissjoni fetħet paġna web apposta, li toffri firxa wiesgħa ta’ riżorsi differenti għall-partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni 41 . Il-Pjattaforma tinkludi wkoll serje ta’ korsijiet ta’ żvilupp professjonali online bla ħlas dwar suġġetti relatati mal-edukazzjoni dwar ir-rifuġjati. Il-pjattaforma komunitarja online għall-għalliema u għall-persunal tal-iskejjel, eTwinning, ħolqot gruppi ta’ diskussjoni apposta għall-appoġġ bejn il-pari għall-għalliema (u l-istudenti tagħhom) fl-Ukrajna u/jew fil-pajjiżi ġirien, u biex tappoġġa lill-għalliema Ewropej biex jippromwovu l-inklużjoni u d-diversità fil-klassi. L-għalliema spostati kollha mill-Ukrajna li jistabbilixxu rabta ma’ skola fil-pajjiż ospitanti tagħhom jistgħu jiksbu aċċess sħiħ għall-komunità tal-eTwinning u jniedu l-proġetti speċifiċi tagħhom stess.

Il-Kummissjoni mmobilizzat ukoll il-programm Erasmus+, sabiex l-istudenti li jistudjaw f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja Ukrena fi kwalunkwe livell ta’ studju - minn ċiklu qasir, baċellerat u, il-livell ta’ master sa dottorat - ikunu jistgħu jirċievu għotja għall-istudju sa 12-il xahar fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jilqgħuhom fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-programm Erasmus+. L-istudenti u dawk li għadhom kif gradwaw mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ukreni jistgħu jagħmlu wkoll taħriġ iffinanzjat mill-Erasmus+. Il-persunal mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ukreni jista’ jirċievi wkoll għotja tal-Erasmus+ għal perjodu qasir. Minbarra l-azzjonijiet ta’ mobilità tal-istudenti u tal-persunal, il-proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll il-Lawrja ta’ Master Konġunt tal-Erasmus Mundus se jibqgħu miftuħin għall-istudenti, għall-persunal u għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni mill-Ukrajna. Barra minn hekk, jistgħu jiġu ppreżentati proposti għal proġetti ta’ sħubija għall-kooperazzjoni biex jiġu appoġġati l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ukrajna.

Il-pjattaforma ta’ Appoġġ Lingwistiku Online ta’ Erasmus+ il-ġdida tgħin lill-istudenti, lill-apprendisti, lill-għalliema, lill-professuri u lill-edukaturi, li jipparteċipaw fil-proġetti Erasmus+, jiksbu ħiliet lingwistiċi.

L-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huwa importanti wkoll għall-adulti li jeħtieġu jtemmu programmi ta’ apprendiment li jkunu nbdew fl-Ukrajna jew li jikkomplementaw il-kwalifiki u l-apprendiment eżistenti tagħhom biex jaċċessaw ix-xogħol li jikkorrispondi għall-profil tagħhom. Il-gwida tal-UE dwar “Għajnuna lin-nies li jaħarbu mill-aggressjoni Russa biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendiment għall-adulti” tistieden lill-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet immirati ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet, Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali jew esperjenza prattika fuq il-post tax-xogħol, inkluż taħriġ lingwistiku 42 .

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-għoti ta’ aċċess għall-edukazzjoni għall-istudenti Ukreni u fl-indirizzar tal-isfidi eżistenti, filwaqt li ssaħħaħ il-kuntatti mal-awtoritajiet Ukreni, inkluż permezz tal-Grupp ta’ Solidarjetà tal-Edukazzjoni tal-UE għall-Ukrajna, li diġà jappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi bejn l-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-appoġġ ta’ persuni spostati mill-Ukrajna f’termini ta’ edukazzjoni.

Il-Kummissjoni kompliet tappoġġa wkoll lill-komunità tar-riċerka u akkademika tal-Ukrajna, inklużi dawk ir-riċerkaturi li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Tnediet skema ddedikata ta’ EUR 25 miljun ta’ fellowships taħt il-Programm Marie Skłodowska-Curie u saret disponibbli azzjoni ta’ EUR 20 miljun mill-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni biex tappoġġa negozji ġodda tat-teknoloġija profonda tal-Ukrajna. L-inizjattiva ERA4Ukraine ta’ Orizzont Ewropa serviet bħala punt uniku ta’ servizz għall-informazzjoni għar-riċerkaturi li qed jaħarbu mill-Ukrajna, b’ħidma konġunta mal-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Orizzont Ewropa.

Il-Passi li Jmiss:

·Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex iżżid ir-reġistrazzjonijiet fl-iskejjel billi tappoġġa skambji regolari dwar il-progress, l-isfidi u l-prattiki tajbin tagħhom bħala parti mill-Grupp ta’ Solidarjetà tal-Edukazzjoni tal-UE għall-Ukrajna. Il-komunikazzjoni mal-awtoritajiet Ukreni se tiġi intensifikata biex tħeġġeġ lill-ġenituri Ukreni jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola fl-UE.

·Il-Kummissjoni se tagħti nofs miljun ktieb tal-iskola bil-lingwa Ukrena lil studenti tal-ħames sena taħt il-kurrikulu Ukren il-ġdid sar-rebbiegħa tal-2023.

·Permezz tal-pjattaformi online tagħha, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-għalliema u lill-iskejjel b’materjali online, bi prattiki tajbin u b’korsijiet ta’ taħriġ, b’enfasi speċifika fuq it-tagħlim tal-lingwi, l-appoġġ psikosoċjali u l-edukazzjoni inklużiva.

·Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-ħiliet u mill-kompetenzi tal-persunal involut fl-edukazzjoni spostat mill-Ukrajna, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tagħha u mal-pariri prattiċi għar-rikonoxximent flessibbli tal-kwalifiki.

·Il-Kummissjoni se timplimenta – permezz tal-Erasmus+ “Bini tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-edukazzjoni għolja” – azzjoni li tiswa EUR 5 miljun għall-ħolqien ta’ ambjent diġitali edukattiv miftuħ għall-istudenti li jkunu ħarbu mill-Ukrajna jew li jkunu ġew spostati fil-pajjiż.

·Il-Kummissjoni se tkompli toffri parteċipazzjoni fit-traineeships tal-Bluebook tal-UE lil gradwati żgħażagħ Ukreni.

·Il-Kummissjoni se tintensifika wkoll l-iskambji mal-awtoritajiet Ukreni biex tiffaċilita r-rikonoxximent fl-Ukrajna tal-kwalifiki akkademiċi miksuba fl-Istati Membri, inkluż billi tappoġġa liċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Informazzjoni tal-Ukrajna dwar il-Mobbiltà Akkademika fil-qafas tal-Proċess ta’ Bolonja.

4.4.Aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-benefiċċji soċjali

Id-dinjità tal-bniedem u standard tal-għajxien deċenti huma aspetti ewlenin tal-protezzjoni temporanja. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu l-assistenza meħtieġa f’termini ta’ assistenza soċjali u mezzi ta’ sussistenza, meta dawn ma jkunux disponibbli, kif ukoll kura medika 43 . B’reazzjoni għal dan, l-Istati Membri, inkluż bl-appoġġ ta’ sħab oħra, ġeneralment ipprovdew assistenza umanitarja immedjata. Huma inkludew ukoll benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja f’sistemi usa’ ta’ protezzjoni soċjali, li jistgħu jipprevedu t-tranżizzjoni essenzjali minn għajnuna ta’ emerġenza ad hoc għal assistenza soċjali mmirata u awtodipendenza 44 .

