Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0482

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    COM/2021/482 final

    Brussell, 19.8.2021

    COM(2021) 482 final

    2021/0274(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT 1 ”), il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Frar 2021, l-Ungerija talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT u biex tirrestrinġi d-dritt ta’ tnaqqis mill-VAT fuq il-lokazzjoni ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet professjonali. It-talba kienet akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal previst għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis.

    F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Ungerija permezz ta’ ittri ddatati s-7 ta’ April 2021. Permezz ta’ ittra ddatata t-8 ta’ April 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT jistipulaw li persuna taxxabbli hija intitolata tnaqqas il-VAT imposta fuq xiri li jkun sar għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet intaxxati. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi beni jifformaw parti mill-assi tal-impriża jintużaw għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b'mod iktar ġenerali, għal skopijiet oħra barra dawk tal-impriża, fejn il-VAT fuq dawn il-beni kienet kollha jew parti minnha deduċibbli. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT li tkun tnaqqset fil-bidu b’rabta mal-użu privat.

    Fil-każ ta’ karozzi tal-passiġġieri, huwa diffiċli li din is-sistema tiġi applikata, b’mod partikolari minħabba li huwa diffiċli li ssir distinzjoni ċara bejn l-użu privat u dak professjonali. Meta jinżammu r-reġistri, iż-żamma u l-verifika tagħhom iżidu piż addizzjonali fuq l-impriża kif ukoll fuq l-amministrazzjoni.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.

    L-Ungerija bħalissa hija awtorizzata, abbażi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 2 , li tillimita sa 50% id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq in-nefqa eliġibbli għal tnaqqis fir-rigward tal-lokazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx kompletament għal skopijiet professjonali u li teżenta lil persuni taxxabbli milli jittrattaw l-użu mhux għal skopijiet professjonali ta’ tali karozzi tal-passiġġieri bħala forniment ta’ servizzi. Il-karozzi tal-passiġġieri koperti mill-miżura huma vetturi bil-mutur prinċipalment maħsuba għat-trasport sa massimu ta’ disa’ (9) persuni b’piż gross tal-vettura li ma jaqbiżx il-ħames (5) tunnellati. Il-vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija, il-vetturi bi skopijiet speċjali (jiġifieri trakk bil-krejn, vettura tat-tifi tan-nar, truck-mixer), il-vetturi maħsuba għat-trasport ta’ 10 persuni jew iktar minn 10, it-tratturi u t-trejlers huma esklużi mir-restrizzjoni fuq id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT u huma trattati skont ir-regoli normali. Il-persuni taxxabbli li ma jixtiqux japplikaw il-limitu ta' tnaqqis ta' 50% u li jixtiequ japplikaw it-tnaqqis tal-VAT sal-proporzjon tal-użu kummerċjali reali jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu dan fuq il-bażi ta' evidenza dettaljata dwar l-użu kummerċjali. Din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021.

    L-Ungerija talbet biex testendi l-awtorizzazzjoni biex tillimita t-tnaqqis inizjali għal perċentwal fiss stabbilit u b’hekk l-impriżi jinħelsu mill-ħtieġa li jiddikjaraw it-taxxa fuq l-użu privat. L-Ungerija infurmat lill-Kummissjoni li r-raġunijiet għall-estensjoni tal-miżura huma fil-biċċa l-kbira l-istess kif deskritt fit-talba preċedenti. L-Ungerija tikkonferma li l-miżura speċjali wasslet għal riżultati pożittivi kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u r-raġunament għad-deroga għadu japplika. F’konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2018/1493, l-Ungerija ppreżentat ukoll rapport dwar il-limitu ta’ perċentwal stabbilit għat-tnaqqis tal-VAT. L-Ungerija tqis li l-limitu tal-perċentwal ta’ 50% applikat għadu xieraq. Skont id-data ppreżentata għall-perjodu 2016-2019, il-proporzjon ikkalkulat tal-użu privat tal-karozzi llokati tal-kumpaniji jvarja minn madwar 43% sa 53%. Peress li l-kalkolu huwa bbażat fuq evidenza indiretta u assunzjonijiet u seta’ għalhekk ikun eċċessiv, l-Ungerija tqis li l-limitu ta’ tnaqqis mill-VAT l-aktar adegwata huwa 50%. Barra minn hekk, l-esperjenza mill-ispezzjonijiet mill-awtorità tat-taxxa wriet li l-maġġoranza l-kbira – madwar 90-95% – tal-persuni taxxabbli li saritilhom spezzjoni japplikaw il-proporzjon deduċibbli obbligatorju ta’ 50%. Skont l-Ungerija, huwa evidenti li r-raġuni hi li dawn huma eżentati mill-obbligu li jżommu reġistri dettaljati, u li r-rata ta’ 50% ta’ użu privat hija pjuttost realistika.

    Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti u tal-awtoritajiet tat-taxxa, huwa propost li tingħata l-miżura ta’ deroga għal perjodu limitat ieħor, sal-31 ta’ Diċembru 2024. Jenħtieġ li ma’ kull talba ta’ estensjoni jinhemeż rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat u jenħtieġ li din it-talba tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Derogi simili b’rabta mad-dritt ta’ tnaqqis ingħataw lil Stati Membri oħra (l-Estonja 3 , il-Latvja 4 , il-Kroazja 5 , il-Polonja 6 , l-Italja 7 u r-Rumanija 8 ).

    L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sakemm dan iseħħ, jawtorizza lill-Istati Membri biex ikomplu japplikaw l-esklużjonijiet, li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ sospensjoni li jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT b’rabta mal-karozzi tal-passiġġieri.

    Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli dwar liema kategoriji ta’ nfiq jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis 9 , deroga bħal din hija xierqa sakemm jiġu armonizzati dawn ir-regoli fil-livell tal-UE.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru b’talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

    Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-iċċarġjar tat-taxxa u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, minħabba l-possibbiltà li l-impriżi jiddikjaraw ammont aktar baxx tal-VAT milli fil-fatt dovut u l-piż li l-verifika tad-data dwar il-kilometraġġ tinvolvi għall-awtoritajiet tat-taxxa, ir-restrizzjoni ta’ 50% tissimplifika l-ġbir tal-VAT f’settur speċifiku.

    Għażla tal-istrument

    Strument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq billi tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Din il-proposta hija bbażata fuq talba li għamlet l-Ungerija u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa billi tneħħi l-ħtieġa li persuni taxxabbli jżommu rekords dwar l-użu privat ta’ karozzi tal-impriża llokati u, fl-istess ħin, tipprevjeni li jkun hemm evażjoni tat-taxxa permezz ta’ żamma skorretta ta' rekords. Il-miżura proposta għalhekk, għandha potenzjal ta’ impatt pożittiv kemm għall-impriżi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Din il-miżura ġiet identifikata mill-Ungerija u hi meqjusa adegwata u tista’ titqabbel ma’ derogi oħrajn tal-imgħoddi u tal-lum.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Il-proposta hija limitata biż-żmien u tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    F’każ li l-Ungerija tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura ta’ deroga lil hinn mill-2024, jenħtieġ li jintbagħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal flimkien mat-talba għal estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2024.

    2021/0274 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 10 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 11 , tawtorizza lill-Ungerija biex, sal-31 ta’ Diċembru 2021, tapplika miżura speċjali li tikkonsisti minn naħa waħda li tillimita sa 50% id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) fuq infiq relatat ma-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet professjonali, b'deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE u min-naħa l-oħra li ma tittrattax bħala forniment ta’ servizzi bi ħlas l-użu mhux kummerċjali ta’ vettura tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta’ impriża ta’ persuna taxxabbli, meta dik il-vettura kienet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, b’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1), ta’ dik id-Direttiva (“il-miżura speċjali”).

    (2)Permezz ta’ ittra, rreġistrata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Frar 2021, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali (“it-talba għal estensjoni”).

    (3)F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba għal estensjoni lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittri ddatati s-7 ta’ April 2021. Permezz ta’ ittra ddatata t-8 ta’ April, 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

    (4)F’konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/1493/UE, l-Ungerija, flimkien mat-talba għal estensjoni, ippreżentat rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit għat-tnaqqis mill-VAT. Abbażi ta’ informazzjoni attwalment disponibbli, jiġifieri l-esperjenza miksuba minn awditi tat-taxxa u d-data statistika b’rabta mal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri, fit-talba tagħha għal estensjoni l-Ungerija tikkonferma li l-limitu ta’ 50% għadu ġustifikabbli u xieraq. Barra minn hekk, il-miżura speċjali effettivament naqqset il-piż amministrattiv l-impriżi u tal-awtoritajiet tat-taxxa. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ungerija tkun awtorizzata tkompli tapplika din il-miżura speċjali.

    (5)Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri speċjali jkollha limitu taż-żmien biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tal-perċentwal xieraq. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ungerija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat ulterjuri sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    (6)Fil-każ li l-Ungerija tikkunsidra li estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2024 tkun neċessarja, jenħtieġ li tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal applikat flimkien mat-talba għal estensjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2024.

    (7)Il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT.

    (8)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU 347, 11.12.2006, p.1.
    (2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252/46, 8.10.2018, p. 44).
    (3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1854 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 265, 14.10.2017, p. 17–18.
    (4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1921 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 311, 7.12.2018, p. 36–37.
    (5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 320, 17.12.2018, p. 35–37
    (6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1594 tal-24 ta’ Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżuri li jidderogaw mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 248, 27.9.2019, p. 71–72.
    (7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2019/2138/UE tal-5 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 324, 13.12.2019, p. 7–8).
    (8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1262 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.09.2020, p. 6).
    (9)    KUMM (2004) 728 finali - Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 24, 29.1.2005, p.10) irtirata fil-21 ta’ Mejju 2014 (ĠU C 153 21. 05. 2014, p. 3)
    (10)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (11)

       Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252/46, 8.10.2018, p. 44).

    Top