Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0616(01)

    Komunikazzjoni tal-kummissjoni dwar Gwida għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti fil-każ ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna 2022/C 233/01

    C/2022/4050

    ĠU C 233, 16.6.2022, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 233/1


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    dwar Gwida għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti fil-każ ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

    (2022/C 233/01)

    1.   INTRODUZZJONI

    Minn meta bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, aktar minn 6,5 miljun persuna ħarbu mill-Ukrajna u waslu fl-UE; madwar 3 miljun irreġistraw għall-protezzjoni temporanja u l-maġġoranza huma nisa bit-tfal (1). Mill-informazzjoni disponibbli s’issa, numru relattivament żgħir biss ta’ dawk fl-età tax-xogħol daħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE jew irreġistraw mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Dan jista’ jkun minħabba trawmi fiżiċi u psikoloġiċi, l-akklimatizzazzjoni li għaddejja fl-Istati Membri ospitanti, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet disponibbli jew ostakli oħra (bħal-lingwa u l-indukrar tat-tfal).

    Minkejja l-inċertezza dwar in-numru ta’ persuni li x’aktarx jibqgħu fl-UE u l-prospetti għar-ritorn, in-numru ta’ persuni li jixtiequ jidħlu fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri huwa mistenni li jiżdied.

    L-integrazzjoni rapida u effettiva fis-suq tax-xogħol se tkun importanti kemm għall-komunitajiet ospitanti kif ukoll għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna peress li jkunu jistgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid u jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Dan se jkun għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, tal-UE u, eventwalment, għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.

    Din il-Komunikazzjoni tippreżenta gwida ta’ politika għall-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti fil-każ ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

    Din il-gwida tikkomplementa u tibni fuq l-azzjonijiet li diġà ttieħdu fil-livell tal-UE mmirati biex jappoġġaw lil dawk li jaslu fl-UE. Fl-4 ta’ Marzu 2022 ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (2) li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE (“id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja”) u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (3). Il-Kummissjoni ppreżentat Linji Gwida Operazzjonali dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fil-21 ta’ Marzu (4) (“Linji gwida operazzjonali”), Komunikazzjoni dwar l-akkoljenza ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna fit-23 ta’ Marzu (5) (“Komunikazzjoni tat-23 ta’ Marzu”) kif ukoll Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għal persuni li jaħarbu mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna fil-5 ta’ April (6) (“Rakkomandazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki”). Fil-Kunsill straordinarju tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-28 ta’ Marzu, il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, ippreżentat Pjan ta’ 10 Punti għal koordinazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha dwar l-akkoljenza ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna minħabba l-gwerra (7). Dawn id-dokumenti ewlenin jiġu aġġornati skont il-ħtieġa biex jirriflettu ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu u biex ikunu ta’ għajnuna bħala gwida supplimentari.

    Il-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja għandhom id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jagħtu aċċess għas-suq tax-xogħol u biex jestendu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja wkoll lil persuni li jirċievu protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (“protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali”). B’mod simili, b’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex, kemm jista’ jkun, jestendu d-dispożizzjonijiet relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendiment għall-adulti skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja wkoll għal persuni li jirċievu protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali. Din il-Komunikazzjoni għalhekk tirreferi għal persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li huma eliġibbli għal protezzjoni temporanja skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, kif ukoll għal dawk li huma eliġibbli għal protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali.

    Il-Kummissjoni qiegħda tiskambja permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ kanali mal-awtoritajiet nazzjonali, mas-sħab soċjali u ekonomiċi, mas-settur privat, u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fl-akkoljenza u fl-integrazzjoni ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà (8) tikkoordina l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, pereżempju dwar l-immappjar tal-ħtiġijiet, ir-riżorsi, il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza u t-trasferimenti, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal. Il-Kummissjoni waqqfet sit web multilingwi li jipprovdi informazzjoni lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna dwar id-drittijiet tagħhom, u dwar l-opportunitajiet li jkollhom u l-proċeduri li għandhom isegwu ladarba jaslu fl-UE (9). Barra minn hekk, serje ta’ inizjattivi fil-livell tal-UE jiżguraw li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-fondi disponibbli tal-UE, b’mod partikolari bħala parti mill-“Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa” (l-inizjattiva CARE) (10).

    L-iskala u l-veloċità tal-wasliet huma mingħajr preċedent u jeħtieġu rispons effettiv fil-livelli kollha. Dan id-dokument għandu l-għan li jipprovdi gwida politika lill-Istati Membri bil-għan li jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ persuni li jaslu mill-Ukrajna fis-suq tax-xogħol. Huwa jiddeskrivi azzjonijiet konkreti li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri abbażi tat-tagħlimiet meħuda u tal-aħjar prattiki miġbura matul dawn l-aħħar xhur u mill-kriżi ta’ migrazzjoni tal-2015-2016. L-integrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol tiddependi wkoll fuq il-miżuri meħuda f’oqsma oħra bħall-aċċess għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa (inkluż il-kura tas-saħħa mentali u dik riproduttiva), il-protezzjoni u s-servizzi soċjali, kif ukoll, għall-ġenituri, l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni formali. L-azzjonijiet li qed tieħu l-Kummissjoni f’dawn l-oqsma kollha (11) huma komplementari.

    L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw il-gwida f’din il-Komunikazzjoni f’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (12), li huma essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb fl-Ewropa. Bosta azzjonijiet inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni għall-2021-27 (13) huma ta’ rilevanza partikolari għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Għandha tingħata attenzjoni wkoll għan-nondiskriminazzjoni u għall-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta’ gruppi partikolari f’riskju akbar ta’ diskriminazzjoni, inklużi r-Rom u nies bi sfond razzjali u etniku ta’ minoranza, il-persuni b’diżabilità u l-komunità LGBTIQ.

    L-UE se tkompli bil-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet Ukreni biex tappoġġa miżuri li jiżguraw li l-persuni li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Id-dijaspora Ukrajna fl-UE għandha rwol partikolari fl-appoġġ ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

    Image 1
    2.   L-AĊĊESS GĦAS-SUQ TAX-XOGĦOL U T-TAĦRIĠ

    2.1.   Impjieg u impjieg indipendenti

    L-aċċess rapidu u effettiv għas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni fih huma kruċjali għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li jistgħu u li huma lesti jaħdmu. Huma jistgħu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ impjieg jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li jippermettulhom ukoll li jkunu finanzjarjament indipendenti, jibnu ħajjithom mill-ġdid, u jikkontribwixxu u jintegraw fil-komunità lokali matul is-soġġorn tagħhom fl-UE. Dan se jkun għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, tal-UE u, eventwalment, għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.

    Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja għandhom ikunu awtorizzati jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ impjieg jew ta’ impjieg indipendenti, soġġett għar-regoli applikabbli għall-professjoni. Għar-raġunijiet tal-politiki tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità liċ-ċittadini tal-UE u liċ-ċittadini tal-Istati marbutin bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti legalment u li jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad. Għandha tapplika l-liġi ġenerali fis-seħħ fl-Istati Membri li hija applikabbli għar-remunerazzjoni, għall-aċċess għas-sistemi tas-sigurtà soċjali li għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet ta’ min jinsab f’impjieg jew ta’ min jaħdem għal rasu u għal kondizzjonijiet oħra tax-xogħol.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri jinterpretaw id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja għall-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE bl-aktar mod wiesa’ possibbli, billi japplikaw eċċezzjonijiet għall-moviment liberu fis-suq intern biss f’ċirkostanzi iġġustifikati tajjeb. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu tali aċċess għas-suq tax-xogħol tagħhom ukoll lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali. Fir-Rakkomandazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri ma jintroduċu jew ma jżommu l-ebda rekwiżit li l-kumpaniji iridu jagħtu prova li ma setgħux jimpjegaw ċittadin tal-UE qabel ma jirreklutaw persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja.

    Huwa importanti wkoll li jiġi evitat l-isfruttament kif ukoll ix-xogħol mhux iddikjarat. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki permezz tal-Pjattaforma tagħha Nindirizzaw ix-Xogħol Mhux Iddikjarat (14), biex tiġġieled kontra l-abbuż jew l-isfruttament possibbli tal-ħaddiema. F’dawn l-aħħar snin, il-Pjattaforma ppromwoviet approċċ komprensiv li jikkombina miżuri preventivi (bħal sensibilizzazzjoni u għoti ta’ informazzjoni) u sanzjonijiet wara spezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol (15).

    Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandhom rwol ewlieni meta jiġu biex jintegraw il-persuni fis-suq tax-xogħol, jipprovdu informazzjoni lil dawk li jaslu u jaġixxu ta’ entità li tlaqqa’ lil dawk li qed ifittxu impjieg u min iħaddem. Huma jikkooperaw u jikkoordinaw azzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati oħra, bħal amministrazzjonijiet nazzjonali oħra, muniċipalitajiet, sħab soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet tal-migranti u tad-dijaspora Ukrena, biex jiġi żgurat appoġġ f’waqtu u mmirat. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huma wkoll fornituri ewlenin tas-servizzi tal-EURES (16), li wħud minnhom jistgħu jintużaw minn dawk li qed jaħarbu mill-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tkompli tiffaċilita l-iskambji u l-kooperazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet permezz tan-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

    Stħarriġ dwar is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi:

    Image 2

    F’Marzu 2022, il-Kummissjoni nediet stħarriġ fost is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, li wera li dawn aġġustaw il-proċessi rilevanti malajr, permezz ta’ informazzjoni online f’diversi lingwi (xi drabi inkluż l-Ukrajn) u konsulenti ddedikati. F’xi pajjiżi, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi stabbilew uffiċċji ta’ fergħat iddedikati għal persuni li jkunu qed ifittxu impjieg li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u, f’xi każijiet, qed jirreklamaw offerti ta’ impjieg speċifikament immirati għalihom. Xi Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi diġà huma preżenti f’ċentri u f’servizzi ta’ akkoljenza, u xi wħud huma involuti fi gruppi konġunti ta’ rispons għal emerġenza jew f’taskforces għal persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ħafna Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kisbu esperjenza sostanzjali f’dawn l-aħħar snin fir-reġistrazzjoni, fit-tfassil ta’ profili, u fl-appoġġ tal-integrazzjoni ta’ dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil u tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol, u għalhekk huma mħeġġa jikkooperaw u jiskambjaw prattiki tajbin permezz tan-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

    Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mas-sħab soċjali u ekonomiċi permezz tas-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni (17) biex tavvanza l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. L-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw ukoll approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali mas-sħab ekonomiċi u soċjali, peress li dawn huma kruċjali biex tabilħaqq jinħolqu u jkunu disponibbli opportunitajiet ta’ impjieg u ta’ impjieg indipendenti bl-appoġġ meħtieġ.

    Image 3
    Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex meta jkunu se jieħdu miżuri rigward l-aċċess għall-impjieg u l-impjieg indipendenti:

    Jagħmlu informazzjoni disponibbli:

    Dwar l-appoġġ disponibbli għall-persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dan imur lil hinn mill-obbligu legali li jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, u jikkonċerna informazzjoni dwar appoġġ ieħor, bħal iggwidar għall-karriera, konsulenza, mentoraġġ, protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni (speċjalment matul it-tqala u meta wieħed isir ġenitur minn kmieni) u miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. L-informazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tiġi inkluża fid-dokument li għandu jiġi pprovdut skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, idealment bil-lingwa tar-riċevitur u tkun disponibbli wkoll permezz ta’ siti web, apps, jew reklamar dedikati. L-Istati Membri huma mħeġġin jagħmlu dokument u sett ta’ informazzjoni simili disponibbli wkoll għal dawk eliġibbli għal protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali.

    Dwar id-drittijiet tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u adegwata skont il-liġi nazzjonali liċ-ċentri ta’ servizzi ta’ integrazzjoni, lill-awtoritajiet lokali, lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, lill-impjegaturi potenzjali u lis-sħab soċjali. Dan jista’ jsir permezz ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni u taħriġ, u billi jiġu mħeġġa jipparteċipaw f’inizjattivi fil-livell tal-UE, bħall-Patt għall-Ħiliet (18).

    Jiffaċilitaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u, fejn rilevanti, ta’ protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali billi:

    Iħeġġu lil dawk li jaslu fl-UE biex jirreġistraw minnufih mas-Servizzi Pubbliċi lokali tal-Impjiegi, eż. billi jipprovdu tali informazzjoni mal-wasla jew f’ċentri u servizzi ta’ akkoljenza.

    Jirriflettu l-ħtiġijiet tal-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fil-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali u tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi billi:

    Jagħtu, fl-ewwel istanza, attenzjoni speċifika lill-okkupazzjonijiet fejn il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u ta’ protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jistgħu jappoġġaw lil oħrajn li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (eż. tobba, infermiera, għalliema u ħarrieġa, ħaddiema tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u dawk li xogħolhom jindukraw it-tfal żgħar, konsulenti tas-suq tax-xogħol, kif ukoll fl-uffiċċji tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi). Dan iseħħ billi jitnaqqsu l-ostakli għall-aċċess għal tali professjonijiet u jekk ikun hemm kooperazzjoni mal-awtoritajiet u d-dijaspora tal-Ukreni.

    Jagħtu attenzjoni partikolari lill-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u, bħala kwistjoni ta’ prijorità, li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tan-nisa bit-tfal, anke fir-rigward tad-drittijiet tagħhom li jaċċessaw l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni skolastika peress li dan jista’ jgħinhom jieħdu opportunitajiet ta’ impjieg.

