EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0047

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, fir-rigward tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep

COM/2022/47 final

Brussell, 8.2.2022

COM(2022) 47 final

2022/0033(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, fir-rigward tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Dan il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jakkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa. 

Din il-proposta tikkumplimenta l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (“l-Att dwar iċ-Ċipep”) 1 billi timplimenta ħafna mill-azzjonijiet previsti fl-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa, stabbilita fil-proposta tal-Att dwar iċ-Ċipep.

Il-proposta tal-Att dwar iċ-Ċipep twettaq l-impenn politiku li ħabbret il-President von der Leyen fid-diskors tagħha tal-Istat tal-Unjoni 2021 biex b’mod konġunt tinħoloq ekosistema Ewropea taċ-ċipep mill-aktar avvanzata, li tinkludi l-produzzjoni 2 . Il-viżjoni strateġika li tirfed il-proposta tal-Att dwar iċ-Ċipep għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi hija spjegata fil-Komunikazzjoni mehmuża magħha 3 .

Biex tissodisfa din il-viżjoni, l-Istrateġija Ewropea dwar iċ-Ċipep hija mfassla fuq ħames objettivi strateġiċi. L-Ewropa jenħtieġ li:

·issaħħaħ it-tmexxija tagħha fir-riċerka u t-teknoloġija,

·tibni u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha stess biex tkun innovattiva fid-disinn, fil-manifattura u fl-imballaġġ ta’ ċipep avvanzati u ssarrafhom fi prodotti kummerċjali,

·tistabbilixxi qafas adegwat li jżid sostanzjalment il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha sal-2030,

·tindirizza l-iskarsezzi akuti tal-ħiliet, tattira talent ġdid, u tappoġġa l-ħolqien ta’ forza tax-xogħol ta’ ħiliet, u

·tiżviluppa fehim profond tal-ktajjen tal-provvista dinjin tas-semikondutturi.

Il-proposta tal-Att dwar iċ-Ċipep għandha l-għan li tilħaq l-objettiv strateġiku li żżid ir-reżiljenza tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li żżid is-sehem tagħha fis-suq dinji. Għandha l-għan ukoll li tiffaċilita l-adozzjoni bikrija taċ-ċipep ġodda mill-industrija Ewropea u li żżid il-kompetittività tagħha. Għal dan il-għan, jeħtiġilha tattira l-investiment f’faċilitajiet tal-produzzjoni innovattivi, jeħtieġ ikollha forza tax-xogħol ta’ ħiliet, iżda jeħtieġ ukoll tkun f’pożizzjoni li tiddisinja u tipproduċi l-aktar ċipep avvanzati li se jiddefinixxu s-swieq futuri, filwaqt li tiżviluppa l-kapaċitajiet potenzjali u jkollha l-possibbiltà li tittestja u tipprototipa disinji innovattivi permezz ta’ linji pilota b’kollaborazzjoni mill-qrib mas-setturi industrijali vertikali tagħha. Dawn huma passi meħtieġa iżda mhumiex biżżejjed jekk l-Ewropa ma jkollhiex il-kapaċità analitika potenzjali li żżid it-trasparenza tal-katina tal-valur u jekk ma tkunx kapaċi tikseb kapaċità akbar biex taqdi l-interess komuni tas-suq uniku f’każ ta’ kriżi. L-objettiv mhuwiex li ssir awtosuffiċjenti għax din mhix mira li tista’ tintlaħaq. L-Unjoni trid issaħħaħ il-preġji tagħha u taħdem mal-pajjiżi terzi għal katina tal-provvista li jkollha interdipendenzi sodi.

Fejn jidħol it-twettiq ta’ dawn l-objettivi, wieħed mill-għanijiet tal-Att propost dwar iċ-Ċipep hu li tiġi stabbilita l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa (l-“Inizjattiva”) biex tappoġġa l-bini tal-kapaċità fuq skala kbira permezz ta’ investimenti f’infrastruttura transfruntiera u aċċessibbli b’mod miftuħ tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni li tiġi stabbilita fl-Unjoni biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss li jsaħħu l-kapaċitajiet avvanzati potenzjali tal-UE għal disinn, integrazzjoni tas-sistemi, u produzzjoni taċ-ċipep, inkluż enfasi fuq in-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu.

B’mod partikolari, l-Inizjattiva se tibni pjattaforma virtwali tad-disinn biex issaħħaħ il-kapaċità tad-disinn tal-Ewropa, li tkun aċċessibbli b’mod miftuħ, nondiskriminatorju u trasparenti. Il-pjattaforma se tistimula kooperazzjoni wiesgħa tal-komunitajiet tal-utenti mad-djar tad-disinn, mal-organizzazzjonijiet tal-proprjetà intellettwali (IP) u mal-fornituri tal-għodod, mad-disinjaturi, u mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija (RTOs), u se tintegra faċilitajiet tad-disinn eżistenti u ġodda ma’ libreriji estiżi u għodod tal-EDA 4 .

L-Inizjattiva se tappoġġa linji pilota li jipprovdu l-mezzi biex partijiet terzi jittestjaw, jivvalidaw u jiżviluppaw aktar id-disinji tal-prodotti tagħhom, b’mod miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju. L-iżvilupp ta’ linji pilota ġodda se jwitti t-triq għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ kapaċitajiet potenzjali tal-produzzjoni u l-validazzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, l-Inizjattiva se tistabbilixxi kapaċitajiet avvanzati ta’ teknoloġija u ta’ inġinerija għaċ-ċipep kwantistiċi, eż. fl-għamla ta’ libreriji tad-disinn għaċ-ċipep kwantistiċi, linji pilota, u faċilitajiet tal-ittestjar u l-esperimentazzjoni.

L-Inizjattiva se tappoġġa network ta’ ċentri ta’ kompetenza madwar l-Ewropa li se jipprovdu għarfien espert lill-partijiet ikkonċernati, inkluż lil intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-utenti finali, lin-negozji ġodda u lis-setturi vertikali, u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Iċ-ċentri ta’ kompetenza se jiffaċilitaw l-aċċess miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju għall-infrastruttura tad-disinn u l-linji pilota, u l-użu effettiv tagħhom. Se jsiru punti ta’ attrazzjoni għall-innovazzjoni u għal talent ġdid b’livell għoli ta’ ħiliet, inkluż b’taħriġ mill-ġdid u b’titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema.

L-azzjonijiet permezz tal-Inizjattiva se jiġu implimentati qabelxejn permezz tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, jiġifieri bl-Impriża Konġunta dwar it-Teknoloġiji Diġitali Ewlenin attwali emendata u msemmija mill-ġdid. 5 Bħalissa, din l-Impriża Konġunta tipprovdi appoġġ estensiv għar-riċerka, l-iżvilupp tat-teknoloġija, u l-innovazzjoni xprunati b’mod industrijali fil-qasam tal-komponenti u tas-sistemi elettroniċi, u t-teknoloġiji tas-software u tas-sistemi relatati. Dawn l-attivitajiet se jsiru parti mill-Inizjattiva.

