Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AE1010

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Reviżjoni tar-Regolament dwar it-tikkettar tat-tessuti” (opinjoni esploratorja)

    EESC 2023/01010

    ĠU C 349, 29.9.2023, p. 24–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 349/24


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Reviżjoni tar-Regolament dwar it-tikkettar tat-tessuti”

    (opinjoni esploratorja)

    (2023/C 349/05)

    Relatur:

    Antje Sabine GERSTEIN

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 20.1.2023

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    29.6.2023

    Adozzjoni fil-plenarja

    12.7.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    580

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    196/1/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li, bħala l-punt tat-tluq għar-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti, tibbaża prinċipalment fuq il-possibbiltà ta’ teknoloġiji ġodda ta’ tikkettar diġitali, teknoloġiji ġodda tal-fibri u l-klassifikazzjoni tagħhom u teknoloġiji ġodda ta’ riċiklaġġ, u b’hekk tirrikonoxxi l-kuntest regolatorju ġdid u estensiv tal-UE għat-tessuti b’mod ġenerali.

    1.2.

    Il-konsumaturi għandhom aspettattivi differenti tal-livell ta’ dettall li jingħata fit-tikketti tat-tessuti. Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti trid tissodisfa dawn il-livelli differenti ta’ aspettattivi billi l-ewwel nett toffri informazzjoni bażika u li tinftiehem faċilment, u fl-istess ħin tagħti aktar aċċess għal informazzjoni aktar dettaljata.

    1.3.

    Billi jqis li s-settur tat-tessuti huwa wieħed mill-aktar setturi globalizzati, il-KESE jemmen li huwa tal-akbar importanza li l-Kummissjoni Ewropea tistinka għal allinjament globali u mifrux mal-UE kollha tar-rekwiżiti tat-tikkettar fir-rigward tal-indikazzjonijiet tal-oriġini, l-istruzzjonijiet tal-kura, id-daqs u l-kompożizzjoni tal-fibri.

    1.4.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea żżomm f’moħħha l-ħtiġijiet speċjali tal-SMEs f’dan is-settur. Sabiex tiġi evitata aktar delokalizzazzjoni, u minħabba l-fatt li s-settur jimpjega 1,3 miljun impjegat fl-UE kollha, ir-rekwiżiti l-ġodda tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti jridu jipprovdu biżżejjed flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-SMEs sabiex l-impjiegi u l-ħiliet f’dan is-settur tal-ekonomija mhux biss jinżammu iżda jkunu jistgħu jevolvu aktar.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    L-Istrateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari ħabbret ir-rieżami tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti (Regolament (UE) Nru 1007/2011 (1)), li jitlob li t-tessuti mibjugħa fis-suq tal-UE jkollhom tikketta li tidentifika b’mod ċar il-kompożizzjoni tal-fibri u tindika kwalunkwe parti mhux magħmula minn tessuti li toriġina mill-annimali. Bħala parti minn dan ir-rieżami, l-Istrateġija ssemmi l-possibbiltà li tiġi introdotta divulgazzjoni obbligatorja ta’ tipi oħra ta’ informazzjoni, bħall-parametri tas-sostenibbiltà u taċ-ċirkolarità, id-daqs tal-prodotti u, fejn applikabbli, il-pajjiż fejn iseħħu l-proċessi tal-manifattura (“magħmul fi”).

    2.2.

    F’din l-Opinjoni, il-KESE jesplora l-għażliet biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament attwali billi jitqiesu ċerti elementi diġà elenkati fl-Artikolu 24 tar-Regolament biex isirilhom rieżami, u jitqiesu parametri oħra dwar is-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità b’koerenza mal-proposti leġiżlattivi attwali bħall-proposta leġiżlattiva dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli. L-Opinjoni ser tqis il-perspettiva industrijali, inklużi l-kostijiet u l-iskambju mtejjeb tal-informazzjoni tul il-katina tal-valur, u l-perspettiva tal-konsumatur, sabiex tiġi żgurata informazzjoni korretta, preċiża u ċara.

    2.3.

    Il-KESE jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li, bħala l-punt tat-tluq, tibbaża prinċipalment fuq il-possibbiltà ta’ teknoloġiji ġodda ta’ tikkettar diġitali, teknoloġiji ġodda tal-fibri u l-klassifikazzjoni tagħhom u teknoloġiji ġodda ta’ riċiklaġġ, u b’hekk tirrikonoxxi l-kuntest regolatorju ġdid u estensiv tal-UE għat-tessuti b’mod ġenerali inkluża l-inizjattiva dwar Asserzjonijiet Ekoloġiċi min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea (2).

