Atlasiet eksperimentālās funkcijas, kuras vēlaties izmēģināt!

Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.

Dokuments 52021IP0417

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, inkluża s-sitwazzjoni tal-gruppi reliġjużi u etniċi (2021/2905(RSP))

ĠU C 132, 24.3.2022., 179.–185. lpp. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/179


P9_TA(2021)0417

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, inkluża s-sitwazzjoni tal-gruppi reliġjużi u etniċi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, inkluża s-sitwazzjoni tal-gruppi reliġjużi u etniċi (2021/2905(RSP))

(2022/C 132/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya, b'mod partikolari dawk tat-22 ta' Novembru 2012 (1), tal-20 ta' April 2012 (2), tal-20 ta' Mejju 2010 (3), tal-25 ta' Novembru 2010 (4), tas-7 ta' Lulju 2016 (5), tal-15 ta' Diċembru 2016 (6), tal-14 ta' Settembru 2017 (7), tal-14 ta' Ġunju 2018 (8), tat-13 ta' Settembru 2018 (9), tad-19 ta' Settembru 2019 (10), u tal-11 ta' Frar 2021 (11),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Frar 2021 dwar il-Myanmar,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-23 ta' Marzu 2021 dwar l-intensifikazzjoni tal-vjolenza fil-Myanmar, u tad-19 ta' April 2021, tat-30 ta' April 2021, tat-12 ta' Mejju 2021 u tas-27 ta' Lulju 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar l-eżitu tal-Laqgħa tal-Mexxejja tal-ASEAN, tat-30 ta' April 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-3 ta' Marzu 2021 dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem mill-militar, u tat-23 ta' Mejju 2021 dwar l-aħħar żviluppi fil-Myanmar,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1000 tal-21 ta' Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (12),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/711 tad-29 ta' April 2021 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (13),

wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

wara li kkunsidra l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni tal-Myanmar tal-2008 li jirrikonoxxi l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u li jiggarantixxi liċ-ċittadini “d-dritt jistqarru liberament u jipprattikaw ir-reliġjon”,

wara li kkunsidra l-Kunsens tal-Ħames Punti tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja tal-24 ta' April 2021,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-31 ta' Awwissu 2021, bit-titolu “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar”,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 75/287 tat-18 ta' Ġunju 2021 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar il-Myanmar tat-22 ta' Awwissu 2019 bit-titolu “Il-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru fil-Myanmar u l-impatt tal-kunflitti etniċi tal-pajjiż fuq il-ġeneri”,

wara li kkunsidra r-rapporti mir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-rapporti mill-mekkaniżmu superviżorju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar tas-16 ta' Settembru 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Myanmar tat-23 ta' Settembru 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, Thomas H. Andrews, tat-22 ta' Settembru 2021,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħra,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Mekkaniżmu Investigattiv Indipendenti għall-Myanmar tal-1 ta' Lulju 2021,

wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine (il-Kummissjoni Annan),

wara li kkunsidra l-ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-23 ta' Jannar 2020 dwar it-talba għall-indikazzjoni ta' miżuri proviżorji ppreżentata mir-Repubblika tal-Gambja fil-kawża li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju (il-Gambja vs il-Myanmar),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, fl-1 ta' Frar 2021, il-militar tal-Myanmar, magħruf bħala t-Tatmadaw, fi ksur ċar tal-kostituzzjoni tal-Myanmar, arresta lill-President Win Myint u l-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, kif ukoll membri ewlenin tal-gvern, ħatfu s-setgħa fuq il-fergħat leġiżlattivi, ġudizzjarji u eżekuttivi tal-gvern permezz ta' kolp ta' stat, u ddikjaraw stat ta' emerġenza ta' sena; billi f'Awwissu 2021, il-Kap Kmandant, Min Aung Hlaing, ħabbar li kien qed jaħtar lilu nnifsu bħala Prim Ministru u li l-istat ta' emerġenza kien se jiġi estiż sa Awwissu 2023;

B.

billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar indika f'dikjarazzjoni formali li l-attakki sistematiċi u mifruxa tal-ġunta militari kontra l-poplu tal-Myanmar x'aktarx jirrappreżentaw delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddikjara b'mod espliċitu li l-arkitetti u l-awturi tal-kolp ta' stat u l-ksur għandhom jinżammu responsabbli;

C.