Din il-proposta għandha l-għan li temenda d-dispożizzjonijiet legali tar-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa biex l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin tkun attrezzata għall-kompiti l-ġodda tagħha relatati mal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa. Din il-proposta tbiddel ukoll l-isem ta’ Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għal “Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep”.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep se tiġbor flimkien għadd ta’ riżorsi tal-Unjoni, inkluż tal-programm Orizzont Ewropa u tal-programm Ewropa Diġitali, tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-programmi eżistenti tal-Unjoni, kif ukoll tas-settur privat.

Il-proposta tiddefinixxi l-azzjonijiet tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa li huma implimentati permezz tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. Il-proposta tikkumplimenta l-programm Ewropa Diġitali 6 , li jappoġġa l-bini tal-kapaċità diġitali f’oqsma diġitali ewlenin li jistgħu jużaw it-teknoloġija tas-semikondutturi biex itejbu l-prestazzjoni, b’mod partikolari l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (HPC), l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u ċ-Ċibersigurtà, flimkien mal-iżvilupp tal-ħiliet u l-introduzzjoni taċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali. Il-proposta tappoġġa l-bini tal-kapaċità li ssaħħaħ il-kapaċitajiet avvanzati potenzjali tar-riċerka, tad-disinn, tal-produzzjoni u tal-integrazzjoni tas-sistemi f’teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss. Il-programm Ewropa Diġitali jikkontribwixxi għall-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep permezz ta’ sitt Objettiv Speċifiku ġdid, li se jkollu enfasi tematika fuq it-teknoloġiji tas-semikondutturi.

L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tibni wkoll fuq Orizzont Ewropa 7 u tikkumplimentah, biex fil-qasam tas-semikondutturi tipprovdi appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-innovazzjoni xprunat mill-akkademja. L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep se tiffoka fuq l-appoġġ għal investimenti f’infrastrutturi tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni transfruntieri u aċċessibbli b’mod miftuħ, li jiġu stabbiliti fl-Unjoni biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati teknoloġiji tas-semikondutturi madwar l-Ewropa. L-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità appoġġati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jistgħu jadottaw u jużaw progressivament it-teknoloġiji ġodda tas-semikondutturi miksuba bl-azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni appoġġati minn Orizzont Ewropa. Min-naħa l-oħra, il-kapaċitajiet teknoloġiċi stabbiliti permezz tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep se jkunu disponibbli għall-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż għal azzjonijiet appoġġati b’Orizzont Ewropa.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-miżuri proposti huma konformi ma’ wħud mill-politiki ewlenin tal-Unjoni, bħall-Patt Ekoloġiku 8 . L-applikazzjoni ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi bħal dawk għall-elettronika tal-potenza, u għat-teknoloġiji diġitali b’mod ġenerali, huma abilitaturi sodi tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u jistgħu jwasslu għal prodotti ġodda u modi ta’ ħidma aktar effiċjenti u effettivi li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku.

It-tfixkil fil-provvista tas-semikondutturi u d-dipendenzi tagħhom fuq reġjuni oħra jistgħu jnaqqsu r-ritmu tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà tas-setturi Ewropej li jibbenefikaw minn soluzzjonijiet diġitali. Biex jiġu indirizzati t-tfixkil u d-dipendenzi, il-proposta ssaħħaħ it-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija u l-innovazzjoni fid-dominju tas-semikondutturi.

It-teknoloġiji diġitali jħalli l-impronta ambjentali tagħhom, inkluż konsum ġmielu tal-enerġija. Is-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) hu responsabbli għal 5-9% tal-użu totali tal-elettriku tad-dinja u għal aktar minn 2% tal-emissjonijiet kollha 9 . Iċ-ċentri tad-data waħedhom ammontaw għal 2,7% tad-domanda għall-elettriku fl-2018 fl-UE, u jekk l-iżvilupp jissokta kif inhu, sal-2030 ikunu jammontaw għal 3,21% 10 . Dan il-konsum tal-enerġija jeħtieġ jitnaqqas. Bis-saħħa tal-proposta, u b’mod partikolari permezz tal-faċilitajiet tad-disinn u l-linji pilota li tappoġġa, se jiġu ddisinjati, ittestjati u vvalidati proċessuri tal-enerġija ġodda u b’enerġija elettrika baxxa. Il-proċessuri huma l-komponenti ewlenin tas-servers li jimmaniġġaw it-tagħbija tal-proċessi komputazzjonali fiċ-ċentri tad-data. Iċ-ċentri l-kbar tad-data jkollhom miljuni ta’ servers bħal dawn u għalhekk it-titjib fil-konsum tal-enerġija tal-proċessuri jista’ jkollu effett sinifikanti fuq il-konsum ġenerali tal-enerġija taċ-ċentri tad-data. Dawn iċ-ċipep b’impronta enerġetika baxxa jikkontribwixxu wkoll biex l-UE tikseb pożizzjoni bħala mexxejja fit-teknoloġiji diġitali sostenibbli.

Il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi ta’ partijiet mill-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55%” li jiffokaw fuq il-promozzjoni ta’ vetturi u fjuwils aktar nodfa, b’mod li jkun newtrali mil-lat teknoloġiku 11 . Ir-reviżjoni tal-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet ġodda għandha l-għan li tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dawn il-vetturi, u tipprovdi perkors ċar u realistiku għal mobbiltà mingħajr emissjonijiet. Id-domanda tal-konsumaturi għal vetturi b’emissjonijiet żero, bħal vetturi li jistgħu jiġu ċċarġjati bl-elettriku, diġà qed tiżdied 12 . Vettura li tista’ tiġi ċċarġjata bl-elettriku tipikament ikollha aktar mid-doppju tas-semikondutturi minn karozza b’magna b’kombustjoni interna 13 . It-teknoloġiji avvanzati tal-imballaġġ qed kulma jmur isiru aktar importanti biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti tal-vetturi elettriċi għal aktar enerġija u aktar effiċjenza enerġetika. Għaldaqstant, l-objettivi tal-proposta huma konsistenti mal-objettivi tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%”.

