IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.9.2022
COM(2022) 494 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv tal-politiki tal-Istati Membri
{SWD(2022) 323 final}
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
Valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv tal-politiki tal-Istati Membri
It-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza huwa kruċjali biex jiġu żgurati politiki ta’ suċċess u l-kredibbiltà tal-azzjonijiet ta’ politika. B’mod partikolari, il-valutazzjonijiet tal-impatt jagħmluha possibbli li l-għażliet ta’ politika jsiru b’mod infurmat u l-valutazzjonijiet tal-impatt distributtiv jgħinu biex jiġi mifhum kif dawn x’aktarx li se jaffettwaw lil partijiet differenti tal-popolazzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti peress li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qegħdin jistinkaw biex iwettqu tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi soċjalment ġusti u qegħdin jiffaċċjaw sfidi relatati mal-għoli tal-ħajja minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja fl-Ukrajna.
L-ekonomija soċjali tas-suq uniku tal-Ewropa hija l-pedament tal-prosperità tagħha. Fil-linji gwida politiċi tagħha, il-President von der Leyen saħqet fuq l-importanza li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Hija enfasizzat ukoll il-kontribut tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-2017, li jistabbilixxi 20 prinċipju għal Ewropa soċjali b’saħħitha li hija ġusta u inklużiva u li tiżgura opportunitajiet indaqs.
Fis-Summit Soċjali f’Porto f’Mejju 2021, il-mexxejja tal-UE laqgħu l-mira li jinħarġu mill-inqas 15-il miljun persuna mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali sal-2030, kif ippreżentata mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f’konformità mal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli
. Sena biss wara s-Summit Soċjali, l-Istati Membri tal-UE impenjaw ruħhom li jilħqu l-miri nazzjonali biex flimkien jilħqu dak l-għan. B’mod parallel, fi ħdan il-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni, inizjattivi ġodda fil-livell tal-UE għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-introjtu, inkluża d-Direttiva dwar il-paga minima u l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar skemi ta’ introjtu minimu.
Il-faqar u l-inugwaljanza fl-introjtu huma relattivament baxxi fl-UE meta mqabbla mal-istandards internazzjonali, u l-faqar u l-esklużjoni soċjali naqsu matul l-aħħar għaxar snin, għalkemm l-inugwaljanza fl-introjtu żdiedet għall-persuni b’introjtu aktar baxx wara r-reċessjoni fl-2008-2012. L-azzjoni meħuda mill-UE u mill-gvernijiet nazzjonali (inklużi skemi temporanji ta’ appoġġ għall-impjiegi u stabbilizzaturi awtomatiċi) taffew l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 u pprevjenew żieda akbar fl-inugwaljanza. Madankollu, il-pandemija kellha impatt negattiv sproporzjonat fuq in-nisa u fuq xi gruppi bħaż-żgħażagħ, il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u l-persuni b’diżabilità.
Filwaqt li l-Ewropa qiegħda tirkupra mill-pandemija tal-COVID-19, il-koeżjoni soċjali tista’ tiġi affettwata mill-iżviluppi attwali. L-invażjoni mhux ġustifikata u mhux ipprovokata mir-Russja tal-Ukrajna ġabet magħha inċertezza ekonomika kbira, speċjalment fil-provvista tal-enerġija u fil-prezzijiet tal-ikel. L-inflazzjoni għolja ġġib magħha r-riskju li taggrava s-sitwazzjoni tal-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u ta’ gruppi żvantaġġati oħrajn, filwaqt li l-inċertezza fil-katina tal-provvista jista’ jkollha impatt fuq l-impjiegi f’ċerti setturi.
L-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jaħdmu biex itaffu l-impatt ekonomiku tal-gwerra. Sabiex l-Ewropa ma tibqax dipendenti fuq il-fjuwils fossili Russi, il-Pjan REPowerEU tal-Kummissjoni ppreżenta diversi għażliet: l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, u l-introduzzjoni aċċellerata tal-enerġija rinnovabbli biex tissostitwixxi l-fjuwils fossili fid-djar, fl-industrija u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. Il-pjan tal-Kummissjoni “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura” għandu l-għan li jaċċellera t-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili Russi u li jnaqqas id-domanda tal-gass tal-UE filwaqt li jagħti attenzjoni speċifika lill-konsumaturi vulnerabbli. Barra minn hekk, il-proposti tal-Kummissjoni għal intervent ta’ emerġenza fis-swieq tal-enerġija tal-Ewropa għandhom l-għan li jindirizzaw iż-żidiet kbar reċenti fil-prezzijiet u li jnaqqsu l-pressjoni li qegħdin ipoġġu fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji madwar l-UE. Sabiex jiġġieldu ż-żieda rapida fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija, l-Istati Membri adottaw miżuri li għandhom l-għan li jtaffu l-impatt tal-inflazzjoni fuq l-unitajiet domestiċi, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli.
