IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.6.2021
COM(2021) 308 final
2021/0143(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 rigward l-inklużjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu 2021-2023 ġie adottat fit-13 ta’ Novembru 2020.
Ir-Regolament għandu l-objettiv li jiżgura li l-industrija tal-ipproċessar tal-Unjoni tkun kompetittiva u li jevita li titqiegħed f’periklu l-produzzjoni tal-prodotti tas-sajd fl-Unjoni billi jiżgura li jkollha provvista adegwata ta’ prodotti tas-sajd. Għal dan il-għan, ir-Regolament inaqqas jew jissospendi d-dazji tal-importazzjoni għal għadd ta’ prodotti fil-kuntest ta’ kwoti tariffarji ta’ volum xieraq. Huwa jiddetermina wkoll liema operazzjonijiet tal-ipproċessar (“l-operazzjonijiet li jikkwalifikaw”) jippermettu l-użu tal-kwoti tariffarji.
Fil-31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament kien ibbażat fuq il-preżunzjoni li l-UE u r-Renju Unit kienu se jikkonkludu ftehim ta’ kummerċ ħieles li jiġi applikat minn meta jintemm il-perjodu tat-tranżizzjoni biex ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin il-flussi tal-kummerċ bejniethom mingħajr dazji tal-importazzjoni. Filwaqt li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit jipprevedi aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti tas-sajd, il-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej ma għadhomx assoċjati mal-UE u l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni ma għadhomx igawdu mit-tariffi mnaqqsa.
Il-protokolli bilaterali addizzjonali mar-Renju tan-Norveġja u mal-Iżlanda li jipprevedu l-kwoti għal ċerti ħut u prodotti tas-sajd skadew fit-30 ta’ April 2021. Billi sa dakinhar ma kinux ġew konklużi n-negozjati dwar kwoti ġodda, jista’ jagħti l-każ li l-industrija tal-UE jkollha tiffaċċja skarsezza ta’ prodotti mingħajr dazju għall-ipproċessar.
Għaldaqstant jeħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 jiġi emendat biex jindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tal-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej mir-reġim kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej, u l-iskadenza tal-protokolli addizzjonali man-Norveġja u mal-Iżlanda.
•
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-politika tal-UE ta’ dawn l-aħħar 20 sena li tiżgura provvista adegwata ta’ prodotti tas-sajd għall-industrija tal-ipproċessar tagħha.
2.
BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•
Bażi ġuridika
L-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
•
Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni jidħlu fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•
Proporzjonalità
Id-deċiżjoni tal-politika hija proporzjonata billi hija awtorizzata kwantità limitata biss ta’ kull prodott, filwaqt li jitqiesu r-rata tal-użu tal-kwoti, li l-kundizzjonijiet ikunu ekwi bejn il-produtturi tal-UE u dawk ta’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, il-valur miżjud, u preferenzi kummerċjali oħrajn.
•
Għażla tal-istrument
Jixraq li jintuża l-istess tip ta’ att bħal dak li qed jiġi emendat, jiġifieri Regolament tal-Kunsill.
3.
RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI
•
Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ma japplikax.
•
Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Qabel l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706, bejn Jannar u Marzu tal-2020, il-Kummissjoni kkonsultat lill-produtturi tal-UE, lill-proċessuri u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz ta’ kwestjonarju. Fid-29 ta’ Frar 2020 ippreżentat il-proċess lill-Kunsill Konsultattiv għas-Swieq, li fih huma rrappreżentati l-partijiet ikkonċernati kollha (l-industrija u l-NGOs).
Ir-Regolament huwa bbilanċjat u bbażat fuq analiżi fattwali u objettiva tad-data u l-informazzjoni disponibbli. Jiżgura biżżejjed provvista kompetittiva għall-industrija tal-ipproċessar tal-UE filwaqt li jqis l-interessi tal-produtturi tal-ħut tal-UE. Iżda wara li ġie adottat, xi Stati Membri u partijiet ikkonċernati talbu kwoti tariffarji awtonomi ġodda biex jindirizzaw it-telf tat-trattament preferenzjali għall-prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej u l-iskadenza tat-trattament preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw min-Norveġja u mill-Iżlanda.
Din il-proposta hija bbażata fuq ir-risposti tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tal-adozzjoni tar-Regolament.
•
Ġbir u użu ta’ għarfien espert
Ma japplikax.
•
Valutazzjoni tal-impatt
Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta hija maħsuba biex jiġi emendat ir-Regolament attwali li jiskadi fi tmiem l-2023. Għalhekk ma hemmx bżonn issir valutazzjoni tal-impatt dwarha. Madankollu, il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati tal-UE qabel ma ppreżentat il-proposta lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill biex jiddibattiha qabel ma tiġi adottata mill-Kunsill.
•
Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Ma japplikax.
•
Drittijiet fundamentali
Ma japplikax.
4.
IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt baġitarju għall-Kummissjoni. Il-proposta għandha impatt baġitarju fuq id-dħul tal-UE minħabba t-telf ta’ dazji doganali li altrimenti kienu jinġabru fuq il-prodotti importati. Kwota waħda proposta tikkonċerna prodott li fil-preżent huwa soġġett għad-dazju ta’ 6 % tal-pajjiż l-aktar favorit (il-klamar). Kwota proposta oħra tikkonċerna prodott li huwa soġġett għad-dazju ta’ 20 % tal-pajjiż l-aktar favorit (l-aringi fis-salmura). Żewġ kwoti oħra proposti jikkonċernaw prodotti li jgawdu sospensjoni tat-tariffi mill-15 ta’ Frar sal-15 ta’ Ġunju. Għall-bqija tas-sena, l-aringi ffriżati huma soġġetti għal dazju ta’ 15 % tal-pajjiż l-aktar favorit, u l-kavall huwa soġġett għal dazju ta’ 20 % tal-pajjiż l-aktar favorit. Żewġ kwoti oħra jikkonċernaw prodotti li huma soġġetti għal 15 % dazju u prodott wieħed li hu soġġett għal dazju ta’ 18 % tal-pajjiż l-aktar favorit.