Hekk kif qed jiżdiedu d-diġitalizzazzjoni u l-elettrifikazzjoni, iċ-ċipep effiċjenti fl-enerġija jikkontribwixxu għal politiki oħra wkoll, inkluż għal politiki tal-manifattura industrijali, tat-trasport u tal-enerġija, bħall-Pjan ta’ Azzjoni li qed jitħejja dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Enerġija 14 . Id-domanda għat-teknoloġiji tas-semikondutturi mistennija tirdoppja fl-għaxar snin li ġejjin. Qed kulma jmur jiżdiedu ċ-ċipep inkorporati fir-robots u fil-magni tal-manifattura, fl-industrija, fl-enerġija u fl-agrikoltura, iżda anke fil-vetturi tat-trasport u f’apparat ieħor. Id-domanda għas-semikondutturi tal-elettronika enerġetika mistennija tiżdied minħabba l-penetrazzjoni dejjem akbar tas-sorsi rinnovabbli fis-sistema elettrika u minħabba t-tranżizzjoni għall-elettromobbiltà. Bl-użu intelliġenti taċ-ċipep u ta’ teknoloġiji diġitali oħra, u b’ċipep aktar effiċjenti fl-enerġija, il-proposta hija konsistenti ma’ bosta politiki settorjali u tikkontribwixxi għalihom.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Dan ir-Regolament se jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li stabbilixxa disa’ sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati bbażati fuq l-Artikolu 187 tat-TFUE li skonthom l-UE tista’ tistabbilixxi impriżi konġunti jew xi strutturi oħra meħtieġa biex ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-programmi tad-dimostrazzjoni tal-UE jsiru b’mod effiċjenti. Għalhekk, dan ir-Regolament emendatorju se jkun ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 187 tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Ir-riċerka hija kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha skont it-TFUE. L-Artikolu 4(3) jispeċifika li fl-oqsma tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-ispazju, l-UE tista’ twettaq attivitajiet speċifiċi, inkluż id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ programmi, mingħajr ma taffettwa l-libertà tal-Istati Membri li jaġixxu fl-istess oqsma.

Ir-Regolament propost jemenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 applikabbli għal waħda mid-disa’ impriżi konġunti stabbiliti fih, it-Teknoloġiji Diġitali Ewlenin li, b’dan ir-Regolament, se tingħata l-isem ġdid ta’ Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tiffoka fuq oqsma li jipprovdu valur miżjud evidenti jekk tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE minħabba l-iskala, il-ħeffa u l-ambitu tal-isforzi meħtieġa biex l-UE tilħaq l-objettivi fit-tul tagħha minquxa fit-Trattat u twettaq il-prijoritajiet u l-impenji tal-politika strateġika tagħha. L-inizjattiva proposta għandha tikkumplimenta u ssaħħaħ ukoll l-attivitajiet nazzjonali u subnazzjonali fl-istess qasam. Kull sħubija Ewropea, inkluż l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, hi bbażata fuq Aġenda Strateġika fit-tul tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u adattata ferm biex tindirizza sfidi transfruntieri kumplessi.

B’mod partikolari, l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tiffoka fuq:

·it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni u tal-iskambju tal-għarfien bejn l-atturi ewlenin fis-sistema Ewropea tar-riċerka u tal-innovazzjoni, inkluż il-kollaborazzjoni transdixxiplinari u transsettorjali u l-integrazzjoni mtejba tal-ktajjen tal-valur u tal-ekosistemi,

·l-iżgurar tal-allinjament u tal-integrazzjoni ta’ strateġiji, programmi u investimenti Ewropej, nazzjonali jew reġjonali u industrijali fir-riċerka u l-innovazzjoni mad-direzzjonijiet miftiehma,

·il-ħolqien ta’ skali kritiċi ta’ investimenti fuq prijoritajiet komuni u ż-żieda fl-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni, u

·it-tnaqqis tar-riskji u tal-inċertezzi għall-industrija li huma relatati ma’ investimenti fl-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u f’teknoloġiji jew soluzzjonijiet ġodda billi jinqasmu r-riskji u tinkiseb ċerta prevedibbiltà għall-investimenti.

L-azzjoni fil-livell nazzjonali jew mill-industrija waħedha ma tistax tilħaq l-iskala, il-ħeffa u l-ambitu tal-appoġġ meħtieġ għar-riċerka u l-innovazzjoni biex l-UE tilħaq l-objettivi fit-tul tagħha minquxa fit-Trattat, twettaq il-prijoritajiet tal-politika strateġika tagħha (inkluż l-għanijiet dwar il-klima u l-enerġija stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi u fil-Patt Ekoloġiku Ewropew), u tikkontribwixxi biex jingħelbu l-isfidi dinjin u jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs).

Proporzjonalità

Il-prinċipju tal-proporzjonalità jirfed l-approċċ kollu li wassal għall-proposta attwali li temenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 għall-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. Minħabba enfasi akbar fuq il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-prijoritajiet ewlenin ta’ politika tal-UE u li jkun żgurat li jħallu impatt li jista’ jitkejjel u sinifikanti, l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep turi l-valur miżjud tagħha, b’mod partikolari billi tilħaq b’mod effiċjenti u effettiv l-objettivi li ma jistgħux jintlaħqu b’mod aktar effettiv b’mezzi aktar sempliċi, inkluż l-approċċ prestabbilit tas-sejħiet tradizzjonali tal-programmi Orizzont Ewropa jew Ewropa Diġitali jew forom ta’ sħubija aktar sempliċi, bħas-“sħubijiet kofinanzjati”.

Fil-proposta għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085, il-proporzjonalità tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep ġiet ivvalutata skont din il-loġika f’żewġ stadji:

(1)Ġustifikazzjoni tal-użu ta’ approċċ ta’ sħubija f’qasam partikolari (inkluż kunsiderazzjonijiet dwar l-addizzjonalità, id-direzzjonalità u rabta ma’ prijoritajiet strateġiċi) minflok forom oħra ta’ intervent disponibbli fil-qafas tal-programmi Orizzont Ewropa jew Ewropa Diġitali;

(2)Jekk l-approċċ ta’ sħubija jitqies xieraq, il-kunsiderazzjonijiet tal-proporzjonalità jiggwidaw il-valutazzjoni dwar liema tip ta’ sħubija (koprogrammata, kofinanzjata jew istituzzjonalizzata) tkun l-aktar effettiva biex jintlaħqu l-objettivi maħsuba.

L-emenda proposta għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 iżżid raġunament ieħor:

(3)Minħabba r-relazzjoni tal-ambitu tal-objettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa mal-ambitu tal-Impriża Konġunta KDT (issa, dwar iċ-Ċipep), jixraq li din l-Impriża Konġunta diġà fis-seħħ tiġi fdata bl-implimentazzjoni ta’ ċerti attivitajiet relatati mal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta għandha l-għan li temenda impriża konġunta eżistenti stabbilita skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 u bbażata fuq l-Artikolu 187 tat-TFUE. Għal dan it-tip ta’ struttura, l-Artikolu 188(1) tat-TFUE jeħtieġ l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fid-diskors tagħha fil-Forum Ekonomiku Dinji f’Jannar 2022, il-President von der Leyen semmiet li fil-bidu ta’ Frar il-Kummissjoni se tipproponi l-Att Ewropew tagħha dwar iċ-Ċipep għax ma jistax jintilef iżjed żmien 15 . L-ekonomiji mexxejja qed jisktinkaw biex jiżguraw il-provvista tagħhom ta’ ċipep mill-aktar avvanzati għax din tikkundizzjona dejjem iżjed il-kapaċità tagħhom li jaġixxu (ekonomikament, industrijalment, militarment) u tixpruna t-trasformazzjoni diġitali. Diġà qed jinvestu ħafna u jniedu miżuri ta’ appoġġ biex jinnovaw u jsaħħu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħhom, jew mistennija jagħmlu dan fiż-żmien li ġej 16 . Hemm indikazzjonijiet li l-kumpaniji tal-UE u l-RTOs jistgħu jiġu attirati biex jiċċaqilqu lejn reġjuni oħra. Hu inqas probabbli li l-atturi internazzjonali jespandu l-faċilitajiet eżistenti jew jistabbilixxu faċilitajiet ġodda tal-produzzjoni fl-UE jekk ma jkollhomx ċarezza sħiħa, inkluż fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tal-investiment, il-possibbiltajiet ta’ appoġġ pubbliku, l-investimenti pubbliċi fil-ħiliet, fl-infrastruttura, u r-riċerka u l-iżvilupp avvanzati.