It-tip, il-livell u anke d-durata tal-benefiċċji tal-assistenza soċjali (kemm fi flus kontanti kif ukoll mhux flus kontanti) għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jvarjaw b’mod konsiderevoli madwar l-Istati Membri, u jirriflettu d-diversità u spiss il-kumplessità tas-sistemi soċjali nazzjonali. Tista’ ssir distinzjoni bejn tliet approċċi wesgħin: għadd sostanzjali ta’ Stati Membri jittrattaw lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja fuq l-istess livell bħaċ-ċittadini tagħhom stess jew bħala rifuġjati rikonoxxuti, billi jipprovdu l-istess aċċess għas-servizzi soċjali u għall-miżuri ta’ appoġġ. Dan spiss inkluda t-tnaqqis tar-rekwiżiti ta’ aċċess biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ spostament, eż. f’termini ta’ verifika għat-test tal-mezzi jew għal kriterji oħra ta’ eliġibbiltà. Stati Membri oħra jinkludu benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja fis-sistemi ta’ appoġġ stabbiliti għall-applikanti tal-protezzjoni internazzjonali. Xi oħrajn żviluppaw arranġamenti ad hoc immirati speċifikament lejn il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja. F’każijiet bħal dawn, il-livell ta’ appoġġ spiss ikun inqas ġeneruż jew ikun limitat fiż-żmien. Wieħed mill-Istati Membri jopera sistema ibrida b’dispożizzjonijiet differenti li japplikaw għaċ-ċittadini Ukreni u għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt protezzjoni temporanja.

Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri jipprovdu wkoll tipi differenti ta’ benefiċċji addizzjonali jew miżuri ta’ appoġġ ta’ darba: eż. benefiċċju għall-akkomodazzjoni, biljetti tal-ferrovija b’xejn, jew għotjiet inizjali ta’ sussistenza jew integrazzjoni, korsijiet speċjali ta’ integrazzjoni jew appoġġ relatat, servizzi ta’ riabilitazzjoni u soluzzjonijiet aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

Minbarra l-azzjoni tal-Istati Membri, f’ħafna każijiet is-soċjetà ċivili Ewropea spiss ipprovdiet ukoll appoġġ addizzjonali essenzjali permezz ta’ pjattaformi ta’ appoġġ volontarju, donazzjonijiet individwali u inizjattivi oħrajn. F’madwar nofs l-Istati Membri, inkluż b’mod partikolari dawk li jospitaw l-ogħla għadd ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja, tnedew pjattaformi online apposta biex jikkoordinaw l-offerti u l-appoġġ ipprovduti mill-organizzazzjonijiet soċjali, mill-intrapriżi u mill-persuni privati 45 .

Hekk kif is-sitwazzjoni qiegħda tevolvi, u bl-estensjoni tal-protezzjoni temporanja sa mill-anqas Marzu 2024, l-Istati Membri qegħdin jirrieżaminaw u jibdlu l-leġiżlazzjoni u l-arranġamenti nazzjonali. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li d-drittijiet kollha stabbiliti fid-Direttiva jkomplu jingħataw lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u biex tippromwovi politiki li jwasslu għall-awtodipendenza tagħhom (b’mod partikolari permezz tal-aċċess għall-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ).

Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tirrikjedi li l-assistenza meħtieġa għall-kura medika tinkludi mill-anqas kura ta’ emerġenza u trattament essenzjali tal-mard. B’riflessjoni għall-gwida tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni, l-ewwel rapport 46 tal-Kummissjoni kkonkluda li l-maġġoranza tal-Istati Membri pprovdew aċċess inklużiv għas-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja, fuq l-istess livell jew li jirrifletti sew dak taċ-ċittadini tagħhom stess, bi ftit differenzi biss.

Id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni prattika f’xi Stati Membri huma relatati pereżempju man-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa jew ma’ ostakli lingwistiċi. Id-differenzi fl-iskedi tat-tilqim 47 u fil-korsijiet ta’ trattament għal xi mard kroniku u komunikabbli ppreżentaw ukoll sfidi għas-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi ospitanti. Bħalissa, il-Kummissjoni qiegħda taħdem mal-Istati Membri biex tidentifika l-problemi ta’ aċċessibbiltà u t-tieni rapport se jiġi ppubblikat f’April 2023.

L-identifikazzjoni u l-appoġġ għall-persuni b’diżabilità għadhom ukoll sfida ewlenija. Kwistjonijiet ewlenin huma relatati mal-identifikazzjoni ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali u ta’ persuni b’diżabilità permezz ta’ valutazzjonijiet mediċi bikrija jew minn ħaddiema soċjali jew kif iċ-ċertifikati tad-diżabilità eżistenti jistgħu jiġu tradotti għal sistemi nazzjonali differenti ta’ appoġġ għall-persuni b’diżabilità. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida rilevanti dwar din il-kwistjoni u laqqgħet flimkien lill-Istati Membri, lis-sħab tas-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet Ukreni u lil organizzazzjonijiet oħrajn biex jgħinu fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi 48 .

Permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, l-UE appoġġat l-evakwazzjoni medika tal-pazjenti Ukreni u dawk midruba fil-gwerra li ma setgħux jibqgħu jirċievu trattament fl-Ukrajna minħabba l-gwerra. Kważi 2 000 pazjent Ukren ġew evakwati b’suċċess lejn 20 pajjiż tal-UE u taż-ŻEE. F’Rzeszów (il-Polonja) ġie stabbilit ċentru mediku biex jiffaċilita l-evakwazzjoni. Dan involva l-isforzi konġunti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, tal-Istati Membri tal-UE u taż-ŻEE, tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova. Fuq talba tal-awtoritajiet Ukreni, ġiet żviluppata skema ta’ ripatrijazzjoni tal-UE għall-iffaċilitar tar-ritorn tal-pazjenti evakwati lejn l-Ukrajna. L-Ukrajna ġiet assoċjata wkoll mal-Programm l-UE għas-Saħħa u qiegħda tingħaqad ma’ diversi miżuri, bħall-Azzjoni Konġunta dwar l-Integrazzjoni tan-Networks ta’ Referenza Ewropej għall-Mard Rari fis-sistemi tas-saħħa nazzjonali.

Ġie stabbilit Network dwar l-Appoġġ lill-Ukrajna, lill-Istati Membri ġirien tal-UE u lir-Repubblika tal-Moldova permezz tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE biex jappoġġa l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-NGOs u tas-soċjetà ċivili fl-isforz tagħhom biex jappoġġaw il-kura tas-saħħa fl-Ukrajna u għall-persuni spostati mill-Ukrajna. Il-Kummissjoni sostniet il-ħidma tan-network b’finanzjament addizzjonali mill-Programm l-UE għas-Saħħa b’sejħiet għal proposti mmirati lejn l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u tas-soċjetà ċivili biex jappoġġaw lin-nies li jkunu qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Ħafna minn dawk spostati, inklużi t-tfal, għandhom ħtiġijiet speċifiċi minħabba l-esperjenza trawmatizzanti tal-aggressjoni Russa. Għalhekk, sabiex tikkomplementa s-saħħa mentali u/jew l-appoġġ psikosoċjali offrut fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-Kummissjoni pprovdiet finanzjament addizzjonali għall-ewwel għajnuna psikoloġika permezz ta’ mezzi differenti, inkluża l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra.

Il-passi li jmiss:

·Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-ostakli għall-aċċess għall-kura tas-saħħa sa April 2023 u se tiddiskuti mal-Istati Membri dwar kif dawn jistgħu jingħelbu.

·Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tkompli azzjonijiet immirati. Se tingħata prijorità lit-tilqim ta’ tfal spostati, skont il-programmi ta’ tilqim tal-pajjiż ospitanti, bi qbil mal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-appoġġ għall-kontinwità tal-kura lil dawk li jeħtieġu trattament fit-tul jingħata prijorità wkoll. Jenħtieġ li tiġi żgurata sorveljanza epidemjoloġika.

·Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tkompli l-appoġġ lill-pazjenti Ukreni b’kanċer, permezz tal-evakwazzjonijiet mediċi attwali, il-forniment ta’ mediċini kontra l-kanċer lill-Ukrajna u l-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fl-attivitajiet żviluppati fl-ambitu tal-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer, permezz tal-Programm l-UE għas-Saħħa.

·Il-Kummissjoni se tuża bis-sħiħ l-appoġġ psikosoċjali u tas-saħħa mentali għall-persuni spostati Ukreni permezz ta’ ftehimiet mal-IFRC u l-NGOs, inkluż billi żżid id-dispożizzjonijiet tat-taħriġ dwar is-saħħa mentali għall-għalliema u l-ħaddiema soċjali.

4.5.Aċċess għall-impjiegi

L-inklużjoni fis-suq tax-xogħol hija fundamentali biex in-nies ikunu finanzjarjament indipendenti, biex jiġu appoġġati l-familji tagħhom u biex huma jikkontribwixxu fil-komunità ospitanti. L-inklużjoni se tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-Ukrajna fuq medda twila ta’ żmien, meta persuni li jkunu kisbu ħiliet ġodda jirritornaw lura d-dar u jgħinu fil-bini mill-ġdid tal-pajjiż.

Mal-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, l-Istati Membri neħħew ħafna formalitajiet u passi amministrattivi addizzjonali (bħal permessi ta’ xogħol addizzjonali) jew ostakli oħra, biex jiżguraw aċċess immedjat għas-suq tax-xogħol. F’Ġunju 2022, il-Kummissjoni, abbażi tat-tagħlimiet meħuda minn kriżijiet preċedenti, ipprovdiet gwida u ressqet miżuri konkreti biex tiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni vokazzjonali, għat-taħriġ, u għall-apprendiment għall-adulti 49 .

L-evidenza s’issa turi li inizjattivi bħal dawn kienu ta’ suċċess u d-dħul ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-suq tax-xogħol kien aktar rapidu minn dak tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u ta’ persuni bi status ta’ rifuġjat 50 . Iċ-ċifri disponibbli minn Diċembru 2022 jindikaw li aktar minn 1,1 miljun persuna spostata mill-Ukrajna kienu f’impjieg fiż-Żona Ekonomika Ewropea 51 kollha. Tal-anqas 614 933 benefiċjarju ta’ protezzjoni temporanja huma impjegati fi 18-il Stat Membru, fin-Norveġja u fil-Liechtenstein u 413 365 persuna huma rreġistrati bħala persuni li qed ifittxu impjieg fi 15-il Stat Membru (mill-1 ta’ Marzu 2023).

Bħala parti minn dawn l-inizjattivi, f’Ottubru 2022, il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol nedew l-Inizjattiva Pilota tar-Riżerva ta’ Talent 52 għan-nies li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. L-inizjattiva tappoġġa l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja sakemm ikunu fl-UE. Din tiffaċilita t-tqabbil tal-profili tagħhom ma’ impjiegi u postijiet tax-xogħol vakanti li jikkorrispondu għall-ħiliet u għall-kwalifiki tagħhom. Barra minn hekk, din tgħinhom joħolqu s-CVs tagħhom u jagħmlu l-profili tagħhom disponibbli għal aktar minn 4 000 impjegatur tal-UE bi 3 900 000 post tax-xogħol vakanti, minn Frar 2023. L-impjegaturi rreġistrati fuq il-portal tal-EURES jgħaddu minn proċedura ta’ skrutinju, fost l-oħrajn, biex jiġi evitat ir-riskju ta’ sfruttament tal-ħaddiema. Filwaqt li l-portal huwa disponibbli għall-persuni li qed ifittxu impjieg fl-Istati Membri kollha tal-UE, xi Stati Membri investew riżorsi addizzjonali biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tiegħu 53 . Sabiex tiġi żgurata integrazzjoni aktar rapida fis-suq tax-xogħol tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja, l-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu u jappoġġaw aħjar l-użu tal-Inizjattiva Pilota tar-Riżerva ta’ Talent permezz ta’ kampanji attivi ta’ promozzjoni u informazzjoni.

Il-validazzjoni rapida tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki hija partikolarment importanti għall-integrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol. F’April 2022, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni u pariri prattiċi għar-rikonoxximent flessibbli tal-kwalifiki li jagħtu aċċess għal professjonijiet regolati, jew għal aktar apprendiment għall-persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, u qed timmonitorja l-implimentazzjoni tagħha 54 . Sabiex tappoġġa fehim u komparabbiltà aħjar tal-kwalifiki Ukreni mal-kwalifiki miksuba fl-UE, il-Kummissjoni ppubblikat rapport ta’ tqabbil 55 u qed torganizza skambji għal prattikanti u persuni oħrajn involuti fir-rieżami tal-kwalifiki.

Ħafna Stati Membri diġà ħadu passi importanti biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki 56 , b’xi ftehimiet konklużi mal-Ukrajna fil-qasam tar-rikonoxximent akkademiku. Huwa importanti li jiġi żgurat li n-nies ikunu jistgħu jaċċessaw ix-xogħol li jikkorrispondi għall-kwalifiki u għall-esperjenza tagħhom.

Minħabba l-prevalenza ta’ nisa Ukreni kapijiet tad-dar fost il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja, il-programmi ta’ inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta’ diversi Stati Membri ddedikaw attenzjoni speċjali għall-appoġġ tan-nisa mill-Ukrajna. Dan il-kuntest jagħmel ukoll id-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ “edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal” prekundizzjoni partikolarment kritika għall-inklużjoni rapida u sostenibbli tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Ingħatat ukoll, u se tkompli tingħata attenzjoni speċifika, lill-ġurnalisti u lill-ħaddiema tal-media Ukreni. Il-“mekkaniżmu ta’ rispons rapidu madwar l-Ewropa għall-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-media” 57 , appoġġat mill-UE, ospita ġurnalisti fl-UE. Proġett ieħor iffinanzjat mill-UE għall-promozzjoni ta’ sħubijiet transfruntiera għall-ġurnaliżmu 58 kien miftuħ għall-midja Ukrena. Biex tappoġġa l-potenzjal intraprenditorjali taż-żgħażagħ Ukreni, il-Kummissjoni ħadet miżuri biex tippermetti parteċipazzjoni aktar flessibbli fil-Programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ. B’riżultat ta’ dan, il-programm ra l-akbar għadd ta’ imprendituri Ukreni li applikaw u pparteċipaw fil-programm sa mill-2018.

Il-Kummissjoni intensifikat ukoll il-ħidma tagħha mas-sħab soċjali u ekonomiċi fis-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni biex tkompli l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja. Kif enfasizzat f’dikjarazzjoni konġunta maħruġa f’Diċembru 2022, il-membri tagħha jaqblu li jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-istrutturi ta’ kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti tas-suq tax-xogħol u li jagħmlu l-valutazzjoni, ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki tar-rifuġjati u tal-migranti aktar faċli u sempliċi 59 .

Peress li l-Istati Membri qed jibdew jimplimentaw il-programmi tal-FSE+ tagħhom għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni se timmonitorja l-użu tal-FSE+ biex tappoġġa s-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk mill-Ukrajna.