    2.4.

    F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza li ħafna aspetti fis-settur tat-tessuti diġà huma indirizzati fi proposti regolatorji orizzontali kumplessi ħafna li fil-biċċa l-kbira tagħhom diġà jinsabu fil-proċess leġiżlattiv. Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u kwistjonijiet relatati max-xogħol huma indirizzati fid-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u fir-Regolament dwar ix-Xogħol Furzat. Id-Direttiva dwar l-Għoti tas-Setgħa lill-Konsumaturi u d-Direttiva dwar l-Asserzjonijiet Ekoloġiċi dalwaqt ser jirregolaw il-komunikazzjoni tal-asserzjonijiet dwar is-sostenibbiltà, waqt li d-Direttiva Qafas riveduta dwar l-Iskart ser tindirizza l-kunċetti bażiċi relatati mal-ġestjoni ta’ tmiem il-ħajja.

    2.5.

    Il-konsumaturi għandhom aspettattivi differenti tal-livell ta’ dettall li jingħata fit-tikketti tat-tessuti. Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti għandha tissodisfa dawn il-livelli differenti ta’ aspettattivi billi l-ewwel nett toffri informazzjoni bażika u li tinftiehem faċilment, u fl-istess ħin tagħti aktar aċċess għal informazzjoni aktar dettaljata, pereżempju permezz tal-forniment volontarju ta’ informazzjoni standardizzata dwar il-proċess tal-produzzjoni.

    2.6.

    Il-KESE jirrimarka li r-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti huwa inizjattiva REFIT bl-għan ċar li l-liġi tal-UE ssir aktar sempliċi, adatta għall-iskop tagħha u inqas għalja għan-negozji u l-konsumaturi. Għall-kumpaniji dan irid jinkludi t-tnaqqis tal-kostijiet ta’ konformità kif ukoll iċ-ċarezza u konsistenza regolatorja. Il-konsumaturi għandhom bżonn informazzjoni preċiża, komprensiva u komparabbli dwar il-prodotti tat-tessuti. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ armonizzazzjoni massima sabiex is-settur jiġi megħjun fit-tranżizzjoni lejn ċirkolarità komprensiva li tirnexxi.

    2.7.

    Il-KESE jappella għal azzjoni urġenti dwar is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-fibri, peress li s-sistema attwali mhijiex flessibbli biżżejjed biex tindirizza l-iżvilupp ta’ fibri innovattivi, li spiss ikollhom impatt ambjentali aktar baxx mill-fibri konvenzjonali. Għal ħafna produtturi ta’ fibri ġodda, dan l-istatus quo huwa sitwazzjoni frustranti minħabba li ma jistgħux jittikkettaw il-fibri tagħhom b’mod preċiż. Barra minn hekk, dawn il-fibri ġodda għadhom ma jistgħux jiġu indikati fuq it-tikketti tat-tessuti u, għalhekk, l-identifikazzjoni tagħhom għadha sfida kbira għar-riċiklaturi, li bħalissa qed ixxekkel iċ-ċirkolarità fis-settur. Il-KESE jirrimarka li dan id-distakk regolatorju jaffettwa wkoll b’mod negattiv il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi, peress li xi prodotti jistgħu fir-realtà jkunu ħafna aktar sostenibbli minn kif indikat fuq it-tikketti attwali.

    2.8.

    Il-KESE jemmen li huwa tal-akbar importanza li l-Kummissjoni Ewropea tistinka għal allinjament globali u mifrux mal-UE kollha tar-rekwiżiti tat-tikkettar fir-rigward tal-indikazzjonijiet tal-oriġini, l-istruzzjonijiet tal-kura, id-daqs u l-kompożizzjoni tal-fibri. Is-settur tat-tessuti huwa wieħed mill-aktar setturi globalizzati. Il-ħwejjeġ li jsiru f’kull post huma destinati għal diversi żoni ġeografiċi madwar id-dinja (l-UE, l-Istati Uniti, eċċ.), b’ħafna rekwiżiti differenti ta’ tikkettar (3). Ir-rekwiżiti globali tat-tikkettar u l-istandards armonizzati globali jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fejn applikabbli.

    2.9.