    Jinkoraġġixxu kollokamenti f’setturi u impjiegi fejn hemm nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri ospitanti. L-analiżi tas-Cedefop tal-postijiet tax-xogħol vakanti fl-Ewropa (19) tista’ tgħin lill-Istati Membri jeżaminaw liema ħiliet huma meħtieġa u fejn, inkluż fil-livell reġjonali. Barra minn hekk, ir-rapport tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol dwar l-impjiegi li ma jinstabux biżżejjed ħaddiema għalihom u dawk li hemm wisq ħaddiema għalihom (20) jista’ jkun ta’ għajnuna lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet.

    Iwettqu sensibilizzazzjoni dwar id-diversità fil-post tax-xogħol u jipprovdu korsijiet ta’ orjentazzjoni ċivika/soċjali, fejn jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi (eż. nisa, persuni b’diżabilità, minoranzi, eċċ.) u jinformawhom dwar id-drittijiet tan-non-diskriminazzjoni u dwar x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet.

    Isaħħu l-qafas ta’ abilitazzjoni għall-aċċess għall-impjiegi u l-impjieg indipendenti billi:

    Jipprovdu appoġġ lill-impjegaturi li jirreklutaw persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u anki allokazzjonijiet għall-ħolqien ta’ negozji ġodda. In-negozji u n-networks tal-ekonomija soċjali jistgħu jappoġġaw ukoll l-isforzi ta’ integrazzjoni.

    Jiftħu programmi ta’ appoġġ għall-intraprenditorija għal persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, eż. taħriġ, mentoraġġ, coaching u appoġġ għan-networking, kif ukoll mikrofinanzjament, jew taħlita ta’ miżuri ta’ appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju. L-għodda Better Entrepreneurship Policy Tool (21) tista’ tintuża għal dan il-għan.

    Il-promozzjoni ta’ programmi Ewropej ta’ appoġġ għall-intraprenditorija, bħall-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (22) u n-Network Enterprise Europe (23).

    Jipprovdu l-usa’ aċċess possibbli għas-suq tax-xogħol għal dawk li jwettqu attivitajiet bħala impjegati u bħala persuni li jaħdmu għal rashom billi:

    Jindirizzaw ir-riskju ta’ sfruttament u tax-xogħol mhux iddikjarat (24), billi tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn atturi differenti, inkluż l-infurzar tal-liġi u l-ispettorati tax-xogħol, f’konformità mal-approċċ olistiku promoss f’dawn l-aħħar snin mill-Pjattaforma Nindirizzaw ix-Xogħol Mhux Iddikjarat, l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (2021-2025) (25) u l-Pjan Komuni Kontra t-Traffikar biex jiġu indirizzati r-riskji tat-traffikar tal-bnedmin u jiġu appoġġati vittmi potenzjali fost dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna (26).

    Ma jagħmlux użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja li tingħata prijorità għall-aċċess għas-suq tax-xogħol liċ-ċittadini tal-UE u liċ-ċittadini tal-Istati marbuta bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment li jirċievu benefiċċji tal-qgħad.

    Jiżguraw li l-azzjonijiet dwar is-suq tax-xogħol dejjem jinkludu l-perspettiva tal-persuni b’diżabilità, filwaqt li jiżguraw l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni u tas-servizzi, f’konformità mal-Prinċipju 17 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-impenji skont il-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD).

    Eżempji ta’ proġetti rilevanti ffinanzjati mill-UE

    Image 4

    Il-proġetti ffinanzjati mill-UE (27) jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni u juru prattiki tajbin. Pereżempju, il-programmi ta’ integrazzjoni “rapida”, b’enfażi doppja fuq il-lingwa u fuq it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol urew li huma partikolarment effettivi fl-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil u r-refuġjati.

    Inrawmu Opportunitajiet għall-Ħaddiema Refuġjati (FORWORK) (28) huwa proġett pilota ffinanzjat mill-EaSI li għandu fil-mira l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati ospitati f’ċentri ta’ akkoljenza (CAS) fi Piemonte (l-Italja) u l-Albanija. Il-proġett joffri valutazzjonijiet tal-ħiliet u servizzi ta’ mentoraġġ speċifiċi għall-ġeneru, flimkien ma’ taħriġ fil-lingwa u taħriġ professjonali, biex jiġi żviluppat pjan ta’ integrazzjoni individwalizzat.

    Proġett pilota ieħor iffinanzjat mill-EaSI huwa Spinta għall-azzjoni rapida (FAB) (29), li ffoka fuq approċċ tal-bliet biex jitħaffu l-perkorsi ta’ integrazzjoni lejn is-suq tax-xogħol għar-rifuġjati u l-familji tagħhom, b’enfasi speċjali fuq ir-rifuġjati nisa. Is-sħubija tiegħu laqqgħet flimkien lil Belgrad, Berlin, Madrid, Milan, Stokkolma u Vjenna.

    Eżempju ta’ suċċess ta’ sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati huwa l-proġett Labour INT (30), li jippromwovi mogħdijiet ta’ integrazzjoni b’diversi livelli (mill-wasliet sal-post tax-xogħol, u inklużi l-kollokamenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi) għal dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati, li jibni fuq l-interess u l-kapaċitajiet tan-negozji, il-kmamar tal-industrija u l-kummerċ, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tal-migranti.

    Eżempji ta’ proġetti ffinanzjati mill-FSE u li jiffukaw fuq l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa migranti jinludu l-proġett Stark im Beruf (31) (il-Ġermanja) għall-ommijiet bi sfond migratorju, Mirjam (32) għan-nisa li jaslu l-Iżvezja, u CIAO (33) (il-Lussemburgu) għan-nisa bi sfond migratorju.

    2.2.   L-immappjar tal-ħiliet u r-rikonoxximent rapidu tal-kwalifiki

    Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u ta’ protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jeħtieġ li jkunu jistgħu juru liema ħiliet u kwalifiki għandhom sabiex jiġu integrati malajr fis-suq tax-xogħol. Diversi Stati Membri qed jistabbilixxu proċeduri biex jivvalutaw l-ekwivalenza tal-istudji u l-kwalifiki meta d-dokumentazzjoni tkun disponibbli u, meta dan ma jkunx il-każ, biex jivvalidaw il-ħiliet u l-apprendiment u l-esperjenza preċedenti (eż. permezz ta’ testijiet, valutazzjoni tal-ħiliet prattiċi jew dimostrazzjonijiet tal-ħiliet, intervisti, jew awtoevalwazzjoni online). Huwa importanti li dawk il-miżuri ma jintroduċux ostakli bla bżonn biex jinkiseb aċċess effettiv għas-suq tax-xogħol, inkluż pereżempju r-rekwiżiti lingwistiċi.