Minħabba l-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt u ma ġiet prevista l-ebda konsultazzjoni pubblika online. L-analiżi u l-evidenza ġustifikattiva kollha se jitniżżlu f’dokument ta’ ħidma tal-persunal li se jiġi ppubblikat fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tal-proposta tal-Att dwar iċ-Ċipep.

Iżda waqt sessjonijiet ta’ ħidma ad hoc mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija dwar suġġetti speċifiċi relatati mal-Inizjattiva ħarġet fid-dieher il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati faċilitajiet għat-teknoloġiji futuri, bħall-fotonika, il-computing newromorfiku u t-teknoloġiji kwantistiċi, kif ukoll materjali ġodda 17 . Minbarra dan, f’dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma ħarġet fid-dieher ukoll il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati kif xieraq arkitetturi ta’ settijiet ta’ struzzjonijiet alternattivi, bħar-RISC-V.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Impriża Konġunta ECSEL – il-predeċessur tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin – fis-sajf tal-2021 saru laqgħat mar-rappreżentanti tal-industrija u mal-awtoritajiet pubbliċi u ġew diskussi l-objettivi tal-Kumpass Diġitali, l-aġġornament tal-istrateġija industrijali, l-alleanza Industrijali, u l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep.

Fl-2021 saru laqgħat regolari kull xahar mal-Istati Membri biex jitħejja t-tieni IPCEI ippjanat dwar il-Mikroelettronika. Dawn ikkontribwew għad-definizzjoni u l-valutazzjoni tal-Faċilitajiet tal-Produzzjoni Integrata u tal-Fonderiji Miftuħa tal-UE li ġew proposti fir-Regolament, u għad-definizzjoni ta’ faċilitajiet speċifiċi skont ir-Regolament.

Fl-10 ta’ Jannar 2022 saret laqgħa mas-CEOs li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi. Il-konklużjonijiet ewlenin ta’ dik il-laqgħa li huma rilevanti għal din il-proposta kienu: il-bini fuq il-preġji Ewropej, eż. ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-manifattura tat-tagħmir; appoġġ ċar għal-linji pilota u għall-infrastrutturi tad-disinn; u l-ħtieġa għal ambjent ekwu mad-dinja 18 .

Saru wkoll diversi laqgħat ma’ rappreżentanti tas-CEOs dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ is-settur Ewropew, wara l-laqgħat tal-Kummissarju Breton mas-CEOs tal-atturi ewlenin u l-RTOs tas-semikondutturi. Dawn ikkontribwew b’mod partikolari għall-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità li għandhom jiġu implimentati fl-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep.

Il-Forum Ewropew għall-Komponenti u s-Sistemi Elettroniċi (EFECS), f’Novembru 2021, b’aktar minn 500 parteċipant, kien pjattaforma kbira għal diskussjoni dwar il-ħtiġijiet industrijali. Inkiseb aktar għarfien ukoll waqt laqgħat mal-assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-membri tagħhom, bħal SEMI, l-ESIA u DigitalEurope.

Barra minn hekk, permezz tal-kuntatti fit-tul u regolari mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija, mal-Istati Membri, mal-assoċjazzjonijiet kummerċjali, u mal-assoċjazzjonijiet tal-utenti nkiseb għadd ġmielu ta’ informazzjoni u rispons rilevanti għall-proposta.

Minn tmiem l-2019 ’l hawn, ġew ippubblikati bosta rapporti dwar is-settur tas-semikondutturi li jiddeskrivu x-xejriet u jipprovdu fatti u ċifri bħala mezz ta’ informazzjoni għall-proposta 19 .

Valutazzjoni tal-impatt

Ma’ din il-proposta ma ġietz mehmuża valutazzjoni tal-impatt formali. Meta titqies l-urġenza kif spjegat hawn fuq, ma setgħetx issir valutazzjoni tal-impatt fiż-żmien disponibbli qabel l-adozzjoni tal-proposta.

Drittijiet fundamentali

L-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) jipprevedi l-libertà ta’ intrapriża. Il-miżuri f’din il-proposta joħolqu kapaċità ta’ innovazzjoni u jrawmu s-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi, u dan jista’ jsaħħaħ il-libertà ta’ intrapriża f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-baġit tal-UE se jappoġġa l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa b’total sa EUR 3,3 biljun, inkluż EUR 1,65 biljun mill-programm Orizzont Ewropa u EUR 1,65 biljun mill-programm Ewropa Diġitali. Minn dan it-total, EUR 2,875 biljun se jiġu implimentati bl-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep.

Aktar dettalji jinsabu fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva annessa mal-proposta tal-Att dwar iċ-Ċipep.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep se tiġi monitorjata u evalwata f’konformità mal-Artikoli 50 u 52 u mal-Anness III tar-Regolament dwar Orizzont Ewropa. L-evalwazzjonijiet interim u ex post se jiġu appoġġati minn kuntratturi esterni u se jikkontribwixxu għall-evalwazzjonijiet ġenerali ta’ Orizzont Ewropa. F’konformità mal-kriterji stabbiliti għas-sħubijiet Ewropej, l-evalwazzjonijiet se jivvalutaw l-aktar mod effettiv ta’ intervent ta’ politika għal azzjoni futura, kif ukoll it-tiġdid possibbli tas-sħubija fix-xenarju ġenerali tas-sħubijiet Ewropej. Fin-nuqqas ta’ tiġdid, se jiġu żviluppati miżuri xierqa li jiżguraw it-tneħħija gradwali tal-finanzjament tal-programm qafas skont il-kundizzjonijiet u l-iskeda taż-żmien miftiehma mas-sħab tas-sħubija.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Is-sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati, inkluż l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, huma mfassla biex iżidu l-koerenza u jimmassimizzaw l-impatt f’xenarju ta’ riċerka u innovazzjoni li qed jevolvi.

L-emenda għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 hija meħtieġa l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tkun tista’ timplimenta l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa stabbilita permezz tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri li jsaħħu l-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (“l-Att dwar iċ-Ċipep”). Għal dan il-għan, huma meħtieġa dawn l-emendi proposti li ġejjin għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085:

(1)Emendi għall-“Ewwel Parti” dwar “Dispożizzjonijiet Komuni” tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085:

Artikolu 2 (Definizzjonijiet): id-definizzjonijiet dwar “membru fundatur”, “membru assoċjat”, “stat parteċipanti” u “programm ta’ ħidma” huma emendati biex jinkludu l-fatt li l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep issa se jiffinanzjaha wkoll il-programm Ewropa Diġitali.