It-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni huma mistennija wkoll li jkollhom impatt fuq id-distribuzzjoni tal-introjtu u l-inugwaljanzi. It-tranżizzjoni ekoloġika għandha l-potenzjal li toħloq sa miljun impjieg addizzjonali sal-2030 u żewġ miljun impjeig sal-2050 kif ukoll li ttejjeb il-kwalità tal-impjiegi, iżda r-riperkussjonijiet tagħha fuq is-suq tax-xogħol jistgħu jvarjaw bejn is-setturi, ir-reġjuni, il-grad jew l-urbanizzazzjoni (żona urbana/rurali), il-ħiliet meħtieġa jew it-tipi ta’ impjiegi. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” jippreżentaw ir-reazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-UE għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u jintegraw id-dimensjoni soċjali fit-tfassil tal-politika tagħha mill-bidu nett. Sabiex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u klimatiċi tal-UE għall-2030, l-Istati Membri fasslu pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima li għandhom jiġu aġġornati regolarment. Huma impenjati wkoll li jadottaw politika komprensiva għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika tistabbilixxi gwida konkreta għall-Istati Membri dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-aspetti soċjali u tal-impjiegi rilevanti marbuta mat-tranżizzjoni, inkluż billi jiġi analizzat l-impatt distributtiv tal-miżuri ta’ politika, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet ta’ finanzjament. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-viżjoni tagħha għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa sal-2030 u pproponiet Kumpass Diġitali għad-Deċennju Diġitali tal-UE. Il-ħiliet diġitali bażiċi għal kulħadd u l-opportunità biex il-forza tax-xogħol tikseb ħiliet speċjalizzati fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huma prominenti, kif ukoll l-importanza tat-taħriġ mill-ġdid u tat-titjib tal-ħiliet sabiex jiġi pprevenut l-aggravar tad-distakk diġitali bejn il-ħaddiema b’livell baxx u għoli ta’ ħiliet.
Stħarriġiet reċenti juru li l-inugwaljanzi soċjali huma l-aktar ħaġa li tħasseb lill-Ewropej (segwiti mill-impjiegi, kwistjonijiet ambjentali u t-tibdil fil-klima) u l-akbar żieda f’termini ta’ tħassib fil-livell tal-UE hija relatata maż-żieda fil-prezzijiet/mal-inflazzjoni u mal-għoli tal-ħajja. Anke qabel il-pandemija, aktar minn 80 % taċ-ċittadini tal-UE xtaqu li l-gvernijiet nazzjonali tagħhom jieħdu aktar miżuri biex inaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu
. Inugwaljanza għolja fl-introjtu jista’ jkollha effetti dannużi fuq it-tkabbir ekonomiku u tipperikola l-koeżjoni soċjali, biex b’hekk tpoġġi lill-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq f’riskju, u timmina l-valuri Ewropej. L-inugwaljanzi fl-introjtu u n-nuqqas ta’ ġustizzja soċjali huma ta’ tħassib dejjem akbar mhux biss għall-persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, iżda wkoll għall-biċċa l-kbira tal-persuni b’introjtu medju.
Sabiex jiġi żgurat li x-xejriet fit-tul u x-xokkijiet fuq medda qasira ta’ żmien deskritti hawn fuq ma jaggravawx l-inugwaljanzi eżistenti, huwa essenzjali li tittejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-politika billi jiġi vvalutat aħjar l-impatt distributtiv tal-politiki u tar-riformi eżistenti u ta’ dawk ġodda. Meta jitfasslu, huwa essenzjali li jiġi mifhum l-impatt tagħhom fuq gruppi soċjoekonomiċi differenti u żoni ġeografiċi differenti. Dan huwa meħtieġ biex il-politiki jiġu mmirati aħjar u biex jittaffew l-effetti negattivi possibbli tagħhom, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tnaqqis tal-faqar tal-2030 u jiġu żgurati tranżizzjonijiet sostenibbli, inklużivi u ġusti.
Din il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif l-aħjar iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt distributtiv fuq l-introjtu ta’ gruppi soċjoekonomiċi differenti u jinkorporawhom fil-proċessi tat-tfassil tal-politika tagħhom. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi proċess għall-iżvilupp ulterjuri tal-metodoloġiji eżistenti flimkien mal-Istati Membri, u tippreżenta l-appoġġ li l-Kummissjoni tista’ tagħmel disponibbli għall-Istati Membri.
