EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0662

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar in-nonrikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa f’reġjuni barranin okkupati

COM/2022/662 final

Brussell, 6.9.2022

COM(2022) 662 final

2022/0274(COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar in-nonrikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa f’reġjuni barranin okkupati


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

B’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa fl-2014 u l-azzjonijiet destabbilizzanti kontinwi fil-Lvant tal-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea diġà introduċiet (i) sanzjonijiet ekonomiċi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, marbuta mal-implimentazzjoni mhux kompluta tal-Ftehimiet ta’ Minsk; (ii) sanzjonijiet fir-rigward ta’ azzjonijiet li jimminaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna; (iii) sanzjonijiet b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa.

Id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li tirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts ta’ Donetsk u ta’ Luhansk fl-Ukrajna bħala entitajiet indipendenti, u d-deċiżjoni li jintbagħtu truppi Russi fl-Ukrajna, aggressjoni militari bla preċedent kontra l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tagħha, hija ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki, il-Karta ta’ Pariġi u l-Memorandum ta’ Budapest.

Bħala firmatarja tal-Ftehimiet ta’ Minsk, ir-Russja għandha responsabbiltà ċara u diretta li taħdem biex tinstab soluzzjoni paċifika. Bid-deċiżjoni li r-reġjuni mhux ikkontrollati mill-gvern fil-Lvant tal-Ukrajna jiġu rikonoxxuti bħala entitajiet indipendenti, il-Federazzjoni Russa kisret b’mod ċar il-Ftehimiet ta’ Minsk, li jistipulaw li dawn iż-żoni jiġu rritornati b’mod sħiħ f’idejn il-kontroll tal-gvern Ukren.

Fit-23 ta’ Frar 2022, l-UE qablet unanimament dwar l-ewwel pakkett ta’ sanzjonijiet, li wassal għal spiża addizzjonali fuq ir-Russja b’reazzjoni għall-azzjonijiet tagħha. Dawn kienu jinkludu sanzjonijiet individwali, restrizzjonijiet finanzjarji, u restrizzjonijiet fuq ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts ta’ Donetsk u ta’ Luhansk.

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-eħrex mod possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u esprima solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna u mal-poplu tagħha flimkien mas-sħab internazzjonali tiegħu. Permezz tal-azzjonijiet militari illegali tagħha, minn dak iż-żmien ir-Russja kompliet tikser bil-qawwi d-dritt internazzjonali, billi wettqet atroċitajiet fil-konfront tal-popolazzjoni Ukrena u mminat is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew talab li r-Russja twaqqaf immedjatament l-azzjonijiet militari tagħha, tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna u tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment.  1

Wara dan, l-Unjoni wieġbet b’aktar pakketti ta’ sanzjonijiet inkluż l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għall-individwi. L-Unjoni adottat ukoll miżuri restrittivi li jikkonċernaw is-setturi finanzjarji, tal-enerġija, tat-trasport u tat-teknoloġija. Ħadet ukoll miżuri addizzjonali, b’mod partikolari s-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża 2 . Din is-sospensjoni parzjali kienet immirata lejn ċerti kategoriji ta’ ċittadini Russi, inklużi membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali Russi, membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali u negozjanti.

Mill-bidu tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni marret għall-agħar b’konsegwenzi umanitarji traġiċi għall-popolazzjoni u l-infrastruttura ċivili u r-Russja kompliet tespandi b’mod illegali l-okkupazzjoni sħiħa jew parzjali tagħha fir-reġjuni tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ukrajna.

L-evoluzzjoni negattiva tal-politika interna tar-Russja, ikkaratterizzata minn repressjoni politika dejjem tikber mill-gvern biex jippreserva l-ordni politiku u ekonomiku attwali, affettwat dejjem aktar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja. B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni, b’mod parallel ma’ din il-proposta, ipproponiet ukoll li tissospendi kompletament il-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża bejn l-UE u r-Russja 3 .

