Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0073

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv (2020/2129(INL))

    ĠU C 474, 24.11.2021, p. 11–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 474/11


    P9_TA(2021)0073

    Diliġenza dovuta korporattiva u akkontabilità korporattiva

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv (2020/2129(INL))

    (2021/C 474/02)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (1) (“Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam”),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (2) (“id-Direttiva dwar il-Kontabbiltà”),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (3) (“id-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju”);

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli (4) (“Ir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt”),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti (5) (Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (6) (id-Direttiva dwar l-Informaturi),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (7) (ir-Regolament dwar l-Iżvelar),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (8) (“ir-Regolament dwar it-Tassonomija”),

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (9),

    wara li kkunsidra l-Patt Ekoloġiku Ewropew (10),

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar rappurtar mhux finanzjarju (metodoloġija għar-rappurtar ta' informazzjoni mhux finanzjarja) (11) u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju: Suppliment dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni relatata mal-klima (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (13), tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ (14) u tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli (15),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fit-12 ta' Diċembru 2015 (“il-Ftehim ta' Pariġi”),

    wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata fl-2015, b'mod partikolari s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

    wara li kkunsidra l-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2008 “Protezzjoni, Rispett u Rimedju” għan-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tal-2011 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (16) (UNGPs),

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (17),

    wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju (18),

    wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen tal-Provvista Responsabbli fis-Settur tal-Ħwejjeġ u taż-Żraben (19),

    wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen tal-Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta' Riskju Għoli (20),

    wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD-FAO dwar il-Ktajjen tal-Provvista Agrikola Responsabbli (21),

    wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għall-imġiba responsabbli fin-negozju għall-investituri istituzzjonali (22),

    wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Self Korporattiv u Sottoskrizzjoni ta' Titoli Responsabbli (23),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-1998 dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-segwitu tagħha, (24)

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO tal-2017 dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali (25),

    wara li kkunsidra l-ktejjeb tan-NU “Gender Dimensions of the Guiding Principles on Business and Human Rights” (Id-Dimensjonijiet tal-Ġeneru tal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem) (26),

    wara li kkunsidra l-Liġi Franċiża Nru 2017-399 dwar id-dmir ta' viġilanza tal-impriżi omm u l-impriżi appaltatriċi (27),

    wara li kkunsidra l-liġi Netherlandiża dwar l-introduzzjoni ta' dmir ta' diliġenza għall-prevenzjoni tal-provvista ta' oġġetti u servizzi prodotti bl-użu tat-tħaddim tat-tfal (28),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni CM/Rec (2016) 3 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-2 ta' Marzu 2016,

    wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tal-Unjoni ta' Frar 2019 bit-titolu “Access to legal remedies for victims of corporate human rights abuses in third countries” (Aċċess għal rimedji ġuridiċi għall-vittmi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem korporattivi f'pajjiżi terzi) (29),

    wara li kkunsidra l-briefings tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tal-Unjoni ta' Ġunju 2020 bit-titlu “EU Human Rights Due Diligence Legislation: Monitoring, Enforcement and Access to Justice for Victims” (30) (Il-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-Diliġenza Dovuta tad-Drittijiet tal-Bniedem: il-Monitoraġġ, l-Infurzar u l-Aċċess għall-Ġustizzja għall-Vittmi) u “Substantive Elements of Potential Legislation on Human Rights Due Diligence” (Elementi Sostantivi ta' Leġiżlazzjoni Potenzjali dwar id-Diliġenza Dovuta tad-Drittijiet tal-Bniedem),

    wara li kkunsidra l-istudju mħejji mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem “Due Diligence requirements through the supply chain” (31) (Ir-rekwiżiti tad-Diliġenza Dovuta permezz tal-katina tal-provvista),

    wara li kkunsidra l-istudju mħejji għall-Kummissjoni Ewropea bl-isem “Directors' duties and sustainable corporate governance” (32) (Id-Dmirijiet tad-diretturi u l-governanza korporattiva sostenibbli),

    wara li kkunsidra l-Prinċipji tad-Drittijiet tat-Tfal u tan-Negozju żviluppati mill-UNICEF, il-Patt Globali tan-NU u Save the Children (33),

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2020)0590),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Diliġenza dovuta obbligatorja,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0018/2021),

    A.

    billi l-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddikjaraw li l-Unjoni, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, għandha l-obbligu li tirrispetta u tippromwovi l-valuri u l-prinċipji tagħha, jiġifieri l-istat tad-dritt u r-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tad-dinja, is-solidarjetà, il-kummerċ ħieles u ġust kif ukoll għall-osservanza stretta tad-dritt internazzjonali u l-iżvilupp tiegħu; billi, b'mod aktar speċifiku, l-Unjoni għandha l-obbligu li trawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar; billi l-Unjoni għandha l-obbligu li tirrispetta dawk il-prinċipji u taħdem favur dawk l-objettivi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-aspetti esterni tal-politiki l-oħra tagħha;

    B.

    billi l-Artikolu 208(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddisponi li l-Unjoni għandha l-obbligu li tqis l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp meta timplimenta politiki li aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    C.

    billi l-globalizzazzjoni tal-attività ekonomika aggravat l-impatti negattivi tal-attivitajiet ta' negozju fuq id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali u tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza tajba tal-istati; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem spiss iseħħ fil-livell ta' produzzjoni primarja, b'mod partikolari meta jinkisbu l-materja prima u l-prodotti tal-manifattura;

    D.

    billi l-Karta tapplika għal-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni u għall-awtoritajiet nazzjonali meta jkun qed jiġi implimentat id-dritt tal-Unjoni kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi;

    E.

    billi jekk id-diliġenza dovuta tiġi implimentata b'mod komprensiv, l-impriżi se jibbenefikaw fit-terminu twil minn imġiba fin-negozju aħjar b'enfasi fuq il-prevenzjoni aktar milli fuq ir-rimedju tal-ħsara;

    F.

    billi minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni futura dwar id-diliġenza dovuta korporattiva u l-obbligu ta' rendikont korporattiv għall-impriżi Ewropej tkun mistennija li jkollha effetti ekstraterritorjali, tali leġiżlazzjonitkun taffettwa l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-prospetti tagħhom li jilħqu l-SDGs tagħhom; billi dan l-impatt sinifikanti jista' jikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni fir-rigward tal-iżvilupp;

    G.

    billi l-impriżi jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet vinkolanti internazzjonali u d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, l-ambjent u l-governanza tajba u m'għandhom jikkawżaw l-ebda impatt negattiv f'dan ir-rigward jew jikkontribwixxu għall-istess impatt; billi d-diliġenza dovuta għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara”; billi l-Artikolu 21 tat-TUE jirrikjedi li l-Unjoni tippromwovi u tikkonsolida l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kif protetti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u mill-Karta, biex tiżgura l-iżvilupp sostenibbli u l-konsistenza bejn l-azzjoni esterna tagħha u politiki oħra; billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxa li r-rispett korporattiv għad-drittijiet tal-bniedem matul l-operazzjonijiet korporattivi u l-ktajjen tal-provvista huwa importanti biex jintlaħqu l-SDGs tan-NU;

    H.

    billi d-demokrazija, li tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, hija l-unika forma ta' gvern kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli; billi l-korruzzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza jfixklu ħafna d-drittijiet tal-bniedem;

    I.

    billi d-drittijiet għal rimedju effettiv u għal proċess ġust huma drittijiet tal-bniedem bażiċi minquxa fl-Artikolu 8 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-Artikolu 2(3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kif ukoll fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta; billi l-Unjoni, bħala parti mill-impenn tagħha li tippromwovi, tipproteġi u tissodisfa d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, għandha tgħin biex tippromwovi d-drittijiet tal-vittmi ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju li jammontaw għal reati kriminali f'pajjiżi terzi, f'konformità mad-Direttivi 2011/36/UE (34) u 2012/29/UE (35) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

    J.

    billi l-korruzzjoni, fil-kuntest ta' proċedimenti ġudizzjarji, jista' jkollha effett devastanti fuq l-amministrazzjoni legali tal-ġustizzja u fuq l-integrità ġudizzjarja, u intrinsikament tikser id-dritt għal proċess ġust, id-dritt għal proċess dovut u d-dritt għal rimedju effettiv; billi l-korruzzjoni tista' twassal għal każijiet ta' ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tan-negozju, pereżempju, billi tipprevjeni lill-individwi milli jkollhom aċċess għall-oġġetti u s-servizzi li l-Istati huma obbligati li jipprovdu biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem jew billi żżid il-prezz ta' dawn l-oġġetti u s-servizzi, billi tinkoraġġixxi lin-negozji jakkwistaw jew japproprjaw art b'mod inġust, jew tiffaċilita l-ħasil tal-flus, jew billi tippermetti li jingħataw liċenzji jew konċessjonijiet illegali lin-negozji fis-settur estrattiv;

    K.

    billi l-kriżi tal-COVID-19 kixfet xi żvantaġġi serji tal-katini tal-provvista globali u l-faċilità li biha ċerti impriżi jistgħu jittrasferixxu, kemm direttament kif ukoll indirettament, l-impatti negattivi tal-attivitajiet ta' negozju tagħhom fuq ġuriżdizzjonijiet oħrajn, b'mod partikolari barra mill-Unjoni, mingħajr ma jkollhom l-obbligu ta' rendikont; billi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) uriet li l-impriżi li ħadu passi proattivi biex jindirizzaw ir-riskji relatati mal-kriżi tal-COVID-19 b'mod li jtaffi l-impatti negattivi fuq il-ħaddiema u l-ktajjen tal-provvista, jiżviluppaw valur u reżiljenza aktar fit-tul, u b'hekk itejbu l-vijabbiltà tagħhom fit-terminu qasir u l-prospetti tagħhom għall-irkupru fit-terminu medju sa twil;

    L.

    billi għandha tiġi sottolinjata l-importanza tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, inkluż id-dritt li wieħed jifforma u jingħaqad ma' trade unions, id-dritt għal negozjar u azzjoni kollettivi, kif ukoll id-dritt għal remunerazzjoni ġusta u għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, fosthom is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