Artikolu 3 (Stabbiliment): skont dan l-Artikolu, l-isem tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin preċedenti jsir “Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep”.

Artikolu 4 (Objettivi u prinċipji) hu emendat biex jiżgura li l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa u l-programm Ewropa Diġitali.

Artikolu 10 (Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni) hu emendat biex jirrifletti l-fatt li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ titħallas ukoll mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-Objettiv Speċifiku li jimplimenta l-programm Ewropa Diġitali.

Artikolu 12(1) (Ġestjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-istati parteċipanti) hu emendat biex ikun jirrifletti l-fatt li l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 18 tal-programm Ewropa Diġitali jenħtieġ li jitqiesu wkoll fil-programm ta’ ħidma. Barra minn hekk, kull stat parteċipanti jenħtieġ li jafda lill-impriża konġunta bl-evalwazzjoni tal-proposti skont il-programm kontributur tal-Unjoni.

Artikolu 29(2) (Impenji finanzjarji) hu emendat biex jinkludi l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep fost l-impriżi konġunti li jistgħu jaqsmu l-impenji baġitarji tagħhom f’pagamenti parzjali annwali.

(2)Emendi għall-“Parti Tnejn” dwar “Dispożizzjonijiet Speċifiċi ta’ Impriżi Konġunti Individwali” tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085:

Artikolu 126 (Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep) hu emendat biex iżid objettiv ġenerali u erba’ objettivi speċifiċi addizzjonali tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. L-objettiv ġenerali jiffoka fuq iż-żieda tal-kapaċità fuq skala kbira madwar l-Unjoni fl-aktar teknoloġiji tas-semikondutturi avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss, filwaqt li l-erba’ objettivi speċifiċi jiffokaw fuq il-bini ta’ kapaċitajiet tad-disinn fuq skala kbira għat-teknoloġiji tas-semikondutturi integrati, it-titjib tal-linji pilota eżistenti u l-iżvilupp ta’ linji pilota ġodda, il-bini ta’ kapaċitajiet avvanzati ta’ teknoloġija u ta’ inġinerija biex jitħaffef l-iżvilupp taċ-ċipep kwantistiċi u l-ħolqien ta’ network ta’ ċentri ta’ kompetenza madwar l-Ewropa.

Artikolu 128 hu emendat biex ikun jirrifletti ż-żieda fil-baġit, minn żewġ programmi differenti (Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali).

Artikolu 129 hu emendat biex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni għall-kostijiet amministrattivi tal-membri privati tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep.

Artikolu 133 (Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija) hu emendat biex jispeċifika li l-Bord ta’ Tmexxija jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi mill-Istati Membri meta jivvutaw dwar il-parti tal-programm ta’ ħidma relatata mal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità.

Artikolu 133a (Regoli applikabbli għall-attivitajiet iffinanzjati mill-programm Ewropa Diġitali) jiżdied biex jiċċara li r-regoli relatati mal-programm Ewropa Diġitali japplikaw għall-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep.

Artikolu 134 (Limitazzjonijiet u kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni f’azzjonijiet speċifiċi) hu emendat biex jippermetti l-possibbiltà li tiġi limitata l-parteċipazzjoni f’azzjonijiet speċifiċi ffinanzjati mill-programm Ewropa Diġitali. Barra minn hekk, it-tielet paragrafu 3 il-ġdid tal-Artikolu 134 jindika li ċerti azzjonijiet jistgħu jitwettqu minn entitajiet legali li jikkooperaw f’konsorzju ta’ mill-inqas tliet entitajiet legali li huma stabbiliti f’mill-inqas tliet Stati Membri jew pajjiżi differenti assoċjati mal-Inizjattiva. Jispeċifika li dan il-konsorzju jista’ jkun strutturat f’għamla ta’ Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura taċ-Ċipep, kif stabbilit fl-Att dwar iċ-Ċipep.

Artikolu 134a (Kompiti addizzjonali tad-Direttur Eżekuttiv) jispeċifika li d-Direttur Eżekuttiv jeħtieġ iqis id-definizzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi dwar il-parti tal-programm ta’ ħidma relatata mal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità u mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-istimi tan-nefqa korrispondenti tagħhom.

Artikolu 136 (Funzjonament tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi) hu emendat biex jiżdiedu erba’ sitwazzjonijiet ulterjuri li fihom il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi mill-Istati Membri.

Artikolu 137 (Kompiti tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi) hu emendat biex jiżdiedu żewġ kompiti oħra lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, b’mod partikolari d-definizzjoni tal-parti tal-programm ta’ ħidma relatata mal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità u mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-għażla ta’ proġetti relatati ma’ dawn l-attivitajiet. Għaż-żewġ kompiti, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri.

Artikolu 141 (Rati ta’ finanzjament) hu emendat biex, għal attivitajiet iffinanzjati mill-programm Ewropa Diġitali, jippermetti li l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tapplika rati ta’ finanzjament differenti għall-finanzjament tal-Unjoni f’azzjoni skont it-tip ta’ parteċipant, b’mod partikolari l-SMEs u l-entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ, u t-tip ta’ azzjoni. Barra minn hekk, jiżdied paragrafu ġdid biex entità legali waħda stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat jew f’konsorzji li ma jissodisfawx il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Orizzont Ewropa titħalla tkun eliġibbli li tipparteċipa f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep.

Fl-aħħar nett, il-punt 17 ta’ dan ir-Regolament jindika li r-referenzi għall-“Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin” jenħtieġ li jinftiehmu li jirreferu għall-“Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep”.



2022/0033 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, fir-rigward tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 20 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 21 ,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 22 jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, inkluż l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin.

(2)L-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin tindirizza suġġetti definiti b’mod ċar li jippermettu lill-industriji Ewropej b’mod ġenerali jfasslu, jimmanifatturaw u jużaw l-aktar teknoloġiji innovattivi fil-komponenti u s-sistemi elettroniċi.

(3)Ir-Regolament (UE) […] 23 jistabbilixxi qafas li jżid ir-reżiljenza tal-Unjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, li jistimula l-investiment, isaħħaħ il-kapaċitajiet potenzjali tal-katina tal-provvista Ewropea tas-semikondutturi, u jżid il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa li jsaħħu l-kapaċità tal-innovazzjoni industrijali tal-Unjoni, ġiet stabbilita l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa (l-“Inizjattiva”). Biex tkun żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-Inizjattiva, il-Bord Ewropew tas-semikondutturi jenħtieġ li jipprovdi pariri lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

(4)L-attivitajiet appoġġati mill-Inizjattiva jenħtieġ li jiġu ffinanzjati mir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 li jistabbilixxi l-programm Orizzont Ewropa, u mir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali.

