Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IR0194

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika”

    COR 2022/00194

    ĠU C 301, 5.8.2022, p. 40–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 301/40


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika”

    (2022/C 301/07)

    Relatur:

    Elio DI RUPO (BE/PSE), Ministru-President tal-Gvern ta’ Wallonia

    Dokument ta’ referenza:

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika

    COM(2021) 662 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

    1.

    jilqa’ l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-Komunikazzjoni tagħha dwar “L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika”, u r-rieda tal-Kummissjoni li tidher fiha lejn riforma tar-regoli ekonomiċi u baġitarji, inkluża il-kunsiderazzjoni tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19; jilqa’ wkoll it-tħabbira li għandha tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva f’nofs l-2022;

    2.

    jemmen li r-riforma tal-governanza ekonomika Ewropea trid tqis ukoll il-proposti taċ-ċittadini diskussi fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

    3.

    ifakkar fis-sejbiet, b’mod partikolari dawk tar-Rapporti tal-Barometru 2020 u 2021 (1), li l-impatt multidimensjonali tal-kriżi tal-COVID-19 huwa asimmetriku u għandu dimensjonijiet territorjali; dan l-impatt jaggrava xi diverġenzi li diġà kienu jeżistu bejn ir-reġjuni fost l-Istati Membri u fi ħdanhom, filwaqt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għadhom fl-ewwel linja fil-ġlieda kontra l-pandemija u l-effetti tagħha, iżda wkoll biex jimplimentaw l-miżuri li jappoġġjaw liċ-ċittadini u lin-negozji u jħejju għal irkupru gradwali u sostenibbli;

    4.

    jinnota li ċ-ċittadini madwar l-UE qed jitolbu lis-servizzi pubbliċi, lill-Istati Membri, lir-reġjuni, u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jgħinuhom jiffaċċjaw mhux biss il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 iżda wkoll it-tranżizzjoni ambjentali u diġitali li tixtieq l-UE u, attwalment, il-konsegwenzi tal-gwerra tal-Ukrajna;

    5.

    jenfasizza li diġà qabel il-kriżi tal-COVID-19 kien hemm investiment b’lura sinifikanti f’ċerti Stati Membri, bħat-tiġdid tal-infrastruttura u r-rinnovazzjoni tal-bini, u li l-investiment pubbliku ġie pospost sabiex jiġu ffinanzjati l-isforzi li jindirizzaw il-kriżi; aktar ma dawn l-investimenti jiġu posposti, aktar se jsiru għaljin;

    6.

    jinnota li l-UE tinsab f’mument kruċjali u li jeħtiġilha ssib perkorsi u mezzi biex tiżgura l-koeżjoni u l-prosperità taċ-ċittadini Ewropej;

    Reazzjoni għall-kriżi

    7.

    jilqa’ s-suċċess tal-programm SURE, iffinanzjat minn bonds maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura s-segwitu adatt tiegħu billi tippreżenta White Paper li, abbażi ta’ valutazzjoni tal-programm SURE, tippreżenta għażliet ta’ politika għal skema Ewropea permanenti ta’ riassigurazzjoni tal-qgħad;

    8.

    jilqa’ wkoll is-suċċess tal-bonds ekoloġiċi maħruġa taħt NextGenerationEU – l-akbar ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi fid-dinja – li se jgħinu biex jiġu ffinanzjati l-investimenti klimatiċi permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

    9.

    itenni l-appoġġ tiegħu għall-attivazzjoni – għall-ewwel darba fl-istorja taż-żona tal-euro – tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST); din l-attivazzjoni kellha rwol importanti fir-rispons tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-kriżi għax permezz tagħha seta’ jsir użu sħiħ tal-baġits pubbliċi biex jittaffew il-konsegwenzi, b’mod partikolari dawk soċjali, tal-pandemija tal-COVID-19;

    10.