    M.

    billi, skont l-istatistika tal-ILO, madwar id-dinja, hemm madwar 25 miljun vittma ta' xogħol furzat, 152 miljun vittma ta' tħaddim tat-tfal, 2,78 miljun mewta fis-sena minħabba mard relatat max-xogħol u 374 miljun korriment mhux fatali fis-sena relatat max-xogħol; billi l-ILO żviluppat diversi konvenzjonijiet biex tipproteġi lill-ħaddiema, iżda l-infurzar tagħhom għadu nieqes, speċjalment b'referenza għas-swieq tax-xogħol tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    N.

    billi l-isfruttament u d-degradazzjoni tal-bnedmin permezz tax-xogħol furzat u ta' prattiki simili għall-iskjavitù li jaffettwaw miljuni ta' persuni, li minnhom, fl-2019 jipersistu, ibbenefikaw globalment ċerti impriżi, entitajiet pubbliċi jew privati jew persuni; billi l-fatt li jeżistu madwar 152 miljun tifel u tifla f'sitwazzjoni ta' tħaddim tat-tfal, li 72 miljun minnhom jaħdmu f'kundizzjonijiet perikolużi u ħafna minnhom huma mġiegħla jaħdmu permezz ta' vjolenza, rikatt u mezzi illegali oħra, huwa sitwazzjoni inaċċettabbli u partikolarment inkwetanti; billi l-impriżi għandhom ir-responsabbiltà speċjali li jipproteġu lit-tfal, b'mod partikolari, u jipprevjenu kwalunkwe forma ta' tħaddim tat-tfal;

    O.

    billi d-drittijiet fundamentali tax-xogħol, dawk soċjali u dawk ekonomiċi huma minquxa f'diversi trattati u konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, l-Istandards Fundamentali tax-Xogħol tal-ILO, u l-Karta Soċjali Ewropea, kif ukoll il-Karta; billi d-drittijiet għax-xogħol, l-għażla ħielsa tal-impjieg u għar-remunerazzjoni li tiżgura lill-impjegati u lill-familji tagħhom eżistenza konformi għad-dinjità tal-bniedem huma drittijiet bażiċi tal-bniedem minquxa fl-Artikolu 23 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-ispezzjoni tax-xogħol statali inadegwata, id-dritt limitat għal rimedju, is-sigħat tax-xogħol eċċessivi, il-pagi fil-livell tal-faqar, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u forom oħra ta' diskriminazzjoni għadhom ta' tħassib serju f'għadd dejjem akbar ta' pajjiżi, b'mod partikolari fiż-Żoni ta' Pproċessar għall-Esportazzjoni;

    P.

    billi l-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem enfasizza l-impatt differenzjat u sproporzjonat tal-attivitajiet ta' negozju fuq in-nisa u l-bniet u ddikjara li d-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem għandha tkopri kemm l-impatti attwali kif ukoll dawk potenzjali fuq id-drittijiet tan-nisa;

    Q.

    billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent iddikjara li d-drittijiet għall-ħajja, is-saħħa, l-ikel, l-ilma u l-iżvilupp, kif ukoll id-dritt għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli, huma meħtieġa għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem; billi r-Rapporteur Speċjali saħaq ukoll li t-telf tal-bijodiversità jdgħajjef it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u li l-istati għandhom jirregolaw il-ħsara għall-bijodiversità kkawżata minn atturi privati kif ukoll minn aġenziji tal-gvern; billi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet, fir-Riżoluzzjoni 64/292 tagħha, id-dritt għal ilma tax-xorb sikur u nadif u għas-sanità bħala dritt tal-bniedem; billi dawk id-drittijiet għandhom ikunu koperti minn kwalunkwe leġiżlazzjoni possibbli;

    R.

    billi l-impriżi għandhom b'mod ġenerali għarfien limitat dwar il-firxa ta' impatti li għandhom fuq id-drittijiet tat-tfal fl-operazzjonijiet u l-katini tal-provvista tagħhom u l-konsegwenzi li potenzjalment ibiddlu l-ħajja li dawn jista' jkollhom fuq it-tfal;

    S.

    billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjaraw li t-tibdil fil-klima għandu impatt negattiv fuq it-tgawdija sħiħa u effettiva tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Istati għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem meta jkunu qed jindirizzaw l-impatti negattivi kkawżati mit-tibdil fil-klima; billi kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta korporattiva trid tkun konformi mal-Ftehim ta' Pariġi;

    T.

    billi l-korruzzjoni sistemika tikser il-prinċipji tat-trasparenza, tal-obbligu ta' rendikont u tan-nondiskriminazzjoni, b'implikazzjonijiet serji għat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda Kontra t-Tixħim tal-Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni jobbligaw lill-Istati Membri jimplimentaw prattiki effettivi mmirati għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni; billi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni għandhom jiffurmaw parti mill-obbligi tad-diliġenza dovuta fil-leġiżlazzjoni;

    U.

    billi din is-sitwazzjoni allarmanti enfasizzat l-urġenza biex in-negozji jsiru aktar reattivi u responsabbli u jkollhom obbligu ta' rendikont akbar għall-impatti negattivi li jikkawżaw jew jikkontribwixxu għalihom jew li huma direttament marbuta magħhom, u wasslet għal dibattitu dwar kif għandhom jagħmlu dan, filwaqt li ssottolinjat il-ħtieġa għal approċċ proporzjonat u armonizzat fl-Unjoni kollha għal dawn il-kwistjonijiet, li huwa wkoll meħtieġ biex jintlaħqu l-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti (NU);

    V.

    billi, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, għadd kbir ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jinsabu mhedda minħabba li jqajmu tħassib dwar l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-operazzjonijiet ta' negozju;

    W.

    billi dak id-dibattitu wassal, fost affarijiet oħra, għall-adozzjoni ta' oqfsa u standards ta' diliġenza dovuta fin-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD u l-ILO; billi dawk l-istandards huma, madankollu, volontarji u, konsegwentement, l-adozzjoni tagħhom kienet limitata; billi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tibni b'mod progressiv u kostruttiv fuq dawn l-oqfsa u l-istandards; billi l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw in-negozjati li għaddejjin bħalissa u jinvolvu ruħhom fihom biex joħolqu strument legalment vinkolanti tan-NU dwar Korporazzjonijiet Transnazzjonali u Intrapriżi Kummerċjali Oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u l-Kunsill għandu jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tkun involuta b'mod attiv f'dawk in-negozjati li għaddejjin bħalissa;

    X.

    billi, skont studju tal-Kummissjoni, 37 % biss tar-rispondenti mill-qasam tan-negozju attwalment iwettqu diliġenza dovuta tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem;

    Y.

    billi xi Stati Membri, bħal Franza u n-Netherlands, adottaw leġiżlazzjoni biex isaħħu l-obbligu ta' rendikont korporattiv u introduċew oqfsa ta' diliġenza dovuta obbligatorja; billi Stati Membri oħra bħalissa qegħdin jikkunsidraw l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni bħal din, inklużi l-Ġermanja, l-Awstrija, l-Iżvezja, il-Finlandja, id-Danimarka u l-Lussemburgu; billi n-nuqqas ta' approċċ konġunt fl-Unjoni kollha għal din il-kwistjoni jista' jwassal għal inqas ċertezza tad-dritt fir-rigward tal-prerogattivi tan-negozju u għal żbilanċi f'kompetizzjoni ġusta li min-naħa tagħhom ikunu ta' żvantaġġ għall-impriżi li huma proattivi fir-rigward ta' kwistjonijiet soċjali u ambjentali; billi n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni armonizzata dwar id-diliġenza dovuta korporattiva jipperikola l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni tal-impriżi li joperaw fl-Unjoni;

    Z.

    billi l-Unjoni diġà adottat leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta għal setturi speċifiċi, bħar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt, ir-Regolament dwar l-Injam, ir-Regolament dwar Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) u r-Regolament Kontra t-Tortura; billi dawk il-biċċiet ta' leġiżlazzjoni saru punt ta' riferiment għal leġiżlazzjoni vinkolanti mmirata dwar id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista; billi l-leġiżlazzjoni futura tal-Unjoni għandha tappoġġja lill-impriżi fil-ġestjoni u fit-twettiq tar-responsabbiltajiet korporattivi tagħhom u tkun allinjata bis-sħiħ mal-obbligi settorjali eżistenti kollha ta' diliġenza dovuta u ta' rappurtar, bħad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju, u koerenti mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet;

    AA.

    billi l-Kummissjoni pproponiet li tiżviluppa strateġija komprensiva għas-settur tal-ħwejjeġ bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari, li, bl-inklużjoni ta' sett uniformi ta' standards rigward id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà soċjali, jista' jkun eżempju ieħor ta' integrazzjoni ta' approċċ aktar dettaljat għal settur speċifiku; billi l-Kummissjoni għandha tipproponi leġiżlazzjoni speċifika għas-settur tal-Unjoni ulterjuri dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja, pereżempju għal setturi bħall-komoditajiet tar-riskju tal-foresti u tal-ekosistemi u s-settur tal-ħwejjeġ;

    1.