billi f'Mejju 2021, il-ġunta militari ħadet passi inizjali biex ixxolji l-partit politiku ta' Aung San Suu Kyi, li kien fil-gvern sal-kolp ta' stat ta' Frar 2021;

D.

billi l-Kumitat ta' Rappreżentanza tal-Pyidaungsu Hluttaw (CRPH) u l-Gvern ta' Unità Nazzjonali (NUG) ġew stabbiliti biex jirrappreżentaw ix-xewqat demokratiċi tal-poplu tal-Myanmar;

E.

billi b'reazzjoni għall-kolp ta' stat, faqqgħu protesti u dimostrazzjonijiet paċifiċi f'diversi bliet fil-Myanmar; billi mill-1 ta' Frar 2021, politiċi, uffiċjali tal-gvern, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, atturi reliġjużi, dimostranti paċifiċi u kittieba ġew arrestati illegalment jew inżammu f'detenzjoni domiċiljari; billi l-aktar rapport reċenti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara li mill-kolp ta' stat 'l hawn, inqatlu aktar minn 1 120 persuna u l-awtoritajiet militari arrestaw aktar minn 8 000 persuna, inklużi mijiet ta' politiċi, attivisti u impjegati taċ-ċivil; billi l-qrati kkundannaw 312-il persuna, li 26 minnhom ġew ikkundannati għall-mewt, inklużi żewġt itfal; billi ġie rrappurtat li mill-anqas 120 persuna ġew maqtula; billi minn Lulju 2021, il-ġunta qatlet mill-inqas 75 tifel u tifla;

F.

billi l-militar, b'mod parallel, kien qed iżid ir-repressjoni tiegħu fuq il-midja fil-Myanmar, b'għadd dejjem jikber ta' ġurnalisti li ġew arrestati, detenuti u akkużati b'mod arbitrarju sabiex isikktu lill-midja u jeqirdu l-libertà ta' espressjoni; billi l-ġunta qed tagħmel użu dejjem akbar minn għodod ta' sorveljanza u ta' ċensura permezz ta' restrizzjonijiet fuq it-telekomunikazzjonijiet u l-internet;

G.

billi t-tortura tintuża ħafna kontra l-persuni miżmuma f'kustodja talli ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija; billi l-metodi ta' tortura jinkludu swat, simulazzjonijiet ta' eżekuzzjoni b'armi tan-nar, ħruq tas-sigaretti, u stupru u theddid ta' stupru; billi t-tortura mill-pulizija kienet problema fil-Myanmar qabel, iżda t-Tatmadaw issa qed tuża theddida sistematika ta' tortura bħala parti mill-isforzi tagħha biex taħqar l-oppożizzjoni;

H.

billi l-ġunta qed tiddependi dejjem aktar fuq l-użu ta' kastig kollettiv, inkluż il-ħtif tal-membri tal-familja ta' dawk li jkunu nħarġulhom mandati ta' arrest, iżda li l-pulizija u l-forzi militari ma jistgħux jillokalizzaw; billi t-tfal, anke tfal li telqu jimxu, inqatlu jew inħatfu, preżumibbilment biex iġiegħlu lill-ġenituri tagħhom biex jippreżentaw ruħhom quddiem l-awtoritajiet;

I.

billi l-minoranzi etniċi jipprattikaw ir-reliġjon Nisranija (6,3 %, partikolarment il-popolazzjonijiet Chin, Kachin u Karen), Musulmana (2,1 %, partikolarment il-popolazzjonijiet Rohingya u Malay, l-abitanti ta' Yangon u minoranzi oħra) u Induista (0,5 %, partikolarment l-Indjani Burmiżi);

J.

billi l-ksur tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin u ta' drittijiet tal-bniedem oħrajn qiegħed jiġi kommess fil-konfront tal-minoranzi reliġjużi u etniċi fil-Myanmar;

K.

billi l-knejjes sfaw taħt bumbardamenti u sakkeġġi u s-saċerdoti u l-pastors ġew arrestati; billi t-truppi militari armaw kampijiet fil-kumplessi ekkleżjastiċi, b'hekk komplew jikkompromettu r-rwol tagħhom bħala rifuġji għan-nies fil-bżonn;

L.

billi fil-Myanmar hemm bosta gruppi etniċi; billi l-kunflitti interni wasslu għall-mewt traġika ta' eluf ta' nies tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin;

M.