Iċ-ċarezza dwar id-dritt għall-impjieg u għall-impjieg indipendenti mingħajr dewmien jew kundizzjonijiet s’issa kienet fattur ewlieni biex jiġi żgurat li l-persuni spostati mill-Ukrajna jkunu jistgħu jaċċessaw is-suq tax-xogħol. Xorta għad jistgħu jsiru aktar sforzi biex il-persuni spostati jintlaħqu b’informazzjoni dwar appoġġ possibbli għad-dħul fis-suq tax-xogħol, u biex tiġi mħeġġa r-reġistrazzjoni fis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Fl-istess ħin, l-inċertezza dwar kemm il-persuni spostati mill-Ukrajna jistgħu jibqgħu fl-UE titlob approċċi flessibbli biex jiġi żgurat aċċess kemm rapidu kif ukoll sostenibbli għas-suq tax-xogħol. F’dan ir-rigward, l-isforzi li jħarsu ’l quddiem tal-Istati Membri, bħall-Polonja, l-Estonja, u pajjiżi oħrajn, biex jiffaċilitaw l-aċċess għal status ta’ migrazzjoni legali ieħor, inkluż permezz tal-impjiegi, huma pass importanti. Fil-futur, l-isforzi proattivi biex jiġu pprovduti korsijiet tal-lingwa, aċċess u inklużjoni aħjar fis-suq tax-xogħol se jkollhom ikomplu jakkumpanjaw dan l-approċċ, biex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

Il-Passi li Jmiss:

·Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu integrazzjoni aktar rapida fis-suq tax-xogħol tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja billi jippromwovu u jappoġġaw aħjar l-użu tal-Inizjattiva Pilota tar-Riżerva ta’ Talent u billi jikkondividu l-aħjar prattiki identifikati.

·Il-Kummissjoni se tippromwovi skambji dwar il-progress, l-isfidi u l-prattiki tajbin fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ finanzjament tal-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali tal-FSE+.

·Biex tappoġġa fehim u komparabbiltà aħjar tal-kwalifiki Ukreni mal-kwalifiki miksuba fl-UE, il-Kummissjoni se tqis l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tagħha dwar ir-rikonoxximent flessibbli tal-kwalifiki, u se torganizza skambji għall-prattikanti u għal oħrajn involuti fir-rieżami tal-kwalifiki.

4.6.Aċċess għall-akkomodazzjoni u għall-abitazzjoni

L-ilqugħ ta’ miljuni ta’ persuni spostati f’perjodu ta’ żmien qasir irrappreżenta waħda mill-isfidi ewlenin fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja.

Madwar l-UE kollha, l-awtoritajiet u l-muniċipalitajiet nazzjonali pprovdew tipi differenti ta’ akkomodazzjoni temporanja jew aktar permanenti, permezz ta’ sponsors privati iżda wkoll mis-suq tad-djar. Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) 60 għen biex tiġi ssodisfata d-domanda għal kenn ta’ emerġenza fl-Istati Membri ġirien jew qrib l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova, speċjalment għall-ewwel ftit jiem mal-wasla. Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’Każ ta’ Emerġenza (ERCC) tal-Kummissjoni wassal offerti minn 21 Stat Membru tal-UE u min-Norveġja, u mmobilizza Unitajiet tal-Abitazzjoni ta’ Sokkors u sodod mir-riżerva ta’ kenn ta’ rescEU.

Madankollu, meta wieħed iħares lura, wieħed mill-aktar aspetti notevoli tar-rispons għall-kriżi kien il-ġenerożità kbira ħafna murija minn individwi privati meta fetħu djarhom stess. Mingħajr dan, il-faċilitajiet uffiċjali ta’ akkoljenza kienu jsibu diffikultà biex ilaħħqu.

Biex jappoġġaw lill-persuni vulnerabbli u l-ospitanti tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali appoġġaw u involvew ruħhom fi pjattaformi konġunti innovattivi ta’ kooperazzjoni li jgħaqqdu lin-nies ma’ djar, jiskambjaw informazzjoni u jipprovdu appoġġ reċiproku. Ħafna Stati Membri jipprovdu wkoll appoġġ finanzjarju lill-unitajiet domestiċi li jospitaw benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u oħrajn jipprovdu benefiċċji għall-akkomodazzjoni direttament lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja 61 .

Fl-ambitu tal-inizjattiva “Djar Sikuri” 62 , il-Kummissjoni ressqet gwida biex tgħin lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u lis-soċjetà ċivili fl-organizzazzjoni ta’ inizjattivi ta’ akkomodazzjoni privata 63 . Il-Kummissjoni ħeġġet ukoll lill-Istati Membri biex jiskambjaw u jistudjaw l-hekk imsejħa “sponsorizzazzjoni komunitarja” jew skemi simili oħra li jipprovdu mogħdijiet ta’ integrazzjoni lill-persuni ospitati. Baġit immirat ta’ EUR 5,5 miljun implimentat mill-proġett tal-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar għandu l-għan li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-gwida dwar id-Djar Sikuri u l-iżvilupp ta’ mudell ta’ prattika tajba. Il-proġett se jqabbel aħjar l-individwi ta’ familji ospitati ma’ ospitanti potenzjali, filwaqt li jivvaluta l-ħtiġijiet tal-Istati Membri, u joħloq mekkaniżmu ta’ riferiment li jqabbel l-akkomodazzjoni ma’ diversi servizzi ta’ integrazzjoni. Attivitajiet oħrajn tal-proġett se jinkludu l-għoti ta’ appoġġ u gwida lill-ospitanti. Il-komponenti tal-programm se jiġu implimentati matul l-2023 fil-Belġju, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Ungerija, fl-Irlanda, fin-Netherlands, fil-Lussemburgu, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja.

Barra minn hekk, f’Jannar 2023, il-Kummissjoni nediet sejħa għal proposti għal għotjiet għal proġetti fl-ambitu tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 64 biex tappoġġa u tippromwovi skemi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarji u biex tgħin fl-iżvilupp tal-komplementarjetà bejn il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri u l-offerta ta’ akkomodazzjoni pprovduta permezz ta’ skemi ta’ ospitar privati. Dan se jippermetti l-integrazzjoni tat-tagħlimiet meħuda mir-rispons tal-Ukrajna biex jiġu identifikati opportunitajiet għall-espansjoni tal-kapaċità ta’ akkoljenza strutturali fil-livell tal-UE. Il-FSE+ se jkun ukoll f’pożizzjoni tajba biex jappoġġa skemi bħal dawn fl-Istati Membri tal-UE.

Fil-futur, il-persuni spostati mill-Ukrajna se jkollhom bżonn jagħmlu tranżizzjoni minn akkomodazzjoni ta’ emerġenza għal żmien qasir jew akkomodazzjoni privata temporanja għal soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni aktar sostenibbli, filwaqt li tiġi evitata dipendenza permanenti fuq akkoljenza organizzata mill-Istat. Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun hemm disponibbli akkomodazzjoni aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. In-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli jew soċjali – li jirrappreżenta kriżi tas-suq tal-akkomodazzjoni f’xi Stati Membri – jagħmel din it-tranżizzjoni aktar diffiċli. Meta l-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jħallsu bis-sħiħ jew parzjalment għall-akkomodazzjoni tagħhom, ittestjar tal-mezzi xieraq, u appoġġ, meta meħtieġ, huma kritiċi biex jiġi ppreżervat l-aċċess għall-akkomodazzjoni għal dawk li jeħtiġuha.

Il-Passi li Jmiss:

·Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà se tkompli timmonitorja x-xejriet ta’ spostament u se taġġorna l-pjan ta’ kontinġenza Ewropew biex tiżgura li l-akkomodazzjoni tkun disponibbli;

·Il-Kummissjoni se timmonitorja l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja fil-qasam tal-akkoljenza biex tidentifika r-riskji fit-tranżizzjoni minn akkomodazzjoni ta’ emerġenza għal soluzzjonijiet aktar fit-tul, b’mod partikolari għal individwi vulnerabbli.

·Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà se tiddiskuti l-implimentazzjoni u l-gwida ta’ Djar Sikuri biex jiġu identifikati l-passi ewlenin li għandhom jittieħdu fix-xhur li ġejjin u t-tagħlimiet meħuda;

·In-Network Ewropew dwar l-Integrazzjoni 65 se jkompli jiskambja prattika tajba fil-provvista ta’ akkomodazzjoni aċċessibbli abbażi tad-diskussjonijiet li saru fit-2-3 ta’ Frar 2023 fl-Iżvezja.

·Fl-2023, il-Kummissjoni se timmobilizza EUR 8 miljun f’finanzjament biex tappoġġa u tippromwovi skemi ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja.

·Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-proġett Djar Sikuri kkoordinat mill-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u se ssaħħu kif meħtieġ.

5.Appoġġ finanzjarju u operazzjonali

L-UE pprovdiet appoġġ permezz ta’ miżuri u finanzjament mingħajr preċedent li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni spostati, bl-użu ta’ diversi fondi tal-UE. Il-Kummissjoni mmobilizzat kmieni ħafna s-sett ta’ għodod komprensiv tagħha fil-programmi ta’ nfiq tal-UE b’appoġġ għall-Istati Membri.

5.1.Appoġġ finanzjarju

Minn Marzu 2022, ir-regoli li jirregolaw il-politika ta’ koeżjoni ġew riveduti diversi drabi biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw finanzjament li ma ntnefaqx mill-pakkett tal-2014-2020 u jipprovdu likwidità addizzjonali anki mill-pakkett il-ġdid tal-2021-2027. Il-pakkett ta’ Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Rifuġjati fl-Ewropa (CARE), magħmul minn tliet modifiki 66 , żied il-flessibbiltà tar-regoli eżistenti, ipprovda aktar likwidità għall-finanzjament ta’ ħtiġijiet urġenti u rapportar simplifikat għall-awtoritajiet maniġerjali.

Il-likwidità addizzjonali totali pprovduta mill-UE permezz tal-pakketti CARE u FAST-CARE tammonta għal EUR 13,6-il biljun. Ġie riprogrammat ammont ta’ kważi EUR 1 biljun ta’ fondi 67 biex jiġu ffinanzjati l-akkoljenza u l-wasla ta’ persuni spostati mill-Ukrajna u jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol prinċipali, għall-edukazzjoni, għall-korsijiet tal-lingwa, għall-indukrar tat-tfal, għall-akkomodazzjoni, għall-kura medika u għal miżuri oħra ta’ integrazzjoni fit-tul. Peress li miżuri bħal dawn spiss jiġu pprovduti mill-awtoritajiet lokali u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-Istati Membri huma meħtieġa jallokaw mill-anqas 30 % tal-miżuri rilevanti ta’ CARE lil dawk il-benefiċjarji 68 .

L-UE emendat ukoll il-Fondi għall-Affarijiet Interni biex iżżid il-flessibbiltà finanzjarja u tagħmilha aktar faċli għall-Istati Membri biex jirriallokaw il-fondi disponibbli fl-ambitu tal-programmi tagħhom tal-2014-2020 għal azzjonijiet immirati lejn persuni spostati mill-Ukrajna, bħall-forniment tal-ewwel ħtiġijiet ta’ akkoljenza (eż. akkomodazzjoni ta’ emerġenza, ikel, kura tas-saħħa, persunal addizzjonali eċċ.) u l-appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri (eż. attivitajiet inizjali ta’ pproċessar u reġistrazzjoni u r-riferiment ta’ persuni għal servizzi ta’ appoġġ speċjalizzati).

Barra minn hekk, permezz tal-avveniment b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet tad-9 ta’ April 2022 “Stand Up for Ukraine”, ġew immobilizzati EUR 400 miljun f’finanzjament għall-Assistenza ta’ Emerġenza mill-Fondi għall-Affarijiet Interni. Minn dawn, EUR 385 miljun ġew allokati biex ikopru l-ħtiġijiet l-aktar urġenti fl-Istati Membri 69 l-aktar affettwati mill-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna u għall-integrazzjoni bikrija, filwaqt li l-EUR 15-il miljun li jifdal huma ppjanati li jindirizzaw prinċipalment l-inizjattiva “Djar Sikuri” u li jipprovdu appoġġ psikosoċjali għall-persuni spostati mill-Ukrajna.

Permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, il-Kummissjoni appoġġat ukoll lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għad-drittijiet skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Dan qed jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni f’diversi livelli u għat-titjib tal-proċeduri relatati mal-aċċess għas-servizzi soċjali, għall-edukazzjoni u għall-impjiegi għal persuni spostati mill-Ukrajna.

Bil-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi li qed jiġu adottati, l-Istati Membri għandhom aċċess għal appoġġ finanzjarju sinifikanti fl-ambitu tal-Fondi għall-Affarijiet Interni u l-Politika ta’ Koeżjoni tal-2021-2027, li jippermettilhom iniedu azzjonijiet adatti għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri, b’mod partikolari fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Frar 2023, biex tiżgura li tibqa’ tiġi pprovduta assistenza finanzjarja adegwata u flessibbli lill-Istati Membri li jerfgħu l-akbar piż tal-ispejjeż mediċi, tal-ispejjeż tal-edukazzjoni u tal-għajxien tar-rifuġjati.

5.2.Appoġġ operazzjonali

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat l-akbar operazzjoni ta’ emerġenza mill-ħolqien tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM), li wera l-kapaċità tiegħu li jimmobilizza l-assistenza kemm lill-Ukrajna kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE l-aktar milquta mill-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna. Ġew stabbiliti tliet ċentri loġistiċi tal-UCPM fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja biex jgħaddu aktar minn 80 000 tunnellata ta’ assistenza in natura mill-Istati Membri u mill-Pajjiżi Parteċipi lill-Ukrajna. Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’Każ ta’ Emerġenza (ERCC) tal-Kummissjoni ilu jmexxi l-akbar u l-aktar operazzjoni kumplessa tal-UCPM sal-lum, b’valur finanzjarju stmat ta’ assistenza ta’ aktar minn EUR 540 miljun. Din tinkludi, fost affarijiet oħra, mediċini u apparat mediku, vetturi ta’ emerġenza, ġeneraturi tal-enerġija u transformers. Huwa kkoordina wkoll l-evakwazzjonijiet mediċi msemmija hawn fuq.

L-appoġġ operazzjonali tal-UE mmaterjalizza wkoll permezz tal-involviment tal-Aġenziji tagħha, b’mod partikolari l-EUAA, il-Frontex, il-Europol u l-FRA.

L-EUAA tappoġġa 13-il Stat Membru bil-ħtiġijiet tagħhom ta’ ażil, akkoljenza u protezzjoni temporanja. Ġew skjerati 90 membru tal-persunal oħra biex jappoġġaw speċifikament lill-Istati Membri bl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, il-ħtiġijiet tal-għoti ta’ informazzjoni u konsegwenzi oħra tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna. L-Aġenzija żviluppat u qassmet firxa wiesgħa ta’ prodotti għall-għoti ta’ informazzjoni u nediet kampanji ta’ informazzjoni dwar il-protezzjoni temporanja, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. Taħriġ rilevanti ġie magħmul disponibbli għall-Istati Membri dwar kif il-persunal tagħhom jista’ jiġi mgħammar bl-għarfien u bil-ħiliet meħtieġa biex jiġu implimentati d-drittijiet skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja.

Madwar 200 membru tal-persunal tal-Frontex huma skjerati fil-punti rilevanti tal-qsim tal-fruntieri fil-Polonja, fir-Rumanija, u fis-Slovakkja u fir-Repubblika tal-Moldova biex jappoġġaw l-ipproċessar effiċjenti u rapidu ta’ dawk li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Il-Europol skjerat ukoll persunal u uffiċjali mistiedna biex iwettqu kontrolli sekondarji tas-sigurtà fil-Litwanja, fil-Polonja, fis-Slovakkja, fir-Rumanija, fl-Ungerija, u fir-Repubblika tal-Moldova. Il-persunal tal-Europol jappoġġa wkoll investigazzjonijiet f’dawn il-pajjiżi meta jkun mitlub.