    Iqis li l-istandards ta' diliġenza dovuta volontarji għandhom limitazzjonijiet u ma kisbux progress sinifikanti fil-prevenzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħsara ambjentali u fl-għoti ta' aċċess għall-ġustizzja; iqis li l-Unjoni għandha tadotta urġentement rekwiżiti vinkolanti għall-impriżi biex jidentifikaw, jivvalutaw, jipprevjenu, iwaqqfu, jimmitigaw, jimmonitorjaw, jikkomunikaw, jagħtu rendikont għal, jindirizzaw u jirrimedjaw l-impatti negattivi potenzjali u/jew attwali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba fil-katina tal-valur tagħhom; jemmen li dan ikun ta' benefiċċju għall-partijiet interessati, kif ukoll għan-negozji f'termini ta' armonizzazzjoni, ċertezza tad-dritt, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u mitigazzjoni tal-vantaġġi kompetittivi inġusti ta' pajjiżi terzi li jirriżultaw minn standards ta' protezzjoni aktar baxxi kif ukoll dumping soċjali u ambjentali fil-kummerċ internazzjonali; jisħaq li dan isaħħaħ ir-reputazzjoni tal-impriżi tal-Unjoni u dik tal-Unjoni bħala entità li tistabbilixxi l-istandards; jisħaq fuq il-benefiċċji ppruvati għall-impriżi li jkollhom fis-seħħ prattiki effettivi ta' mġiba responsabbli fin-negozju, li jinkludu ġestjoni aħjar tar-riskju, spiża aktar baxxa tal-kapital, prestazzjoni finanzjarja aħjar b'mod ġenerali, u kompetittività mtejba; huwa konvint li d-diliġenza dovuta żżid iċ-ċertezza u t-trasparenza fir-rigward tal-prattiki ta' provvista ta' impriżi li jissorsjaw minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u se tgħin biex jiġu protetti l-interessi tal-konsumatur billi tiġi żgurata l-kwalità u l-affidabbiltà tal-prodotti, u għandha twassal għal prattiki ta' xiri aktar responsabbli u relazzjonijiet fit-tul mal-fornituri tal-impriżi; jenfasizza li l-qafas għandu jkun ibbażat fuq obbligu għall-impriżi li jieħdu l-miżuri proporzjonati u adegwati kollha u jagħmlu sforzi fil-limiti tas-setgħat tagħhom;

    2.

    Jenfasizza li, filwaqt li huwa d-dmir tal-impriżi li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, hija r-responsabbiltà tal-Istati u l-gvernijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, u din ir-responsabbiltà m'għandhiex tiġi ttrasferita lil atturi privati; ifakkar li d-diliġenza dovuta hija primarjament mekkaniżmu preventiv u li l-impriżi għandhom l-ewwel u qabel kollox ikunu meħtieġa jieħdu l-miżuri proporzjonati u adegwati kollha u jagħmlu sforzi fil-limiti tas-setgħat tagħhom biex jidentifikaw impatti negattivi potenzjali jew reali u jadottaw politiki u miżuri biex jindirizzawhom;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dejjem, fl-attivitajiet tal-politika esterna, inkluż fi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment, dispożizzjonijiet u diskussjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

    4.

    Jitlob lill-Kummissjoni twettaq rieżami bir-reqqa tal-impriżi bbażati f'Xinjiang li jesportaw prodotti lejn l-Unjoni sabiex tidentifika ksur potenzjali tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment dawk relatati mar-repressjoni tal-Uighurs;

    5.

    Ifakkar li t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja, is-saħħa, l-ikel u l-ilma, tiddependi fuq il-preservazzjoni tal-bijodiversità, li hija l-pedament tas-servizzi tal-ekosistema li magħhom huwa marbut intrinsikament il-benesseri tal-bniedem;

    6.

    Jinnota li, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-impriżi żgħar u ta' daqs medju jiffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli; jemmen li l-fatt li jingħataw appoġġ u l-fatt li jinħoloq ambjent tas-suq favorevoli huma objettivi kruċjali tal-Unjoni;

    7.

    Jisħaq li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tal-istandards soċjali u ambjentali jistgħu jkunu r-riżultat tal-attivitajiet tal-impriża stess jew ta' dawk tar-relazzjonijiet ta' negozju tagħha taħt il-kontroll tagħhom u tul il-katina tal-valur tagħhom; jissottolinja, għalhekk, li d-diliġenza dovuta għandha tinkludi l-katina tal-valur sħiħa, iżda għandha tinvolvi wkoll politika ta' prijoritizzazzjoni; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem kollha huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati u għandhom jiġu promossi u rispettati b'mod ġust, ekwu u nondiskriminatorju;

    8.

    Jitlob li tissaħħaħ it-traċċabbiltà tal-katina tal-provvista, abbażi tar-regoli tal-oriġini tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni; jinnota li l-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-rekwiżiti futuri tad-diliġenza dovuta korporattiva adottati bħala riżultat ta' proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni għandhom jitqiesu fit-twettiq tal-politika kummerċjali tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tar-ratifika tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment u għandhom ikopru l-kummerċ mas-sħab kummerċjali kollha, mhux biss dawk li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehim ta' kummerċ ħieles; jisħaq fuq il-fatt li strumenti kummerċjali tal-Unjoni għandhom jinkludu mekkaniżmi ta' infurzar b'saħħithom bħall-irtirar minn aċċess preferenzjali f'każ ta' nuqqas ta' konformità;

    9.

    Iqis li l-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe qafas obbligatorju futur tad-diliġenza dovuta tal-Unjoni għandu jkun wiesa' u jkopri l-impriżi l-kbar kollha rregolati mil-liġi ta' Stat Membru jew stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni, inklużi dawk li jipprovdu prodotti u servizzi finanzjarji, irrispettivament mis-settur tal-attività tagħhom u jekk humiex impriżi bi sjieda pubblika jew ikkontrollati b'mod pubbliku, kif ukoll l-impriżi żgħar u ta' daqs medju kollha li huma elenkati fil-Borża u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju b'riskju għoli; iqis li l-qafas għandu jkopri wkoll impriżi li huma stabbiliti barra mill-Unjoni, iżda li huma attivi fis-suq intern;

    10.

    Huwa konvint li l-konformità mal-obbligi tad-diliġenza dovuta għandha tkun kundizzjoni għall-aċċess għas-suq intern u li l-operaturi għandhom ikunu meħtieġa jistabbilixxu u jipprovdu evidenza, permezz tal-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta, li l-prodotti li jqiegħdu fis-suq intern ikunu konformi mal-kriterji ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fil-leġiżlazzjoni futura dwar id-diliġenza dovuta; jitlob li jittieħdu miżuri komplementari bħall-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' prodotti relatati ma' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħax-xogħol furzat jew it-tħaddim tat-tfal; jisħaq fuq l-importanza li l-objettiv tal-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal jiġi inkluż fil-kapitoli tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE;

    11.

    Iqis li xi impriżi, u b'mod partikolari impriżi żgħar u ta' daqs medju elenkati fil-Borża u impriżi żgħar u ta' daqs medju b'riskju għoli jistgħu jeħtieġu proċessi ta' diliġenza dovuta inqas estensivi u formalizzati, u li approċċ proporzjonat għandu jqis, fost elementi oħra, is-settur tal-attività, id-daqs tal-impriża, il-gravità u l-probabbiltà ta' riskji relatati mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza u l-ambjent intrinsiċi għall-operazzjonijiet tagħha u għall-kuntest tal-operazzjonijiet tagħha, inklużi dawk ġeografiċi, il-mudell ta' negozju tagħha, il-pożizzjoni tagħha fil-ktajjen tal-valur u n-natura tal-prodotti u s-servizzi tagħha; jitlob li tingħata assistenza teknika speċifika lill-impriżi tal-Unjoni, speċjalment lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju, sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta;

    12.

    Jissottolinja li l-istrateġiji tad-diliġenza dovuta għandhom ikunu allinjati mal-SDGs u mal-objettivi ta' politika tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-impenn li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55 % sal-2030, u l-politika internazzjonali tal-Unjoni, speċjalment il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Ftehim ta' Pariġi u l-għanijiet tagħha li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2 oC ogħla mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura ma taqbiżx il-1,5 oC ogħla mil-livelli preindustrijali; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa, bil-parteċipazzjoni sinifikanti tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, sett ta' linji gwida dwar id-diliġenza dovuta, inklużi linji gwida speċifiċi għas-settur, dwar kif wieħed għandu jikkonforma mal-istrumenti legali obbligatorji eżistenti u futuri tal-Unjoni u dawk internazzjonali u jkun konformi mal-oqfsa tad-diliġenza dovuta volontarja, inklużi metodoloġiji koerenti u metriċi ċari biex jitkejlu l-impatti u l-progress, fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba; itenni li tali linji gwida jkunu utli b'mod speċjali għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

    13.

    Jinnota li l-iskemi tal-industrija ċċertifikati joffru lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju opportunitajiet biex jiġbru flimkien u jaqsmu r-responsabbiltajiet b'mod effiċjenti; jissottolinja, madankollu, li d-dipendenza fuq skemi tal-industrija ċċertifikati ma teskludix il-possibbiltà li impriża tikser l-obbligi tad-diliġenza dovuta tagħha, jew li tinżamm responsabbli f'konformità mad-dritt nazzjonali; jinnota li l-iskemi tal-industrija ċċertifikati jridu jiġu vvalutati, rikonoxxuti u ssorveljati mill-Kummissjoni;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni tonora l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, f'leġiżlazzjoni futura; jenfasizza li huwa importanti li jiġu minimizzati l-kontradizzjonijiet possibbli u jinbnew sinerġiji mal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li tiżdied l-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; iqis li, f'termini prattiċi, dan ifisser l-involviment attiv tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali fil-ħidma leġiżlattiva li għaddejja bħalissa u t-twettiq ta' valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt tal-leġiżlazzjoni futura rilevanti tal-Unjoni fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw minn perspettiva ekonomika, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali f'konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar (36) u l-Istrument 34 tal-Istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar (37); jinnota li r-riżultati ta' dik il-valutazzjoni għandhom jiġu riflessi fil-proposta leġiżlattiva futura;

    15.

    Jenfasizza li l-komplementarjetà u l-koordinazzjoni mal-politika, l-istrumenti u l-atturi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp huma deċiżivi, u li l-leġiżlazzjoni futura tal-Unjoni għandha, għaldaqstant, tipprevedi xi dispożizzjonijiet f'dan ir-rigward;

    16.