billi l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-Myanman tiddikjara lir-Rohingya frustieri jew residenti barranin u għaldaqstant iċċaħħadhom miċ-ċittadinanza, u dan ikompli jaggrava s-sitwazzjoni prekarja tagħhom; billi l-persekuzzjoni tal-minoranza Rohingya ma waqfitx, minkejja l-bosta appelli tal-komunità internazzjonali;

N.

billi s- 600 000 Rohingya, bejn wieħed u ieħor, li fadal fl-Istat ta' Rakhine huma suġġetti għal politiki u prattiki diskriminatorji persistenti, ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali tagħhom, arresti arbitrarji, iżolament f'kampijiet iffullati żżejjed u aċċess limitat b'mod gravi għall-edukazzjoni u għall-assistenza tas-saħħa; billi l-kundizzjonijiet oppressivi imposti fuq ir-Rohingya jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;

O.

billi r-Rohingya u l-minoranzi etniċi l-oħra, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, għadhom f'riskju notevoli ta' vjolenza sesswali, prinċipalment fil-kuntest ta' kunflitt fit-tul bejn it-Tatmadaw u l-Armata Arakan;

P.

billi l-kriżi umanitarja fil-Myanmar sejra għall-agħar, u dan jissarraf f'aktar minn 210 000 persuna spostata internament f'din is-sena biss, tliet miljun ruħ fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, numru li ttriplika f'dawn l-aħħar tmien xhur, u nofs il-popolazzjoni, bejn wieħed u ieħor 20 miljun ruħ, tgħix taħt is-soll tal-faqar;

Q.

billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti wissa li r-riskju ta' kunflitt armat fuq skala kbira jirrikjedi approċċ kollettiv għall-prevenzjoni ta' katastrofi multidimensjonali fil-qalba tax-Xlokk tal-Asja u lil hinn;

R.

billi l-Programm Dinji tal-Ikel jistima li 6,2 miljun ruħ fil-Myanmar kollu jinsabu f'riskju ta' insigurtà alimentari u ġuħ, ċifra li telgħet minn 2,8 miljuni qabel il-kolp ta' stat militari;

S.

billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Myanmar kienet aggravata mill-kriżi tal-COVID-19; billi d-detenzjoni arbitarja tal-massa fil-konfront tad-dimostranti, ħabsijiet iffullati u t-traskuraġni ġenerali ta' saħħet il-priġunieri wkoll ikkontribwew għal żieda fin-numru ta' infezzjonijiet bil-COVID-19;

T.

billi l-forzi militari użaw il-miżuri kontra l-COVID-19 għal finijiet ta' repressjoni tal-attivisti favur id-demokrazija, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti; billi d-dritt għas-saħħa qiegħed jiġi mhedded; billi l-ġunta għalqet l-isptarijiet u żammet lill-professjonisti tas-settur mediku taħt il-mira tagħha, u dan wassal għall-kollass tas-sistema tas-saħħa hekk kif il-każijiet ta' COVID-19 qegħdin jiżdiedu fil-pajjiż kollu; billi t-truppi qerdu t-tagħmir u l-provvisti mediċi u okkupaw għexieren ta' strutturi mediċi, u dan ġiegħel lill-poplu tal-Myanmar ma jersaqx lejn strutturi mediċi minħabba biża' li jinżammu f'detenzjoni jew jisfaw vittmi ta' tiri;

U.

billi t-Tatmadaw u l-ġenerali tagħha qegħdin jiżgura illegalment fondi permezz tal-bejgħ illegali ta' injam, ħaġar prezzjuż, gass u żejt u huma akkużati b'mod mifrux b'korruzzjoni;

V.

billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjan ta' Risposta Umanitarja tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Myanmar tal-2021 irċieva biss 46 % tal-fondi mitluba sal-lum u l-operazzjonijiet umanitarji qegħdin jiġu affettwati minħabba nuqqas kbir ta' finanzjamenti;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta' stat li seħħ fl-1 ta' Frar 2021 min-naħa tat-Tatmadaw taħt it-tmexxija tal-kap kmandant Min Aung Hlaing; jistieden lit-Tatmadaw tirrispetta b'mod sħiħ l-eżitu tal-elezzjonijiet demokratiċi ta' Novembru 2020 u tistabbilixxi mill-ġdid u minnufih il-gvern ċivili, ittemm l-istat ta' emerġenza, ittemm l-użu tal-vjolenza fil-konfront tad-dimostranti paċifiċi, tirrispetta d-dritt għal-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni u tippermetti lill-parlamentari eletti kollha jieħdu l-mandati tagħhom; jistieden lill-armata tal-Myanmar teħles lil dawk kollha f'detenzjoni għal raġunijiet politiċi, tirrevoka r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni u tirrispetta l-libertà ta' reliġjon u twemmin;

2.