Il-kunċett ta’ valutazzjonijiet tal-impatt distributtiv
Il-valutazzjoni tal-impatt hija proċess li jiġbor evidenza biex jappoġġa t-tfassil tal-politika. Il-valutazzjonijiet tal-impatt distributtiv (DIAs) jinvolvu analiżi, normalment kwantitattiva, biex jiġu vvalutati l-effetti distributtivi tal-politiki (riformi, investimenti, eċċ.) fuq l-introjtu ta’ diversi gruppi fil-popolazzjoni. Id-DIAs jagħtu informazzjoni utli u jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika jagħżlu bejn għażliet differenti ta’ riforma. Id-DIAs jistgħu jgħinu wkoll biex tiġi identifikata l-ħtieġa li jitfasslu miżuri ta’ akkumpanjament biex gruppi vulnerabbli jiġu protetti mill-impatti negattivi potenzjali ta’ ċerti politiki u tiġi pprovduta informazzjoni siewja biex jiġu kkalibrati dawk il-miżuri.
It-tekniki tad-DIA jistgħu jintużaw biex jinkisbu stimi kwantitattivi tal-impatt tat-taxxi u tar-riformi tal-protezzjoni soċjali u tal-inklużjoni soċjali, u jipprovdu wkoll indikazzjonijiet tal-impatt tar-riforma tas-servizzi in natura pprovduti pubblikament. L-importanza tal-aċċess ugwali għal servizzi in natura bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni ġiet enfasizzata matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-monitoraġġ tal-effetti ridistributtivi tal-benefiċċji in natura jikkontribwixxi għall-isfruttament tal-potenzjal tagħhom li jtaffu u jnaqqsu l-faqar u jista’ jikkontribwixxi wkoll biex id-DIAs isiru aktar komprensivi.
Id-DIAs jistgħu jikkwantifikaw, qabel l-implimentazzjoni tagħhom, kif politiki u riformi speċifiċi se jaffettwaw l-introjtu ta’ diversi gruppi. Dawn jistgħu jgħinu wkoll biex jiġi stabbilit fid-dettall il-kost tar-riformi (inkluż billi jitqiesu għażliet differenti) u jitfasslu miżuri korrettivi. Il-valutazzjonijiet li saru wara li l-miżuri bdew jiġu implimentati jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni tal-miżuri ladarba tkun disponibbli d-data, u jindikaw jekk hemmx bżonn li jittieħdu miżuri oħrajn jew li jsiru xi korrezzjonijiet fir-riformi. Id-DIAs spiss isiru bħala parti mill-preparazzjonijiet tal-baġit, iżda huwa daqstant importanti li dawn isiru għat-tfassil ta’ riformi li jista’ ma jkollhomx impatt (dirett) fuq il-baġits pubbliċi, iżda li jista’ jkollhom impatt akbar fuq ċerti gruppi soċjoekonomiċi. Id-DIAs, fejn xieraq, għandhom jiġu integrati f’analiżijiet usa’ li jkopru l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ inizjattivi ta’ politika ġodda.
Id-DIAs jistgħu jgħinu wkoll biex itejbu b’mod sinifikanti l-kwalità tal-infiq pubbliku u tal-politiki fiskali. Il-finanzi pubbliċi tqiegħdu taħt pressjoni mill-pandemija tal-COVID-19 u n-normalizzazzjoni gradwali tal-politika monetarja hija mistennija li żżid il-kostijiet tas-self tal-gvernijiet. Ir-riallokazzjonijiet ikkalibrati sew tal-infiq jew bidliet fid-dħul jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat li d-defiċits tal-baġits pubbliċi jinżammu taħt kontroll, iżda dan jista’ jkun sostenibbli biss jekk il-konsegwenzi distributtivi jiġu identifikati u bbilanċjati sew. Il-preżentazzjoni tal-impatt distributtiv mistenni tal-miżuri fl-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji sottomessi lill-Kummissjoni mill-Istati Membri taż-żona tal-euro diġà hija rrakkomandata fir-Regolament (UE) Nru 473/2013, iżda rarament tiġi pprovduta u l-prattika tista’ tittejjeb aktar. Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi tal-2022 jirrakkomandaw l-użu tad-DIAs biex tittejjeb l-effettività tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali
.
Komponenti ewlenin ta’ DIA ta’ kwalità tajba
Il-komponenti ewlenin tad-DIAs ta’ kwalità jistgħu jiġu identifikati abbażi tal-prattiki tajbin fl-Istati Membri. Dawn jikkonċernaw iż-żmien meta jitwettqu, liema politiki għandhom jiġu analizzati, l-għodod (mudelli u data) li għandhom jintużaw u kif għandhom jiġu mxerrda r-riżultati.
a.Min u meta għandha ssir DIA u f’liema livell ta’ granularità?