    Jisħaq li l-obbligi tad-diliġenza dovuta għandhom jiġu ddisinjati bir-reqqa biex ikunu proċess dinamiku u li jibqa' għaddej minflok ma jkun “eżerċizzju tal-immarkar tal-kaxxi” u li l-istrateġiji tad-diliġenza dovuta għandhom ikunu konformi man-natura dinamika tal-impatti negattivi; iqis li dawk l-istrateġiji għandhom ikopru kull impatt negattiv reali jew potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba, għalkemm il-gravità u l-probabbiltà tal-impatt negattiv għandhom jitqiesu fil-kuntest ta' politika ta' prijoritizzazzjoni; jemmen li, f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa importanti li l-għodod u l-oqfsa eżistenti jiġu allinjati kemm jista' jkun; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt robusta sabiex tidentifika tipi ta' impatti negattivi potenzjali jew reali, tinvestiga l-konsegwenzi fuq il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni Ewropej u globali, inkluż il-piż amministrattiv fuq in-negozji u l-konsegwenzi pożittivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba, u tfassal regoli li jsaħħu l-kompetittività, il-protezzjoni tal-partijiet interessati u tal-ambjent, u li jkunu funzjonali u applikabbli għall-atturi kollha fis-suq intern, inklużi impriżi żgħar u ta' daqs medju b'riskju għoli li jkunu elenkati fil-Borża; jenfasiżża li l-dik il-valutazzjoni tal-impatt għandha tikkunsidra wkoll il-konsegwenzi tad-direttiva futura fir-rigward taċ-ċaqliq fil-katina tal-valur globali fir-rigward tal-individwi u l-impriżi affettwati, u fir-rigward tal-vantaġġi komparattivi tal-pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw;

    17.

    Jenfasizza li r-rekwiżiti ta' trasparenza komprensivi huma element kruċjali tal-leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja; jinnota li informazzjoni u trasparenza msaħħa jagħtu lill-fornituri u lill-manifatturi kontroll u fehim aħjar tal-ktajjen tal-provvista tagħhom u jtejbu l-kapaċità ta' monitoraġġ tal-partijiet interessati u tal-konsumaturi kif ukoll il-fiduċja tal-pubbliku fil-produzzjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni futura dwar id-diliġenza dovuta għandha tqis soluzzjonijiet diġitali biex tiffaċilita aċċess pubbliku għall-informazzjoni u timminimizza l-piżijiet burokratiċi;

    18.

    Jinnota li d-diliġenza dovuta teħtieġ ukoll li titkejjel l-effettività tal-proċessi u l-miżuri permezz ta' awditi adegwati u li jiġu kkomunikati r-riżultati, inkluż li perjodikament jinħarġu rapporti ta' evalwazzjoni pubbliċi dwar il-proċessi ta' diliġenza dovuta ta' impriża u r-riżultati tagħhom f'format standardizzat ibbażat fuq qafas ta' rappurtar adegwat u koerenti; jirrakkomanda li r-rapporti jkunu faċilment aċċessibbli u disponibbli, speċjalment għal dawk affettwati u potenzjalment affettwati; jiddikjara li r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni għandhom iqisu l-politika tal-kompetizzjoni u l-interess leġittimu li jiġi protett l-għarfien intern tan-negozju u m'għandhomx iwasslu għal ostakli sproporzjonati jew piż finanzjarju għall-impriżi;

    19.

    Jenfasizza li d-diliġenza dovuta effettiva tirrikjedi li l-impriżi jwettqu b'rieda tajba diskussjonijiet effettivi, sinifikanti u infurmati mal-partijiet interessati rilevanti; jenfasizza li qafas ta' diliġenza dovuta tal-Unjoni għandu jiżgura l-involviment tat-trade unions u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, fil-livelli nazzjonali, tal-Unjoni u globali, fl-istabbiliment u fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tad-diliġenza dovuta; jenfasizza li l-proċeduri għall-involviment tal-partijiet interessati jridu jiżguraw is-sikurezza u l-protezzjoni tal-integrità fiżika u ġuridika tal-partijiet interessati;

    20.

    Jenfasizza li l-involviment mas-sħab kummerċjali, fi spirtu ta' reċiproċità, huwa importanti biex jiġi żgurat li jkun hemm bidla fil-qasam tad-diliġenza dovuta; jissottolinja l-importanza ta' miżuri u proġetti ta' akkumpanjament biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-Unjoni u jappella għal rabta qawwija bejn tali miżuri u l-leġiżlazzjoni orizzontali dwar id-diliġenza dovuta; jitlob għalhekk li l-istrumenti finanzjarji, bħal “Għajnuna għall-Kummerċ”, jintużaw biex tiġi promossa u appoġġjata l-adozzjoni ta' mġiba responsabbli fin-negozju fil-pajjiżi sħab, inkluż l-appoġġ tekniku dwar it-taħriġ tad-diliġenza dovuta, il-mekkaniżmi ta' traċċabbiltà u l-inkorporazzjoni ta' riformi mmexxija mill-esportazzjoni fil-pajjiżi sħab; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi promossa governanza tajba;

    21.

    Jitlob li l-istrumenti kummerċjali jkunu marbuta mal-monitoraġġ, u d-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jkunu attivament involuti fl-istess monitoraġġ, tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni futura dwar id-diliġenza dovuta minn impriżi tal-Unjoni li joperaw barra mill-Unjoni, inkluż billi jsiru skambji ta' fehmiet sinifikanti mad-detenturi tad-drittijiet, il-komunitajiet lokali, il-kmamar tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-atturi tas-soċjetà ċivili u t-trade unions u billi jingħataw appoġġ; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-kmamar tal-kummerċ tal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem biex jipprovdu għodod u informazzjoni online biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni futura dwar id-diliġenza dovuta;

    22.

    Jinnota li l-koordinazzjoni fil-livell settorjali tista' ttejjeb il-konsistenza u l-effettività tal-isforzi tad-diliġenza dovuta, tippermetti l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tikkontribwixxi biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

    23.

    Iqis li, biex jinfurzaw id-diliġenza dovuta, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jaħtru awtoritajiet nazzjonali biex jikkondividu l-aħjar prattiki, iwettqu investigazzjonijiet, jissorveljaw u jimponu sanzjonijiet, filwaqt li jqisu s-severità u n-natura ripetuta tal-ksur; jissottolinja li tali awtoritajiet għandhom jingħataw biżżejjed riżorsi u setgħat biex iwettqu l-missjoni tagħhom; iqis li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi network Ewropew tad-diliġenza dovuta biex ikun responsabbli, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, għall-koordinazzjoni u l-konverġenza ta' prattiki regolatorji, investigattivi, ta' infurzar u superviżorji, u għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni u biex jimmonitorja l-prestazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; iqis li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-impriżi jippubblikaw l-istrateġiji tad-diliġenza dovuta tagħhom fuq pjattaforma aċċessibbli għall-pubbliku u ċentralizzata, issorveljata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

    24.

    Jenfasizza li r-rekwiżiti ta' trasparenza komprensivi huma element kruċjali tal-leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja; jinnota li informazzjoni u trasparenza msaħħa jagħtu lill-fornituri u lill-manifatturi kontroll u fehim aħjar tal-ktajjen tal-provvista tagħhom u jtejbu l-fiduċja tal-pubbliku fil-produzzjoni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-leġiżlazzjoni futura dwar id-diliġenza dovuta għandha tiffoka fuq soluzzjonijiet diġitali biex jiġu minimizzati l-piżijiet burokratiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda li jappoġġjaw l-istabbiliment u t-titjib tat-traċċabbiltà fil-ktajjen tal-provvista globali; ifakkar li teknoloġija tal-blockchain sostenibbli tista' tikkontribwixxi għal dan l-għan;

    25.

    Iqis li mekkaniżmu ta' lmentar fil-livell ta' impriża jista' jipprovdi rikors effettiv fi stadju bikri, dment li jkun leġittimu, aċċessibbli, prevedibbli, ekwu, trasparenti, kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem, ibbażat fuq l-impenn u d-djalogu, u jipproteġi kontra r-ritaljazzjoni; iqis li tali mekkaniżmi privati jridu jiġu artikolati b'mod xieraq ma' mekkaniżmi ġudizzjarji sabiex tiġi ggarantita l-ogħla protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal proċess ġust; jenfasizza li tali mekkaniżmi m'għandhom qatt idgħajfu d-dritt ta' vittma li tressaq ilment quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew li tfittex ġustizzja f'qorti; jissuġġerixxi li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ikunu jistgħu jaġixxu fuq ilment minn partijiet terzi permezz ta' kanali sikuri u aċċessibbli mingħajr theddida ta' rappreżalji;

    26.

    Jilqa' t-tħabbira li l-proposta tal-Kummissjoni se tinkludi reġim ta' responsabbiltà u jqis li sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jiksbu rimedju effettiv, l-impriżi għandhom jinżammu responsabbli skont id-dritt nazzjonali għall-ħsara li l-impriżi taħt il-kontroll tagħhom ikunu kkawżaw jew ikkontribwew għaliha b'atti jew ommissjonijiet, fejn dawn tal-aħħar ikunu wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ikunu kkawżaw ħsara ambjentali, sakemm l-impriża ma tkunx tista' tipprova li aġixxiet bl-attenzjoni dovuta f'konformità mal-obbligi tad-diliġenza dovuta tagħha u ħadet il-miżuri raġonevoli kollha biex tipprevjeni tali ħsara; jissottolinja li l-limitazzjonijiet taż-żmien, id-diffikultajiet għall-aċċess għal evidenza, kif ukoll l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, il-vulnerabbiltajiet u l-emarġinazzjoni jistgħu jkunu ostakli prattiċi u proċedurali maġġuri li jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, li jfixkluhom milli jaċċessaw rimedji legali effettiv; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm aċċess effettiv għal rimedji mingħajr biża' ta' ritaljazzjoni u b'mod reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru, u għall-persuni li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà, kif minqux fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà; ifakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu għajnuna legali lil dawk li m'għandhomx biżżejjed riżorsi sal-punt li fih tali għajnuna tkun meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja;

    27.

    Jinnota li t-traċċabbiltà ta' impriżi fil-katina tal-valur tista' tkun diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tipproponi għodod sabiex tgħin lill-impriżi fit-traċċabbiltà tal-ktajjen tal-valur tagħhom; jenfasizza li t-teknoloġiji diġitali jistgħu jgħinu lill-impriżi bid-diliġenza dovuta tal-katina tal-valur tagħhom u jnaqqsu l-ispejjeż; iqis li l-objettiv tal-innovazzjoni tal-Unjoni għandu jkun marbut mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza sostenibbli skont ir-rekwiżiti futuri tad-diliġenza dovuta;

    28.