    jenfasizza li l-gwerra fl-Ukrajna wriet l-importanza tal-indipendenza enerġetika għall-Unjoni Ewropea u jisħaq li t-tranżizzjoni tal-enerġija trid tiġi aċċellerata; jibża’, madankollu, li l-klassifikazzjoni tal-gass u l-enerġija nukleari bħala enerġija sostenibbli fir-Regolament dwar it-Tassonomija se tipprovdi inċentivi li jmorru kontra l-iżvilupp rapidu tal-enerġija rinnovabbli;

    11.

    jinnota b’dispjaċir li d-dejn pubbliku żdied minħabba dawn il-miżuri: il-livell tad-dejn pubbliku żdied bi 13-il punt perċentwali fl-2020, u laħaq 92 % tal-PDG għall-UE b’mod ġenerali, u 100 % għaż-żona tal-euro (2);

    12.

    iqis li, jekk il-klawżola liberatorja tal-PST tiġi diżattivata fl-istat attwali tal-qafas tal-governanza ekonomika u fl-isfond ta’ kriżi tal-enerġija, instabbiltà ġeopolitika u rkupru mill-pandemija tal-COVID-19, it-tnaqqis tad-dejn meħtieġ iwassal għal pass lura lejn politiki ta’ awsterità u għalhekk bi spiża ekonomika, soċjali u ambjentali enormi; jitlob, għalhekk, li l-klawżola liberatorja ġenerali tkompli tapplika sakemm jiġi stabbilit qafas rivedut ta’ governanza ekonomika kemm jista’ jkun malajr;

    13.

    jappoġġja l-analiżi tal-Bord Fiskali Ewropew dwar il-ħtieġa għal riforma tal-PST biex tinkiseb is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku, b’regola operazzjonali ewlenija – livell referenzjarju ta’ nfiq pubbliku – sabiex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis gradwali tal-proporzjon bejn id-dejn u s-sostenibbiltà, liema tnaqqis isegwi ritmu adattat għaċ-ċirkostanzi nazzjonali (3);

    Qafas rivedut ta’ governanza

    14.

    jenfasizza li l-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika għandu effetti kbar fuq il-livelli kollha tal-gvern, u b’mod aktar speċifiku fuq il-gvernijiet lokali u reġjonali, li huma responsabbli għal kważi terz tal-infiq pubbliku u aktar minn nofs l-investiment pubbliku fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, b’varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri (4);

    15.

    itenni li l-PST u elementi oħra tal-qafas ta’ governanza ekonomika Ewropea attwali jbatu minn ħames nuqqasijiet kbar: effetti proċikliċi negattivi, kumplessità, nuqqas ta’ effiċjenza u effettività, nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-indikaturi relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-benesseri, u nuqqas ta’ trasparenza u leġittimità demokratika;

    16.

    jemmen li qafas rivedut ta’ governanza ekonomika Ewropea jrid jiżgura tfassil trasparentii ta’ politika li jinvolvi lill-parlamenti Ewropej u nazzjonali u, abbażi tal-kompetenzi interni tal-Istati Membri, l-assemblej parlamentari b’setgħat leġiżlattivi. Din l-involviment għandu jinkludi wkoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-imsieħba soċjali, lis-soċjetà ċivili u lill-komunità akkademika;

    17.

    jemmen li dan il-qafas rivedut hemm bżonn iqis ukoll il-livell għoli ħafna ta’ dejn pubbliku, li jeħtieġ jitnaqqas gradwalment peress li ma jistax jitnaqqas b’mod sostanzjali mil-lum għall-għada minħabba: il-kriżi tal-COVID-19, l-ispejjeż assoċjati mad-diżastri naturali u ċirkostanzi straordinarji oħra, id-diskrepanzi qawwijin bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom, is-sitwazzjoni makroekonomika l-ġdida (rati tal-bonds baxxi ħafna, politika monetarja b’diversi limitazzjonijiet, kif ukoll inċertezzi kbar dwar l-inflazzjoni, ir-rati tal-imgħax u s-suq tax-xogħol), il-ħtieġa li jiġu evitati l-politiki ta’ awsterità, u l-prijoritajiet ambjentali, tal-enerġija, teknoloġiċi u soċjali;

    18.