DIA għandha titwettaq kemm qabel kif ukoll wara l-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti. It-twettiq ta’ DIA matul it-tfassil tar-riformi u tal-investimenti huwa partikolarment importanti peress li jippermetti lil dawk li jfasslu l-politika jkejlu l-impatt tal-politiki previsti fuq tipi differenti ta’ unitajiet domestiċi, anke f’każijiet li fihom ir-riforma inizjalment ma tkunx maħsuba biex tindirizza l-objettivi soċjali (pereżempju fil-każ ta’ riformi dwar il-konsum tal-enerġija). L-analiżijiet ta’ wara l-implimentazzjoni jippermettu li jiġi evalwat l-impatt tar-riformi u l-investimenti fuq tipi differenti ta’ unitajiet domestiċi, f’ċertu perjodu ta’ żmien wara li tkun ġiet implimentata r-riforma. Dan jista’ jgħin fl-iżvilupp ta’ passi jew korrezzjonijiet ulterjuri potenzjali fir-riformi. Huma bbażati fuq data tanġibbli, iżda jirrikjedu t-tifrid tal-effetti tar-riformi minn bidliet oħrajn. Analiżijiet kredibbli ta’ wara l-implimentazzjoni jgħinu biex jiġu żgurati s-sjieda u l-kwalità tal-valutazzjonijiet qabel l-implimentazzjoni. Idealment, id-DIAs għandhom isiru mill-awtoritajiet fil-livelli nazzjonali, u meta rilevanti fil-livelli reġjonali u lokali.
Hija prattika tajba li jiġi ppreżentat l-effett ta’ pakkett sħiħ ta’ bidliet fil-politika peress li xi interazzjonijiet bejniethom jistgħu jintilfu jekk l-effett tagħhom jiġi ppreżentat separatament. Dan huwa aktar u aktar minnu minħabba li l-bidliet baġitarji spiss jiġu deċiżi bħala pakkett, b’xi miżuri jikkumpensaw għal oħrajn. Il-miżuri li għandhom impatt konsiderevoli jeħtieġu wkoll analiżi individwali.
L-inkarigar ta’ korpi indipendenti bit-twettiq tad-DIAs jista’ jgħin biex dawn isiru aktar kredibbli u akkurati. Minħabba l-għarfien espert tagħhom, l-akkademja jew l-istituti tar-riċerka jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jiżviluppaw tekniki avvanzati tad-DIA. Barra minn hekk, dawn ma humiex affettwati mill-istess motivi politiċi bħall-amministrazzjonijiet meta jivvalutaw deċiżjonijiet li ħafna drabi ma jkunux ikkontribwew għalihom. Ir-replikazzjoni tar-riżultati minn diversi istituzzjonijiet tista’ twassal ukoll għal analiżi aktar komprensiva, u ttejjeb il-kwalità u l-kredibbiltà tagħha.
L-Istati Membri huma mħeġġa:
- iwettqu DIAs b’mod sistematiku qabel l-implimentazzjoni għall-politiki kollha li jistgħu jaffettwaw l-introjtu tan-nies; u kemm jista’ jkun wara l-implimentazzjoni, jevalwaw l-impatt reali tar-riformi u l-investimenti;
- janalizzaw kemm l-effetti kkombinati kif ukoll dawk individwali speċifiċi tal-politiki;
- jappoġġaw lil istituzzjonijiet indipendenti fit-twettiq tad-DIAs.
b.X’oqsma ta’ politika għandhom jintgħażlu għat-twettiq ta’ DIAs u x’tul ta’ żmien għandu jiġi kkunsidrat?
Id-DIAs għandhom ikopru oqsma ta’ politika li għandhom impatt fuq l-introjtu tal-unitajiet domestiċi u d-distribuzzjoni tagħhom, li tipikament huma relatati mat-taxxi u l-benefiċċji monetarji. Il-mudelli standard jistgħu jagħtu idea tal-impatt tar-riformi fuq it-tassazzjoni diretta tradizzjonali u l-benefiċċji monetarji li ġeneralment huma l-enfasi tad-DIAs. Madankollu, għandhom isiru sforzi biex jiġi vvalutat l-impatt tar-riformi f’oqsma oħrajn, bħar-riformi fis-suq tax-xogħol jew fil-pensjonijiet, kif ukoll programmi ta’ investiment.
Huwa utli li jiġu vvalutati t-taxxi fuq il-konsum minħabba li l-impatt tagħhom spiss huwa regressiv (peress li l-unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx jonfqu aktar mill-introjtu tagħhom fuq oġġetti u servizzi). Dan qiegħed isir dejjem aktar importanti minħabba l-ħtieġa dejjem akbar li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u l-prattika tal-“ibbaġitjar ekoloġiku”. Idealment, l-Istati Membri għandhom iwettqu wkoll DIAs dwar ir-riformi tat-taxxa fuq il-ġid, li għandhom impatt kbir fuq id-dinamika fit-tul tal-inugwaljanza, u fuq l-effett ta’ bidliet fil-benefiċċji in natura, bħall-benefiċċji tal-kura tas-saħħa.