Il-FRA ġabret rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja u dan l-aħħar wettqet stħarriġ estensiv mal-benefiċjarji li identifika l-isfidi u l-prijoritajiet ewlenin għax-xhur li ġejjin.

6.Solidarjetà u Sħubija

6.1.Is-solidarjetà fil-prattika

Is-solidarjetà kienet il-karatteristika li tiddefinixxi r-rispons tal-UE għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, b’mod partikolari bl-Istati Membri li jiddeċiedu li jirrinunzjaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-possibbiltà li l-persuni jgawdu minn protezzjoni temporanja fi Stat Membru partikolari jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħra biex igawdu protezzjoni temporanja hemmhekk. Dan ippermetta l-fluwidità ta’ movimenti ulterjuri fl-UE li għenu biex titnaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi nazzjonali ta’ akkoljenza ta’ dawk l-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna u naqqas il-formalitajiet 70 rigward it-trasferimenti, u b’hekk l-istrument sar aktar faċli biex jiġi applikat.

Sabiex tiġi megħjuna l-kapaċità ta’ akkoljenza mgħobbija żżejjed tar-Repubblika tal-Moldova, il-Kummissjoni ilha tappoġġa u tikkoordina minn stadju bikri, fil-qafas tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, it-trasferimenti ta’ persuni vulnerabbli li ħarbu mill-Ukrajna u li huma intitolati għal protezzjoni temporanja mir-Repubblika tal-Moldova lejn Stati Membri tal-UE u pajjiżi assoċjati oħra ta’ Schengen li wegħdu l-għajnuna tagħhom. S’issa, 12-il Stat Membru tal-UE, kif ukoll in-Norveġja, il-Liechtenstein, l-Iżvizzera, u l-Iżlanda impenjaw ruħhom li jilqgħu 17 870 persuna li jgħaddu mir-Repubblika tal-Moldova. Mill-wegħdiet li saru s’issa, total ta’ 2 377 persuna ġew trasferiti lejn l-UE u lejn pajjiżi oħra assoċjati ma’ Schengen mir-Repubblika tal-Moldova (mis-17 ta’ Frar 2023). Barra minn hekk, l-impenn tal-UE inkluda wkoll appoġġ finanzjarju li qed jingħata lill-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) relatati mal-organizzazzjoni ta’ titjiriet mir-Repubblika tal-Moldova lill-Istati Membri tal-UE u lill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen li jkunu għamlu wegħda bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-UE ta’ EUR 15-il miljun.

6.2.Involviment u koordinazzjoni mal-awtoritajiet Ukreni

L-involviment u l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-awtoritajiet Ukreni fl-Ukrajna u fl-ambaxxati u l-konsulati Ukreni fl-Istati Membri tal-UE malajr saru waħda mill-karatteristiċi distintivi tar-rispons operazzjonali għal din il-kriżi meta mqabbla ma’ kwalunkwe kriżi oħra fil-passat. Il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Ukreni, li ppermettiet koordinazzjoni usa’ anke f’oqsma ewlenin iddedikati għall-protezzjoni ta’ kategoriji ta’ persuni vulnerabbli, il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u identifikazzjoni aħjar tal-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni biex jaċċessaw id-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja fil-prattika. Dan għen lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw u jikkoreġu n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

6.3.Mis-solidarjetà Ewropea għal rispons globali

Il-Kummissjoni laħqet lis-sħab internazzjonali tagħha billi stabbiliet komponent internazzjonali tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà biex tinkludi l-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit. L-għan huwa li tiġi skambjata informazzjoni dwar l-iskemi stabbiliti minn pajjiżi differenti li joffru protezzjoni lil dawk li jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna 71 , li jiġi kondiviż għarfien aġġornat tas-sitwazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi fl-Ukrajna u li jiġu diskussi l-ippjanar ta’ kontinġenza u l-assistenza addizzjonali.

Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, speċjalment mal-UNHCR u l-IOM, għenet biex ittejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni tal-UE. Din appoġġat azzjonijiet infurmati aħjar (permezz ta’ studji u analiżi) u pprovdiet appoġġ operazzjonali lill-partijiet ikkonċernati u proġetti konkreti fil-prattika, bħat-trasferiment ta’ persuni vulnerabbli li jkunu qed jaħarbu mill-Ukrajna mir-Repubblika tal-Moldova lejn l-UE, u l-iżvilupp tal-Proċeduri Operattivi Standard li jiggwidaw dawn it-trasferimenti.

7.Inħarsu ’l quddiem

Kif imtenni fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Frar 2023, l-Unjoni se tappoġġa lil dawk li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna sakemm dan ikun meħtieġ. Fl-iskattar tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, l-UE pprovdiet sikurezza għal miljuni ta’ persuni li kellhom jitilqu mill-pajjiż. Il-protezzjoni temporanja diġà ġiet estiża sa Marzu 2024. Il-Kummissjoni se tkun lesta li tagħmel proposta għal estensjoni ulterjuri kif meħtieġ.

Id-Direttiva kienet il-faċilitatur ta’ sforz globali bla preċedent min-naħa tas-soċjetà kollha, sforz li l-Kummissjoni ilha tippromwovi sa mill-granet bikrin tar-rispons. Is-setturi kollha tal-gvern u tas-soċjetà ġew immobilizzati mingħajr preċedent, u taw ħajja lid-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Dan wassal għal grad kbir ta’ innovazzjoni, inklużi proġetti pilota f’diversi setturi fosthom l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki, li se joffru tagħlimiet meħuda kruċjali biex jittejbu l-politiki tagħna u jkunu lesti għal xenarji futuri.

Id-Direttiva wriet li hija kemm b’saħħitha kif ukoll flessibbli biżżejjed biex tippermetti rispons kollettiv u rapidu, appoġġat minn koordinazzjoni qawwija tal-UE permezz tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà. Dan għen biex jinbnew konnessjonijiet ġodda u biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, u dawk li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Approċċ koordinat b’saħħtu tal-UE ma huwiex biss meħtieġ biex ikomplu jiġu indirizzati l-isfidi attwali, iżda wkoll għal kwalunkwe azzjoni futura. Se jkun kruċjali li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għal status legali alternattiv li jippermetti aċċess għal drittijiet lil hinn mit-tul massimu ta’ protezzjoni temporanja, pereżempju billi jiġu estiżi l-permessi ta’ residenza u tax-xogħol, jew billi jinħolqu l-kundizzjonijiet għat-tranżitu fi status legali ieħor. Dan huwa importanti biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija żżejjed.

B’mod parallel, hemm bżonn ta’ appoġġ immirat għal persuni li, wara li jkunu ħarbu mill-Ukrajna, ikunu jridu jmorru lura d-dar. Il-Kummissjoni diġà intervjeniet fil-kwistjoni bi gwida mmirata fil-forma ta’ Mistoqsijiet Frekwenti, li tiċċara l-konsegwenzi differenti ta’ żjarat għal żmien qasir fl-Ukrajna u r-ritorn volontarju fl-Ukrajna 72 , u tipprovdi salvagwardji għal dawk li jixtiequ jmorru lura d-dar lejn l-Ukrajna sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw mill-ġdid il-protezzjoni tagħhom faċilment jekk ikollhom bżonn jerġgħu jaħarbu 73 . Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni, biex tiżgura li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaħsbu għar-ritorn volontarju ta’ persuni li, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jiddeċiedu li jmorru lura d-dar, u biex jappoġġaw tali deċiżjonijiet mal-Fondi għall-Affarijiet Interni. Il-Kummissjoni qed iżżid ukoll l-isforzi taħt il-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi b’Diversi Aġenziji biex tappoġġa l-proċess ta’ tiswija, ta’ rkupru u ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Ir-ritorn tal-persuni spostati se tkun kunsiderazzjoni importanti f’dan il-kuntest.