    itenni l-pożizzjoni tiegħu favur l-abbandun tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’unanimità dwar it-tassazzjoni, sabiex l-UE tkun tista’ tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa b’maġġoranza kwalifikata, bħal f’oqsma oħra ta’ azzjoni, peress li dan jippermetti li jsir progress fil-ġlieda kontra l-abbuż tat-taxxa u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni tibqa’ tirrispetta l-kompetenza fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali għall-ġbir tat-taxxi jew l-iffissar tar-rati tat-taxxa;

    19.

    jinsisti għal darb’oħra li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll iċ-ċittadini, ikunu jistgħu jifhmu b’mod ċar ir-regoli li għandhom jiġu applikati; jilqa’, għal dan il-għan, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni favur regoli fiskali semplifikati bl-użu ta’ indikaturi osservabbli; ifakkar fl-importanza kbira li tiġi integrata stabbilizzazzjoni kontroċiklika, li tkun aġġustata ċiklikament;

    20.

    jemmen li qafas ta’ governanza għal baġits sodi jrid ikun ibbażat mhux biss fuq infiq għaqli iżda wkoll fuq dħul sod u bbilanċjat; ifakkar li l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa fl-UE jċaħħdu lill-baġits pubbliċi minn diversi mijiet ta’ biljuni ta’ euro kull sena, u li l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li b’rabta magħhom hemm l-akbar għadd ta’ Ewropej li jridu aktar intervent Ewropew;

    21.

    iqis li l-governanza ekonomika trid tikseb bilanċ bejn l-indikaturi relatati mad-dixxiplina baġitarja u dawk relatati mal-koeżjoni soċjali, u l-provvista ta’ infrastruttura u servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għaċ-ċittadini kollha, bħas-saħħa pubblika u l-benesseri; jemmen, għalhekk, li, b’konformità mal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku, li tinkludi indikaturi aktar varjati, inkluża r-rata tal-qgħad, governanza ekonomika riformata jenħtieġ li tqis ukoll objettivi ambjentali u soċjali oħra; dan it-tħassib ma jistax jingħata inqas widen meta mqabbel mal-indikaturi tad-dixxiplina fiskali;

    22.

    jissuġġerixxi għal darb’oħra li l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku għandha tiġi estiża għall-indikaturi awżiljarji li jittrattaw id-disparitajiet reġjonali, u huwa tal-fehma li tista’ tqis ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), li jkopru mhux biss il-protezzjoni ambjentali iżda wkoll il-kriterji soċjali, ekonomiċi u ta’ governanza li għandhom l-appoġġ minn 193 pajjiż madwar id-dinja;

    23.

    jirrimarka li l-miżuri korrettivi meħuda bħala parti mill-proċeduri ta’ żbilanċ makroekonomiku tal-Istati Membri għandhom effetti differenti f’reġjuni differenti, u huma partikolarment ta’ detriment f’reġjuni b’ekonomiji inqas diversifikati, bħar-reġjuni ultraperiferiċi, li għandhom restrizzjonijiet strutturali u ta’ eċċezzjoni kif identifikati fl-Artikolu 349 tat-TFUE. Dawn ir-reġjuni huma sensittivi ħafna għax-xokkijiet eżoġeni, u l-politiki ekonomiċi restrittivi għandhom impatt akbar fuq it-tnaqqis tal-investiment u l-impjieg hemmhekk;

    Il-promozzjoni razzjonali tal-investiment pubbliku

    24.

    iqis li l-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika għandu parti mir-responsabbiltà għat-tnaqqis qawwi fl-investiment pubbliku li seħħ wara l-kriżi taż-żona tal-euro, peress li ma qiesx biżżejjed id-distinzjoni bejn l-infiq attwali u l-infiq tal-investiment fit-tul; bejn l-2009 u l-2018, l-investiment pubbliku b’mod ġenerali naqas b’20 % (bħala perċentwal tal-PDG) fl-UE; l-investiment mwettaq mill-awtoritajiet lokali u reġjonali naqas bi kważi 25 %, u b’40 % jew aktar f’uħud mill-Istati Membri l-aktar milqutin mill-kriżi (5); iqis li jrid isir minn kollox biex tiġi evitata ripetizzjoni ta’ xenarju bħal dan wara l-kriżi tal-COVID-19; jinnota li l-investiment fil-livell lokali u reġjonali jista’ jaqdi rwol deċiżiv fl-irkupru ekonomiku;