    Ir-rekwiżit għal armonizzazzjoni massima huwa marbut ma’ talba ċara ta’ politika mill-KESE biex ma jkomplix jiġi pperikolat aktar is-suq intern, peress li jidher li qed ifiġġu dejjem aktar rekwiżiti differenti dwar it-tikkettar fid-diversi Stati Membri. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa essenzjali u f’waqtu li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi r-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti fl-2023, li taħbat it-30 anniversarju tas-suq uniku.

    2.10.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm f’moħħha l-ħtiġijiet speċjali tal-SMEs f’dan is-settur. Sabiex tiġi evitata aktar delokalizzazzjoni, u minħabba l-fatt li s-settur jimpjega 1,3 miljun impjegat fl-UE kollha (4), ir-rekwiżiti l-ġodda tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti jridu jipprovdu biżżejjed flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-SMEs sabiex l-impjiegi u l-ħiliet f’dan is-settur tal-ekonomija mhux biss jinżammu iżda jkunu jistgħu jevolvu aktar. Pereżempju, kontroll tal-konformità ġeneralizzat imwettaq minn korp ta’ ċertifikazzjoni mhuwiex fattibbli għall-SMEs, li huma s-sinsla tal-produzzjoni tat-tessuti industrijali fl-UE. Approċċ raġonevoli jkun li jiġu previsti proċeduri ta’ “awtoċertifikazzjoni”, bħall-kontrolli interni tal-produzzjoni stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 768/2008/KE (5), fejn l-SMEs jinfurmaw u jipprovdu garanziji lill-konsumaturi.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.   Klassifikazzjoni tal-fibri

    3.1.1.

    F’dawn l-aħħar snin, l-industrija tat-tessuti żviluppat għadd ta’ fibri ġodda li taw prova li għandhom impronti ambjentali aktar baxxi meta mqabbla mal-għażliet ta’ fibri aktar tradizzjonali. Għalkemm dawn il-materjali jistgħu jkunu bbażati fuq materja prima simili, it-teknoloġija u l-proprjetajiet tal-manifattura tagħhom spiss ivarjaw b’mod sinifikanti minn dawk użati fil-fibri konvenzjonali. Il-fibri ġodda bħalissa mhumiex rikonoxxuti mill-klassifikazzjonijiet eżistenti tal-fibri ġeneriċi fl-Anness I. Konsegwentement, it-tipi ta’ fibri innovattivi huma kklassifikati taħt ismijiet ta’ fibri differenti, jew bħala fibra “oħra”. Fid-dawl tat-tranżizzjoni ekoloġika u ċirkolari, ir-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti rivedut għandu jippermetti li fibri b’karatteristiċi distintivi jiġu rikonoxxuti bħala tali fl-Anness I. Ir-reviżjoni antiċipata tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti għandha tiġi adattata aħjar biex tirrifletti l-progress dinamiku rigward il-fibri innovattivi.

    3.1.2.

    Firxa wiesgħa ta’ tipi ġodda ta’ fibri b’karatteristiċi distintivi diġà waslet biex tiġi kummerċjalizzata jew ser issir disponibbli fis-suq fil-futur. Madankollu, il-proċess attwali tal-aġġornar tal-Anness I mhuwiex trasparenti u ma fihx ċertezza għall-applikanti. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-UE jivvalutaw u jirrevedu kif il-proċess ta’ aġġornar jista’ jsir aktar trasparenti u teknikament preċiż.

    3.2.   Marġni ta’ tolleranza tal-kompożizzjoni tal-fibri

    3.2.1.

    Fid-dawl tat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari, l-industrija tat-tessuti qed tuża dejjem aktar fibri u materjali riċiklati fil-produzzjoni tal-ħwejjeġ. Ir-Regolament attwali mhuwiex adatt għal kollox biex tiġi ttikkettata b’mod preċiż il-kompożizzjoni tal-fibri li jkun fiha kontenut riċiklat, u dan ixekkel it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. L-Artikolu 20(3) jippermetti devjazzjoni massima ta’ 3 % bejn il-kontenut tal-fibri ddikjarat fuq it-tikketta u l-kompożizzjoni tal-fibri stabbilita abbażi tal-ittestjar mill-awtorità. Madankollu, l-istat attwali tal-iżvilupp tekniku fit-teknoloġija tas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tat-tessuti jiġġenera varjanza fil-kompożizzjoni tal-fibri li xi drabi taqbeż il-livell ta’ tolleranza ta’ 3 %. Dan għaliex, b’mod partikolari fir-riċiklaġġ mekkaniku, mhuwiex possibbli li jiġi żgurat bis-sħiħ li l-materja prima għar-riċiklaġġ tkun ħielsa minn impuritajiet ta’ materjali ta’ tessuti oħra. Dan iwassal għall-ħtieġa li jiġi esplorat marġni ta’ tolleranza ta’ kompożizzjoni ogħla fir-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti rivedut. Abbażi tal-kontribut tal-esperti, il-KESE jirrakkomanda li l-livell aġġornat ikun ta’ 3-5 %. Livell ogħla ta’ tolleranza għandu jqis biss il-limitazzjonijiet eżistenti fit-teknoloġija tar-riċiklaġġ, u ma għandux jiġġustifika prattika inferjuri tal-manifattura. Żieda żgħira fil-livelli ta’ tolleranza hija pass pożittiv biex jitneħħew l-ostakli għall-użu ta’ materjali riċiklati fil-produzzjoni tal-ħwejjeġ.

