IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2022
COM(2022) 567 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni fl-2021 skont ir-Regolament li jirrigwarda l-kummerċ f’ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra
1.Introduzzjoni
L-objettiv tar-Regolament (UE) 2019/125 (“ir-Regolament”) dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra huwa li jipprevjeni, f’pajjiżi barra l-UE, il-piena kapitali, minn naħa waħda, u t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, min-naħa l-oħra. Jiddistingwi bejn:
-oġġetti li huma abbużivi b’mod inerenti u ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati għalkollox (l-Anness II); u
-oġġetti li jista’ jkollhom użi leġittimi, bħal tagħmir tal-infurzar tal-liġi (l-Anness III) u oġġetti għal użu terapewtiku (l-Anness IV).
Il-kummerċ tal-oġġetti elenkati fl-Annessi III u IV huwa soġġett għal ċerti restrizzjonijiet.
L-Artikolu 26(3) tar-Regolament jiddikjara li l-Istati Membri għandhom ifasslu rapport annwali pubbliku tal-attività. Ir-rapport irid jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet riċevuti, l-oġġetti u l-pajjiżi kkonċernati, u d-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-applikazzjonijiet. L-Artikolu 26(4) jiddikjara li l-Kummissjoni jeħtiġilha tfassal rapport annwali magħmul mir-rapporti annwali tal-attività ppubblikati mill-Istati Membri. Jeħtiġilha tagħmel ir-rapport disponibbli pubblikament.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Istati Membri rigward l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti fl-2021 li jistgħu jintużaw għat-tortura jew għall-piena kapitali.
L-Istati Membri kollha rrapportaw dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni mogħtija u rifjutati skont l-Artikoli 11(1) u 16(1) tar-Regolament u dwar l-oġġetti u l-pajjiżi ta’ destinazzjoni inkwistjoni. F’xi każijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rrapportaw ukoll dwar l-għadd jew il-kwantitajiet ta’ oġġetti awtorizzati għall-esportazzjoni u l-kategorija tal-utent aħħari li lilu jkunu ġew fornuti l-oġġetti.
Awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2019/125
L-Artikoli 11(1) u 16(1) tar-Regolament jirrikjedu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-oġġetti elenkati fl-Anness III u fl-Anness IV, rispettivament.
L-Anness III jelenka ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-fini ta’ tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. L-oġġetti fl-Anness III jaqgħu taħt l-intestaturi li ġejjin: oġġetti maħsuba għat-trażżin tal-bnedmin; armi u tagħmir maħsuba għall-fini ta’ kontroll tal-irvellijiet jew ta’ awtoprotezzjoni; u armi u tagħmir għat-tferrix ta’ sustanzi kimiċi inkapaċitanti jew irritanti għall-fini ta’ kontroll tal-irvellijiet jew ta’ awtoprotezzjoni, u ċerti sustanzi relatati.
L-Anness IV jelenka ċerti sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw f’injezzjonijiet letali.
Minbarra meta l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (Union General Export Authorisation, GEA) stabbiliti fl-Anness V jintużaw għall-esportazzjonijiet tal-oġġetti elenkati fl-Anness IV, l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni għandha tinkiseb mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat, kif elenkat fl-Anness I tar-Regolament.
L-esportazzjonijiet lejn destinazzjonijiet elenkati fil-GEA tal-Unjoni normalment jistgħu jsiru mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni individwali jew globali mogħtija minn Stat Membru. L-approċċ sa issa kien li jiġi inkluż pajjiż mhux tal-UE fl-Anness V jekk ikun irratifika ftehim internazzjonali rilevanti b’impenn li jabolixxi l-piena kapitali għar-reati kollha. Għall-pajjiżi li mhumiex membri tal-Kunsill tal-Ewropa, il-pajjiż inkwistjoni jrid jkun irratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) mingħajr riżerva.
Madankollu, jekk ikun hemm suspett raġonevoli dwar l-abbiltà tal-esportatur li jikkonforma mat-termini tal-awtorizzazzjoni jew mal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi lill-esportatur milli juża l-GEA tal-Unjoni.