Jappella għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet tal-President Win Myint, tal-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi u ta' dawk kollha l-oħra li ġew arrestati abbażi ta' akkużi infondati; iqis il-ħelsien tal-priġunieri u tal-mexxejja politiċi kollha bħala l-ewwel pass essenzjali lejn is-soluzzjoni paċifika tal-kriżi u r-ripristinu tal-awtoritajiet leġittimi;

3.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu lill-poplu tal-Myanmar fil-ġlieda tiegħu għad-demokrazija, għal-libertà u għad-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jiddenunzja r-risposta vjolenti mifruxa tat-Tatmadaw lil kwalunkwe tip ta' protesta kif ukoll il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem li kkommettiet u għadha tkkommetti fil-konfront tal-poplu tal-Myanmar, anki fil-konfront tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, li jikkostitwixxu bħala delitti kontra l-umanità; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-attakki frekwenti fuq il-knejjes, il-moskej, l-iskejjel u l-istrutturi mediċi, u għall-arresti tal-mexxejja reliġjużi;

5.

Isostni s-CRPH u n-NUG bħala l-uniċi rappreżentanti leġittimi tax-xewqat demokratiċi tal-poplu tal-Myanmar, u jistieden lill-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) u lill-komunità internazzjonali jinkluduhom u jinvolvuhom fi djalogu politiku awtentiku u inklużiv u fl-isforzi li jsiru favur ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi abbażi tar-rispett tal-istat tad-dritt;

6.

Jitlob aċċess immedjat u regolari għall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar għall-persuni f'detenzjoni u għall-ħabsijiet, kif jipprevedu l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; jistieden lill-forzi militari u tal-pulizija jagħtu lill-familji tal-persuni kollha f'detenzjoni b'rabta mal-operazzjonijiet tal-forzi ta' sigurtà fil-Myanmar kollu qabel jew wara l-1 ta' Frar 2021 l-informazzjoni eżawrjenti dwar x'xorti messithom u l-post fejn jinsabu;

7.

Ifakkar fin-natura multietnika tal-Myanmar; iħeġġeġ lit-Tatmadaw tirrispetta b'mod sħiħ id-drittijiet inaljenabbli ta' kull etnija; jitlob investigazzjoni immedjata, rigoruża, indipendenti u trasparenti tad-delitti kommessi fil-pajjiż mill-armata u jitlob li l-awturi jittellgħu quddiem il-ġustizzja;

8.

Huwa xxukkjat bid-delitti kommessi mit-Tatmadaw kontra l-gruppi etniċi u reliġjużi fil-Myanmar; jikkundanna bil-qawwa l-attakki min-naħa tat-Tatmadaw fl-Istati ta' Kayin, Kayah, Kachin, Shan u Chin, li rriżultaw fi spostamenti fuq skala kbira, fil-mewt ta' ċivili, fosthom tfal, fil-qerda tal-binjiet reliġjużi, u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju;

9.

Jikkundanna l-persekuzzjoni tal-Insara fil-pajjiż; iħeġġeġ lit-Tatmadaw jieqfu joqtlu u jarrestaw lill-Insara u kif ukoll il-bombardamenti u s-sakkeġġi tal-knejjes; jenfasizza li l-komunità internazzjonali esprimiet it-tħassib kbir tagħha għall-attakki vjolenti kontra l-komuntajiet Insara tal-Myanmar;

10.

Itenni l-kundanna tiegħu tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attakki sistematiċi u mifruxin kontra l-popolazzjoni Rohingya; jissottolinja li l-UE se tkompli timmonitorja mill-qrib l-azzjonijiet tat-tmexxija militari fil-konfront tal-minoranzi tal-pajjiż, b'mod partikolari r-Rohingya; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet tal-Myanmar biex joħolqu kundizzjonijiet u garanziji għar-ritorn sikur, volontarju, dinjituż u sostenibbli, taħt is-superviżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, ta' dawk ir-Rohingya li jixtiequ jmorru lura lejn l-art nattiva tagħhom;

11.