Peress li l-Istati Membri ma rrikonoxxewx l-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa jew ta’ reġjuni oħra okkupati mir-Russja fl-Ukrajna, id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-awtoritajiet Russi f’dawn it-territorji, b’mod ġenerali, ma ġewx rikonoxxuti mill-Istati Membri għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u tal-qsim tal-fruntieri esterni. L-istess japplika għad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar okkupati mir-Russja. Dawn il-pożizzjonijiet huma riflessi fit-tabella ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar rikonoxxuti maħruġa minn pajjiżi terzi 4 , li l-Kummissjoni taġġorna ta’ spiss, abbażi tan-notifiki tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni ħarġet linji gwida għall-konsulati tal-Istati Membri fl-Ukrajna u fil-Federazzjoni Russa dwar it-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal viża ta’ Schengen mir-residenti tal-Krimea wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja fl-2014. Fl-2016 ġew żviluppati linji gwida ulterjuri bħala approċċ komuni għall-kwistjoni tan-nonrikonoxximent ta’ ċerti kategoriji ta’ passaporti internazzjonali Russi ordinarji maħruġa mill-awtoritajiet amministrattivi Russi stabbiliti mir-Russja fil-Krimea u f’Sevastopol. Fl-2019, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ħejjew gwida dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet għal viża mressqa mir-residenti tar-reġjuni tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk li għandhom passaporti internazzjonali Russi ordinarji. Il-Federazzjoni Russa bħalissa qiegħda testendi l-prassi tal-għoti ta’ passaporti internazzjonali Russi ordinarji lil żoni oħra tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern, b’mod partikolari r-reġjuni ta’ Kherson u Zaporizhzhia. F’Mejju 2022, ir-Russja introduċiet proċedura ssimplifikata ta’ naturalizzazzjoni Russa għat-tfal orfni mill-hekk imsejħa r-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk u mill-hekk imsejħa r-Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk, kif ukoll mill-Ukrajna. Id-digriet japplika wkoll għal tfal mingħajr kura ġenitorjali u persuni legalment inkapaċi li huma abitanti ta’ dawn iż-żewġ reġjuni okkupati.

Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li d-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa fir-reġjuni barranin okkupati jew lil persuni residenti fihom, irrispettivament mill-post ġeografiku, ma jiġux rikonoxxuti mill-Istati Membri għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u tal-qsim tal-fruntieri esterni. Il-miżura tistabbilixxi approċċ komuni dwar in-nonrikonoxximent ta’ dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din l-inizjattiva hija konformi mal-azzjonijiet stipulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022 u tiżviluppa ulterjorment il-Gwida għall-konsulati tal-Istati Membri u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen fil-Federazzjoni Russa u fl-Ukrajna dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet għal viża mressqa mir-residenti tar-reġjuni ta’ Donetsk u ta’ Luhansk fl-Ukrajna li għandhom passaporti internazzjonali ordinarji Russi maħruġa wara l-24 ta’ April 2019. Din il-proposta tikkumplimenta s-sospensjoni parzjali tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża bejn l-UE u r-Russja u l-proposta tal-Kummissjoni biex il-Ftehim jiġi sospiż kompletament ippreżentata parallelament.

Din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 1105/2011/UE jew l-obbligi tal-Istati Membri skont dik id-Deċiżjoni fir-rigward ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li dwarhom l-Unjoni ma ħaditx pożizzjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta tikkostitwixxi rispons ulterjuri tal-Unjoni għall-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u l- “passaportizzazzjoni” Russa f’reġjuni barranin okkupati. Il-proposta hija kompletament konsistenti mad-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE dwar tentattivi tal-Federazzjoni Russa li tintegra bil-forza partijiet tat-territorju Ukren 5 . Barra minn hekk, l-inklużjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa fit-territorji Georgjani tal-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja okkupati mir-Russja hija konformi mal-appelli tal-Kunsill Ewropew 6 li jikkundannaw bil-qawwa d-deċiżjoni unilaterali tar-Russja li tirrikonoxxi l-indipendenza tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar u li jħeġġu lil pajjiżi oħra biex ma jirrikonoxxux l-indipendenza tagħhom.

Din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu mid-drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll tal-membri tal-familja rispettivi tagħhom. Id-Direttiva 2004/38/KE 7 tistabbilixxi regoli dwar id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 77(2)(a) u (b) TFUE.

Il-proposta tistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri li ma jirrikonoxxux dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-awtoritajiet Russi f’reġjuni barranin okkupati jew lil persuni residenti fihom għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u tal-qsim tal-fruntieri esterni.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-azzjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja taqa’ f’qasam ta’ kompetenza kondiviż bejn l-UE u l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(2) TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) TUE, li skontu l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Ir-rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar sa issa kien kompetenza ta’ Stat Membru peress li preċedentement, l-Unjoni ma eżerċitatx il-kompetenza kondiviża tagħha skont l-Artikolu 77(2)(a) u (b) TFUE fir-rigward tar-rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar fil-qasam tal-politika komuni dwar il-viżi u l-kontrolli li għalihom huma soġġetti l-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni.

