Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0308

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 rigward l-inklużjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd

COM/2021/308 final

Brussell, 15.6.2021

COM(2021) 308 final

2021/0143(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 rigward l-inklużjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu 2021-2023 1 ġie adottat fit-13 ta’ Novembru 2020.

Ir-Regolament għandu l-objettiv li jiżgura li l-industrija tal-ipproċessar tal-Unjoni tkun kompetittiva u li jevita li titqiegħed f’periklu l-produzzjoni tal-prodotti tas-sajd fl-Unjoni billi jiżgura li jkollha provvista adegwata ta’ prodotti tas-sajd. Għal dan il-għan, ir-Regolament inaqqas jew jissospendi d-dazji tal-importazzjoni għal għadd ta’ prodotti fil-kuntest ta’ kwoti tariffarji ta’ volum xieraq. Huwa jiddetermina wkoll liema operazzjonijiet tal-ipproċessar (“l-operazzjonijiet li jikkwalifikaw”) jippermettu l-użu tal-kwoti tariffarji.

Fil-31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament kien ibbażat fuq il-preżunzjoni li l-UE u r-Renju Unit kienu se jikkonkludu ftehim ta’ kummerċ ħieles li jiġi applikat minn meta jintemm il-perjodu tat-tranżizzjoni biex ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin il-flussi tal-kummerċ bejniethom mingħajr dazji tal-importazzjoni. Filwaqt li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit 2 jipprevedi aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti tas-sajd, il-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej ma għadhomx assoċjati mal-UE u l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni ma għadhomx igawdu mit-tariffi mnaqqsa.

Il-protokolli bilaterali addizzjonali mar-Renju tan-Norveġja 3 u mal-Iżlanda 4 li jipprevedu l-kwoti għal ċerti ħut u prodotti tas-sajd skadew fit-30 ta’ April 2021. Billi sa dakinhar ma kinux ġew konklużi n-negozjati dwar kwoti ġodda, jista’ jagħti l-każ li l-industrija tal-UE jkollha tiffaċċja skarsezza ta’ prodotti mingħajr dazju għall-ipproċessar.

Għaldaqstant jeħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 jiġi emendat biex jindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tal-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej mir-reġim kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej, u l-iskadenza tal-protokolli addizzjonali man-Norveġja u mal-Iżlanda.

•    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-politika tal-UE ta’ dawn l-aħħar 20 sena li tiżgura provvista adegwata ta’ prodotti tas-sajd għall-industrija tal-ipproċessar tagħha.

2.    BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•    Bażi ġuridika

L-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

•    Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni jidħlu fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

•    Proporzjonalità

Id-deċiżjoni tal-politika hija proporzjonata billi hija awtorizzata kwantità limitata biss ta’ kull prodott, filwaqt li jitqiesu r-rata tal-użu tal-kwoti, li l-kundizzjonijiet ikunu ekwi bejn il-produtturi tal-UE u dawk ta’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, il-valur miżjud, u preferenzi kummerċjali oħrajn.

•    Għażla tal-istrument

Jixraq li jintuża l-istess tip ta’ att bħal dak li qed jiġi emendat, jiġifieri Regolament tal-Kunsill.

3.    RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

•    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ma japplikax.

•    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706, bejn Jannar u Marzu tal-2020, il-Kummissjoni kkonsultat lill-produtturi tal-UE, lill-proċessuri u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz ta’ kwestjonarju. Fid-29 ta’ Frar 2020 ippreżentat il-proċess lill-Kunsill Konsultattiv għas-Swieq, li fih huma rrappreżentati l-partijiet ikkonċernati kollha (l-industrija u l-NGOs).

Ir-Regolament huwa bbilanċjat u bbażat fuq analiżi fattwali u objettiva tad-data u l-informazzjoni disponibbli. Jiżgura biżżejjed provvista kompetittiva għall-industrija tal-ipproċessar tal-UE filwaqt li jqis l-interessi tal-produtturi tal-ħut tal-UE. Iżda wara li ġie adottat, xi Stati Membri u partijiet ikkonċernati talbu kwoti tariffarji awtonomi ġodda biex jindirizzaw it-telf tat-trattament preferenzjali għall-prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej u l-iskadenza tat-trattament preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw min-Norveġja u mill-Iżlanda.

Din il-proposta hija bbażata fuq ir-risposti tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tal-adozzjoni tar-Regolament.

•    Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Ma japplikax.

•    Valutazzjoni tal-impatt

Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta hija maħsuba biex jiġi emendat ir-Regolament attwali li jiskadi fi tmiem l-2023. Għalhekk ma hemmx bżonn issir valutazzjoni tal-impatt dwarha. Madankollu, il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati tal-UE qabel ma ppreżentat il-proposta lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill biex jiddibattiha qabel ma tiġi adottata mill-Kunsill.

•    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Ma japplikax.

•    Drittijiet fundamentali

Ma japplikax.