Jikkundanna bil-qawwa d-diskriminazzjoni kontinwa fil-konfront tal-minoranzi etniċi, li huma ferm limitati fil-libertà ta' moviment tagħhom u mċaħħda mis-servizzi essenzjali fil-Myanmar;

12.

Jikkundanna kwalunkwe użu tal-vjolenza min-naħa tal-ġunta għad-dannu taċ-ċittadini tagħha kif ukoll forom oħrajn ta' vessazzjoni, b'mod partikolari fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-ġurnalisti; iħeġġeġ lill-ġunta tneħħi kwalunkwe restrizzjoni tat-telekomunikazzjonijiet u tal-aċċess għall-internet, inklużi s-siti web tal-midja indipendenti u l-pjattaformi tal-midja soċjali;

13.

Jitlob li tintemm il-vjolenza fil-konfront tal-ħaddiema u tat-trade unions u li d-drittijiet tat-trade unions u tal-membri tagħhom jiġu mħarsa, inkluż id-dritt li joperaw liberament;

14.

Jitlob aċċess umanitarju u assistenza immedjati għall-komunitajiet vulnerabbli, inklużi n-nisa, it-tfal u l-minoranzi etniċi, kif ukoll l-awtonomizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet li joperaw fil-livell tal-komunitajiet etniċi, bil-għan li jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tasal effettivament għand il-persuni fil-bżonn; jistieden lill-Kummissjoni torjenta mill-ġdid u tintensifika l-għajnuna umanitarja, inkluż l-appoġġ sanitarju, permezz ta' kanali transfruntieri, networks umanitarji lokali, fornituri ta' servizzi etniċi kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet li joperaw fil-livell tal-komunitajiet; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-aħjar mod kif twettaq proġetti ta' żvilupp ma' dawn il-gruppi u torjenta l-assistenza b'konsegwenza ta' dan;

15.

Jinnota bi tħassib gravi li t-tielet mewġa tal-pandemija tal-COVID-19 ħraxet il-kriżi umanitarja fil-Myanmar, b'rati ta' trażmissjoni partikolarment inkwetanti fost il-persuni l-aktar emarġinati, inklużi dawk fil-ħabsijiet iffullatti żżejjed u b'kundizzjonijiet mhux tajbin għas-saħħa; iħeġġeġ lill-ġunta tadotta mill-ġdid strateġija ta' konteniment u sistema ta' traċċar tal-kuntatti, kif ukoll tiżgura li l-popolazzjoni jkollha aċċess għas-servizzi tas-saħħa u għall-vaċċini; jitlob lill-Kummissjoni tintensifika s-sostenn tagħha f'dan ir-rigward u tiggarantixxi li dan is-sostenn jilħaq liċ-ċittadini, anki permezz tal-forniment ta' dożi tal-vaċċini kontra l-COVID-19;

16.

Huwa xxukkjat bl-attakki, bil-vessazzjonijiet, bid-detenzjoni u bit-tortura tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, b'mod partikolari matul il-kriżi attwali tas-saħħa tal-COVID-19; jistieden lill-ġunta tiggarantixxi s-sigurtà u s-sikurezza tal-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa u ttemm minnufih il-vessazzjonijiet u l-attakki kollha kontra dawn il-persuni; jenfasizza li l-awtoritajiet tal-Myanmar huma responsabbli li jiggarantixxu l-aċċess sħiħ għall-assistenza tas-saħħa;

17.

Jikkundanna l-attakki min-naħa tal-awtoritajiet militari għad-dannu tal-professjonijiet tas-settur mediku u tal-istrutturi mediċi, kif ukoll ir-risposta ta' dawn l-awtoritajiet għall-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza li s-saħħa u l-aċċess għall-assistenza tas-saħħa u għall-vaċċini huma dritt tal-bniedem universali;

18.

Jitlob lit-Tatmadaw tieqaf iċċaħħad id-dritt tal-popolazzjoni għall-protezzjoni mill-COVID-19, kif ukoll għat-trattament xieraq tal-marda, peress li dan jista' jikkawża telf sinifikanti ta' ħajjiet fil-Myanmar;

19.

Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom ma jimpedixxu lil ħadd jaqsam il-konfini biex isib kenn; jistieden lil dawn il-gvernijiet jiżguraw li l-organizzazzjoni tal-għajnuna u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitħallew jaċċedu għaż-żoni li fihom jinsabu l-persuni spostati internament tul il-konfini mal-Myanmar;

20.