Id-DIAs jistgħu jintużaw f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. Dawn huma kruċjali għall-valutazzjoni tal-impatt tar-riformi mfassla biex jindirizzaw il-megatendenzi, bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jew l-impatt ta’ kriżijiet reċenti. Madankollu, diversi riformi jvarjaw fil-punt sa fejn jistgħu jiġu analizzati. Pereżempju, id-DIAs huma utli ħafna għall-valutazzjoni tal-effetti ta’ riformi li għandhom impatt dirett fuq l-introjtu tal-unitajiet domestiċi, bħall-ipprezzar tal-karbonju u l-użu tad-dħul mill-karbonju jew tal-allowances għat-tisħin għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Madankollu, spiss ikun inqas faċli li jitkejjel l-impatt ta’ miżuri regolatorji ġodda (eż. biex jittejbu l-istandards tal-effiċjenza enerġetika). L-istrateġiji ta’ valutazzjoni ta’ wara l-implimentazzjoni madankollu xorta waħda jistgħu jipprovdu għarfien tajjeb dwar il-konsegwenzi distributtivi ta’ riformi bħal dawn.
Id-DIAs qabel l-implimentazzjoni ma għandhomx jiffokaw biss fuq l-impatt ta’ politiki u miżuri ġodda fuq l-eżiti immedjatament wara l-implimentazzjoni, jiġifieri fis-sena ta’ wara (statistika komparattiva), iżda għandhom jadottaw ukoll perspettiva pluriennali. Politika inkrementali – riforma tal-pensjonijiet, pereżempju – li twassal għal bidliet bil-mod fuq għadd ta’ snin jista’ ma jkollhiex impatt kbir ħafna fi kwalunkwe sena partikolari, iżda b’mod kumulattiv jista’ jkollha impatti konsiderevoli. F’dawn il-każijiet, id-DIAs jistgħu jirrikjedu li jsiru projezzjonijiet fit-tul biex jitqies l-impatt sħiħ tar-riformi. L-adozzjoni ta’ perspettiva pluriennali tista’ tkun utli wkoll meta jkun partikolarment importanti li jitqiesu x-xejriet demografiċi. F’dan il-każ, l-użu ta’ mudelli dinamiċi jista’ jkun rilevanti.
L-Istati Membri huma mħeġġa:
- ikopru t-taxxi diretti, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-benefiċċji soċjali fil-valutazzjonijiet tagħhom;
- meta possibbli, janalizzaw l-effetti ta’ politiki oħrajn, b’mod partikolari t-taxxi indiretti u l-ġid u l-benefiċċji in natura rilevanti, sabiex jippreżentaw DIA komprensiva tal-miżuri u tar-riformi partikolari;
- jadottaw perspettiva pluriennali fid-DIAs ta’ politiki li l-impatt sħiħ tagħhom se jimmaterjalizza fuq perjodu ta’ żmien itwal.
c.X’għodod għandhom jintużaw?
Il-mudelli ta’ mikrosimulazzjoni huma essenzjali peress li tipikament jippermettu lill-utenti jistmaw il-kost baġitarju nett tal-bidliet fit-taxxi u fil-benefiċċji, ix-xejra tal-qligħ u tat-telf minn bidla fil-politika u l-impatt tal-pakketti ta’ riforma fuq il-faqar u l-inugwaljanza. Il-mudelli avvanzati jagħmluha possibbli li jiġi stmat l-impatt skont il-ġeneru, jew kriterji addizzjonali ta’ ugwaljanza bħad-diżabilità jew sfond ta’ minoranza, kif ukoll li tiġi vvalutata l-bidla fl-inċentivi tax-xogħol u r-reazzjonijiet tas-suq tax-xogħol għall-bidliet fil-politika.
Ir-riformi tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji jistgħu jħallu impatt fuq l-imġiba tan-nies u jibdlu l-ambjent makroekonomiku. L-inkorporazzjoni ta’ reazzjonijiet komportamentali, data makroekonomika u xejriet demografiċi fid-DIAs tista’ żżid aktar l-akkuratezza tagħhom.