(5)L-Inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tal-bażi teknoloġika u industrijali tas-semikondutturi, filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-ekosistema tas-semikondutturi tagħha, tnaqqas id-dipendenza fuq għadd limitat ta’ kumpaniji u ġeografiji ta’ pajjiżi terzi, u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddisinja u tipproduċi komponenti avvanzati. Dawn l-għanijiet jenħtieġ li jiġu appoġġati bi tnaqqis fid-distakk bejn il-kapaċitajiet avvanzati potenzjali tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni u l-isfruttament industrijali tagħhom. Jenħtieġ li tippromwovi l-bini tal-kapaċità biex tippermetti l-integrazzjoni tad-disinn, tal-produzzjoni u tas-sistemi fit-teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss, ittejjeb il-kollaborazzjoni fost l-atturi ewlenin madwar l-Unjoni, issaħħaħ il-ktajjen Ewropej tal-provvista u tal-valur tas-semikondutturi, u biex taqdi lil setturi industrijali ewlenin u toħloq swieq ġodda.

(6)Jenħtieġ li l-Inizjattiva titwettaq b’azzjonijiet li jenħtieġ li jissejsu fuq il-bażi soda tal-għarfien miksub mill-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin tingħata l-kompitu li tipprovdi l-appoġġ finanzjarju, b’xi strument jew proċedura prevista fil-programmi Orizzont Ewropa jew Ewropa Diġitali, għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Inizjattiva. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin jenħtieġ li tingħata l-isem ġdid ta’ Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. Tul it-terminu tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, jenħtieġ li mill-inqas EUR 2,5 biljun ikunu ddedikati għal-linji pilota, għall-infrastrutturi tad-disinn, għaċ-ċentri ta’ kompetenza, u għal attivitajiet oħra tal-bini tal-kapaċità.

(7)L-attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li jkunu koperti minn programm ta’ ħidma uniku, li jenħtieġ li jiġi adottat mill-Bord ta’ Tmexxija. Qabel ma jitħejjew il-programmi ta’ ħidma, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, filwaqt li jqis il-pariri tal-Bord Ewropew tas-Semikondutturi u l-kontribut ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż kif xieraq pjanijiet direzzjonali prodotti mill-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi 26 , jenħtieġ li jiddefinixxi l-parti tal-programm ta’ ħidma li hija relatata mal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità u mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-istimi tan-nefqa korrispondenti tagħhom. Għal dan il-għan, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri. Sussegwentement, abbażi ta’ din id-definizzjoni, id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jħejji l-programm ta’ ħidma li jinkludi l-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità u l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-istimi tan-nefqa korrispondenti tagħhom.

(8)Meta l-Bord ta’ Tmexxija jadotta l-programm ta’ ħidma, id-drittijiet tal-vot għall-parti tal-programm ta’ ħidma li hija relatata mal-bini tal-kapaċità jenħtieġ li jkunu limitati għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri biss. Id-drittijiet tal-vot għall-parti tal-programm ta’ ħidma li hija relatata mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni jenħtieġ li jkunu kondiviżi indaqs bejn il-Kummissjoni, l-Istati Parteċipanti u l-membri privati. Jekk ma tkunx tista’ tintlaħaq deċiżjoni dwar xi waħda miż-żewġ partijiet tal-programm ta’ ħidma, l-programm ta’ ħidma jenħtieġ li jiġi adottat biss bl-inklużjoni tal-parti li dwarha tkun intlaħqet deċiżjoni pożittiva.

(9)Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jkun responsabbli għall-għażla tal-proġetti relatati mal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità. Għal dan il-għan, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri.

(10)Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jkun responsabbli għall-għażla tal-proġetti relatati mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni.

(11)Bil-ħsieb li titħaffef l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Inizjattiva u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet legali, b’mod partikolari l-Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija, ċerti proposti għal azzjonijiet jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-finanzjament biss jekk l-azzjoni ssir minn entitajiet legali li jikkooperaw f’konsorzju ta’ mill-inqas tliet entitajiet legali minn tliet Stati Membri differenti. Dak il-konsorzju jista’ jiġi strutturat bħala l-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura taċ-Ċipep, kif propost fl-“Att dwar iċ-Ċipep”, jew abbażi ta’ għodod ġuridiċi disponibbli oħra skont id-dritt tal-Unjoni. Peress li l-attivitajiet appoġġati bl-Inizjattiva u implimentati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep huma ffinanzjati mill-programm Orizzont Ewropa u mill-programm Ewropa Diġitali, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep indikata fl-Artikolu 128 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 jenħtieġ li tiżdied kif xieraq. Il-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li jiżdiedu wkoll f’konformità maż-żieda tal-kompiti operazzjonali. Il-membri privati jenħtieġ li ma jikkontribwux għall-kostijiet amministrattivi addizzjonali.

(12)L-għoti tal-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet mill-pogramm Ewropa Diġitali jenħtieġ li jikkonforma mar-Regolament (UE) 2021/694.

(13)L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-atturi internazzjonali billi tiddefinixxi strateġija ta’ kooperazzjoni, li tinkludi l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta’ oqsma għall-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp, u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet li jiksbu benefiċċju reċiproku, l-aktar abbażi tar-reċiproċità.

(14)Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2021/2085 huwa emendat kif ġej:

(1)l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)Il-punti 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2. “membru fundatur” tfisser entità legali stabbilita fi Stat Membru, pajjiż assoċjat ma’ Orizzont Ewropa, jew meta applikabbli ma’ Ewropa Diġitali, jew organizzazzjoni internazzjonali identifikata bħala membru ta’ impriża konġunta f’dan ir-Regolament jew f’wieħed mill-Annessi tiegħu;

“3. “membru assoċjat” tfisser entità legali stabbilita fi Stat Membru, pajjiż assoċjat ma’ Orizzont Ewropa, jew meta applikabbli ma’ Ewropa Diġitali, jew organizzazzjoni internazzjonali li tissieħeb ma’ impriża konġunta billi tiffirma ittra ta’ impenn f’konformità mal-Artikolu 6(3) u soġġetta għal approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 7;

 4. “stat parteċipanti” tfisser Stat Membru jew pajjiż assoċjat ma’ Orizzont Ewropa, jew meta applikabbli ma’ Ewropa Diġitali, man-notifika tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-attivitajiet tal-impriża konġunta rilevanti b’ittra ta’ impenn;”;

(2)l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)Fil-paragrafu 1, il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g) l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep;”;

(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Biex jitqies it-terminu tal-programm Orizzont Ewropa, u meta applikabbli tal-programm Ewropa Diġitali, is-sejħiet għal proposti mill-impriżi konġunti għandhom jitnedew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027. F’każijiet debitament ġustifikati, is-sejħiet għal proposti jistgħu jitnedew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028.”

(3)Fl-Artikolu 4 (1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep għandha tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa u għall-programm Ewropa Diġitali”.