L-Artikolu 20(2) tar-Regolament jiddikjara li awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni mogħtija minn Stat Membru tista’ tkun awtorizzazzjoni individwali (awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn utent aħħari jew destinatarju wieħed f’pajjiż mhux tal-UE) jew awtorizzazzjoni globali (awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn utent aħħari jew distributur speċifikat wieħed jew aktar f’pajjiż mhux tal-UE speċifikat wieħed jew aktar).
L-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament jipprojbixxu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu, rispettivament, tal-oġġetti elenkati fl-Anness II. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu deroga mill-projbizzjoni, iżda biss jekk jintwera li l-oġġetti kkonċernati se jintużaw esklużivament għal wiri pubbliku f’mużew (f’pajjiż mhux tal-UE jew, f’konformità mal-Artikolu 4, fi Stat Membru) fid-dawl tas-sinifikat storiku tagħhom.
|
2.Awtorizzazzjonijiet mogħtija u rifjutati
Fl-2021, l-għadd totali ta’ awtorizzazzjonijiet irrapportati ammontaw għal 275, b’disgħa Stati Membri jirrapportaw li kienu taw awtorizzazzjonijiet. L-Istati Membri li fadal informaw lill-Kummissjoni li ma kienu rċevew l-ebda applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament.
Billi d-definizzjonijiet ta’ “awtorizzazzjoni individwali” u ta’ “awtorizzazzjoni globali” fl-Artikolu 2 tar-Regolament ma jinkludux komponent kwantitattiv, indikazzjoni tal-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija ma tagħtix indikazzjoni tal-għadd jew tal-kwantità ta’ oġġetti kkonċernati minn dawn l-awtorizzazzjonijiet. L-informazzjoni li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni tipikament lanqas ma tagħmel distinzjoni bejn awtorizzazzjonijiet individwali u awtorizzazzjonijiet globali.
L-Istati Membri rrapportaw li kienu rrifjutaw żewġ applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni fl-2021. Il-każijiet ta’ rifjut irrappurtati kienu jikkonċernaw ċerti tranżazzjonijiet maħsuba ma’ klijenti fiċ-Ċilì u fiċ-Ċina. L-esportazzjoni maħsuba lejn iċ-Ċilì kienet tikkonċerna l-oġġetti elenkati fl-Anness III, il-kodiċi 3.1, filwaqt li l-esportazzjoni maħsuba lejn iċ-Ċina kienet tikkonċerna l-oġġetti elenkati fl-Anness III, il-kodiċi 3.6.
L-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament jipprojbixxu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu, rispettivament, tal-oġġetti elenkati fl-Anness II. Ir-Regolament jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jagħtu deroga mill-projbizzjoni, iżda biss jekk jintwera li l-oġġetti kkonċernati se jintużaw esklużivament għal wiri pubbliku f’mużew (f’pajjiż mhux tal-UE jew, f’konformità mal-Artikolu 4, fi Stat Membru) fid-dawl tas-sinifikat storiku tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti rrapportaw li huma ma tawx tali derogi fl-2021.
L-Anness 1 ta’ dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fl-2021, skont il-kategorija ta’ oġġetti (l-Annessi III u IV tar-Regolament). L-esportazzjonijiet skont il-GEA tal-Unjoni (l-Anness V) mhumiex inklużi fl-informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija.
L-Anness 2 jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet u rifjuti għall-esportazzjoni rrapportati skont il-kategorija ta’ oġġetti (l-Annessi III u IV tar-Regolament).
L-Anness 3 jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet awtorizzati u rifjutati matul il-perjodu 2017-2021.
L-Anness 4 jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni rrapportati maħruġa mill-Istati Membri.
L-Anness 5 jipprovdi informazzjoni dwar id-destinazzjonijiet irrapportati ewlenin ta’ esportazzjonijiet awtorizzati.
L-Anness 6 jiġbor fil-qosor l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni dwar l-użu aħħari rrapportat ta’ esportazzjonijiet awtorizzati fl-2021.
L-Annessi 7 u 8 jipprovdu ħarsa ġenerali tal-oġġetti awtorizzati għall-esportazzjoni, id-destinazzjonijiet tagħhom u l-użu aħħari rrapportat tagħhom.