Id-DIAs jistgħu jsiru bl-użu ta’ mudell speċifiku għall-pajjiż (bħalissa l-każ għal għaxar Stati Membri), jew il-mudell EUROMOD biss (bħalissa l-każ għal erbgħa), jew it-tnejn li huma (bħalissa l-każ għal tnax). L-EUROMOD huwa mudell ta’ mikrosimulazzjoni ta’ benefiċċji tat-taxxa miżmum mill-Kummissjoni u disponibbli għall-Istati Membri kollha biex jużawh. Dan ikopri l-aspetti ewlenin tat-tassazzjoni diretta, il-kontribuzzjonijiet soċjali u l-benefiċċji
. Jista’ jkun partikolarment utli għall-Istati Membri b’esperjenza limitata fil-valutazzjoni tal-impatti distributtivi
. Vantaġġ distintiv tal-EUROMOD huwa li jippermetti l-kalkolu b’mod komparabbli bejn l-Istati Membri, tal-effetti tat-taxxi u l-benefiċċji diretti fuq l-introjtu tal-unitajiet domestiċi, il-faqar u l-inugwaljanza fl-introjtu u l-inċentivi tax-xogħol. Mudelli speċifiċi għall-pajjiż, li jinvolvu approċċi mfassla aktar speċifikament għal dak il-pajjiż, ġeneralment jintużaw mill-Istati Membri bi tradizzjoni twila ta’ twettiq ta’ DIAs.
L-analiżi kwantitattiva tista’ tiġi kkomplementata b’kunsiderazzjonijiet aktar kwalitattivi biex jiġu identifikati l-gruppi li x’aktarx jiġu affettwati minn sett ta’ politiki.
L-Istati Membri huma mħeġġa:
- jużaw mudell ta’ mikrosimulazzjoni li jistma l-effetti tal-bidliet fil-politika fuq l-introjtu tal-unitajiet domestiċi matul id-distribuzzjoni tal-introjtu, kif ukoll l-effetti tagħhom fuq il-faqar u l-inugwaljanza fl-introjtu;
- jiżviluppaw ulterjorment il-mudelli tagħhom billi jużaw tekniki avvanzati li jinkorporaw ir-reazzjonijiet komportamentali u d-data makroekonomika;
- jikkomplementaw l-analiżi kwantitattiva b’analiżi kwalitattiva, sabiex tiġi ġeneralizzata l-kunsiderazzjoni tal-impatti distributtivi fuq it-tfassil tal-politika.
d.X’data għandha tintuża?
DIA tajba tirrikjedi data komprensiva u f’waqtha. Data minn stħarriġ – bħall-Istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Introjtu u l-Kondizzjonijiet tal-Għajxien (UE-SILC)
– tipprovdi informazzjoni soċjodemografika u dwar l-introjtu dettaljata, li hija kruċjali għall-kwalità ta’ DIA. Madankollu, normalment ikun hemm intervall ta’ żmien bejn meta jsir stħarriġ u meta r-riżultati jkunu disponibbli. Id-data amministrattiva tista’ timla l-lakuni, b’informazzjoni aktar akkurata u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, relattivament aktar f’waqtha, daqs akbar tal-kampjuni u dettall ġeografiku akbar. L-ikkombinar ta’ stħarriġ mar-rekords amministrattivi dwar l-introjtu, il-benesseri u t-tassazzjoni jista’ wkoll itejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità ta’ DIA. Dan jista’ jippermetti wkoll it-twessigħ tal-ambitu tal-immudellar, filwaqt li jżomm l-informazzjoni soċjoekonomika dettaljata mill-istħarriġiet.
Irid isir aktar sforz biex id-data amministrattiva nazzjonali ssir disponibbli aktar faċilment
. Data amministrattiva anonimizzata (mhux inkluża fil-kampjuni) hija riżorsa siewja għal analiżi preċiża tad-DIA. Tali data għandha tkun aċċessibbli għal diversi korpi pubbliċi u riċerkaturi indipendenti b’mod trasparenti. Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat ir-rwol kruċjali tal-istituti nazzjonali tal-istatistika biex isiru stħarriġiet f’waqthom, komprensivi u dettaljati u biex tiġi pprovduta data oħra li tista’ tintuża għall-analiżi tad-DIA.
L-Istati Membri huma mħeġġa:
- jgħaqqdu d-data mill-istħarriġiet u d-data amministrattiva meta jwettqu d-DIAs;
- jagħmlu d-data amministrattiva disponibbli aktar faċilment kemm għall-korpi pubbliċi kif ukoll għar-riċerkaturi.
e.Liema indikaturi għandhom jintgħażlu?
L-użu ta’ metrika komuni jippermetti lil dawk li jfasslu l-politika jqabblu aħjar ir-riżultati, u jivvalutaw l-impatti ta’ diversi miżuri ġodda. Ir-riżultati tad-DIA idealment għandhom ikejlu l-impatt tar-riformi fuq: 1) id-distribuzzjoni tal-introjtu
; 2) il-livell ta’ inugwaljanza, billi jibbażaw fuq għażla ta’ indikaturi ewlenin (bħall-proporzjon tas-sehem kwintili mill-introjtu S80/S20)
; 3) il-livell ta’ faqar, billi jintużaw indikaturi relatati ewlenin bħar-rata tar-riskju ta’ faqar u l-ispariġġ medjan relattiv tar-riskju tal-faqar
.