L-objettivi ta’ din il-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed billi l-Istati Membri jaġixxu għal rashom, u jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Dan għaliex l-objettivi jikkonċernaw l-invalidazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li huma meħtieġa fil-kuntest tat-tressiq ta’ applikazzjoni għal viża jew għall-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri. L-integrità taż-żona Schengen u l-ħtieġa li jiġi żgurat rispons uniformi għall- “passaportizzazzjoni” Russa f’reġjuni barranin okkupati jeħtieġu approċċ koerenti fiż-żona Schengen kollha. Mingħajr din il-proposta, ir-rikonoxximent jew in-nonrikonoxximent ta’ dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar ikunu soġġetti għal deċiżjonijiet individwali tal-Istati Membri u jistgħu jwasslu għal diskrepanzi serji fil-ħruġ ta’ viżi lil persuni abitwalment residenti f’reġjuni okkupati mir-Russja u l-kapaċità tagħhom li jaqsmu l-fruntieri esterni. Din il-miżura se ġġib ċertezza tad-dritt dwar il-kwistjoni u se tkun direttament applikabbli fl-Istati Membri.

Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta l-miżura proposta, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stipulat fl-Artikolu 5(4) TUE, hemm bżonn li n-natura u l-intensità ta’ miżura partikolari jkunu jikkorrispondu għall-problema identifikata.

L-għan tal-miżura huwa li tiżgura kemm politika komuni dwar il-viżi kif ukoll politika dwar il-kontrolli fil-fruntieri esterni li jaħdmu tajjeb, u anki li tissalvagwardja s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Il-miżura proposta hija risposta għall-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Din il-proposta tirrispetta bis-sħiħ id-dritt sovran tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali pubbliku dwar ir-rikonoxximent tal-istat. In-nonrikonoxximent propost tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ma jaffettwax id-dritt tal-Istati li jadottaw kwalunkwe deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalunkwe entità territorjali bħala personalità internazzjonali tal-komunità internazzjonali. Barra minn hekk, il-miżura proposta ma taffettwax il-validità possibbli ta’ dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar fil-kuntest tal-prova tal-identità fi proċedimenti jew interazzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, ikun f’idejn l-Istati Membri individwali li jiddeċiedu liema tipi ta’ dokumenti jistgħu jiġu pprovduti biex tiġi ppruvata l-identità ta’ dak li jkun.

Peress li l-UE ma rrikonoxxietx l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa jew ta’ reġjuni oħra okkupati mir-Russja fl-Ukrajna, id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-awtoritajiet Russi f’dawn it-territorji jenħtieġ li jiġu invalidati b’mod inekwivoku mid-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-ivvjaġġar. L-istess japplika għad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar okkupati mir-Russja. Bl-istess mod, din il-miżura ta’ nonrikonoxximent tkun tapplika għad-dokumenti tal-ivvjaġġar kollha maħruġa mill-awtoritajiet Russi fi kwalunkwe reġjun barrani li r-Russja possibbilment tinvadi jew tokkupa illegalment fil-futur.

Għażla tal-istrument

Il-proposta tikkonċerna n-nonrikonoxximent fiż-żona Schengen kollha tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-awtoritajiet Russi f’reġjuni barranin okkupati fil-kuntest tal-politika komuni dwar il-viżi u l-kontrolli li għalihom huma soġġetti l-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni. Meta jitqiesu l-fatt li tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u l-kamp ta’ applikazzjoni mmirat tal-miżura proposta, hija xierqa Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-kwistjoni tan-nonrikonoxximent ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa fir-reġjuni barranin okkupati ġiet diskussa fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Viża fit-13 ta’ Lulju 2022. Wara l-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin (Gymnich) fil-31 ta’ Awwissu 2022, ir-Rappreżentant Għoli rrapporta li l-Istati Membri qablu politikament dwar in-nonrikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa fir-reġjuni barranin okkupati.

Drittijiet fundamentali

Il-miżura proposta tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-libertà tal-moviment u tar-residenza, id-dritt għall-ażil, id-drittijiet tat-tfal u l-prinċipji tan-non-refoulement u tan-nondiskriminazzjoni.

Filwaqt li l-miżura proposta essenzjalment se jkollha l-effett li timpedixxi l-ivvjaġġar ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-UE minħabba li ma jiġux rikonoxxuti d-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom bħala validi għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u tal-qsim tal-fruntieri esterni, il-miżura mhijiex se tkun l-istess bħal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar vis-à-vis dawk il-persuni. L-Istati Membri jżommu d-dritt li joħorġu viża b’validità territorjali limitata u jwaħħlu l-isticker tal-viża fuq folja separata f’konformità mal-Artikoli 25 u 29 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 u/jew jidderogaw mill-kundizzjonijiet tad-dħul previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn dan id-dritt sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u l-prinċipju ta’ non-refoulement.