    25.

    jenfasizza li l-Bord Fiskali Ewropew stabbilixxa li l-Istati b’livell għoli ta’ investiment pubbliku kellhom it-tendenza li jnaqqsuh b’mod sinifikanti fil-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv tagħhom (6), u li l-Kummissjoni stess osservat li l-qafas baġitarju ma waqqafx it-tnaqqis fl-investiment (7);

    26.

    jenfasizza li, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-2015 dwar is-suġġett (8), il-KtR kien diġà kkunsidra li l-flessibbiltà eżistenti fi ħdan il-PST kienet restrittiva u limitata wisq. Barra minn hekk, din intalbet biss minn żewġ Stati Membri, u anke dak iż-żmien, irriżultat biss f’impatt minimu;

    27.

    jenfasizza li, fl-istess ħin, l-UE qed tiffaċċja ħtiġijiet ta’ finanzjament enormi biex tindirizza l-isfidi ewlenin attwali: EUR 650 biljun fis-sena skont il-Kummissjoni, għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biss (9), u kważi EUR 200 biljun fis-sena għall-infrastruttura soċjali (10);

    28.

    iqis li, fil-kuntest attwali tal-ħtiġijiet straordinarji ta’ investiment, l-iskoraġġiment tal-finanzjament tal-investiment pubbliku li jagħmel tajjeb għat-telf (bħal fil-każ tal-qafas fiskali attwali), inkluż investiment mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, jista’ jħeġġeġ nuqqas ta’ investiment għad-detriment tal-ġenerazzjonijiet futuri u l-għanijiet futuri, bħall-miri klimatiċi tal-UE;

    29.

    jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni sa fl-aħħar tirrikonoxxi b’mod ċar il-ħtieġa li l-qafas ta’ governanza jinkoraġġixxi l-investiment u b’mod partikolari l-investimenti pubbliċi fl-oqsma ekoloġiċi, diġitali u tal-bini tar-reżiljenza;

    30.

    itenni t-talba li għamel kemm-il darba għal “regola tad-deheb ta’ kofinanzjament” li tgħid li n-nefqa pubblika tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala parti mill-kofinanzjament tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment, b’konformità mal-limiti ta’ kofinanzjament tal-UE rispettivi, ma għandhiex titqiesx parti mill-infiq strutturali, nazzjonali jew ekwivalenti, kif definit fil-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir; jenfasizza li l-investimenti pubbliċi mill-gvernijiet, bħat-tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u soċjali sostenibbli u l-preservazzjoni tal-kompetittività Ewropea, huma importanti għall-ġenerazzjonijiet futuri, u għalhekk għandhom jiġu ttrattati b’mod adegwat;

    31.

    jenfasizza li, minħabba t-tip ta’ proġett appoġġjat mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment, tali regola tad-deheb għall-kofinanzjament tkun toffri appoġġ partikolari, b’mod awtomatiku, għall-isforzi biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin attwali u biex jiġu implimentati l-prijoritajiet Ewropej. Dawn jinkludu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; it-tisħiħ tar-reżiljenza; l-implimentazzjoni ta’ politiki soċjali, ambjentali u diġitali, eċċ. Il-koerenza ġenerali tal-politiki Ewropej se tissaħħaħ meta jingħataw trattament favorevoli fi ħdan il-qafas finanzjarju;

    32.