    Iqis li t-twettiq tad-diliġenza dovuta m'għandux jeħles awtomatikament lill-impriżi mir-responsabbiltà għall-ħsara li jkunu kkawżaw jew li jkunu kkontribwew għaliha; iqis ukoll, madankollu, li l-istabbiliment ta' proċess robust u effettiv tad-diliġenza dovuta jista' jgħin lill-impriżi jevitaw li jikkawżaw ħsara; iqis ukoll li l-leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal oqfsa applikabbli oħrajn ta' sottokuntrattar, stazzjonar jew responsabbiltà tal-katina tal-provvista stabbiliti fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, inkluża obbligazzjoni in solidum fil-ktajjen ta' sottokuntrattar;

    29.

    Jisħaq li l-vittmi ta' impatti negattivi relatati man-negozju ta' spiss ma jkunux protetti biżżejjed mil-liġi tal-pajjiż fejn tkun ġiet ikkawżata l-ħsara; iqis, f'dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tadin direttiva futura għandhom jitqiesu bħala dispożizzjonijiet mandatarji prevalenti f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (38);

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mandat ta' negozjar biex l-Unjoni tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv fin-negozjati dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti tan-NU li jirregola, fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u negozji oħra;

    31.

    Jirrakkomanda li l-appoġġ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-aċċess għall-ġustizzja f'pajjiżi terzi jagħti prijorità lill-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali fl-oqsma indirizzati mil-leġiżlazzjoni futura, fejn xieraq;

    32.

    Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien żejjed proposta leġiżlattiva dwar diliġenza dovuta obbligatorja tal-ktajjen tal-provvista, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness hawnhekk; iqis li, mingħajr preġudizzju għall-aspetti ddettaljati tal-proposta leġiżlattiva futura, l-Artikoli 50, 83(2) u 114 tat-TFUE għandhom jintgħażlu bħala bażijiet ġuridiċi għall-proposta;

    33.

    Jikkunsidra li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni;

    34.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

    (2)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

    (3)  ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.

    (4)  ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.

    (5)  ĠU L 132, 20.5.2017, p. 1.

    (6)  ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.

    (7)  ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1.

    (8)  ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.

    (9)  COM(2018)0097 final.

    (10)  COM(2019)0640 final.

    (11)  ĠU C 215, 5.7.2017, p. 1.

    (12)  ĠU C 209, 20.6.2019, p. 1.

    (13)  ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.

    (14)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 100.

    (15)  ĠU C 76, 9.3.2020, p. 23.

    (16)  https://www.ohchr.org/documents/publications/guidingprinciplesbusinesshr_en.pdf.

    (17)  http://mneguidelines.oecd.org/guidelines.

    (18)  https://www.oecd.org/investment/due-diligence-guidance-for-responsible-business-conduct.htm.

    (19)  http://www.oecd.org/industry/inv/mne/responsible-supply-chains-textile-garment-sector.htm.

    (20)  https://www.oecd.org/corporate/oecd-due-diligence-guidance-for-responsible-supply-chains-of-minerals-from-conflict-affected-and-high-risk-areas-9789264252479-en.htm.

    (21)  https://www.oecd.org/daf/inv/investment-policy/rbc-agriculture-supply-chains.htm.

    (22)  https://www.oecd.org/investment/due-diligence-guidance-for-responsible-business-conduct.htm.

    (23)  https://www.oecd.org/investment/due-diligence-for-responsible-corporate-lending-and-securities-underwriting.htm#:~:text=Due%20Diligence%20for%20Responsible%20Corporate%20Lending%20and%20Securities%20Underwriting%20provides,risks%20associated%20with%20their%20clients.

    (24)  https://www.ilo.org/declaration/thedeclaration/textdeclaration/lang--en/index.htm.

    (25)  https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_emp/---emp_ent/---multi/documents/publication/wcms_094386.pdf.

    (26)  https://www.ohchr.org/Documents/Issues/Business/Gender_Booklet_Final.pdf.

    (27)  Loi no 2017-399 du 27 mars 2017 relative au devoir de vigilance des sociétés mères et des entreprises donneuses d'ordre, JORF no0074 du 28 mars 2017.

    (28)  Wet van 24 oktober 2019 n. 401 houdende de invoering van een zorgplicht ter voorkoming van de levering van goederen en diensten die met behulp van kinderarbeid tot stand zijn gekomen (Wet zorgplicht kinderarbeid).

    (29)  Dipartiment Tematiku tal-PE għar-Relazzjonijiet Esterni, PE 603.475 – Frar 2019.

    (30)  Dipartiment Tematiku tal-PE għar-Relazzjonijiet Esterni, PE 603.505 – Ġunju 2020.

    (31)  Id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Jannar 2020.

    (32)  Id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Lulju 2020.

    (33)  http://childrenandbusiness.org/

    (34)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

    (35)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

    (36)  SWD(2017)0350.

    (37)  https://ec.europa.eu/info/files/better-regulation-toolbox-34_en

    (38)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.


    ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:

    RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLURAKKOMANDAZZJONIJIET FID-DAWL TAT-TĦEJJIJA TA' DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR DILIĠENZA DOVUTA KORPORATTIVA U OBBLIGU TA' RENDIKONT KORPORATTIV

    TEST TAL-PROPOSTA MITLUBA

    Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Diliġenza Dovuta Korporattiva u Obbligu ta' Rendikont Korporattiv

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 83(2) u 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)

    L-għarfien dwar ir-responsabbiltajiet tan-negozji fir-rigward tal-impatt negattiv tal-ktajjen tal-valur tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem sar prominenti fis-snin disgħin, meta prattiki ġodda ta' delokalizzazzjoni fil-produzzjoni tal-ħwejjeġ u taż-żraben ġibdu l-attenzjoni għall-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol li ħafna ħaddiema fil-ktajjen tal-valur globali, inklużi t-tfal, iffaċċjaw. Fl-istess ħin, ħafna impriżi taż-żejt, tal-gass, tal-estrazzjoni u tal-industrija tal-ikel bdew joperaw f'żoni aktar u aktar remoti, u ħafna drabi spostaw lil komunitajiet indiġeni mingħajr konsultazzjoni jew kumpens adegwati.

    (2)

    F'kuntest ta' evidenza dejjem akbar ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u degradazzjoni ambjentali, żdied it-tħassib dwar l-iżgurar li n-negozji jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u dwar l-iżgurar li l-vittmi jkollhom aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari meta l-ktajjen tal-valur ta' xi negozji jestendu f'pajjiżi b'sistemi legali u infurzar tal-liġi dgħajfa, u li jinżammu responsabbli f'konformità mad-dritt nazzjonali talli jikkawżaw il-ħsara jew jikkontribwixxu għaliha. Fid-dawl ta' dan, fl-2008 il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) laqa' b'mod unanimu l-Qafas “Protezzjoni, Rispett u Rimedju”. Dan il-qafas huwa bbażat fuq tliet pilastri: id-dmir tal-Istat li joffri protezzjoni fir-rigward ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn partijiet terzi, inklużi n-negozji, permezz ta' politiki, regolamentazzjoni u deċizjonijiet ġudizzjarji xierqa; ir-responsabbiltà korporattiva li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri li wieħed jaġixxi b'diliġenza dovuta biex jevita li jikser id-drittijiet tal-oħrajn u biex jindirizza l-impatti negattivi li jseħħu; u aċċess akbar mill-vittmi għal rimedji effettivi, kemm ġudizzjarji kif ukoll mhux ġudizzjarji.

    (3)

    Dak il-qafas ġie segwit bl-approvazzjoni mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2011 tal-“Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem” (UNGPs). Il-UNGPs introduċew l-ewwel standard dinji fil-qasam tad-“diliġenza dovuta” u pprovdew qafas mhux vinkolanti għall-impriżi biex iqiegħdu fil-prattika r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem. Sussegwentement, organizzazzjonijiet internazzjonali oħra żviluppaw standards ta' diliġenza dovuta bbażati fuq il-UNGPs. Il-Linji Gwida tal-2011 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-Intrapriżi Multinazzjonali jirreferu b'mod estensiv għad-diliġenza dovuta u l-OECD żviluppat gwida biex tgħin lill-impriżi japplikaw id-diliġenza dovuta f'setturi speċifiċi u fil-ktajjen tal-provvista. Fl-2016, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta rakkomandazzjoni indirizzata lill-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju li tistieden lill-Istati Membri tiegħu jadottaw miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra biex jiżguraw li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-valur ta' impriża jwassal għal responsabbiltà ċivili, amministrattiva u kriminali quddiem il-qrati Ewropej. Fl-2018, l-OECD adottat Gwida ġenerali dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju. Bl-istess mod, fl-2017 l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) adottat id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, li tħeġġeġ lill-impriżi jistabbilixxu mekkaniżmi ta' diliġenza dovuta biex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u jagħtu rendikont tal-mod li bih jindirizzaw l-impatti negattivi reali u potenzjali tan-negozju tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment. Il-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2012, Save the Children u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Prinċipji tan-Negozju tal-UNICEF jidentifikaw il-kunsiderazzjonijiet ewlenin rigward id-drittijiet tat-tfal relatati mal-impatt negattiv tan-negozju u l-UNICEF żviluppat sensiela ta' dokumenti ta' gwida li jappoġġjaw id-diliġenza dovuta tan-negozju u t-tfal. Il-Kumment Ġenerali Nru 16 tal-2013 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jidentifika firxa komprensiva ta' obbligi tal-Istat fir-rigward tal-impatt tas-settur tan-negozju fuq id-drittijiet tat-tfal, inklużi l-Istati li jirrikjedu li n-negozji japplikaw id-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal.

    (4)

    Għalhekk, bħalissa l-impriżi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom numru importanti ta' strumenti internazzjonali ta' diliġenza dovuta li jistgħu jgħinuhom jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tar-rispett tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja l-importanza fundamentali li dawn l-istrumenti għall-impriżi jieħdu d-dmir tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem serjament, in-natura volontarja tagħhom tista' xxekkel l-effikaċja tagħhom u l-effett tagħhom wera li huwa limitat, peress li numru limitat ta' impriżi jimplimentaw b'mod volontarju d-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet tagħhom u f'dawk tar-relazzjonijiet ta' negozju tagħhom. Dan huwa aggravat mill-enfasi eċċessiva ta' bosta impriżi fuq il-massimizzazzjoni tal-profitti fuq perjodu qasir.