    Sabiex jiġu aċċessati professjonijiet regolati, bħal gruppi differenti ta’ professjonijiet tas-saħħa u tat-tagħlim, normalment tkun meħtieġa valutazzjoni u rikonoxximent formali tal-kwalifika barranija. Ir-Rakkomandazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tipprovdi gwida u pariri prattiċi biex jiġi żgurat proċess ta’ rikonoxximent rapidu, ġust u flessibbli, u kompliet tenfasizza l-importanza li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent akkademiku, eż. ta’ diplomi universitarji. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ apprendiment, inkluż l-apprendiment jew iċ-ċertifikati miksuba fis-suq tax-xogħol u dawk immaniġġjati mill-impjegatur, ma humiex marbuta ma’ professjonijiet regolati. Barra minn hekk, ħafna nies jista’ jkollhom ukoll ħiliet li jkunu nkisbu permezz tax-xogħol, it-tmexxija ta’ negozju, jew f’kuntesti oħra bħall-volontarjat. Dawn il-ħiliet jistgħu jkunu siewja ħafna fis-suq tax-xogħol iżda jirriskjaw li ma jiġux rikonoxxuti u ma jiġux valorizzati biżżejjed.

    Il-Kummissjoni toffri diversi għodod relatati mal-ħiliet għall-utenti finali u l-intermedjarji bħall-Għodda tal-Profil tal-Ħiliet għal nazzjonali (34) ta’ pajjiżi terzi, li issa hija disponibbli fl-Ukrajna. L-għodda tista’ tappoġġa lill-persuni li jitkellmu bl-Ukren li jkunu qed ifittxu impjieg u lil dawk li jkunu jixtiequ jkomplu bit-taħriġ u bl-istudji tagħhom. L-għodda tidentifika l-ħiliet u tiġbor evidenza tal-kwalifiki u l-esperjenza bħala parti minn intervista strutturata. Il-klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi, il-Kwalifiki u l-Impjiegi (ESCO) (35) se tkun disponibbli wkoll fl-Ukrajna f’Ġunju biex tiffaċilita l-użu tal-Għodda tal-Profil tal-Ħiliet u għodod simili użati minn implimentaturi privati. Il-portafoll elettroniku tal-Europass (36) sar disponibbli fl-Ukrajna fl-aħħar ta’ April 2022. Il-Kummissjoni tinsab ukoll fil-proċess li tniedi l-inizjattiva Pilota tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE (37) billi qed tiżviluppa portal web għall-UE kollha, li jippermetti li l-persuni li ħarbu mill-Ukrajna jirreġistraw il-ħiliet u l-interess tagħhom li jsibu impjieg, u b’hekk jiffaċilita l-immappjar tal-ħiliet disponibbli fost din il-komunità u l-pariġġar potenzjali mal-impjegaturi. It-tfassil tal-proġett pilota qed javvanza f’diskussjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin.

    Sabiex jiġi żgurat li l-kwalifiki Ukreni jkunu jistgħu jinftiehmu b’mod aktar faċli bejn il-fruntieri, kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, il-Kummissjoni ħadmet mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), mal-awtoritajiet Ukreni (38) u mal-Istati Membri tal-UE biex tqabbel il-qafas nazzjonali tal-kwalifiki tal-Ukrajna u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). L-ETF stabbiliet ċentru ta’ riżorsi (39) biex tgħin lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna b’informazzjoni dwar kif ikomplu l-edukazzjoni u t-taħriġ u jfittxu assistenza biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti, u oħrajn li jeħtieġu l-għajnuna fl-interpretazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni qed tesplora wkoll il-potenzjal ta’ Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment biex ikunu jistgħu jinħarġu mill-ġdid diplomi b’mod diġitali għal dawk li jkunu ħarbu mill-gwerra u ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa.

    Image 5
    Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex meta jieħdu miżuri rigward l-immappjar u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki:

    Jiżguraw li l-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni jkunu jistgħu jiġu valorizzati, ivvalutati u rikonoxxuti malajr, kif meħtieġ, kemm jekk id-dokumentazzjoni tkun disponibbli kif ukoll jekk le, eż. permezz ta’ appoġġ għat-tħejjija tas-CVs, tal-ħiliet tal-ittestjar, u tal-irkupru ta’ kwalifiki nieqsa. Il-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, is-sħab soċjali, l-istituzzjonijiet responsabbli għall-validazzjoni u r-rikonoxximent ta’ kwalifiki bħaċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (40), kif ukoll mal-awtoritajiet Ukreni, hija indispensabbli biex tingħata għajnuna fl-immappjar u fir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki — mingħajr dewmien, mingħajr spejjeż u bi proċess sempliċi — biex ikun garantit li l-informazzjoni dwar dawn l-għażliet tkun disponibbli b’mod effettiv għal dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

    Jinkoraġġixxu lis-servizzi responsabbli għall-valutazzjoni u r-rikonoxximent tal-esperjenza u t-tagħlim preċedenti, inkluż it-tagħlim mhux formali u informali, biex jinvolvu ruħhom b’mod proattiv ma’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-organizzazzjonijiet li jappoġġawhom biex jiżguraw li persuni minn kull sfond ta’ ħiliet ikunu jistgħu jiġu appoġġati biex jidentifikaw u jimmappjaw il-ħiliet tagħhom.

    Eżempji ta’ proġetti rilevanti ffinanzjati mill-UE

    Image 6

    Fil-Belġju (Vallonja), “Ċentri ta’ validazzjoni tal-ħiliet (41)”, appoġġati minn finanzjament mill-FSE, jistgħu jgħinu lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna b’esperjenza professjonali biex jiksbu l-ħiliet tagħhom ivvalidati uffiċjalment u mingħajr ħlas. Ir-rikonoxximent uffiċjali jgħin biex jagħti prova tal-ħiliet lill-impjegatur, biex jerġa’ jibda t-taħriġ b’dispensa jew biex jinkiseb aċċess għal professjoni.

    2.3.   Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali

    Il-Kummissjoni qed tikkoopera mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ biex tappoġġa l-kontinwazzjoni tal-apprendiment mill-istudenti tal-VET permezz ta’ mezzi online. B’mod partikolari, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ tikkoopera mal-awtoritajiet tal-Ukrajna u ma’ sħab oħra sabiex tidentifika u tiġbor kontenut ta’ apprendiment u riżorsi ta’ apprendiment online, bħal mikrokorsijiet u moduli professjonali qosra mill-Istati Membri u mill-pajjiżi sħab, li jistgħu jitqassmu b’mod wiesa’ biex jipprovdu lill-istudenti spostati mill-Ukrajna b’opportunitajiet ta’ apprendiment li jwasslu għal kompetenzi speċifiċi tal-VET u għal mikrokredenzjali.

    Stħarriġ dwar miżuri relatati mal-VET

    Image 7

    Biex tikseb informazzjoni dwar il-miżuri relatati mal-VET li ttieħdu s’issa fl-Istati Membri u biex tappoġġa l-iskambji ta’ prattiki tajbin, f’Marzu 2022, il-Kummissjoni nediet stħarriġ fost il-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, id-Diretturi Ġenerali dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, l-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-fornituri tal-VET u l-membri tal-Patt għall-Ħiliet (in-negozji, l-assoċjazzjonijiet, il-kmamar tal-kummerċ, il-fornituri tat-taħriġ u oħrajn).