Id-dritt għall-ażil u l-acquis tal-Unjoni dwar l-ażil mhumiex affettwati mill-miżura proposta.

Fl-aħħar nett, għalkemm id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mir-Russja fir-reġjuni barranin okkupati ma jiġux rikonoxxuti għall-finijiet tad-dħul fiż-żona Schengen, il-validità ta’ dawn id-dokumenti bħala dokumenti tal-identità f’kuntest domestiku mhijiex affettwata.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tal-miżura proposta fil-kuntest tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen u fil-qafas tal-Kumitat tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar, stabbilit skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 1105/2011/UE.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tipprevedi n-nonrikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi li nħarġu fir-reġjuni barranin okkupati jew lil persuni residenti fihom għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u tal-qsim tal-fruntieri esterni. Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt, ċarezza u trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi lista ta’ dawk id-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi li jenħtieġ li ma jiġux rikonoxxuti għall-finijiet tal-ivvjaġġar lejn iż-żona Schengen. Din il-lista se tkun disponibbli pubblikament fuq is-sit web tal-Kummissjoni bħala parti mit-tabella ta’ rikonoxximent ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiżi terzi, kif stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 1105/2011/UE.

2022/0274 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar in-nonrikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa f’reġjuni barranin okkupati

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) u (b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)B’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa fl-2014 u għall-azzjonijiet destabbilizzanti kontinwi tagħha fil-Lvant tal-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea diġà introduċiet sanzjonijiet ekonomiċi b’reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, marbuta mal-implimentazzjoni mhux kompluta tal-Ftehimiet ta’ Minsk; sanzjonijiet fir-rigward ta’ azzjonijiet li jimminaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna; u sanzjonijiet b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa.

(2)Bħala firmatarja tal-Ftehimiet ta’ Minsk, il-Federazzjoni Russa kellha responsabbiltà ċara u diretta li taħdem biex tinstab soluzzjoni paċifika tal-kunflitt f’konformità ma’ dawk il-prinċipji. Bid-deċiżjoni li r-reġjuni mhux ikkontrollati mill-gvern fil-Lvant tal-Ukrajna jiġu rikonoxxuti bħala entitajiet indipendenti, il-Federazzjoni Russa kisret b’mod ċar il-Ftehimiet ta’ Minsk, li jistipulaw li dawn iż-żoni jiġu rritornati b’mod sħiħ f’idejn il-kontroll tal-gvern Ukren.

(3)Id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li tirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts ta’ Donetsk u ta’ Luhansk fl-Ukrajna bħala entitajiet indipendenti, u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi f’dawn iż-żoni timmina ulterjorment is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki, il-Karta ta’ Pariġi u l-Memorandum ta’ Budapest.

(4)Tali aggressjoni militari li sseħħ f’pajjiż li jmiss mal-Unjoni Ewropea, bħal dik li seħħet fl-Ukrajna u li tat lok għall-miżuri restrittivi, tiġġustifika miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha.

(5)Mill-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea ’l hawn, ir-Russja ħarġet passaporti internazzjonali Russi lir-residenti tal-Krimea. F’Mejju 2022, il-Federazzjoni Russa introduċiet proċedura ssimplifikata ta’ naturalizzazzjoni Russa għat-tfal orfni mill-hekk imsejħa r-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk u mill-hekk imsejħa r-Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk, kif ukoll mill-Ukrajna. Id-digriet japplika wkoll għal tfal mingħajr kura ġenitorjali u persuni legalment inkapaċi li huma abitanti ta’ dawn iż-żewġ reġjuni okkupati. Il-ħruġ sistematiku ta’ passaporti Russi f’dawn ir-reġjuni okkupati jikkostitwixxi ksur ulterjuri tad-dritt internazzjonali u tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(6)Għalhekk, fid-dawl tal-ksur tad-dritt internazzjonali u l-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna mir-Russja, u sabiex jiġu żgurati politika komuni dwar il-viżi u approċċ komuni għall-kontrolli li għalihom huma soġġetti l-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni, jenħtieġ li d-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi kollha maħruġa f’reġjuni barranin okkupati jew lil persuni residenti fihom ma jiġux rikonoxxuti bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u tal-qsim tal-fruntieri esterni.