B’mod aktar ġenerali, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja wriet li hija strument essenzjali biex tiġi pprovduta protezzjoni immedjata fl-UE u l-Kummissjoni tqis li din jeħtieġ li tibqa’ parti mis-sett ta’ għodod disponibbli għall-Unjoni Ewropea fil-futur.

Madankollu, l-esperjenza wriet li t-tipi ta’ sfidi migratorji li qed tiffaċċja l-Unjoni jistgħu jvarjaw ħafna, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskala tal-flussi jew il-kompożizzjoni tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li l-UE tkun mgħammra b’varjetà ta’ għodod u tkun lesta twieġeb għat-tipi ta’ kriżijiet kollha. Il-Kummissjoni se taħdem mal-koleġiżlaturi biex tiggarantixxi li l-Unjoni Ewropea fil-ġejjieni tkun mgħammra bl-għodod li teħtieġ u tiżgura korrelazzjoni xierqa mal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi u ta’ Force Majeure 74 .

L-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-futur qarib se tirrikjedi appoġġ kontinwu biex jiġi żgurat li jiġu indirizzati l-isfidi eżistenti, u li jkun hemm tranżizzjonijiet u kontinġenzi xierqa stabbiliti biex jaħsbu għal sitwazzjonijiet futuri. Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà se tkompli tiżgura rispons koordinat tal-UE u li jkun hemm djalogu mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra.

Is-solidarjetà u l-kompassjoni murija min-nies madwar l-UE, kif ukoll l-isforzi pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, mill-partijiet ikkonċernati u mill-komunitajiet għadhom jgħallmuna tagħlimiet importanti, u dan juri għal darb’oħra li l-Unjoni Ewropea hija b’saħħitha meta taġixxi b’għaqda u b’koordinazzjoni.

L-Unjoni Ewropea se tibqa’ post li jilqa’ lil dawk li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa sakemm ikun hemm bżonn.

(1)

      Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn.

(2)

      The 10-Point Plan For stronger European coordination on welcoming people fleeing the war from Ukraine .

(3)

      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjun - Nilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna: Inħejju l-Ewropa biex tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet.

(4)

   L-għadd kumulattiv ta’ każijiet ta’ dħul fl-UE mill-Ukrajna u mill-Moldova ma jinkludix il-każijiet ta’ dħul minn ċittadini Rumeni u Moldovi mill-Moldova għar-Rumanija. Id-data disponibbli ma tippermettilniex niddistingwu kemm minn dawn kienu traffiku normali tal-fruntiera u kemm minnhom qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Iċ-ċifri dwar il-każijiet ta’ dħul u ħruġ jindikaw l-għadd ta’ movimenti transfruntiera, mhux ta’ individwi uniċi. Id-differenza bejn il-każijiet ta’ dħul totali u l-każijiet ta’ dħul minn ċittadini Ukreni tinkludi d-dħul kemm minn ċittadini tal-UE kif ukoll minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi għajr mill-Ukrajna. Aktar minn 300 000 ċittadin ta’ pajjiżi terzi għajr mill-Ukrajna daħlu fl-UE mill-Ukrajna u mill-Moldova, li minnhom in-nazzjonalitajiet ewlenin kienu Torok, ċittadini tal-Istati Uniti, Russi, Iżraeljani, Indjani, Ażerbajġani, Georgjani, ċittadini tar-Renju Unit, Moldovani u Użbeki.

(5)

      Beneficiaries of temporary protection at the end of the month by citizenship, age and sex – monthly data .

(6)

     Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà tlaqqa’ flimkien lill-Kummissjoni Ewropea, lis-Segretarjat tal-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, lill-Aġenziji tal-UE, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), kif ukoll lill-awtoritajiet Ukreni u Moldovani.

(7)

      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja .

(8)

     Dan in-Network iwieġeb għall-ħtieġa li tiġi pprovduta stampa tas-sitwazzjoni li tkun akkurata, aġġornata u konġunta bħala bażi għal teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet politiċi u operazzjonali. In-Network jimmonitorja l-movimenti transfruntiera mill-Ukrajna lejn l-UE, l-ewwel akkoljenza u implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, inklużi xejriet ta’ reġistrazzjonijiet ta’ kull ġimgħa u informazzjoni dettaljata dwar l-aċċess għall-edukazzjoni, għall-impjiegi u għall-kura tas-saħħa. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet b’rabta mal-Migrazzjoni.

(9)

      Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna .

(10)

      EU-Helpline .

(11)

      Sena ta’ reżistenza Ukrena .

(12)

     L-Artikoli 2(1) u 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

(13)

     Id-Deċiżjoni tipprevedi li għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, l-Istati Membri għandhom japplikaw jew protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont id-dritt nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri evitaw li japplikaw sistemi fuq żewġ binarji u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr Stat li kellhom residenza permanenti fl-Ukrajna bbenefikaw mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja, aktar milli minn forom oħra ta’ protezzjoni adegwata disponibbli skont id-dritt nazzjonali.

(14)

     Għalkemm sena wara l-bidu tal-aggressjoni, dawn id-dispożizzjonijiet qed jitwaqqfu f’xi Stati Membri, bħal fin-Netherlands.

(15)

     Fil-Polonja, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma ġestiti b’mod amministrattiv permezz tal-Bureau tal-Barranin.

(16)

     L-Awstrija, l-Estonja, il-Greċja u l-Iżvezja.

(17)

     L-Awstrija u l-Estonja pereżempju qed japplikaw proċeduri rapidi.

(18)

    Beneficiaries of temporary protection at the end of the month by citizenship, age and sex – monthly data .

(19)

      Fleeing Ukraine: Displaced people’s experiences in the EU .

(20)

      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja 2022/C 126 I/01 ).

(21)

      Unaccompanied and Separated Children fleeing from war in Ukraine - Frequently Asked Questions on Registration, Reception and Care .

(22)

     “Minuri mhux akkumpanjati” tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat taħt l-età ta’ tmintax-il sena, li jaslu fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkumpanjati minn persuna adulta responsabbli minnhom kemm min-naħa tal-liġi kif ukoll min-naħa tad-drawwa, u sakemm ma jitteħdux taħt il-kura ta’ din il-persuna, jew il-minuri li jisfaw mhux akkumpanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju tal-Istati Membri (l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 2001/55/KE).

“Wild mifrud” huwa wild li jasal fit-territorju tal-Istati Membri akkumpanjat minn qraba jew minn adulti magħrufa (mhux qraba), f'każijiet meta xi drabi dawn tal-aħħar ikunu ngħataw awtorizzazzjoni mill-ġenitur(i) biex jivvjaġġaw mal-wild minorenni u/jew biex jipprovdu kura temporanja (eżempju: omm Ukrena li tivvjaġġa mat-tfal tagħha stess u ma’ dawk ta’ familja oħra).

(23)

     L-Unjoni tagħti importanza lid-deistituzzjonalizzazzjoni li hija riflessa fil-qafas ġenerali tal-politika tal-UE. Pereżempju, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal tipprevedi li “bil-għan tad-deistituzzjonalizzazzjoni tat-tfal, jenħtieġ li tiġi promossa l-kura ta’ kwalità bbażata fil-komunità jew f’familja. It-tqegħid tat-tfal fil-kura istituzzjonali jenħtieġ li jsir biss meta dan ikun fl-aħjar interessi tat-tfal, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ġenerali tat-tfal u l-ħtiġijiet individwali tat-tfal.”

(24)

      Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja .

(25)

      Frequently Asked Questions on registration, reception and care for unaccompanied and separated children fleeing from war in Ukraine .

(26)

      Convention on jurisdiction, applicable law, recognition, enforcement, and co-operation in respect of parental responsibility and measures for the protection of children.

(27)

      Practices regarding unaccompanied and separated children from Ukraine.

(28)

     The Russian war of aggression against Ukraine – The broad fundamental right impact in the EU, il-Bullettin Nr 2 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-dritt Fundamentali ( The Russian war of aggression against Ukraine ― The broad fundamental rights impact in the EU (europa.eu) ).

(29)

    International Labour Organisation and European Labour Authority joined forces to reduce the risks of undeclared work, labour exploitation and trafficking in persons fleeing the war in Ukraine | L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (europa.eu) .

(30)

      A Common Anti-Trafficking Plan to address the risks of trafficking in human beings and support potential victims among those fleeing the war in Ukraine .

(31)

      Report on the progress made in the fight against trafficking in human beings (fourth report) .  

(32)

     Ir-Rapporteur Nazzjonali jew Mekkaniżmi Ekwivalenti fl-Istati Membri jikkontribwixxu għall-fehim tat-traffikar tal-bnedmin fid-diversi forom ta’ sfruttament tiegħu billi jiġbru u janalizzaw id-data fuq bażi regolari, jevalwaw l-effettività u l-impatt tal-politiki u l-azzjonijiet nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin u b’appoġġ għall-vittmi tiegħu, u jippreżentaw rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-politiki u tal-prattiki li jindirizzaw kull forma ta’ traffikar ( Intensifying a coordinated response (europa.eu) ).

(33)

     Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57–73.

(34)

      https://www.eurojust.europa.eu/sites/default/files/assets/eurojust-icc-csos-guidelines.pdf

(35)

     Fil-bidu tas-sena skolastika 2022/2023, madwar nofs miljun tifel u tifla Ukreni ġew irreġistrati f’sistemi edukattivi madwar l-UE kollha.

(36)

      European Education Area - Quality education and training for all .

(37)

     Is-sit web The Ukranian Education in Emergency jipprovdi informazzjoni dwar is-sistema edukattiva u l-kurrikulu tal-Ukrajna u l-għan tiegħu huwa li jgħin lit-tfal Ukreni jadattaw għal skejjel u kurrikuli ġodda barra mill-pajjiż.

(38)

      Nappoġġjaw l-inklużjoni fl-edukazzjoni ta’ tfal spostati mill-Ukrajna: kunsiderazzjonijiet, prinċipji ewlenin u prattiki għas-sena skolastika 2022-2023 .

(39)

    Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel .

(40)

      School Education Gateway.

(41)

      Edukazzjoni u appoġġ għar-refuġjati Ukraini . Il-paġna ewlenija oriġinarjament inħolqot fuq il-pjattaforma online School Education Gateway, li – mill-1 ta’ Ottubru 2022 – ġiet ittrasferita fuq il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel.

(42)

      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Gwida għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti fil-każ ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna .

(43)

     Ara l-Artikolu 13 tat-TPD.

(44)

   L-Artikolu 13 jiddikjara wkoll: “Meta l-persuni li jgawdu l-protezzjoni temporanja jidħlu għal attivitajiet tax-xogħol jew xogħol għal rasu, u meta jiġi ffissat il-livell propost tal-għajnuna, għandha titqies l-abbiltà tagħhom li jissodisfaw il-ħtiġiet tagħhom infushom.”

(45)

     EUAA Providing Temporary Protection to Displaced Persons from Ukraine: A Year in Review.

(46)

      Report on access to health care in EU Member States - Implementation of Temporary Protection Directive (2001/55/EC) and Council Implementing Decision (EU) 2022/382 .

(47)

      Fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri, ingħata tilqim bla ħlas kontra l-COVID-19.

(48)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja .

(49)

      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Gwida għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti fil-każ ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna .

(50)

      OECD Policy Responses on the Impacts of the War in Ukraine – What we know about the skills and early labour market outcomes of refugees from Ukraine .

(51)

      Public Employment Services support to persons displaced from Ukraine: latest developments - Employment, Social Affairs & Inclusion .

(52)

      EU Talent Pool Pilot .

(53)

     Ċipru, Spanja, il-Finlandja, il-Kroazja, il-Litwanja, is-Slovakkja, il-Polonja.

(54)

      Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/554 tal-5 ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna .

(55)

Comparison report of the European Qualifications Framework and the Ukrainian National Qualifications Framework .

(56)

     Pereżempju, miżuri li jippermettu lill-professjonisti mediċi Ukreni jaħdmu taħt superviżjoni fil-Latvja qabel ma l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti formalment.

(57)

     https://www.mfrr.eu/.

(58)

     https://www.investigativejournalismforeu.net/.

(59)

      European Partnership for Integration .

(60)

      EU Civil Protection Mechanism (europa.eu) .

(61)

      OECD Policy Responses on the Impacts of the War in Ukraine - Housing support for Ukrainian refugees in receiving countries .

(62)

      Safe and suitable homes for people fleeing the war in Ukraine .

(63)

      Solidarity and housing: supporting safe homes – Considerations, key principles and practices - Mill-21 ta’ Frar 2023.

(64)

      Asylum, Migration and Integration Fund (AMIF) – Call for proposals – 17 ta’ Jannar 2023 .  

(65)

     In-Network Ewropew dwar l-Integrazzjoni (EIN) jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, prinċipalment mill-ministeri responsabbli għall-integrazzjoni tal-migranti, mis-27 Stat Membru tal-UE kollha u mill-Iżlanda u n-Norveġja. Dawn spiss ikollhom rwol fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament apposta tal-UE bħall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Il-membri tal-EIN jipparteċipaw ukoll fi żjarat ta’ studju mmirati, f’rieżamijiet bejn il-pari, f’workshops u f’azzjonijiet ta’ assistenza reċiproka dwar aspetti speċifiċi ta’ integrazzjoni għall-iskambju tal-għarfien. Ara l- European Integration Network | European Website on Integration (europa.eu)

(66)

      Ir-Regolament (UE) 2022/562 tas-6 ta’ April 2022 , ir-Regolament (UE) 2022/613 tat-12 ta’ April 2022 , ir-Regolament (UE) 2022/2039 tas-26 ta’ Ottubru 2022 .

(67)

     Mill-31 ta’ Jannar 2023.

(68)

     L-eżerċizzju ta’ riprogrammazzjoni biex tiġi stabbilita din l-iskema għadu għaddej, u l-Kummissjoni se tivverifika l-konformità ma’ din il-kundizzjoni fl-għeluq tal-programmi.

(69)

     Ġiet allokata Assistenza ta’ Emerġenza ta’ EUR 385 miljun liċ-Ċekja (EUR 54,4 miljun), lill-Polonja (EUR 200,1 miljun), lill-Estonja (EUR 10,1 miljun), lil-Litwanja (EUR 10,1 miljun), lill-Bulgarija (EUR 10,9 miljun), lil-Latvja (EUR 7,8 miljun), lir-Rumanija (EUR 39,1 miljun), lill-Ungerija (EUR 21,1 miljun), lis-Slovakkja (EUR 24,7 miljun) u lil Ċipru (EUR 6,7 miljun).

(70)

     L-Artikolu 26 tat-TPD.

(71)

     Mill-bidu tal-gwerra, aktar minn 400 000 persuna mill-Ukrajna waslu fl-Istati Uniti, fil-Kanada u fir-Renju Unit.

(72)

      Frequently asked questions received on the interpretation of the Temporary Protection Directive and Council Implementing Decision 2022-382_en.pdf.

(73)

      Frequently Asked Questions on going home to Ukraine on a voluntary basis in the context of the Temporary Protection_en.pdf.

(74)

      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil .

Top