    jistieden lill-Kummissjoni biex, wara li tifformula mill-ġdid il-proposti tagħha sabiex tqis il-ħsara ekonomika u baġitarja kkawżata mill-COVID-19, tippreżenta White Paper dwar riformulazzjoni tal-governanza ekonomika abbażi tal-istabbiliment potenzjali ta’ tali regola tad-deheb b’konformità mal-limiti rispettivi ta’ kofinanzjament mill-UE. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għadha tqis ukoll strumenti oħra bħar-regola tal-infiq, li abbażi tax-xejra tat-tkabbir ekonomiku u l-livell tad-dejn timponi limitu fuq it-tkabbir annwali tan-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika, u tista’ sservi biex tiġi ssalvagwardjata l-fiduċja pubblika billi żżid it-trasparenza, tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u tilħaq bilanċ bejn id-dixxiplina baġitarja u l-preservazzjoni ta’ kapaċità suffiċjenti għall-investiment pubbliku;

    33.

    ifakkar li tali nfiq huwa, min-natura tiegħu, investiment ta’ interess Ewropew ġenerali, li l-effett ta’ lieva tiegħu, mil-lat ta’ tkabbir sostenibbli u rinforz tal-koeżjoni territorjali, ġie aċċertat;

    34.

    jirrakkomanda, barra dan, li tiġi stabbilita “regola tad-deheb ekoloġika u ta’ koeżjoni soċjali” biex l-investiment pubbliku fil-proġetti li għandhom l-għan li jħeġġu t-tranżizzjoni lejn soċjetà sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali, kif definita fl-SDGs u l-Patt Ekoloġiku, jiġi eskluż mill-kontabilità, peress li dan l-investiment huwa rikonoxxut bħala essenzjali mhux biss fil-kuntest tal-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19, iżda wkoll biex jiġu żgurati l-prosperità u l-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri;

    35.

    iqis li soluzzjoni oħra tista’ tkun li s-settur tal-gvern lokali u reġjonali jkun eżentat milli jkollu japplika r-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2019, l-investiment pubbliku f’dan is-settur fil-livell tal-Unjoni Ewropea kien jammonta għal 49,2 % tal-investiment pubbliku totali (11), u d-dejn gross tas-settur tal-gvern lokali tal-Unjoni Ewropea kien biss 6,0 % tal-prodott domestiku gross tal-Unjoni Ewropea (12), u għalhekk mhuwiex il-kawża ta’ dejn pubbliku għoli. Barra minn hekk, is-settur tal-gvern lokali jiddejjen biss biex jinvesti u mhux għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika bin-nefqa kurrenti. Il-gvernijiet lokali huma soġġetti għall-kontroll baġitarju intern mill-gvern reġjonali jew nazzjonali. Il-Kumitat iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li teżenta lill-awtoritajiet lokali milli jkollhom japplikaw ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

    36.

    iqis li, b’mod ġenerali hemm bżonn li jitqies il-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni”, li huwa inkluż fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni, sabiex jiġu żgurati l-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u politiki oħra tal-UE, filwaqt li jiġi evitat li jiġi ostakolat il-proċess ta’ konverġenza jew li jiżdiedu d-disparitajiet reġjonali;

    37.

    jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa tmiem l-2022, proposta leġiżlattiva għal riformulazzjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika, ibbażata b’mod partikolari fuq l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli tad-deheb flimkien mar-regola tal-infiq, li tista’ tilħaq bilanċ bejn id-dixxiplina baġitarja u l-preservazzjoni ta’ kapaċità suffiċjenti għall-investiment pubbliku;

    38.

    jipproponi, madankollu, li sabiex jiġi żgurat li l-infiq identifikat mill-gvernijiet ikun konformi ma’ regola tad-deheb waħda jew l-oħra, l-applikazzjoni tagħhom tkun soġġetta għal superviżjoni stretta fuq żewġ livelli: minn kunsilli fiskali nazzjonali indipendenti, u mill-Bord Fiskali Ewropew li jippreżenta rapporti annwali pubbliċi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew;

    Rieżami fil-fond tas-Semestru Ewropew

    39.

    ifakkar li l-governanza ekonomika, li tiġi implimentata fil-prattika permezz taċ-ċiklu ta’ koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew, issofri minn nuqqas ta’ effiċjenza u effettività fl-implimentazzjoni tar-riformi;

    40.