Itenni l-appoġġ tiegħu għad-difensuri tas-soċjetà ċivili u tad-demokrazija fil-Myanmar u jistieden lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha jkomplu bl-isforzi mmirati lejn il-progess tas-soċjetà ċivili, minkejja l-limitazzjonijiet attwali u forsi kontinwi imposti mill-gvern militari attwali;

21.

Jitlob lill-ASEAN, lill-membri tagħha u b'mod partikolari lill-Mibgħut Speċjali tagħha għall-Myanmar jagħmlu użu aktar proattiv tar-rwol speċjali tagħhom fil-pajjiż, jikkooperaw mal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u jibdew djalogu mal-partijiet involuti kollha, primarjament mal-NUG u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari n-nisa u l-gruppi etniċi, bil-għan li jippromwovu, bħala minimu, l-implimentazzjoni effettiva u sinifikanti tal-kunsens tal-ħames punti biex tintlaħaq riżoluzzjoni sostenibbli u demokratika tal-kriżi attwali fil-futur qrib;

22.

Jistieden ukoll liċ-Ċina u lir-Russja jinvolvu ruħhom attivament fid-diplomazija internazzjonali u jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jistennihom jiżvolġu rwol kostruttiv fl-iskrutinju tas-sitwazzjoni fil-Myanmar;

23.

Iħeġġeġ lill-Myanmar jikkoopera mal-isforzi internazzjonali biex tiġi żgurata r-responsabbiltà, anki billi finalment jagħti aċċess sħiħ għall-pajjiż lill-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Indipendenti għall-Myanmar (IIMM); jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jiżguraw li l-IIMM ikollu l-appoġġ neċessarju biex jaqdi l-mandat tiegħu; ifakkar li l-Myanmar għandu l-obbligu li jirrispetta l-ordni relatat mal-miżuri proviżorji tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja;

24.

Jilqa' pożittivament is-sensiela reċenti ta' sanzjonijiet imposti mill-Kunsill lill-membri tat-Tatmadaw u lill-impriżi tagħhom, u jistieden lill-Kunsill ikompli jimponi sanzjonijiet immirati u sodi, bil-għan li jaqta' s-sorsi ta' għajxien tal-ġunta, filwaqt li jiġi żgurat li dawn is-sanzjonijiet ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni tal-Myanmar; huwa tal-fehma li l-komunità internazzjonali għandha tkompli tieħu miżuri addizzjonali fil-konfront tal-armata u tal-mexxejja tagħhom, kif ukoll timponilhom spejjeż, sakemm ma jinvertux ir-rotta tagħhom u jiffaċilitaw ir-riton għad-demokrazija; jisħaq fuq il-bżonn li l-Istati Membri kollha tal-UE jħarrxu u japplikaw is-sanzjonijiet imposti lill-impriżi statali kollha tal-Myanmar, primarjament fis-setturi tal-injam u tal-ħaġar prezzjuż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li s-sanzjonijiet nazzjonali imposti lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati f'każ ta' ksur tas-sanzjonijiet tal-UE jkunu effikaċi; jissottolinja li dan ikun jirrikjedi l-impożizzjoni ta' ffrizar speċifiku tal-assi u divjeti ta' trasferimenti finanzjarji internazzjonali liż-żewġ banek statali, il-Myanmar Foreign Trade Bank u l-Myanmar Investment and Commercial Bank, li minnhom tinġabar il-valuta barranija kollha, kif ukoll l-introduzzjoni fil-lista tas-sanzjonijiet tal-Myanmar Oil and Gas Enterprise, ta' proprjetà statali, li tiġġenera l-fluss prinċipali li jidħol ta' valuta barranija lill-ġunta;

25.

Jistieden lill-Kunsill ikompli jimponi sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' dawk responsabbli mill-kolp ta' stat ta' Frar 2021 u jikkunsidra miżuri possibbli oħra; iħeġġeġ lill-Kunsill jinkludi lill-Kunsill ta' Amministrazzjoni tal-Istat bħala entità, minflok il-membri individwali tiegħu, fil-lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-organi suġġetti għal miżuri restrittivi;

26.