(7)L-Istati Membri huma u jenħtieġ li jibqgħu kompetenti għar-rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar għall-fini tal-ħruġ ta’ viża u biex jippermettu lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni kull fejn l-Unjoni ma tkunx ħadet pożizzjoni f’dan ir-rigward.

(8)Jenħtieġ li n-nonrikonoxximent ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa f’reġjuni barranin okkupati jew lil persuni residenti fihom għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u tal-qsim tal-fruntieri esterni jiġi estiż għar-reġjuni ġeografiċi kollha, inklużi t-territorji Georgjani okkupati mir-Russja tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar. In-nonrikonoxximent ma jaffettwax il-validità ta’ tali dokumenti għal finijiet oħra, inkluż bħala prova tal-identità f’kuntest nazzjonali.

(9)Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt u trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli pubblikament lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar Russi li jinħarġu f’reġjuni barranin okkupati jew lil persuni residenti fihom u li jenħtieġ li ma jiġux rikonoxxuti. Jenħtieġ li din il-lista tiġi inkorporata fil-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar stabbilita skont id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , u t-tabella ta’ rikonoxximent li takkumpanjaha li tinkludi informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar rikonoxxuti u mhux rikonoxxuti u li hija pubblikament disponibbli online.

(10)Din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja rispettivi tagħhom, inkluża l-possibbiltà li tali membri tal-familja jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri mingħajr dokument tal-ivvjaġġar validu fis-sens, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2004/38/KE u l-ftehimiet dwar il-moviment liberu tal-persuni konklużi mill-Unjoni u l-Istati Membri, minn naħa waħda, u ċerti pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra. Id-Direttiva 2004/38/KE tippermetti, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fiha, restrizzjonijiet għall-moviment liberu għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika.

(11)Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-dritt għall-ażil.

(12)L-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jippermettu lid-detenturi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar fil-mira ta’ din id-Deċiżjoni li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri f’każijiet individwali, kif previst fl-Artikoli 25 u 29 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 u l-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2016/399.

(13)L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni huwa li ssaħħaħ il-funzjonament tal-politika komuni dwar il-viżi u ż-żona Schengen. Dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu billi l-Istati Membri jaġixxu għal rashom. Għalhekk, hija meħtieġa l-introduzzjoni ta’ obbligu li ma jiġux rikonoxxuti ċerti dokumenti tal-ivvjaġġar għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża u tal-qsim tal-fruntieri esterni fil-livell tal-Unjoni. L-Unjoni tista’ għalhekk tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi.

(14)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni timxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(15)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom 9 ; Għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(16)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 10 , li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 11 .

(17)Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 12 li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 13 .

(18)Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 14 li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 15 .

(19)L-Artikolu 1, il-punt (a) ta’ din id-Deċiżjoni jikkostitwixxi att li jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, jew huwa altrimenti marbut miegħu, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, filwaqt li l-Artikolu 1, il-punt (b) jikkostitwixxi att li jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, jew huwa altrimenti marbut miegħu, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011. 

(20)Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni u l-preżenza illegali li hemm bħalissa fir-Russja f’reġjuni barranin, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa f’reġjuni barranin okkupati jew lil persuni residenti fihom ma għandhomx jiġu rikonoxxuti bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi għall-finijiet li ġejjin:

(a)il-ħruġ ta’ viża f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 810/2009;

(b)il-qsim tal-fruntieri esterni f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar Russi msemmija fl-Artikolu 1.

Din il-lista għandha tkun disponibbli għall-pubbliku bħala parti mil-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 1105/2011/UE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/333.
(3)    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi liċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (COM(2022) 661).
(4)    Dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiżi terzi u entitajiet territorjali (Parti I), disponibbli hawnhekk: <https://home-affairs.ec.europa.eu/travel-documents-issued-third-countries-and-territorial-entities-part-i_mt>.
(5)    Stqarrija għall-istampa, “Ukrajna: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE dwar it-tentattivi mill-Federazzjoni Russa li tintegra bil-forza partijiet tat-territorju Ukren”, it-3 ta’ Ġunju 2022, disponibbli hawnhekk: < Ukrajna: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE dwar it-tentattivi mill-Federazzjoni Russa li tintegra bil-forza partijiet tat-territorju Ukren - Consilium (europa.eu) >.
(6)    Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew Straordinarju, l-1 ta’ Settembru 2008 (12594/2/08 REV2).
(7)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom
biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri

u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE,

68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE,

90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(8)    Id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b’viża u dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-istabbiliment ta’ din il-lista (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 9).
(9)    Din id-Deċiżjoni ma taqax fl-ambitu tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(10)    ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(12)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(14)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(15)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
Top