    3.3.   Armonizzazzjoni mal-istandards u l-proċessi globali

    3.3.1.   Armonizzazzjoni tal-istandards tal-ittestjar

    3.3.1.1.

    L-industrija tat-tessuti hija industrija globali ħafna li spiss tapplika standards internazzjonali. Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti hija opportunità biex il-metodi tal-ittestjar tal-kompożizzjoni tal-fibri jiġu allinjati mal-istandards globali. Bħalissa, skont l-Artikolu 19, l-istandards tal-UE (EN) biss huma permessi għall-ittestjar tal-kompożizzjonijiet tal-fibri. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-istandards tal-EN huma simili ħafna għall-istandards internazzjonali tal-ISO, iżda differenzi żgħar eżistenti fil-parametri tal-metodu jwasslu għal diskrepanzi bejn ir-riżultati tat-testijiet ISO u EN. Minħabba l-ktajjen tal-valur globali tal-industrija, l-istandards tal-ISO huma applikati u ppreferuti ħafna mis-settur. B’riżultat ta’ dan, in-negozji qed jiffaċċjaw żieda fl-ittestjar għal prodotti destinati għas-suq Ewropew, li jżid b’mod sinifikanti l-kostijiet. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li r-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti rivedut jirrikonoxxi l-istandards ISO bħala standards tal-ittestjar aċċettati. Barra minn hekk, il-KESE jirrikonoxxi passi kbar li qed iseħħu fl-innovazzjoni rigward metodi ġodda ta’ detezzjoni tal-kompożizzjoni tal-fibri. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis dan il-progress meta tirrevedi r-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti.

    3.3.2.   Armonizzazzjoni mal-istandards internazzjonali u r-regoli kummerċjali

    3.3.2.1.

    Il-KESE jappoġġja l-idea li r-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti jiġi ttrasformat f’ġabra ta’ regoli dwar standards armonizzati għal għadd ta’ rekwiżiti (klassifikazzjoni ta’ fibri ġodda, ittestjar tal-kompożizzjoni tal-fibri, kejl tad-daqs, struzzjonijiet ta’ kura). Kemm jista’ jkun, dawn l-istandards għandu jkollhom firxa globali. Dan iwassal għal armonizzazzjoni akbar tar-rekwiżiti tat-tikkettar kemm fis-suq uniku kif ukoll mal-bqija tad-dinja.

    3.3.2.2.

    Minħabba l-ambitu globali tas-settur tat-tessuti, huwa kruċjali li fir-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti jitqiesu l-allinjament u l-kollaborazzjoni internazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura koerenza mal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u mar-reviżjoni attwali tal-kodiċijiet tas-sistema armonizzata, kif ukoll mal-impenji fil-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ tad-WTO dwar l-użu ta’ standards internazzjonali.

    3.4.   Tikkettar diġitali

    3.4.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddiġitalizza t-tikkettar tal-kompożizzjoni fir-Regolament rivedut dwar it-Tikkettar tat-Tessuti. Barra minn hekk, fil-kuntest tar-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli, il-KESE jilqa’ l-inizjattivi ta’ tikkettar diġitali u ta’ komunikazzjoni tal-konsumatur bħall-Passaport Diġitali tal-Prodotti. Madankollu, huwa kruċjali li l-Kummissjoni Ewropea tallinja dawn l-inizjattivi diġitali biex toħloq qafas ta’ politika koerenti u effettiv.

    3.4.2.