    Ir-riżultati preliminari (42) jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet tal-Istati Membri sal-lum u jipprovdu eżempji ta’ prattiki tajba li jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għal oħrajn. Dawn jinkludu proċeduri aċċellerati, ekwivalenza ta’ studji u proċeduri ta’ validazzjoni, pjanijiet individwali, mentoraġġ u konsulenza, apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol, u klassijiet preparatorji inklużi ħiliet lingwistiċi u interpersonali.

    Image 8
    Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex:

    Jiżguraw aċċess rapidu għall-ETV inizjali inklużi l-apprendistati u, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali u ekonomiċi, jespandu l-forniment ta’ tagħlim ta’ kwalità bbażat fuq ix-xogħol u opportunitajiet ta’ apprendistat, f’konformità mal-prinċipji tal-qafas Ewropew għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi (43) inkluż fir-rigward tar-remunerazzjoni.

    Jappoġġaw lill-fornituri tal-ETV permezz ta’ finanzjament addizzjonali, aktar flessibbiltà fl-adattament tal-programmi ta’ taħriġ għall-ħtiġijiet tal-istudenti li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u billi tikkunsidra li timpjega benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali li huma għalliema u ħarrieġa vokazzjonali.

    Jirrikonoxxu esperjenzi ta’ tagħlim u kwalifiki preċedenti billi jużaw proċessi ta’ validazzjoni eżistenti biex jallokaw b’mod korrett mogħdijiet ta’ tagħlim speċifiċi; u jinvolvu lis-sħab soċjali u ekonomiċi biex jgħinu lill-istudenti żgħażagħ mill-Ukrajna jagħmlu eżami professjonali sabiex jinħarġu ċertifikati professjonali bbażati fuq il-kompetenza.

    Jesploraw possibbiltajiet kif itawlu s-soġġorni ta’ mobilità tal-Erasmus+ li hemm għaddejjin bħalissa għal studenti vokazzjonali tal-Ukrajna li ma jistgħux imorru lura d-dar u li jistgħu jfittxu protezzjoni temporanja.

    Eżempji ta’ proġetti rilevanti ffinanzjati mill-UE

    Image 9

    B’First Room, proġett ibbażat f’Bucharest kofinanzjat mill-FSE, l-Iskola Vokazzjonali Concordia (44) tipprovdi servizzi ta’ taħriġ u konsulenza biex tappoġġa l-integrazzjoni soċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ li reċentement kienu taħt sistemi ta’ protezzjoni tal-istat. L-Iskola Vokazzjonali tipprovdi ċertifikazzjoni tal-kompetenzi tagħhom, kif ukoll orjentazzjoni lejn l-impjiegi u x-xogħol. Is-servizzi integrati jappoġġaw ukoll liż-żgħażagħ li ħarġu mis-sistema billi jikru akkomodazzjoni u kmamar disponibbli fiċ-ċentru ta’ tranżitu ta’ Concordia. Bħalissa qed tappoġġa wkoll lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

    2.4.   Opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid għall-adulti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol

    Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jridu jingħataw aċċess għal opportunitajiet edukattivi għall-adulti, taħriġ vokazzjonali u esperjenza prattika fuq il-post tax-xogħol. It-taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol wera li huwa effettiv ħafna fl-integrazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati. Barra minn hekk, it-titjib tal-ħiliet personali u tekniċi (inklużi l-ħiliet fl-intraprenditorija, l-awtożvilupp u l-litteriżmu fil-kompjuter) b’mod partikolari t-taħriġ fil-lingwi (inkluż permezz ta’ attivitajiet ibbażati fuq ix-xogħol) huwa element essenzjali għal parteċipazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà (inkluż f’termini tal-għarfien tal-migranti u t-tgawdija tad-drittijiet tagħhom). Barra minn hekk, billi jinvestu llum fil-ħiliet tan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-Istati Membri jistgħu jagħtu kontribut importanti għar-rikostruzzjoni futura tal-Ukrajna.

    Image 10
    Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex meta jieħdu miżuri rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti:

    Jipprovdu, kemm jista’ jkun malajr, opportunitajiet immirati ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u/jew esperjenza prattika fuq il-post tax-xogħol għall-benefiċjarji, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi (eż. nisa, persuni b’diżabilità, minoranzi) u jappoġġawhom biex jagħmlu użu effettiv minn opportunitajiet bħal dawn. L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mas-sħab soċjali u ekonomiċi u mas-settur privat, biex jiżguraw li dawn l-opportunitajiet ikunu konformi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u mad-diskrepanzi fil-ħiliet.

    Jipprovdu miżuri ta’ appoġġ u sensibilizzazzjoni biex jiffaċilitaw l-użu tagħhom ta’ opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, inkluż għajnuna fl-identifikazzjoni ta’ programmi xierqa u appoġġ finanzjarju (bħal vawċers ta’ taħriġ u kontijiet ta’ apprendiment individwali).

    Eżempji ta’ proġetti rilevanti ffinanzjati mill-UE

    Image 11

    Iċ-Ċentru tal-Ħiliet ta’ Omnia (45) (il-Finlandja), appoġġjat minn ERASMUS +, jipprovdi servizzi lill-immigranti f’Espoo biex iżidu l-ħiliet professjonali tagħhom u jippromwovu l-impjieg. Fost l-oħrajn, dan jorganizza taħriġ, coaching, konsulenza u jipprovdi korsijiet tal-lingwa Finlandiża.

    Il-proġett Bremen Integration Qualification (46) (il-Ġermanja) iffinanzjat mill-FSE jiffoka fuq l-aċċess għat-tagħlim u l-ħolqien ta’ mogħdijiet għax-xogħol għall-immigranti ta’ bejn it-18 u s-26 sena, inkluż permezz ta’ korsijiet intensivi tal-lingwa. Ġestit mis-Salib l-Aħmar, dan il-proġett diġà qed jipprovdi appoġġ liż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna.

    2.5.   L-għoti ta’ opportunitajiet għall-adulti biex ilestu l-edukazzjoni tagħhom

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-benefiċjarji adulti tal-protezzjoni temporanja aċċess għas-sistema tal-edukazzjoni ġenerali. Dan jista’ jkun ta’ għajnuna għal persuni li ma setgħux ilestu l-edukazzjoni inizjali formali tagħhom u jiksbu kwalifika tal-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jew fejn l-istudji tal-edukazzjoni għolja kellhom jiġu interrotti minħabba l-invażjoni, jew għal persuni li ma kellhomx l-opportunità li javvanzaw għal edukazzjoni għolja. Dawn l-isforzi mhux biss ikunu ta’ benefiċċju għall-persuni kkonċernati, iżda wkoll għall-UE u, eventwalment, għall-Ukrajna.