    (5)

    L-istrumenti eżistenti internazzjonali ta' diliġenza dovuta naqsu milli jipprovdu lill-vittmi ta' impatti negattivi tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali b'aċċess għall-ġustizzja u r-rimedji minħabba n-natura mhux ġudizzjarja u volontarja tagħhom. Id-dmir primarju li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u li jingħata aċċess għall-ġustizzja huwa tal-Istati, u n-nuqqas ta' mekkaniżmi ġudizzjarji pubbliċi biex l-impriżi jinżammu responsabbli għall-ħsarat li jseħħu fil-ktajjen tal-valur tagħhom jenħtieġ li ma jiġix ikkumpensat u ma jistax jiġi kkumpensat b'mod adegwat bl-iżvilupp ta' mekkaniżmi operattivi privati ta' lmentar. Peress li tali mekkaniżmi huma utli biex jipprovdu għajnuna ta' emerġenza u kumpens rapidu għal ħsarat żgħar, jenħtieġ li jiġu rregolati mill-qrib mill-awtoritajiet pubbliċi u jenħtieġ li ma jdgħajfux id-dritt tal-vittmi li jkollhom aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust quddiem il-qrati pubbliċi.

    (6)

    L-Unjoni adottat oqfsa obbligatorji ta' diliġenza dovuta f'oqsma speċifiċi ħafna bil-għan li tiġġieled kontra s-setturi li jagħmlu ħsara lill-interessi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, bħall-finanzjament tat-terroriżmu jew id-deforestazzjoni. Fl-2010, l-Unjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jimponi rekwiżiti ta' diliġenza dovuta fuq l-operaturi li jqiegħdu fis-suq intern injam u prodotti tal-injam u li jirrikjedi li n-negozjanti fil-katina tal-provvista jipprovdu informazzjoni bażika dwar il-fornituri u x-xerrejja tagħhom biex tittejjeb it-traċċabbiltà tal-injam u tal-prodotti tal-injam. Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għal diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista sabiex jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-gruppi armati, il-gruppi terroristiċi u/jew il-forzi tas-sigurtà li jwettqu kummerċ tal-landa, it-tantalu u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb.

    (7)

    Approċċ differenti, aktar ġenerali u komplementari bbażat fuq it-trasparenza u s-sostenibbiltà, ittieħed mid-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li timponi fuq l-impriżi b'aktar minn 500 impjegat l-obbligu li jirrappurtaw dwar il-politiki li jsegwu fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali, soċjali, relatati mal-impjegati, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tixħim u fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluża d-diliġenza dovuta.

    (8)

    F'xi Stati Membri, il-ħtieġa li l-impriżi jirrispondu aħjar għad-drittijiet tal-bniedem u għal tħassib ambjentali u ta' governanza wasslet għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-diliġenza dovuta. Fin-Netherlands, l-Att dwar id-Diliġenza Dovuta fir-rigward tat-Tħaddim tat-Tfal jirrikjedi li l-impriżi li joperaw fis-suq Netherlandiż jinvestigaw jekk hemmx suspett raġonevoli li l-oġġetti jew is-servizzi fornuti ġew prodotti permezz tat-tħaddim tat-tfal u, fil-każ ta' suspett raġonevoli, jadottaw u jimplimentaw pjan ta' azzjoni. Fi Franza, il-liġi dwar dmir ta' viġilanza tal-impriżi omm u appaltatriċi tirrikjedi lil xi impriżi kbar li jadottaw, jippubblikaw u jimplimentaw pjan ta' diliġenza dovuta biex jidentifikaw u jevitaw riskji għad-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa u s-sikurezza u riskji ambjentali kkawżati mill-impriża, is-sussidjarji, is-sottokuntratturi jew il-fornituri tagħha. Il-liġi Franċiża tistabbilixxi responsabbiltà amministrattiva għan-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tagħha, u responsabbiltà ċivili għall-impriża biex tipprovdi rimedji għall-ħsara kkawżata. F'ħafna Stati Membri oħra, għaddej dibattitu dwar l-introduzzjoni ta' rekwiżiti obbligatorji ta' diliġenza dovuta għall-impriżi u xi Stati Membri bħalissa qed jikkunsidraw l-adozzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, inklużi l-Ġermanja, l-Iżvezja, l-Awstrija, il-Finlandja, id-Danimarka u l-Lussemburgu.

    (9)

    Fl-2016, tmien parlamenti nazzjonali esprimew l-appoġġ tagħhom għal “Inizjattiva tal-Karta Ħadra” u stiednu lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni biex tiżgura l-obbligu ta' rendikont korporattiv għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Parlamenti tal-Estonja, il-Litwanja, is-Slovakkja u l-Portugall, il-Kamra tar-Rappreżentanti fin-Netherlands, is-Senat tar-Repubblika fl-Italja, u l-Assemblea Nazzjonali fi Franza, kif ukoll il-House of Lords tar-Renju Unit.

    (10)

    L-armonizzazzjoni insuffiċjenti tal-liġijiet jista' jkollha impatt negattiv fuq il-libertà tal-istabbiliment. Għalhekk huwa essenzjali li jkun hemm aktar armonizzazzjoni biex jiġi evitat li jinħolqu vantaġġi kompetittivi inġusti. Biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, huwa importanti li r-regoli japplikaw għall-impriżi kollha – kemm jekk tal-Unjoni kif ukoll jekk le – li joperaw fis-suq intern.

    (11)

    Hemm differenzi sinifikanti bejn id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi tal-Istati Membri dwar id-diliġenza dovuta, inkluż fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili, li japplikaw għall-impriżi tal-Unjoni. Huwa essenzjali li jiġu evitati ostakli futuri għall-kummerċ li jirriżultaw mill-iżvilupp diverġenti ta' tali liġijiet nazzjonali.

    (12)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, ir-responsabbiltà tal-impriżi li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem skont standards internazzjonali jenħtieġ li tinbidel fi dmir legali fil-livell tal-Unjoni. Billi tikkoordina s-salvagwardji għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba, din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li l-impriżi l-kbar kollha tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni u l-impriżi żgħar u medji b'riskju għoli jew elenkati fil-Borża li joperaw fis-suq intern ikunu soġġetti għal obbligi armonizzati ta' diliġenza dovuta, li jipprevjenu l-frammentazzjoni regolatorja u jtejbu l-funzjonament tas-suq intern.

    (13)

    L-istabbiliment ta' rekwiżiti obbligatorji ta' diliġenza dovuta fil-livell tal-Unjoni jkun ta' benefiċċju għan-negozji f'termini ta' armonizzazzjoni, ċertezza legali u l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jagħti vantaġġ kompetittiv lill-impriżi soġġetti għalihom, peress li s-soċjetajiet qed jitolbu dejjem aktar mill-impriżi li jsiru aktar etiċi u sostenibbli. Din id-Direttiva, bl-istabbiliment ta' standard ta' diliġenza dovuta tal-Unjoni, tista' tgħin biex jitrawwem l-iżvilupp ta' standard dinji għal imġiba responsabbli fin-negozju.

    (14)

    Din id-Direttiva għandha l-għan li tipprevjeni u timmitiga l-impatti negattivi potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba fil-katina tal-valur, kif ukoll li tiżgura li l-impriżi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal tali impatti, u li kull min ikun sofra ħsara f'dan ir-rigward ikun jista' jeżerċita b'mod effettiv id-dritt għal proċess ġust quddiem qorti u d-dritt li jikseb rimedji f'konformità mad-dritt nazzjonali.

    (15)

    Din id-Direttiva m'għandhiex l-għan li tissostitwixxi leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-diliġenza dovuta speċifika għas-settur li diġà hija fis-seħħ jew li tipprekludi l-introduzzjoni ta' aktar leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għas-settur. Konsegwentement, jenħtieġ li tapplika mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra ta' diliġenza dovuta stabbiliti f'leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għas-settur, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) Nru 995/2010 u (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sakemm ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta f'din id-Direttiva ma jipprevedux diliġenza dovuta aktar bir-reqqa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba.

    (16)

    L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jenħtieġ li bl-ebda mod ma tikkostitwixxi bażi għall-ġustifikazzjoni ta' tnaqqis fil-livell ġenerali tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-ambjent. B'mod partikolari, jenħtieġ li ma taffettwax oqfsa ta' responsabbiltà oħra applikabbli ta' sottokuntrattar, stazzjonar jew tal-katina tal-provvista stabbiliti fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali. Il-fatt li impriża tkun wettqet l-obbligi tagħha ta' diliġenza dovuta skont din id-Direttiva jenħtieġ li ma jeżonerahiex mill-obbligi tagħha, jew idgħajjifhom, skont oqfsa ta' responsabbiltà oħra, u għalhekk kwalunkwe proċediment legali kontra tagħha bbażat fuq oqfsa ta' responsabbiltà oħra jenħtieġ li ma jiġix irrifjutat minħabba dik iċ-ċirkostanza.

    (17)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-impriżi l-kbar kollha rregolati mil-liġi ta' Stat Membru, stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni jew li joperaw fis-suq intern, irrispettivament minn jekk humiex privati jew proprjetà tal-Istat u mis-settur ekonomiku li huma attivi fih, inkluż is-settur finanzjarju. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika wkoll għal impriżi żgħar u medji elenkati fil-Borża u b'riskju għoli (*1).