    Bħalissa t-tikketti fiżiċi, għal diversi raġunijiet, mhumiex effettivi daqs kemm mixtieq. It-tikketti spiss jinqatgħu wara li l-prodott ikun inxtara. It-test fuq it-tikketti jista’ jitlaq wara diversi ċikli tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Barra minn hekk, il-fatt li t-tikketti fiżiċi kbar isiru f’diversi lingwi differenti jiswa ħafna flus u jikkontribwixxi għall-iskart tal-plastik. It-test huwa żgħir u jinkludi diversi traduzzjonijiet, li jagħmilha wkoll diffiċli għall-konsumaturi biex jifhmuh.

    3.4.3.

    It-tikketti diġitali jagħmlu l-affarijiet aktar faċli għall-kumpaniji, kif ukoll itejbu l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi billi joffrulhom test ċar fil-verżjonijiet lingwistiċi adatti. Għad hemm il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni lil konsumaturi b’livell ta’ teknoloġija inqas avvanzat, iżda jeżistu għażliet oħra, pereżempju billi tiġi pprovduta informazzjoni wara li tintalab fil-punt tal-bejgħ. Biex ikun durabbli, l-immarkar b’tip ta’ “trasportatur tad-data” li ma jitħassarx fuq il-prodott jista’ jiggarantixxi aċċess faċli għall-informazzjoni diġitali.

    3.4.4.

    Anke jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tħalli xi informazzjoni fuq it-tikketti fiżiċi, dan l-approċċ għandu madankollu jwassal għal tnaqqis ġenerali sinifikanti fid-daqs tat-tikketta. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li għandu jsir aktar diffiċli biex jitneħħew it-tikketti fiżiċi jew il-portaturi fiżiċi tal-informazzjoni diġitali. Diġà huma disponibbli metodi ta’ tikkettar li ma jirritawx il-ġisem. Il-metodi biex it-tikketti jsiru aktar diffiċli li jinqatgħu għandhom jiżguraw id-durabbiltà tal-informazzjoni (eż. l-informazzjoni stampata direttament fuq il-materjal tista’ titlaq mal-ħasil) u ma għandhomx inaqqsu l-funzjonalità tal-prodott (eż. tikketta meħjuta sħiħa fuq l-ilbies tista’ tnaqqas il-funzjonalità tiegħu).

    3.4.5.

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tivvaluta kif il-Passaport Diġitali tal-Prodotti jista’ jiġi applikat fil-kuntest ta’ tikketta diġitali skont ir-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti rivedut. Sabiex tippermetti l-konsistenza u tiffaċilita l-implimentazzjoni, tikketta diġitali tista’ titqiegħed ukoll fuq l-istess portatur tad-data bħall-Passaport Diġitali tal-Prodotti.

    3.5.   Eżenzjoni tat-tikkettar għal ċerti tipi ta’ prodotti

    3.5.1.

    L-Anness V fir-Regolament attwali dwar it-Tikkettar tat-Tessuti jeżenta 42 tip ta’ prodott tat-tessuti mill-obbligu tat-tikkettar. Dawn huma oġġetti żgħar (bħal ċineg tal-arloġġi) fejn iż-żieda ta’ tikketta tnaqqas il-funzjonalità tal-prodott. Madankollu, l-approċċ tal-lista ma jipprovdix gwida ċara dwar kif l-operaturi għandhom jittikkettaw prodotti li mhumiex elenkati fl-Anness V, iżda li għandhom ukoll funzjonalità mnaqqsa minħabba tikketta. Il-KESE jirrakkomanda li r-Regolament rivedut jipprovdi ċarezza dwar kif għandhom jiġu ttikkettati b’mod korrett il-prodotti (bħal tights u kalzetti) fejn it-tikkettar obbligatorju jxekkel il-funzjonalità tal-prodott. Pereżempju, l-approċċ tal-lista attwali jista’ jiġi sostitwit b’definizzjoni ta’ prodotti eżentati mit-tikkettar obbligatorju.

    Brussell, 12 ta’ Lulju 2023.

    Oliver RÖPKE

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta’ Settembru 2011 dwar l-ismijiet ta’ fibri ta’ tessuti u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodotti tat-tessut u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 73/44/KEE u d-Direttivi 96/73/KE u 2008/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 272, 18.10.2011, p. 1).

    (2)  COM(2023) 166 final – 2023/0085(COD).

    (3)  Eżempji ta’ rekwiżiti bħal dawn huma r-Regolamenti tal-Kanada dwar it-Tikkettar u r-Reklamar tat-Tessuti u l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Identifikazzjoni tal-Prodotti tal-Fibri tat-Tessuti.

    (4)  https://euratex.eu/wp-content/uploads/EURATEX_FactsKey_Figures_2022rev-1.pdf

    (5)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).


    Top