Jista’ jkun hemm ukoll output rilevanti ieħor, skont is-sitwazzjoni nazzjonali u d-data disponibbli. Din hija r-raġuni għaliex spiss jitwettqu DIAs biex jiġi vvalutat l-impatt tar-riformi fuq diversi gruppi differenzjati skont l-età u l-ġeneru (anke għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru
) u t-tip ta’ unità domestika (bħal unitajiet domestiċi fl-età tax-xogħol, unitajiet domestiċi fl-età tal-irtirar, unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed, adulti waħedhom u koppji, bit-tfal u mingħajrhom). Analiżijiet oħrajn, bħal dawk li jiffukaw fuq il-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, b’diżabilità jew kwalunkwe grupp żvantaġġat ieħor, kif ukoll gruppi differenzjati skont il-grad ta’ urbanizzazzjoni jew ir-reġjun, jistgħu jkunu utli.
L-Istati Membri huma mħeġġa:
-jiżguraw li d-DIAs jippreżentaw l-effett tal-politiki fuq id-diversi gruppi tul id-distribuzzjoni tal-introjtu (bħad-deċili tal-introjtu) kif ukoll il-livelli ta’ inugwaljanza u l-indikaturi tal-faqar;
-kemm jista’ jkun, jippreżentaw ir-riżultati diżaggregati skont l-età, il-ġeneru u gruppi soċjoekonomiċi speċifiċi.
f.Kif għandhom jinxterdu d-DIAs?
Il-pubblikazzjoni tal-analiżi tal-impatti fuq gruppi ta’ introjtu differenti żżid it-trasparenza tat-tfassil tal-politiki. Dan jippermetti aktar skrutinju tal-impatti tal-miżuri proposti u b’hekk jista’ jtejjeb il-kwalità tad-dibattitu pubbliku u jżid il-fiduċja fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Aktar trasparenza dwar l-impatt tar-riformi tista’ tkun mistennija li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri li jnaqqsu jew li jeliminaw l-impatt negattiv fuq il-faqar jew it-twessigħ tal-inugwaljanzi. Dan jista’ jgħin ukoll biex wieħed jinvalida l-perċezzjonijiet foloz dwar l-effett aħħari tal-politiki billi jiġu ċċarati l-gruppi benefiċjarji. Pereżempju, l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji huma mod tajjeb kif jiġi ppreżentat l-impatt tal-miżuri ta’ politika relatati fuq partijiet differenti tal-popolazzjoni.
Meta jsiru minn korpi amministrattivi, il-pubblikazzjoni tad-DIAs b’mod aċċessibbli trawwem id-dibattitu pubbliku u tista’ tgħin biex jiġu aċċettati l-miżuri u r-riformi. Id-DIAs għandhom jiġu ppreżentati f’dokumenti baġitarji aċċessibbli għall-pubbliku (eż. abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji) u kwalunkwe tip ieħor ta’ dokument li jakkumpanja t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tar-riformi u l-investimenti, bħal valutazzjonijiet tal-impatt (integrati). B’dan il-mod, minbarra li jagħmlu possibbli t-teħid ta’ deċiżjonijiet aktar ibbażati fuq l-evidenza, id-DIAs jistgħu jagħtu stampa aktar kredibbli biex jinformaw id-dibattitu pubbliku dwar l-effetti tar-riformi tal-politika, inklużi s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili.
Sabiex jinġibed l-interess tal-media u tal-pubbliku, ir-riżultati tad-DIA jeħtieġ li jitqiesu affidabbli u raġonevolment faċli biex jinftiehmu. Għalhekk, il-pubblikazzjoni tad-DIAs għandha tkun akkumpanjata minn preżentazzjoni tad-deċiżjonijiet ewlenin ta’ mmudellar li fuqhom tkun ibbażata l-analiżi. Preżentazzjoni tar-riżultati tad-DIA ppjanata f’punti ta’ żmien partikolari (eż. kull sena) tista’ tkun ta’ għajnuna peress li tindika li r-riżultati qegħdin jiġu kkomunikati b’mod sistematiku. Ir-riżultati tad-DIA jistgħu jitqiesu wkoll aktar affidabbli u kredibbli jekk l-analiżi tkun saret, jew tista’ tiġi vverifikata minn, riċerkaturi indipendenti. Bl-iffaċilitar tar-replikazzjoni tal-analiżi, il-pubblikazzjoni tas-suppożizzjonijiet u tad-deċiżjonijiet rilevanti kollha tal-immudellar u d-data tista’ tittejjeb ukoll il-kredibbiltà.
L-Istati Membri huma mħeġġa:
- jippreżentaw ir-riżultati tad-DIA f’dokumenti pubbliċi b’mod li jkun jista’ jinftiehem faċilment mill-pubbliku ġenerali;
- jiġi ffaċilitat l-aċċess pubbliku għall-mudelli, is-suppożizzjonijiet u d-data sottostanti, sabiex ikunu jistgħu jiġu replikati r-riżultati.