    (18)

    Il-proporzjonalità hija inkorporata fil-proċess ta' diliġenza dovuta, peress li dan il-proċess huwa kontinġenti fuq is-severità u l-probabbiltà ta' impatti negattivi li impriża tista' tikkawża, tikkontribwixxi għalihom jew tkun marbuta direttament magħhom, fuq is-settur tal-attività tagħha, id-daqs tal-impriża, in-natura u l-kuntest tal-operazzjonijiet tagħha inklużi dawk ġeografiċi, il-mudell tan-negozju tagħha, il-pożizzjoni tagħha fil-katina tal-valur u n-natura tal-prodotti u s-servizzi tagħha. Impriża kbira li r-relazzjonijiet ta' negozju diretti tagħha jkunu kollha domiċiljati fl-Unjoni jew impriża żgħira jew medja li, wara li twettaq valutazzjoni tar-riskju, tikkonkludi li ma identifikat ebda impatt negattiv potenzjali jew reali fir-relazzjonijiet ta' negozju tagħha, tista' tippubblika dikjarazzjoni f'dak is-sens, inkluża l-valutazzjoni tar-riskju tagħha li jkun fiha d-data, l-informazzjoni u l-metodoloġija rilevanti, li fi kwalunkwe każ jenħtieġ li tiġi rieżaminata fil-każ ta' bidliet fl-operazzjonijiet, ir-relazzjonijiet ta' negozju jew il-kuntest operattiv tal-impriżi.

    (19)

    Għall-impriżi li jkunu proprjetà tal-Istat jew ikkontrollati minnu, it-twettiq tal-obbligi tagħhom ta' diliġenza dovuta jenħtieġ li jirrikjedi li dawn jakkwistaw servizzi minn impriżi li jkunu kkonformaw mal-obbligi ta' diliġenza dovuta. L-Istati Membri huma mħeġġa ma jipprovdux appoġġ mill-Istat, inkluż permezz ta' għajnuna mill-Istat, akkwist pubbliku, aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni jew self appoġġjat mill-gvern, lil impriżi li ma jikkonformawx mal-objettivi ta' din id-Direttiva.

    (20)

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-diliġenza dovuta jenħtieġ li tinftiehem bħala l-obbligu ta' impriża li tieħu l-miżuri proporzjonati u korrispondenti kollha u li tagħmel sforzi fil-limiti tas-setgħat tagħha biex tipprevjeni li jseħħu impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba fil-ktajjen tal-valur tagħha, u li tindirizza tali impatti meta jseħħu. Fil-prattika, id-diliġenza dovuta tikkonsisti minn proċess stabbilit minn impriża sabiex tidentifika, tivvaluta, tipprevjeni, timmitiga, twaqqaf, timmonitorja, tikkomunika, tagħti rendikont għal, tindirizza u tirrimedja l-impatti negattivi potenzjali u/jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali, tat-trade unions u tal-ħaddiema, fuq l-ambjent, inkluż il-kontribut għat-tibdil fil-klima, u fuq il-governanza tajba, fl-operazzjonijiet proprji u fir-relazzjonijiet ta' negozju tagħha fil-katina tal-valur. L-impriżi koperti minn din id-Direttiva ma għandhomx jgħaddu l-obbligi ta' diliġenza dovuta lill-fornituri.

    (21)

    L-Anness xx jistabbilixxi lista ta' tipi ta' impatti negattivi relatati man-negozju fuq id-drittijiet tal-bniedem. Sakemm ikunu rilevanti għall-impriżi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinkludi f'dak l-Anness l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem espressi fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jkunu vinkolanti għall-Unjoni jew l-Istati Membri, il-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dritt Umanitarju Internazzjonali, l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal gruppi jew komunitajiet partikolarment vulnerabbli, u l-prinċipji li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, kif ukoll dawk rikonoxxuti fil-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt għal negozjar kollettiv, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' xogħol furzat jew obbligatorju, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-abolizzjoni effettiva tat-tħaddim tat-tfal, u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjieg u x-xogħol. Dawn jinkludu wkoll, iżda mhumiex limitati għal, impatti negattivi fir-rigward ta' drittijiet oħra rikonoxxuti fid-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali (Dikjarazzjoni MNE) u f'għadd ta' Konvenzjonijiet tal-ILO, bħal dawk li jikkonċernaw il-libertà ta' assoċjazzjoni, in-negozjar kollettiv, l-età minima, is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, u remunerazzjoni ugwali, u d-drittijiet rikonoxxuti fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-kostituzzjonijiet u l-liġijiet nazzjonali li jirrikonoxxu jew li jimplimentaw id-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li dawk it-tipi ta' impatti elenkati jkunu raġonevoli u jistgħu jinkisbu.

    (22)

    L-impatti negattivi ambjentali ħafna drabi jkunu marbuta mill-qrib mal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem. Ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent iddikjara li d-drittijiet għall-ħajja, is-saħħa, l-ikel, l-ilma u l-iżvilupp, kif ukoll id-dritt għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli, huma meħtieġa għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet, fir-Riżoluzzjoni 64/292, id-dritt għal ilma tax-xorb sikur u nadif u għas-sanità bħala dritt tal-bniedem. Il-pandemija tal-COVID-19 issottolinjat mhux biss l-importanza ta' ambjenti tax-xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa, iżda anki dik li l-impriżi jiżguraw li ma jikkawżawx riskji għas-saħħa fil-ktajjen tal-valur tagħhom, jew jikkontribwixxu għalihom. Konsegwentement, dawk ir-riskji jenħtieġ li jkunu koperti minn din id-Direttiva.

    (23)

    L-Anness xxx jistabbilixxi lista tat-tipi ta' impatti negattivi relatati man-negozju fuq l-ambjent, kemm jekk temporanji kif ukoll jekk permanenti, li huma rilevanti għall-impriżi. Impatti bħal dawn jenħtieġ li jinkludu, iżda jenħtieġ li ma jkunux limitati għal, produzzjoni ta' skart, tniġġis diffuż u emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li jwasslu għal tisħin globali ta' aktar minn 1,5 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali, deforestazzjoni, u kwalunkwe impatt ieħor fuq il-klima, l-arja, il-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-bijodiversità u l-ekosistemi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li dawk it-tipi ta' impatti elenkati jkunu raġonevoli u jistgħu jinkisbu. Biex tikkontribwixxi għall-koerenza interna tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u biex tipprovdi ċertezza legali, din il-lista hija mfassla f'konformità mar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (24)

    L-Anness xxxx jistabbilixxi lista ta' tipi ta' impatti negattivi relatati man-negozju fuq il-governanza tajba li huma rilevanti għall-impriżi. Jenħtieġ li jinkludu nuqqas ta' konformità mal-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali, il-Kapitolu VII dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim, is-Solleċitazzjoni għat-Tixħim u l-Estorsjoni u l-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim ta' Uffiċjali Pubbliċi Barranin fi Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali u sitwazzjonijiet ta' korruzzjoni u tixħim fejn intrapriża teżerċita influwenza żejda fuq, jew tagħti vantaġġi pekunjarji mhux dovuti lil uffiċjali pubbliċi biex jiksbu privileġġi jew trattament favorevoli inġust bi ksur tal-liġi, u inklużi sitwazzjonijiet li fihom intrapriża tkun involuta b'mod mhux xieraq f'attivitajiet politiċi lokali, tagħmel kontribuzzjonijiet illegali ta' kampanja jew tonqos milli tikkonforma mal-leġiżlazzjoni fiskali applikabbli. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li dawk it-tipi ta' impatti elenkati jkunu raġonevoli u jistgħu jinkisbu.

    (25)

    L-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba mhumiex newtrali fir-rigward tal-ġeneru. L-impriżi huma mħeġġa jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru fil-proċessi ta' diliġenza dovuta tagħhom. Dawn jistgħu jsibu gwida fil-ktejjeb tan-NU dwar id-Dimensjonijiet tal-Ġeneru tal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem.

    (26)

    L-impatti negattivi potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza jistgħu jkunu speċifiċi u aktar gravi f'żoni affettwati minn kunflitti. F'dan ir-rigward, l-impriżi li joperaw f'żoni affettwati minn kunflitti jenħtieġ li jwettqu diliġenza dovuta xierqa dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza, jirrispettaw l-obbligi tad-dritt umanitarju internazzjonali tagħhom, u jirreferu għal standards u gwida internazzjonali eżistenti inklużi l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom.

    (27)

    L-Istati Membri huma mħeġġa jimmonitorjaw l-impriżi taħt il-ġurisdizzjonijiet tagħhom b'operazzjonijiet jew relazzjonijiet ta' negozju f'żoni affettwati minn kunflitti, u għaldaqstant jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba f'konformità mal-obbligi legali tagħhom, b'kunsiderazzjoni xierqa għar-riskji speċifiċi u prominenti preżenti f'dawk iż-żoni.

    (28)

    In-negozju għandu impatt fuq l-ispettru sħiħ ta' drittijiet definiti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u standards internazzjonali rilevanti oħra. It-tfulija hija perjodu uniku ta' żvilupp fiżiku, mentali, emozzjonali u spiritwali, u l-ksur tad-drittijiet tat-tfal, bħall-esponiment għall-vjolenza jew l-abbuż, it-tħaddim tat-tfal, il-kummerċjalizzazzjoni mhux xierqa, jew prodotti mhux sikuri jew perikli ambjentali, jista' jkollu konsegwenzi tul il-ħajja, irriversibbli u anki transġenerazzjonali. Il-mekkaniżmi għad-diliġenza dovuta korporattiva u l-obbligu ta' rendikont korporattiv mfassla mingħajr ma tingħata l-attenzjoni dovuta lil kunsiderazzjonijiet tat-tfal jistgħu jkunu ineffettivi fil-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom.

    (29)

    Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali, ambjentali u klimatiċi, jew l-impatti negattivi fuqhom, mill-impriżi jistgħu jkunu r-riżultat tal-attivitajiet tagħhom stess jew ta' dawk tar-relazzjonijiet ta' negozju tagħhom, b'mod partikolari l-fornituri, is-sottokuntratturi u l-impriżi li fihom isir investiment. Sabiex ikunu effettivi, l-obbligi ta' diliġenza dovuta tal-impriżi jenħtieġ li jinkludu l-katina tal-valur kollha, filwaqt li jieħdu approċċ ibbażat fuq ir-riskju u jistabbilixxu strateġija ta' prijoritizzazzjoni abbażi tal-Prinċipju 17 tal-Prinċipji Gwida tan-NU. Madankollu, it-traċċar tal-impriżi kollha li jintervjenu fil-katina tal-valur jista' jkun diffiċli. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa u tipproponi għodod sabiex tgħin lill-impriżi fit-traċċabbiltà tal-ktajjen tal-valur tagħhom. Dawn jistgħu jinkludu teknoloġiji tal-informazzjoni innovattivi, bħall-blockchain, li jippermettu li d-data kollha tiġi traċċata, li l-iżvilupp tagħhom jenħtieġ li jitħeġġeġ sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż amministrattivi u jiġu evitati s-sensji għal impriżi li jwettqu d-diliġenza dovuta.