    Image 12
    Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex meta jieħdu miżuri nazzjonali rigward it-tlestija tal-edukazzjoni tal-adulti:

    Jagħmlu disponibbli opportunitajiet għall-adulti li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna biex jaċċessaw l-edukazzjoni ġenerali, inkluż permezz ta’ opportunità oħra biex dak li jkun jattendi l-iskola. Dawn l-opportunitajiet għandhom ikunu flessibbli u mmirati, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja u l-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali. Għal dan, l-Istati Membri huma mistiedna jikkooperaw mal-partijiet ikkonċernati, inkluż mis-soċjetà ċivili u minn ambjenti bbażati fil-komunità, biex jappoġġaw lill-individwi li effettivament jagħmlu użu minn tali opportunitajiet.

    Jagħmlu disponibbli opportunitajiet għall-adulti li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna li jkunu interessati li jidħlu f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex ilestu l-istudji li diġà bdew jew biex jibdew programmi ġodda. Biex jagħmlu dan, l-Istati Membri jistgħu jħeġġu u jappoġġaw lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jirreġistrawhom jew jippermettulhom ikomplu jistudjaw mill-bogħod, inkluż pereżempju permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tal-UE u tal-Ukrajna – ukoll biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid fis-sistema tal-Ukrajna fejn xieraq.

    Jipprovdu aċċess għall-infrastruttura, bħaċ-ċentri tal-eżamijiet u t-tagħmir tal-IT, u jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Ukrajna, biex persuni spostati jkunu jistgħu jagħmlu eżamijiet tad-dħul għall-aċċess għall-edukazzjoni għolja tal-Ukrajna.

    3.   APPOĠĠ MILL-FONDI TAL-UE

    Image 13
    L-azzjonijiet deskritti f’din il-Komunikazzjoni jistgħu jiġu appoġġati b’diversi fondi u inizjattivi tal-UE. Emendi reċenti għar-Regolamenti eżistenti ffokaw fuq fondi mhux minfuqa taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF).

    L-inizjattiva CARE (“Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa”), billi emendat ir-Regolamenti li jirregolaw il-Fondi (47), iffokat fuq l-għoti ta’ flessibbiltà akbar lill-Istati Membri biex jimmobilizzaw malajr il-Fondi ta’ Koeżjoni tal-UE, mingħajr ma jibdlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

    Inizjattiva CARE

    Il-bidliet ewlenin introdotti bir-Regolament CARE huma dawn li ġejjin:

    Appoġġ għal operazzjonijiet li jindirizzaw il-kriżi tal-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022, inkluż għal talbiet sottomessi wara dik id-data.

    L-Istati Membri jistgħu jużaw il-FSE jew il-FEŻR biex jappoġġaw azzjonijiet eliġibbli taħt il-Fond l-ieħor mingħajr ebda limitazzjoni. Pereżempju, ir-riżorsi tal-FEŻR allokati għal proġetti infrastrutturali jistgħu jiġu riallokati għall-inklużjoni soċjali, għall-kura u għall-edukazzjoni għal tipi ta’ miżuri tal-FSE, u, min-naħa tagħhom, ir-riżorsi tal-FSE jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw tagħmir u infrastruttura għar-refuġjati li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna;

    L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn rimborż ta’ 100 % tan-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2022 (48).

    Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu wkoll jipprogrammaw l-allokazzjoni tagħhom ta’ REACT-EU (sa total ta’ EUR 10 biljun) biex jindirizzaw il-kriżi.

    L-Istati Membri rċevew EUR 3.5 biljun ta’ prefinanzjament addizzjonali mir- REACT-EU (li kien ta’ benefiċċju speċjalment għal dawk l-Istati Membri li rċevew l-ogħla għadd ta’ persuni li kienu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (49)).

    L-Istati Membri jistgħu jużaw spiża unitarja ġdida ta’ EUR 40 fil-ġimgħa għal kull persuna, li se tgħin biex tipprovdi għajnuna immedjata filwaqt li tissimplifika r-regoli dwar id-dikjarazzjoni tan-nefqa (50).

    Image 14

    Ir-Regolament (UE) 2022/585, adottat fit-6 ta’ April (51), jestendi l-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) Fruntieri Esterni u Viża u ISF Pulizija b’sena (sa Ġunju 2024) u jirrilaxxa fondi tal-AMIF 2014–2020 li qabel kienu allokati għal skopijiet speċifiċi.

    Biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-possibbiltajiet ta’ finanzjament u l-arranġamenti ta’ programmazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni stabbiliet lista indikattiva ta’ miżuri eliġibbli taħt il-FSE, il-FEAD, il-FEŻR, l-AMIF u l-FSI (fruntieri esterni u Visa), u stabbiliet paġna web tal-Q &A (52), primarjament iżda mhux esklussivament aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-programm, biex jingħataw tweġibiet rapidi u kkoordinati lill-Istati Membri.

    L-FSE jista’ jgħin biex jiffinanzja l-biċċa l-kbira tal-miżuri ppreżentati fit-taqsimiet preċedenti, inklużi l-mentoraġġ, il-gwida għall-karriera, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, il-kollokamenti fix-xogħol, l-apprendistati u t-traineeships, l-appoġġ għas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg, kif ukoll arranġamenti biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni u tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għall-ħaddiema kollha. L-FSE jista’ jiffinanzja wkoll il-persunal li jaħdem ma’ persuni li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, jew fil-fruntiera jew f’postijiet oħra fl-Istati Membri, kif ukoll edukazzjoni kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, u aċċess għas-saħħa, għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi soċjali.

    Barra minn hekk, il-FEŻR jista’ jappoġġa l-aċċess għal servizzi ġenerali mhux segregati fl-edukazzjoni, fl-impjiegi u fit-taħriġ, fl-akkomodazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fil-kura soċjali permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura aċċessibbli (eż. bini/rinnovazzjoni/estensjoni) u tagħmir relatat. Il-fondi tal-AMIF u l-fondi għall-appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-politika komuni dwar il-viża u għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet jistgħu jkopru l-ewwel ħtiġijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll – fil-każ tal-AMIF – l-integrazzjoni tagħhom fil-pajjiżi ospitanti.

    Kumplimentari għall-missjoni ewlenija tiegħu li jtejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg fit-tul, l-FSE jista’ jappoġġa miżuri ta’ emerġenza, bħall-ikel u l-assistenza materjali bażika, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni jew tat-trasport, sakemm dawn ikunu kkombinati ma’ mogħdija ta’ integrazzjoni individwali fil-pajjiż li jipprovdi assistenza. Il-FEAD għandu ambitu saħansitra usa’ u jista’ jintuża irrispettivament mill-istatus u r-residenza tar-riċevituri għall-assistenza materjali bażika, bħall-ikel, il-prodotti tal-iġjene, l-oġġetti għat-trabi u t-tfal, eċċ.

    Il-finanzjament taħt InvestEU, b’mod partikolari taħt il-Garanzija għall-Ħiliet u l-Edukazzjoni, jista’ jintuża wkoll biex jappoġġa lin-nies biex itejbu l-ħiliet tagħhom, jew mill-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jespandu l-forniment tagħhom, kif ukoll fl-impjieg indipendenti u fl-appoġġ għall-intrapriżi li jirreklutaw u jħarrġu lill-persuni spostati. Barra minn hekk, meta jintalab jagħmel hekk, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (53) se jkun jista’ jipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjiegi u t-taħriġ, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni.