Kif il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-DIA u tappoġġa lill-Istati Membri
Ir-rekord tal-Kummissjoni fit-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza tjieb kontinwament f’dawn l-aħħar snin. Din se tkompli tivvaluta sistematikament l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-azzjonijiet ta’ politika tagħha biex tiżgura l-kwalità għolja tal-leġiżlazzjoni proposta, kif previst fis-sistema tagħha ta’ “regolazzjoni aħjar”
/
.
Il-Kummissjoni se tkompli twettaq id-DIAs sabiex tagħti aktar prominenza lill-kunsiderazzjonijiet distributtivi rilevanti għat-tfassil tar-riformi u tal-investimenti. Il-Kummissjoni regolarment tuża l-EUROMOD biex twettaq id-DIAs ta’ riformi partikolari fl-Istati Membri. L-analiżi li tirriżulta tiġi ppreżentata wkoll fir-rapporti tal-pajjiżi li jikkostitwixxu valutazzjonijiet tal-politika bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-qafas għal sorveljanza u koordinazzjoni integrati tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi madwar l-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-istabbiliment jew fl-iżvilupp tal-prattiki tad-DIA tagħhom. Dan l-appoġġ se jingħata billi jinżamm u jiġi żviluppat ulterjorment il-mudell EUROMOD. Il-Kummissjoni tagħmel il-mudell disponibbli għall-Istati Membri kollha u taġġornah kull sena. Il-JRC jipprovdi firxa ta’ korsijiet ta’ taħriġ dwar l-EUROMOD, inkluż dwar kif għandhom isiru d-DIAs. L-Istati Membri jistgħu jitolbu wkoll aktar assistenza fl-iżvilupp ta’ prattiki tad-DIA fl-ambitu tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku
.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa t-tagħlim reċiproku billi tlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Istati Membri li huma involuti b’mod attiv fit-twettiq tad-DIAs fl-amministrazzjonijiet nazzjonali jew, fil-każ tal-Istati Membri fejn id-DIAs għadhom ma humiex mifruxa daqstant, dawk li għandhom imnejn ikunu involuti fit-twettiq tagħhom fil-futur. Id-diskussjonijiet f’avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku jkopru diversi aspetti tat-twettiq tad-DIAs, u b’hekk jippermettu l-iskambju tal-aħjar prattiki. Peress li l-prattiki tad-DIA tal-Istati Membri jvarjaw b’mod sinifikanti minn xulxin, jidher ċar li hemm valur miżjud fit-tagħlim mill-esperjenza ta’ xulxin, abbażi tal-aħjar prattiki li jistgħu jiġu adattati għal kuntesti speċifiċi għall-pajjiż.
Bħala parti mill-proċess ta’ tagħlim reċiproku mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se timmonitorja l-użu tad-DIAs, fl-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji jew f’kuntesti oħrajn, u se tinforma lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u lill-Kumitat tal-Impjiegi, lill-korpi konsultattivi għall-Kunsill Impjiegi u Affarijiet Soċjali, u lill-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-korp konsultattiv tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Il-Kummissjoni se:
- tkompli twettaq DIAs b’mod regolari, inkluż bħala parti mis-Semestru Ewropew;
- tappoġġa ulterjorment lill-Istati Membri fl-istabbiliment jew fl-iżvilupp tal-prattiki tagħhom tad-DIAs (inkluż billi tappoġġa t-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki u tagħmel disponibbli u tiżviluppa aktar il-mudell tal-mikrosimulazzjoni tal-EUROMOD);
- timmonitorja l-użu tad-DIAs mill-Istati Membri.
Konklużjoni
Il-konfluwenza ta’ diversi xejriet fit-tul u ta’ xokkijiet fuq terminu qasir deskritti f’din il-Komunikazzjoni tissottolinja l-importanza li tingħata attenzjoni akbar lill-kunsiderazzjonijiet distributtivi meta jitfasslu r-riformi u l-investimenti. Għalhekk, l-Istati Membri huma mistiedna jsegwu l-gwida pprovduta biex jespandu l-użu tal-prattiki tad-DIA tagħhom u biex itejbu dawn il-prattiki. L-analiżijiet li jirriżultaw għandhom jagħtu impatt kredibbli tal-politiki fuq gruppi soċjoekonomiċi differenti u jkunu disponibbli għall-pubbliku usa’ biex tittejjeb il-kwalità tad-dibattitu ta’ orjentazzjoni. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa lill-Istati Membri b’assistenza fl-iżvilupp tal-metodoloġiji tad-DIA, billi timmonitorja l-prattiki eżistenti u billi tipprovdi forum għal skambju ta’ fehmiet dwar kif jistgħu jittejbu aktar id-DIAs.