Itenni l-appell tiegħu lill-impriżi b'sede fl-UE li joperaw jew għandhom ktajjen tal-provvista fil-Myanmar biex jeżerċitaw diliġenza dovuta msaħħa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw li ma jkollhomx rabtiet mal-forzi ta' sigurtà tal-pajjiż, mal-membri individwali tagħhom jew ma' entitajiet ta' proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, u li ma jikkontribwux direttament jew indirettament għar-repressjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-ġunta; jistieden lill-impriżi b'sede fl-UE jagħmlu pubbliċi l-konklużjonijiet tagħhom u jaħdmu biex itejbu kontinwament il-kundizzjonijiet ta' xogħol u l-istandards amjbentali fi ħdan l-impriżi tagħhom fil-Myanmar;

27.

Itenni l-appell tiegħu biex jitkomplew u jiġu implimentati s-sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli mill-atroċitajiet fil-konfront tar-Rohingya;

28.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex malajr tagħti bidu lill-investigazzjoni dwar il-preferenzi kummerċjali li minnhom jislet vantaġġ il-Myanmar f'setturi speċifiċi, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-kumpaniji ta' proprjetà tal-membri tal-armata tal-Myanmar jew ikkontrollati minnhom, u żżomm il-Parlament debitament infurmat rigward l-azzjonijiet li jittieħdu; jirrikonoxxi li sar titjib minn meta l-Myanmar ġie integrat mill-ġdid fl-iskema “Kollox Minbarra Armi” (EBA) fl-2013, pereżempju l-ħolqien ta' impjiegi fis-settur tal-ħwejjeġ, li minnu bbenefikaw b'mod partikolari n-nisa; jissottolinja, madankollu, li l-proċess ta' impenn imsaħħaħ kien diġà stabbilit fl-2018, b'enfasi partikolari fuq ir-rispett tal-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tax-xogħol, u li l-kolp ta' stat inverta l-progress li kien sar matul il-proċess ta' demokratizzazzjoni, b'hekk ġew imminati l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' preferenzi fl-ambitu tal-EBA;

29.

Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE fil-Myanmar u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-saħħa fil-Myanmar u l-każijiet ta' mexxejja politiċi u ċittadini oħra attwalment f'detenzjoni jew fil-ħabs;

30.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati jżommu l-embargo li jissospendi l-provvista, il-bejgħ u t-trasferiment diretti jew indiretti, inklużi t-tranżitu, l-ispedizzjoni u s-senserija, tal-armi, tal-munizzjon u tat-tagħmir u tas-sistemi militari, ta' sigurtà u ta' sorveljanza kollha, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ, il-manutenzjoni jew il-forom l-oħra ta' assistenza militari u ta' sigurtà; jisħaq fuq il-bżonn li l-Qorti Kriminali Internazzjonali twettaq investigazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni;

31.

Iwissi bir-riskju ta' emerġenza umanitarja saħansitra akbar minħabba l-intensifikazzjoni tal-vjolenza kif ukoll il-kriżi ekonomika gravi, il-faqar u l-għadd ta' persuni spostati; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jonoraw b'urġenza l-obbligi finanzjarji tagħhom fir-rigward tal-Pjan ta' Risposta Umanitarja tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Myanmar tal-2021;

32.

Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jindirizzaw b'determinazzjoni s-sitwazzjoni fil-Myanmar u jistieden lill-VP/RGħ jirrapporta fuq bażi regolari lill-Parlament, b'mod partikolari lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu, anki dwar is-sitwazzjoni tal-gruppi reliġjużi u etniċi, bil-għan li jiġi żgurat djalogu parlamentari adegwat dwar tali sitwazzjoni importanti u inkwetanti;

33.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President leġittimu u lill-Gvern ta' Unità Nazzjonali leġittimu tal-Myanmar, lill-Kumitat ta' Rappreżentanza tal-Pyidaungsu Hluttaw, lill-Kunsillier tal-Istat tal-Myanmar, lit-Tatmadaw, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Uniti, tal-Bangladesh, tar-Renju Unit, tal-Ġappun, tal-Indja, tal-Awstralja, tal-Kanada, lill-Istati Membri tal-ASEAN, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Russja u taċ-Ċina, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem, lir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 189.

(2)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 79.

(3)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 154.

(4)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 120.

(5)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 134.

(6)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 112.

(7)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 109.

(8)  ĠU C 28, 27.1.2020, p. 80.

(9)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 124.

(10)  ĠU C 171, 6.5.2021, p. 12.

(11)  Testi adottati, P9_TA(2021)0054.

(12)  ĠU L 219 I, 21.6.2021, p. 57.

(13)  ĠU L 147, 30.4.2021, p. 17.


Augša