4.    IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt baġitarju għall-Kummissjoni. Il-proposta għandha impatt baġitarju fuq id-dħul tal-UE minħabba t-telf ta’ dazji doganali li altrimenti kienu jinġabru fuq il-prodotti importati. Kwota waħda proposta tikkonċerna prodott li fil-preżent huwa soġġett għad-dazju ta’ 6 % tal-pajjiż l-aktar favorit (il-klamar). Kwota proposta oħra tikkonċerna prodott li huwa soġġett għad-dazju ta’ 20 % tal-pajjiż l-aktar favorit (l-aringi fis-salmura). Żewġ kwoti oħra proposti jikkonċernaw prodotti li jgawdu sospensjoni tat-tariffi mill-15 ta’ Frar sal-15 ta’ Ġunju. Għall-bqija tas-sena, l-aringi ffriżati huma soġġetti għal dazju ta’ 15 % tal-pajjiż l-aktar favorit, u l-kavall huwa soġġett għal dazju ta’ 20 % tal-pajjiż l-aktar favorit. Żewġ kwoti oħra jikkonċernaw prodotti li huma soġġetti għal 15 % dazju u prodott wieħed li hu soġġett għal dazju ta’ 18 % tal-pajjiż l-aktar favorit.

5.    ELEMENTI OĦRA

•    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

Ma japplikax.

•    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Huwa propost li r-Regolament jiġi emendat billi jiddaħħlu kwoti ġodda mingħajr dazju skont kif ġej:

Klamar tal-Patagonja (Loligo gahi) (kodiċi CN ex 0307 43 35) — 75 000 tunnellata

Billi l-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej ma għadhomx koperti bid-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Ekstra-Ewropea u ma għadhomx igawdu minn aċċess mingħajr dazji u mingħajr kwoti għall-UE, l-importazzjonijiet ta’ klamar tal-Patagonja mill-gżejjer Falkland ilhom mill-1 ta’ Jannar 2021 soġġetti għad-dazju erga omnes ta’ 6 %.

Aringi ppreservati fis-salmura (ex 1604 12 91 u ex 1604 12 99) — 15 000 tunnellata (piż nett mingħajr likwidi)

Il-kwota 09.0750 skadiet fit-30 ta’ April 2021;

Aringi (Clupea harengus, Clupea pallasii), iffriżati, ħlief qatgħat ta’ ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304 u ħlief il-fwied u l-bajd, għall-ipproċessar (ex 0303 51 00) — 10 000 tunnellata

Il-kwoti 09.0710 u 09.0812 skadew fit-30 ta’ April 2021;

Kavalli tal-ispeċijiet Scomber scombrus u Scomber japonicus, iffriżati, sħaħ, ħlief il-fwied u l-bajd (ex 0303 54 10) — 15 000 tunnellata

Il-kwota 09.0712 skadiet fit-30 ta’ April 2021;

Speċijiet diversi ta’ ħut iffriżat (0303 55 30, ex 0303 55 90, 0303 56 00, 0303 69 90, 0303 82 00, 0303 89 55, 0303 89 90) — 3 300 tunnellata

Il-kwota 09.0713 skadiet fit-30 ta’ April 2021;

Qatgħat u ġwienaħ tal-Aringi (Clupea harengus, Clupea pallasii), iffriżati (0304 86 00 u ex 0304 99 23) — 25 000 tunnellata

Il-kwota 09.0714 skadiet fit-30 ta’ April 2021;

Qatgħat ta’ ħut aħmar (Sebastes spp.), friski jew imkessħin (0304 49 50) — 1 300 tunnellata

Il-kwota 09.0811 skadiet fit-30 ta’ April 2021.



2021/0143 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 rigward l-inklużjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu mill-2021 sal-2023 5 . Ġew stabbiliti volumi xierqa għal kull kwota tariffarja sabiex ikun żgurat li l-industrija tal-Unjoni jkollha provvista adegwata għal dan il-perjodu.

(2)Il-provvisti tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd preżentement jiddependu mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. F’dawn l-aħħar deċennji, l-Unjoni saret aktar dipendenti mill-importazzjonijiet biex tissodisfa l-konsum tal-prodotti tas-sajd. Sabiex ma tiġix ipperikolata l-produzzjoni tal-prodotti tas-sajd fl-Unjoni, u biex tkun żgurata provvista adegwata għall-industrija tal-ipproċessar tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu sospiżi d-dazji fuq l-importazzjoni tal-klamar ta’ Patagonja, tal-aringi ppreservati fis-salmura, tal-aringi ffriżati, tal-kavalli ffriżati, tal-qatgħat u l-ġwienaħ iffriżati tal-aringi, tal-qatgħat ta’ ħut aħmar u ta’ speċijiet diversi ta’ ħut iffriżat fil-medda tal-kwoti tariffarji ta’ volum xieraq.

(3)Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit 6 ilu japplika proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi l-aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti tas-sajd oriġinarji. Iżda l-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej ma għadhomx assoċjati mal-Unjoni u ma għadhomx igawdu mit-tnaqqis fit-tariffi fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti tas-sajd lejn l-Unjoni.