(4)Fl-Artikolu 10, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2. L-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni speċifikat fil-Parti Tnejn jista’ jiżdied b’kontribuzzjonijiet mingħand pajjiżi terzi assoċjati mal-programm Orizzont Ewropa f’konformità mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, u meta applikabbli mal-programm Ewropa Diġitali f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/694, dment li ż-żieda totali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni tkun tal-inqas daqs il-kontribuzzjoni tal-membri għajr l-Unjoni, jew tal-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom.

3. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-Programm Speċifiku li jimplimenta l-programm Orizzont Ewropa, u meta applikabbli l-programm Ewropa Diġitali, f’konformità mal-Artikolu 62(1), il-punt (c)(iv), u mal-Artikolu 154 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fil-każ tal-korpi msemmija fl-Artikolu 71 ta’ dak ir-Regolament.”

(5)L-Artikolu 12(1) huwa emendat kif ġej:

(a)It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Minbarra l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Orizzont Ewropa, jew fil-każ tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, fl-Artikolu 18 tal-programm Ewropa Diġitali, il-programm ta’ ħidma jista’ jinkludi, bħala anness, kriterji ta’ eliġibbiltà rigward l-entitajiet legali nazzjonali.”

(b)It-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kull stat parteċipanti għandu jafda lill-impriża konġunta bl-evalwazzjoni tal-proposti f’konformità mal-programm kontributur tal-Unjoni.”

(6)Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

(a)Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-impenji baġitarji tal-impriżi konġunti msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punti (b), (d), (g) u (h), jistgħu jinqasmu f’pagamenti parzjali annwali. Sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-ammont kumulattiv ta’ dawk l-impenji baġitarji f’pagamenti parzjali ma għandux jaqbeż il-50% tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 10. Minn Jannar 2025, tal-anqas 20% tal-baġit kumulattiv tas-snin residwi ma għandux jiġi kopert minn pagamenti parzjali annwali.”

(7)l-Artikolu 126 huwa emendat kif ġej:

(a)Fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) Tistabbilixxi l-eċċellenza xjentifika tal-Unjoni u t-tmexxija tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji emerġenti tal-komponenti u s-sistemi, inkluż f’attivitajiet relatati ma’ TRLs aktar baxxi; u tippromwovi l-involviment attiv tal-SMEs, li għandu jirrappreżenta mill-inqas terz tal-għadd totali ta’ parteċipanti f’azzjonijiet indiretti, u jenħtieġ li mill-inqas 20% tal-finanzjament pubbliku ddedikat għall-azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni jmur għalihom.

(b)Fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) tiżdied il-kapaċità fuq skala kbira madwar l-Unjoni f’teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss biex jissaħħu l-kapaċitajiet avvanzati potenzjali tal-Unjoni għal disinn, integrazzjoni tas-sistemi u produzzjoni tas-semikondutturi u biex tiġi limitata, meta possibbli, l-impronta ambjentali.”

(c)Fil-paragrafu 2, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f) tistabbilixxi koerenza bejn il-kontributi għall-Aġenda Strateġika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep minn partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż meta xieraq pjanijiet direzzjonali prodotti mill-Alleanza dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi u l-politiki tal-Unjoni biex t-teknoloġiji tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi jikkontribwixxu b’mod effiċjenti.”

(d)Fil-paragrafu 2 jiżdiedu l-punti (g), (h), (i) u (j) li ġejjin:

“(g) tibni kapaċitajiet tad-disinn fuq skala kbira għat-teknoloġiji integrati tas-semikondutturi.

(h) issaħħaħ il-linji pilota eżistenti u ssaħħaħ linji pilota ġodda.

(i) tibni kapaċitajiet avvanzati ta’ teknoloġija u ta’ inġinerija biex jitħaffef l-iżvilupp taċ-ċipep kwantistiċi.

(j) tistabbilixxi network ta’ ċentri ta’ kompetenza madwar l-Ewropa.”

(8)l-Artikolu 128 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 128

1.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, għandha tkun sa EUR 4 175 000 000, inkluż sa EUR 50 174 000 għall-kostijiet amministrattivi distribwiti kif ġej:

(a) sa EUR 2 650 000 000 minn Orizzont Ewropa;

(b) sa EUR 1 525 000 000 minn Ewropa Diġitali.

2.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għal kull programm rilevanti.

3.Jistgħu jiġu allokati fondi addizzjonali tal-Unjoni li jikkumplimentaw il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-Impriża Konġunta minn pajjiżi terzi assoċjati mal-programm Orizzont Ewropa jew mal-programm Ewropa Diġitali f’konformità mal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni rispettivi tagħhom. Dawk il-fondi addizzjonali tal-Unjoni ma għandhomx jaffettwaw il-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti msemmija fl-Artikolu 129(1).

4.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu għandha tintuża għall-Impriża Konġunta biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet indiretti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (43), tar-Regolament (UE) 2021/695, li jikkorrispondu għall-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Impriża Konġunta.

5.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 il-punt (b), għandha tintuża għall-bini tal-kapaċità potenzjali għal-linji pilota u l-infrastrutturi tad-disinn madwar l-Unjoni kollha.

(9)Fl-Artikolu 129, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. B’deroga mill-Artikolu 28(4), il-membri privati għandhom jagħmlu huma stess jew jagħmlu arranġamenti biex l-entitajiet kostitwenti u affiljati tagħhom jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja ta’ mill-inqas EUR 26 331 000 għall-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. Is-sehem tal-kontribuzzjoni totali kull sena għall-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep mill-membri privati għandu jkun 35%.”

(10)Fl-Artikolu 133, jiżdied il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. Meta jivvota fuq il-parti tal-programm ta’ ħidma relatata mal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandu jkollha 50% tad-drittijiet tal-vot. Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-drittijiet tal-vot tal-Istati Membri.”

(11)Jiddaħħal l-Artikolu 133a li ġej

Artikolu 133a

Ir-regoli applikabbli għall-attivitajiet iffinanzjati mill-programm Ewropa Diġitali

1.Ir-Regolament (UE) 2021/694 għandu japplika għall-attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep permezz tal-programm Ewropa Diġitali.

2.Il-programm ta’ ħidma u s-sejħiet għal proposti tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-programm Ewropa Diġitali.

3.Fil-każ tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, l-awditi ex post tan-nefqa fuq l-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tal-programm Ewropa Diġitali għandhom jitwettqu mill-Impriża Konġunta f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/694.

(12)l-Artikolu 134 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 134

Limitazzjonijiet u kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’azzjonijiet speċifiċi

1.Għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm Orizzont Ewropa, b’deroga mill-Artikolu 17(2), il-punt (l), meta l-Kummissjoni titlob dan, wara l-approvazzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet speċifiċi għandha tkun limitata f’konformità mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695.

2.Għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm Ewropa Diġitali, meta l-Kummissjoni titlob dan, wara l-approvazzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet speċifiċi għandha tkun limitata f’konformità mal-Artikoli 12(6) u 18 tar-Regolament (UE) 2021/694.

3.Għall-azzjonijiet iffinanzjati minn aktar minn programm kontributur wieħed tal-Unjoni, il-programm ta’ ħidma għandu jistabbilixxi kundizzjonijiet konġunti, inkluż għal limitazzjoni tal-parteċipazzjoni skont il-paragrafi 1 sa 2 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mar-regoli tal-programmi kontributuri tal-Unjoni.