    Opportunitajiet ta’ finanzjament minn Erasmus + ġew mobilizzati bis-saħħa tal-flessibbiltà intrinsika tal-programm. Pereżempju, l-għalliema u l-ħarrieġa li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom u biex jiġu megħjuna jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu fis-sistemi edukattivi tal-UE. Persunal kwalifikat jista’ jintbagħat, fuq bażi temporanja, f’reġjuni fejn persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna jiġu akkomodati. L-istudenti jistgħu wkoll jintlaqgħu malajr mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ involuti fi proġetti ta’ kooperazzjoni Erasmus+. Il-fondi tal-proġetti tal-proġetti ta’ kooperazzjoni tal-Erasmus+ jistgħu jintużaw b’mod flessibbli biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tat-tfal li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

    Fl-aħħar nett, kwalunkwe ħtieġa relatata mal-appoġġ ta’ persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna xorta tista’ titqies fil-ħidma li għaddejja biex jitħejjew il-programmi ta’ Koeżjoni tal-2021-2027. Ladarba jiġu adottati, dawn il-programmi se jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw miżuri li jappoġġaw lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inklużjoni soċjali, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u l-kura soċjali, kif ukoll l-ikel u l-assistenza materjali bażika (minħabba l-amalgamazzjoni tal-FEAD mal-FSE +) (54). In-nefqa taħt dawn il-programmi hija eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Image 15
    Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

    Jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi disponibbli għall-azzjonijiet kollha li fuqhom din il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida.

    Jikkoordinaw bejn id-diversi awtoritajiet responsabbli, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jiġu żgurati r-rilevanza u l-komplementarjetà.

    Jikkoordinaw mal-Kummissjoni u jużaw il-paġna web ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet imsemmija hawn fuq.

    4.   KONKLUŻJONI U L-PASSI LI JMISS

    Image 16
    L-Istati Membri huma mistiedna jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, f’konformità mal-gwida f’din il-Komunikazzjoni u l-inizjattivi l-oħrajn ippreżentati s’issa fil-livell tal-UE. Huma mħeġġa jikkooperaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiżguraw rispons komprensiv u kkoordinat, u biex jagħmlu użu mill-appoġġ kollu disponibbli fil-livell tal-UE, inkluż il-finanzjament.

    Il-Kummissjoni tinsab lesta li taħdem aktar mal-awtoritajiet nazzjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u se tkompli tipprovdi gwida fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tevolvi, inkluż permezz tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà u l-pjattaforma ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet tal-fondi. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tappoġġa t-tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri, tiġbor informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri (55) b’mod partikolari permezz tan-networks iddedikati apposta għalhekk, bħan-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u l-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, u tipprovdi informazzjoni rilevanti lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna permezz tal-ispazju web iddedikat apposta (56) u permezz tal-midja soċjali. Kull euro li jintefaq u kull sforz li jsir illum fl-iżvilupp uman ta’ nies li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna huwa kontribut lejn il-futur tal-UE u tal-Ukrajna.


    (1)  L-aktar data reċenti miksuba min-Network tal-Mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni (Blueprint).

    (2)  ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1.

    (3)  Kif stabbilit fil-Linji Gwida Operazzjonali u fil-Komunikazzjoni tat-23 ta’ Marzu, minbarra ċ-ċittadini Ukreni, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 jipprevedi li nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fl-Ukrajna u l-membri tal-familja tagħhom jenħtieġ li jingħataw protezzjoni temporanja jekk kienu residenti fl-Ukrajna qabel jew fl-24 ta’ Frar 2022. Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu jirrisjedu fl-Ukrajna qabel jew fl-24 ta’ Frar b’permess ta’ residenza permanenti u li ma jistgħux jirritornaw b’mod sikur lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, l-Istati Membri għandhom japplikaw protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tagħhom (l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill). L-Istati Membri jistgħu jagħtu wkoll protezzjoni temporanja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħrajn li kienu residenti legalment fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw (l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill). Kif stabbilit fil-Linji Gwida Operazzjonali, il-protezzjoni temporanja kif introdotta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill iddum sena mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni, jiġifieri mill-4 ta’ Marzu 2022 sal-4 ta’ Marzu 2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55/KE. Jekk, matul dan il-perjodu, il-Kunsill ma jiħux Deċiżjoni, fuq proposta mill-Kummissjoni, biex itemm il-protezzjoni temporanja, din tiġi estiża awtomatikament b’sitt xhur, jiġifieri sal-4 ta’ Settembru 2023, u għal darba oħra b’sitt xhur, jiġifieri sal-4 ta’ Marzu 2024.

    (4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU C 126 I, 21.3.2022, p. 1).

    (5)  COM(2022) 131 final.

    (6)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/554 tal-5 ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna (ĠU L 107 I, 6.4.2022, p. 1).

    (7)  Kunsill Affarijiet Interni: Ten-Point Plan (europa.eu)

    (8)  Stabbilita mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 24-27 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja.

    (9)  Informazzjoni għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

    (10)  Ukraine: final adoption of CARE | Fond Soċjali Ewropew Plus (europa.eu)

    (11)  Għadha għaddejja azzjoni ulterjuri f’dawn l-oqsma — ara pereżempju l-inizjattivi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ 10 Punti, inkluża l-inizjattiva “Djar Sikuri”; dwar l-edukazzjoni, il-Kummissjoni ħejjiet Gwida ta’ politika dwar l-appoġġ għall-inklużjoni tar-refuġjati Ukrajni fl-edukazzjoni: kunsiderazzjonijiet, prinċipji ewlenin u prattiki (schooleducationgateway.eu).

    (12)  Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

    (13)  COM(2020) 758 final.

    (14)  European Platform tackling undeclared work | L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (europa.eu)

    (15)  L-FSE ffinanzja wkoll proġetti bħal dawn. Ara pereżempju Integrazione migranti Progetto PIU’ SUPREME (lavoro.gov.it).

    (16)  EURES (europa.eu) huwa network Ewropew ta’ kooperazzjoni tas-servizzi tal-impjiegi, imfassal biex jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema. Ara b’mod partikolari t-taqsima “xogħol u għajxien”.

    (17)  Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni (europa.eu) Is-Sħubija tinkludi l-Kummissjoni Ewropea u l-ħames organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali u ekonomiċi (ETUC, Business Europe, SMEUnited, CEEP, Eurochambres). Mit-tnedija tas-Sħubija fl-2017, is-sħab soċjali u ekonomiċi implimentaw firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet fil-qasam tal-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol f’aktar minn 20 pajjiż tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea kkofinanzjat diversi proġetti innovattivi biex tgħin lir-refuġjati u lil migranti oħra jintegraw fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mas-sħab soċjali u ekonomiċi biex issaħħaħ is-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni u tkopri l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna.