(4)Barra minn hekk, il-protokolli bilaterali addizzjonali mal-Iżlanda 7 u man-Norveġja 8 li jipprevedu l-kwoti għal ċerti ħut u prodotti tas-sajd skadew fit-30 ta’ April 2021. Billi n-negozjati dwar kwoti ġodda mhux se jiġu konklużi qabel l-iskadenza tal-protokolli bilaterali addizzjonali, tista’ tinħoloq skarsezza fl-Unjoni ta’ materjali tas-sajd mingħajr dazju għall-ipproċessar.

(5)Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2020/1706 bħala rimedju għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni rigward it-telf tal-istatus preferenzjali tal-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej u bħala rimedju għall-konsegwenzi tal-iskadenza tal-protokolli bilaterali addizzjonali man-Norveġja u mal-Iżlanda.

(6)Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika retroattivament mill-1 ta’ Jannar 2021.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2020/1706 huwa emendat kif ġej:

(1) il-punt (b) tal-Artikolu 4(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) it-tqattigħ fi ċrieki u fi strixxi għall-materjali li jidħlu fil-kodiċijiet tan-NM 0307 43 35, 0307 43 91, 0307 43 92 u 0307 43 99;”;

(2) l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 385, 17.11.2020, p. 3.
(2)    ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14.
(3)    ĠU L 141, 28.5.2016, p. 22.
(4)    ĠU L 141, 28.5.2016, p. 18.
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 tat-13 ta’ Novembru 2020 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu 2021-2023 (ĠU L 385, 17.11.2020, p. 3).
(6)    Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14).
(7)    Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 18).
(8)    Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 22).
Top

Brussell, 15.6.2021

COM(2021) 308 final

ANNESS

tal-

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 rigward l-inklużjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd


ANNESS

Fit-tabella tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 2020/1706, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin:

Nru tal-ordni

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tat-TARIC

Deskrizzjoni

Ammont annwali tal-kwota (f’tunnellati) 1

Dazju fuq il-kwota

Perjodu tal-kwota

09.2508

ex 0307 43 35

10

Klamar tal-ispeċi Loligo gahi, iffriżat, għall-ipproċessar

75 000

0 %

1.1.2021 – 31.12.2023

09.2509

ex 1604 12 91

ex 1604 12 99

13

93

16

17

Aringi, mħawra u/jew ippreservati fil-ħall, fis-salmura, għall-ipproċessar

15 000 (piż nett mingħajr likwidu)

0 %

1.05.2021-30.04.2022

7500 (piż nett mingħajr likwidu)

0 %

1.05.2022 - 31.10.2022

09.2510

ex 0303 51 00

10

20

Aringi (Clupea harengus, Clupea pallasii), iffriżati, għall-ipproċessar 2*

10 000

0 %

1.05.2021 - 30.04.2022

5 000

1.05.2022 - 31.10.2022

09.2511

ex 0303 54 10

11

95

97

Kavalli tal-ispeċijiet Scomber scombrus jew Scomber japonicus, iffriżati, għall-ipproċessar 3*

15 000

0 %

1.05.2021 - 30.04.2022

7 500

0 %

1.05.2022 - 31.10.2022

09.2512

0303 55 30

ex 0303 55 90

0303 56 00

0303 69 90

0303 89 90

0303 82 00

0303 89 55

10

95

10

10

11

21

30

91

10

10

Ħut iffriżat, għall-ipproċessar:

Sawrell taċ-Ċilì (Trachurus murphyi)

Ħut ieħor ta’ Trachurus spp., esklużi Trachurus trachurus, Trachurus murphyi u s-sawrell (scad) (Caranx trachurus)

Cobia (Rachycentron canadum)

Ħut ieħor

Raj u rebekkini (Rajidae)

Awrat (Sparus aurata)

3 300

0 %

1.05.2021 - 30.04.2022

1 650

0 %

1.05.2022 - 31.10.2022

09.2513

0304 86 00

ex 0304 99 23

20

10

20

Qatgħat tal-aringi (Clupea harengus, Clupea pallasii), iffriżati, għall-ipproċessar

Ġwienaħ tal-aringi (Clupea harengus, Clupea pallasii) (miftuħin ktieb), iffriżati, għall-ipproċessar 4*

25 000

0 %

1.05.2021 - 30.04.2022

12 500

0 %

1.05.2022 - 31.10.2022

09.2514

0304 49 50

10

Qagħtat ta’ ħut aħmar (Sebastes spp.), friski jew imkessħin, għall-ipproċessar

1 300

0 %

1.05.2021 - 30.04.2022

650

0 %

1.05.2022 - 31.10.2022

(1)    Mogħti skont il-piż, sakemm ma jingħadx mod ieħor
(2) * Mill-15 ta’ Frar sal-15 ta’ Ġunju, ma għandhiex tingħata tgawdija tal-kwota tariffarja għall-prodotti ddikkjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera.
(3) * Mill-15 ta’ Frar sal-15 ta’ Ġunju, ma għandhiex tingħata tgawdija tal-kwota tariffarja għall-prodotti ddikkjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera.
(4) * Mill-15 ta’ Frar sal-15 ta’ Ġunju, ma għandhiex tingħata tgawdija tal-kwota tariffarja għall-prodotti ddikkjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera.
Top