    jenfasizza wkoll li l-ambitu tar-riformi kkunsidrati fil-qafas tas-Semestru Ewropew qatt ma ġie definit fit-testi legali Ewropej, b’mod partikolari fid-dawl tar-rilevanza tagħhom u l-valur miżjud tagħhom fil-livell Ewropew. Huwa tal-fehma li dan in-nuqqas ta’ definizzjoni jillimita l-interazzjoni possibbli bejn ir-riformi mwettqa fil-livell nazzjonali u l-politiki fil-livell tal-UE (leġiżlazzjoni u programmi finanzjarji), u huwa problematiku fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    41.

    iqis li huwa neċessarju li s-Semestru Ewropew ikun, fuq bażi ugwali u f’sinerġija mal-objettivi ekonomiċi u baġitarji tiegħu, il-qafas għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali u ta’ koeżjoni soċjali stabbiliti fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu impenn li jiksbu sal-2030;

    42.

    huwa konvint li l-proposta tiegħu għal kodiċi ta’ kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew (13) x’aktarx tindirizza dan in-nuqqas ta’ effiċjenza u effettività tas-Semestru billi tqis aħjar ir-realtajiet lokali u reġjonali, u li l-implimentazzjoni tiegħu għadha meħtieġa aktar u aktar peress li l-pjani nazzjonali fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma parzjalment ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet għall-pajjiżi tas-Semestru Ewropew;

    43.

    jemmen li tali orjentazzjoni doppja tas-Semestru, kemm f’termini tal-objettivi tiegħu kif ukoll tal-proċess ta’ funzjonament tiegħu, issaħħaħ il-leġittimità demokratika tiegħu u dik tas-sistema ta’ governanza ekonomika Ewropea kollha kemm hi, li attwalment hija dgħajfa wisq.

    Brussell, is-27 ta’ April 2022.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Apostolos TZITZIKOSTAS


    (1)  Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Barometru Reġjonali u Lokali Annwali tal-UE fl-2020, 12 ta’ Ottubru 2020, u Barometru Reġjonali u Lokali Annwali tal-UE fl-2021, 12 ta’ Ottubru 2021.

    (2)  Kummissjoni Ewropea, European Economic Forecast Autumn 2021 (Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Ħarifa 2021), Dokument istituzzjonali 160 (mhux disponibbli bil-Malti), Novembru 2021.

    (3)  Ara r-rapport annwali tal-Bord għall-2021: https://bit.ly/3HqqvIQ

    (4)  Ċifri tal-2018. Sors: Eurostat, kodiċijiet tad-data: TEC00023 u TEC00022.

    (5)  Eurostat, kodiċi tad-data TEC00022

    (6)  Bord Fiskali Ewropew, Assessment of EU fiscal rules with a focus on the six and two-pack legislation, (mhux disponibbli bil-Malti), p. 76.

    (7)  Kummissjoni Ewropea, Rieżami tal-governanza ekonomika (COM(2020) 55 final, 5 ta’ Frar 2020).

    (8)  Opinjoni tal-KtR dwar Nagħmlu l-aħjar użu tal-flessibbiltà fl-ambitu tar-regoli eżistenti dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (COR-2015-01185) (ĠU C 313, 22.9.2015, p. 22), relatur: Olga Zrihen (BE/PSE), adottata fid-9 ta’ Lulju 2015.

    (9)  Kummissjoni Ewropea, L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika (COM(2021) 662 final, 19 ta’ Ottubru 2020).

    (10)  Kummissjoni Ewropea, Commission Staff Working Document: Identifying Europe’s recovery needs (mhux disponibbli bil-Malti) (SWD(2020) 98 final, 27 ta’ Mejju 2020).

    (11)  Sors: Kontijiet Nazzjonali tal-Eurostat.

    (12)  Sors: Kontijiet Nazzjonali tal-Eurostat.

    (13)  Opinjoni tal-KtR dwar It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (COR-2016-05386) (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24), relatur: Rob Jonkman (NL/KRE), adottata fil-11 ta’ Mejju 2017.


    Top