4.Ċerti azzjonijiet jistgħu jitwettqu minn entitajiet legali li jikkooperaw f’konsorzju strutturat fl-għamla ta’ Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura taċ-Ċipep. L-azzjonijiet li għalihom jista’ jkun meħtieġ dan il-konsorzju, u r-rekwiżiti speċifiċi ta’ eliġibbiltà għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet u kompiti speċifiċi u, meta xieraq, ir-rekwiżiti operazzjonali għall-istabbiliment, l-operazzjoni u l-istralċ għandhom jiġu definiti fil-programm ta’ ħidma.

(13)Jiddaħħal l-Artikolu 134a li ġej

Artikolu 134a

Kompiti addizzjonali tad-Direttur Eżekuttiv

Minbarra l-kompiti elenkati fl-Artikolu 19, id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep għandu jħejji u, wara li jqis id-definizzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi msemmija fl-Artikolu 137(f), u l-kontributi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż meta kif xieraq pjanijiet direzzjonali prodotti mill-Alleanza dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi, jippreżenta għall-adozzjoni lill-Bord ta’ Tmexxija l-programm ta’ ħidma għall-impriża konġunta, biex tiġi implimentata l-Aġenda Strateġika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

(14)l-Artikolu 136 huwa emendat kif ġej:

(a)Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Għall-finijiet tal-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 134 u tal-punti (f) u (g) tal-Artikolu 137, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri. Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis.”

(15)l-Artikolu 137 huwa emendat kif ġej:

(a)Jiżdiedu l-punti (f) u (g) li ġejjin:

“(f) qabel ma jitħejjew il-programmi ta’ ħidma, jiddefinixxi l-parti tal-programm ta’ ħidma relatata mal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità u mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-istimi tan-nefqa korrispondenti, filwaqt li jqis il-pariri tal-Bord Ewropew tas-Semikondutturi u l-kontribut ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż kif xieraq pjanijiet direzzjonali prodotti mill-Alleanza dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi;

(g) jagħżel proposti li jikkorrispondu għall-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità f’konformità mal-Artikoli 12(1) u 17(2), il-punt (u);”

(b)Il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) jagħżel proposti li jikkorrispondu għall-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni f’konformità mal-Artikoli 12(1) u 17(2), il-punt (u);”

(16)l-Artikolu 141 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 141

Rati ta’ finanzjament u regoli għall-parteċipazzjoni

1.Għall-azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-programm Orizzont Ewropa, f’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2021/695 u b’deroga mill-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament, u għall-attivitajiet iffinanzjati mill-programm Ewropa Diġitali, l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tista’ tapplika rati ta’ finanzjament differenti għall-finanzjament tal-Unjoni f’azzjoni skont it-tip ta’ parteċipant, b’mod partikolari l-SMEs u l-entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ, u t-tip ta’ azzjoni. Ir-rati ta’ finanzjament għandhom ikunu indikati fil-programm ta’ ħidma.

2.Meta jkun debitament ġustifikat fid-deskrizzjoni tas-suġġetti rilevanti fil-programm ta’ ħidma, entità legali waħda stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat jew f’konsorzji li ma tissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2021/695 jew fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/694 għandha tkun eliġibbli li tipparteċipa f’azzjonijiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep.

(17)Ir-referenzi għall-“Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin” għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-“Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President



DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

Ara d-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva tar-Regolament dwar l-Att dwar iċ-Ċipep

(1)    COM(2022) 46, 08.02.2022.
(2)    Id-diskors tal-Istat tal-Unjoni 2021,  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/soteu_2021_address_mt_0.pdf  
(3)    COM(2022) 45, 08.02.2022.
(4)

   Għodod Elettroniċi għall-Awtomatizzazzjoni tad-Disinn, jiġifieri għodod tas-software għad-disinn ta’ ċirkwiti integrati.

(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew. COM(2019) 640, 11.12.2019.
(9)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika (riformulazzjoni). COM(2021) 558, 14.7.2021.
(10)     https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/energy-efficient-cloud-computing-technologies-and-policies-eco-friendly-cloud-market
(11)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. “Lesti għall-mira ta’ 55%”: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika. COM(2021) 550, 14.7.2021.
(12)    Pereżempju qed jiżdied il-proporzjon tal-karozzi elettriċi fil-bejgħ ġdid tal-Ewropa, u fl-2021 mistenni jilħaq l-14%,  https://think.ing.com/articles/slow-start-for-electric-vehicles-in-the-us-but-times-are-changing
(13)     https://www.idtechex.com/en/research-article/ev-power-electronics-driving-semiconductor-demand-in-a-chip-shortage/24820
(14)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13141-Digitalising-the-energy-sector-EU-action-plan_mt
(15)    Diskors Speċjali “State of the World” tal-President von der Leyen fil-Forum Ekonomiku Dinji: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/speech_22_443
(16)    Pereżempju: l-Istati Uniti: https://www.congress.gov/bill/117th-congress/senate-bill/1260?s=1&r=52      iċ-Ċina: https://crsreports.congress.gov/product/pdf/R/R46767      il-Ġappun: https://www.reuters.com/technology/japan-create-scheme-subsidise-domestic-chip-output-nikkei-2021-11-07/    il-Korea t’Isfel: https://spectrum.ieee.org/south-koreas-450billion-investment-latest-in-chip-making-push
(17)     https://ecscollaborationtool.eu/ecs-sria-workshops.html  
(18)     https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/ceo-roundtable-semiconductors-10-january-2022  
(19)

   Lista mhux eżawrjenti: Measuring distortions in international markets: The semiconductor value chain, l-OECD 2019; The Geopolitics of Semiconductors, imħejji minn EURASIA group, Settembru 2020; The global semiconductor value chain, Stiftung Neue Verantwortung, Ottubru 2020; The Weak Links in China’s Drive for Semiconductors, Montaigne institute, Jannar 2021; Strengthening the Semiconductor supply chain in an uncertain Era, BCGxSIA, April 2021; SIA Factbook, Mejju 2021; Building Resilient Supply Chains, Revitalizing American Manufacturing, and Fostering Broad-Based Growth, Rapport mill-White House, Ġunju 2021; Mapping China’s semiconductor ecosystem in global context, Stiftung Neue Verantwortung, Ġunju 2021; Semiconductors Global Policy Review Access Partnership, Settembru 2021; Semiconductors: U.S. Industry, Global Competition, and Federal Policy, Congressional Report Service, Ottubru 2021; Semiconductor Strategy for Germany and Europe, ZVEI, Ottubru 2021; Understanding the global chip shortage Stiftung Neue Verantwortung, Novembru 2021.

(20)    ĠU C , , p. .
(21)    ĠU C , , p. .
(22)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p.17).
(23)    ĠU L …, p…
(24)    Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(25)    Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).
(26)    L-Alleanza tissemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 dwar “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”.
Top