5.
ELEMENTI OĦRA
•
Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar
Ma japplikax.
•
Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Huwa propost li r-Regolament jiġi emendat billi jiddaħħlu kwoti ġodda mingħajr dazju skont kif ġej:
Klamar tal-Patagonja (Loligo gahi) (kodiċi CN ex 0307 43 35) — 75 000 tunnellata
Billi l-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej ma għadhomx koperti bid-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Ekstra-Ewropea u ma għadhomx igawdu minn aċċess mingħajr dazji u mingħajr kwoti għall-UE, l-importazzjonijiet ta’ klamar tal-Patagonja mill-gżejjer Falkland ilhom mill-1 ta’ Jannar 2021 soġġetti għad-dazju erga omnes ta’ 6 %.
Aringi ppreservati fis-salmura (ex 1604 12 91 u ex 1604 12 99) — 15 000 tunnellata (piż nett mingħajr likwidi)
Il-kwota 09.0750 skadiet fit-30 ta’ April 2021;
Aringi (Clupea harengus, Clupea pallasii), iffriżati, ħlief qatgħat ta’ ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304 u ħlief il-fwied u l-bajd, għall-ipproċessar (ex 0303 51 00) — 10 000 tunnellata
Il-kwoti 09.0710 u 09.0812 skadew fit-30 ta’ April 2021;
Kavalli tal-ispeċijiet Scomber scombrus u Scomber japonicus, iffriżati, sħaħ, ħlief il-fwied u l-bajd (ex 0303 54 10) — 15 000 tunnellata
Il-kwota 09.0712 skadiet fit-30 ta’ April 2021;
Speċijiet diversi ta’ ħut iffriżat (0303 55 30, ex 0303 55 90, 0303 56 00, 0303 69 90, 0303 82 00, 0303 89 55, 0303 89 90) — 3 300 tunnellata
Il-kwota 09.0713 skadiet fit-30 ta’ April 2021;
Qatgħat u ġwienaħ tal-Aringi (Clupea harengus, Clupea pallasii), iffriżati (0304 86 00 u ex 0304 99 23) — 25 000 tunnellata
Il-kwota 09.0714 skadiet fit-30 ta’ April 2021;
Qatgħat ta’ ħut aħmar (Sebastes spp.), friski jew imkessħin (0304 49 50) — 1 300 tunnellata
Il-kwota 09.0811 skadiet fit-30 ta’ April 2021.
2021/0143 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 rigward l-inklużjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu mill-2021 sal-2023. Ġew stabbiliti volumi xierqa għal kull kwota tariffarja sabiex ikun żgurat li l-industrija tal-Unjoni jkollha provvista adegwata għal dan il-perjodu.
(2)Il-provvisti tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd preżentement jiddependu mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. F’dawn l-aħħar deċennji, l-Unjoni saret aktar dipendenti mill-importazzjonijiet biex tissodisfa l-konsum tal-prodotti tas-sajd. Sabiex ma tiġix ipperikolata l-produzzjoni tal-prodotti tas-sajd fl-Unjoni, u biex tkun żgurata provvista adegwata għall-industrija tal-ipproċessar tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu sospiżi d-dazji fuq l-importazzjoni tal-klamar ta’ Patagonja, tal-aringi ppreservati fis-salmura, tal-aringi ffriżati, tal-kavalli ffriżati, tal-qatgħat u l-ġwienaħ iffriżati tal-aringi, tal-qatgħat ta’ ħut aħmar u ta’ speċijiet diversi ta’ ħut iffriżat fil-medda tal-kwoti tariffarji ta’ volum xieraq.
(3)Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ilu japplika proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi l-aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti tas-sajd oriġinarji. Iżda l-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej ma għadhomx assoċjati mal-Unjoni u ma għadhomx igawdu mit-tnaqqis fit-tariffi fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti tas-sajd lejn l-Unjoni.
(4)Barra minn hekk, il-protokolli bilaterali addizzjonali mal-Iżlanda u man-Norveġja li jipprevedu l-kwoti għal ċerti ħut u prodotti tas-sajd skadew fit-30 ta’ April 2021. Billi n-negozjati dwar kwoti ġodda mhux se jiġu konklużi qabel l-iskadenza tal-protokolli bilaterali addizzjonali, tista’ tinħoloq skarsezza fl-Unjoni ta’ materjali tas-sajd mingħajr dazju għall-ipproċessar.
(5)Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2020/1706 bħala rimedju għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni rigward it-telf tal-istatus preferenzjali tal-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi ekstra-Ewropej u bħala rimedju għall-konsegwenzi tal-iskadenza tal-protokolli bilaterali addizzjonali man-Norveġja u mal-Iżlanda.
(6)Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika retroattivament mill-1 ta’ Jannar 2021.
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 2020/1706 huwa emendat kif ġej:
(1) il-punt (b) tal-Artikolu 4(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) it-tqattigħ fi ċrieki u fi strixxi għall-materjali li jidħlu fil-kodiċijiet tan-NM 0307 43 35, 0307 43 91, 0307 43 92 u 0307 43 99;”;
(2) l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President