    (18)  Il-Patt għall-Ħiliet huwa mudell ta’ impenn komuni għall-iżvilupp tal-ħiliet fl-Ewropa. Il-Kummissjoni qiegħda timmobilizza lill-partijiet ikkonċernati tal-Patt biex joffru taħriġ u opportunitajiet ta’ impjieg konkreti għal dawk li jaħarbu mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna.

    (19)  Skills-OVATE | CEDEFOP (europa.eu)

    (20)  Analysis of shortage and surplus occupations 2021 | L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (europa.eu)

    (21)  Paġna ewlenija | L-Għodda tal-Politika dwar Intraprenditorija Aħjar: żviluppata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u l-Kummissjoni hija għodda online mfassla għal dawk li jfasslu l-politika u għal partijiet interessati oħra fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali li jixtiequ jesploraw kif il-politika pubblika tista’: tappoġġa liż-żgħażagħ, lin-nisa, lill-migranti u lill-persuni qiegħda fil-ħolqien tan-negozju u fl-impjieg indipendenti; tappoġġa l-iżvilupp ta’ intrapriżi soċjali.

    (22)  Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (erasmus-entrepreneurs.eu): dan jgħin biex jipprovdi lill-imprendituri Ewropej aspiranti bil-ħiliet meħtieġa biex jibdew u/jew biex imexxu b’suċċess negozju żgħir fl-Ewropa.

    (23)  Network Ewropa għall-Intrapriża (europa.eu): dan jgħin lin-negozji jinnovaw u jikbru fuq skala internazzjonali. Huwa l-akbar network ta’ appoġġ fid-dinja għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

    (24)  Ara pereżempju In-Notifika ta’ Twissija Bikrija — Gwerra fl-Ukrajna: refugees arriving to the EU from Ukraine at risk of exploitation as part of THB | Europol (europa.eu)

    (25)  COM(2021) 171 final.

    (26)  A new Anti-Trafficking Plan to protect people fleeing the war in Ukraine (europa.eu)

    (27)  Eżempji ta’ proġetti: is-sit web tal-FSE, is-sit web tal-FSE+ u s-sit web Ewropew dwar l-Integrazzjoni. L-aktar eżempji reċenti ta’ prattika tajba dwar l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti huma miġbura fil-qosor fir-rapporti finali u tematiċi mill-Konferenzi ta’ Apprendiment Reċiproku 2021, 2020 u 2019.

    (28)  Forwork

    (29)  FAB

    (30)  Labour-INT

    (31)  Stark im Beruf

    (32)  Mirjam

    (33)  CIAO

    (34)  Profil tal-Ħiliet (europa.eu): din l-għodda multilingwi hija maħsuba għall-użu minn organizzazzjonijiet li joffru assistenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Din tgħin biex jiġu identifikati l-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi tax-xogħol taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u biex jingħatawlhom pariri personalizzati dwar passi ulterjuri, eż. riferiment għar-rikonoxximent ta’ diplomi, validazzjoni tal-ħiliet, taħriġ ulterjuri jew servizzi ta’ appoġġ għall-impjiegi.

    (35)  Paġna ewlenija (europa.eu): L-ESCO hija l-klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u l-Impjiegi. Taħdem bħal dizzjunarju li jiddeskrivi, jidentifika u jikklassifika l-impjiegi u l-ħiliet professjonali rilevanti għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE.

    (36)  Paġna ewlenija |L-Europass: huwa sett ta’ għodod online li jgħin fil-ħolqien ta’ CVs u ta’ ittri ta’ akkumpanjament, u jgħin ukoll lill-utenti jsibu impjiegi u korsijiet fl-UE.

    (37)  Il-passi għat-tnedija tal-proġett pilota huma stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-attrazzjoni tal-ħiliet u t-talent lejn l-UE”, 27 ta’ April 2022 (COM (2022) 657 final).

    (38)  Bħall-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Kwalifiki, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja, iċ-Ċentru ENIC NARIC.

    (39)  Informazzjoni dwar l-edukazzjoni u x-xogħol għall-Ukreni u l-pajjiżi tal-UE | ETF (europa.eu)

    (40)  Enic-Naric: in-network ENIC-NARIC (Network Ewropew ta’ Ċentri ta’ Informazzjoni fir-Reġjun Ewropew-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku fl-Unjoni Ewropea) żviluppa l-proġett Erasmus+ Q-entry, bażi tad-data li tkopri l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux tal-UE u tipprovdi informazzjoni dwar il-kwalifiki tat-tluq mill-iskola filwaqt li tagħti aċċess għall-edukazzjoni għolja.

    (41)  CVDC | Site de la validation des compétences (validationdescompetences.be)

    (42)  Riżultati preliminari: Stħarriġ dwar l-integrazzjoni tar-refujati Ukreni fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) - Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

    (43)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).

    (44)  Il-Kummissarju Schmit iżur proġetti ffinanzjati mill-FSE fir-Rumanija li jgħinu lir-refuġjati mill-Ukrajna | Fond Soċjali Ewropew Plus (europa.eu)

    (45)  Għajnuna u taħriġ lill-immigranti fiċ-Ċentru tal-Ħiliet ta’ Omnia| Omnia

    (46)  Noħolqu perkorsi biex l-immigranti jsibu xogħol permezz tat-tagħlim tal-lingwi | Fond Soċjali Ewropew Plus (europa.eu)

    (47)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.) u r-Regolament (UE) Nru 223/2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

    (48)  Għall-perjodu kontabilistiku li jibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2022.

    (49)  Żieda mal-prefinanzjament inizjali REACT-EU ta’ 11 % sa 15 % għall-Istati Membri kollha, u sa 45 % għall-Istati Membri l-aktar esposti (HU, PL, RO, SK) u dawk bl-akbar għadd ta’ wasliet meta mqabbla mal-popolazzjoni tagħhom (aktar minn 1 % tal-popolazzjoni tagħhom fit-23 ta’ Marzu: AT, BG, CZ, EE, LT).

    (50)  Ukraine: making it easier and quicker for Member States to use cohesion funding to support immediate needs of refugees | Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (europa.eu). Dan se japplika għal dawk kollha li ngħataw protezzjoni temporanja skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, li għandha tintuża sa 13-il ġimgħa wara l-wasla tagħhom.

    (51)  Ir-Regolament (UE) 2022/585, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 514/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet, (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u (UE) 2021/1147 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

    (52)  Din hija paġna web semipubblika, primarjament iżda mhux esklussivament aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-programm.

    (53)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku.

    (54)  Il-Kummissjoni ppubblikat “Sett ta’ għodod dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-integrazzjoni ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027” biex trawwem l-użu tal-FEŻR, l-FSE + u l-AMIF b’mod komplementari għall-integrazzjoni ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni.

    (55)  L-użu ta’ stħarriġ u attivitajiet ta’ monitoraġġ ulterjuri bħal dawk imwettqa mill-aġenziji Eurofound, Cedefop u ETF.

    (56)  Informazzjoni għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)


    Top