    (30)

    Id-diliġenza dovuta hija primarjament mekkaniżmu preventiv li jirrikjedi li l-impriżi jieħdu l-miżuri proporzjonati u korrispondenti kollha u jagħmlu sforzi fil-limiti tas-setgħat tagħhom biex jidentifikaw u jivvalutaw impatti negattivi potenzjali jew reali u jadottaw politiki u miżuri biex itemmu, jipprevjenu, jimmitigaw, jimmonitorjaw, jikkomunikaw, jindirizzaw, jirrimedjawhom, u jagħtu rendikont ta' kif jindirizzaw dawk l-impatti. L-impriżi jenħtieġ li jkunu meħtieġa jfasslu dokument li fih jikkomunikaw pubblikament, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità kummerċjali, l-istrateġija ta' diliġenza dovuta tagħhom b'referenza għal kull wieħed minn dawk l-istadji. Din l-istrateġija ta' diliġenza dovuta jenħtieġ li tiġi integrata b'mod xieraq fl-istrateġija kummerċjali ġenerali tal-impriża. Jenħtieġ li tiġi evalwata kull sena, u jenħtieġ li tiġi riveduta kull meta jitqies li jkun meħtieġ b'riżultat ta' tali evalwazzjoni.

    (31)

    L-impriżi li jippubblikaw dikjarazzjonijiet ta' ebda riskju jenħtieġ li ma jkunux eżentati minn verifiki jew investigazzjonijiet possibbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li jikkonformaw mal-obbligi previsti f'din id-Direttiva, u jistgħu jinżammu responsabbli f'konformità mad-dritt nazzjonali.

    (32)

    L-impriżi jenħtieġ li jistabbilixxu proċess intern ta' mmappjar tal-ktajjen tal-valur li jinvolvi li jsiru l-isforzi proporzjonati u korrispondenti kollha sabiex jidentifikaw ir-relazzjonijiet ta' negozju tagħhom fil-katina tal-valur tagħhom.

    (33)

    Il-kunfidenzjalità kummerċjali kif imsemmija f'din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti biex titqies bħala “sigriet kummerċjali” f'konformità mad-Direttiva 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jiġifieri informazzjoni li hija sigrieta, fis-sens li mhijiex, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża u l-assemblaġġ tal-komponenti tagħha, ġeneralment magħrufa jew faċilment aċċessibbli għal persuni fi ħdan iċ-ċrieki li normalment jittrattaw it-tip ta' informazzjoni inkwistjoni, li għandha valur kummerċjali minħabba li hija sigrieta, u li kienet soġġetta għal passi raġonevoli fiċ-ċirkostanzi, mill-persuna legalment fil-kontroll tal-informazzjoni, biex tinżamm sigrieta.

    (34)

    Id-diliġenza dovuta jenħtieġ li ma tkunx eżerċizzju ta' “mmarkar tal-kaxxi” iżda jenħtieġ li tikkonsisti minn proċess u valutazzjoni kontinwi tar-riskji u l-impatti, li huma dinamiċi u jistgħu jinbidlu minħabba relazzjonijiet ta' negozju ġodda jew żviluppi kuntestwali. L-impriżi, għalhekk, jenħtieġ li b'mod kontinwu jimmonitorjaw u jadattaw l-istrateġiji tagħhom ta' diliġenza dovuta kif xieraq. Dawk l-istrateġiji jenħtieġ li jagħmlu minn kollox biex ikopru kull impatt negattiv reali jew potenzjali, għalkemm in-natura u l-kuntest tal-operazzjonijiet tagħhom, inklużi dawk ġeografiċi, il-gravità u l-probabbiltà tal-impatt negattiv jenħtieġ li jitqiesu jekk ikun meħtieġ l-istabbiliment ta' politika ta' prijoritizzazzjoni. L-iskemi ta' ċertifikazzjoni minn partijiet terzi jistgħu jikkomplementaw l-istrateġiji ta' diliġenza dovuta, dment li jkunu adegwati f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni u jissodisfaw livelli xierqa ta' trasparenza, imparzjalità, aċċessibbiltà u affidabbiltà. Madankollu, iċ-ċertifikazzjoni minn partijiet terzi jenħtieġ li ma tikkostitwix raġunijiet biex tiġi ġġustifikata deroga mill-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva jew taffettwa b'xi mod ir-responsabbiltà potenzjali ta' impriża.

    (35)

    Sabiex sussidjarja titqies konformi mal-obbligu li tistabbilixxi strateġija ta' diliġenza dovuta, jekk is-sussidjarja tkun inkluża fl-istrateġija ta' diliġenza dovuta tal-impriża omm tagħha, is-sussidjarja jenħtieġ li tiddikjara b'mod ċar li dan huwa l-każ fir-rappurtar annwali tagħha. Tali rekwiżit huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza għall-pubbliku sabiex l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu jistgħu jwettqu l-investigazzjonijiet xierqa. Is-sussidjarja jenħtieġ li tiżgura li l-impriża omm tippossjedi informazzjoni suffiċjenti u rilevanti sabiex twettaq id-diliġenza dovuta f'isimha.

    (36)

    Il-frekwenza xierqa ta' verifika f'perjodu ta' żmien partikolari implikat mit-terminu “regolarment” jenħtieġ li tiġi ddeterminata b'rabta mal-probabbiltà u l-gravità tal-impatti negattivi. Aktar ma l-impatti jkunu probabbli u gravi, aktar il-verifika tal-konformità jenħtieġ li ssir regolarment.

    (37)

    L-impriżi l-ewwel jenħtieġ li jippruvaw jindirizzaw u jsolvu impatt potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba permezz ta' diskussjoni mal-partijiet ikkonċernati. Impriża li jkollha l-lieva biex tipprevjeni jew timmitiga l-impatt negattiv jenħtieġ li teżerċitaha. Impriża li tixtieq iżżid il-lieva tagħha tista', pereżempju, toffri inċentivi ta' tisħiħ tal-kapaċità jew inċentivi oħra lill-entità relatata, jew tikkollabora ma' atturi oħra. Meta impatt negattiv ma jkunx jista' jiġi evitat jew mitigat u l-lieva ma tkunx tista' tiżdied, deċiżjoni ta' diżimpenn minn fornitur jew relazzjoni ta' negozju oħra tista' tkun l-aħħar għażla u jenħtieġ li tittieħed b'mod responsabbli.

    (38)

    Diliġenza dovuta soda tirrikjedi li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jiġu kkonsultati b'mod effettiv u sinifikanti, u li t-trade unions b'mod partikolari jkunu involuti b'mod xieraq. Il-konsultazzjoni u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jgħinu lill-impriżi jidentifikaw impatti negattivi potenzjali u reali b'mod aktar preċiż u jistabbilixxu strateġija ta' diliġenza dovuta aktar effettiva. Għalhekk, din id-Direttiva tirrikjedi diskussjoni mal-partijiet ikkonċernati, u l-involviment tagħhom, fl-istadji kollha tal-proċess tad-diliġenza dovuta. Barra minn hekk, tali diskussjoni u involviment jistgħu jagħtu vuċi lil dawk b'interess qawwi fis-sostenibbiltà fit-tul ta' impriża. Il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati tista' tgħin biex jittejbu l-prestazzjoni u l-profittabbiltà fit-tul tal-impriżi, peress li s-sostenibbiltà akbar tagħhom ikollha effetti ekonomiċi aggregati pożittivi.

    (39)

    Meta jsiru diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kif previst minn din id-Direttiva, l-impriżi jenħtieġ li jiżguraw li meta l-partijiet ikkonċernati jkunu popli indiġeni, tali diskussjonijiet isiru f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bħad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (7), inkluż il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat u d-dritt tal-popli indiġeni għall-awtodeterminazzjoni.

    (40)

    Il-kunċett ta' parti kkonċernata jfisser persuni li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati mid-deċiżjonijiet ta' impriża. It-terminu għalhekk jinkludi l-ħaddiema, il-komunitajiet lokali, it-tfal, il-popli indiġeni, l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini u l-azzjonisti, u l-organizzazzjonijiet li l-għan statutorju tagħhom huwa li jiżguraw li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u soċjali, il-klima, l-istandards ambjentali u tal-governanza tajba, bħat-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    (41)

    Sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-partijiet ikkonċernati kritiċi jibqgħu ma jinstemgħux jew jiġu emarġinati fil-proċess tad-diliġenza dovuta, din id-Direttiva jenħtieġ li tagħti lill-partijiet ikkonċernati rilevanti d-dritt għal diskussjonijiet sikuri u sinifikanti fir-rigward tal-istrateġija tad-diliġenza dovuta tal-impriża, u jenħtieġ li tiżgura l-involviment xieraq tat-trade unions jew tar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

    (42)

    L-informazzjoni rilevanti dwar l-istrateġija tad-diliġenza dovuta jenħtieġ li tiġi kkomunikata lill-partijiet ikkonċernati potenzjalment affettwati fuq talbiet u b'mod xieraq għall-kuntest ta' dawk il-partijiet ikkonċernati, pereżempju billi jitqiesu bis-sħiħ il-lingwa uffiċjali tal-pajjiż tal-partijiet ikkonċernati, il-livell ta' litteriżmu tagħhom u ta' aċċess għall-internet. Madankollu, jenħtieġ li ma jkun hemm ebda obbligu fuq l-impriżi li jiddivulgaw b'mod proattiv l-istrateġija sħiħa tad-diliġenza dovuta tagħhom b'mod xieraq għall-kuntest tal-parti kkonċernata, u r-rekwiżit li tiġi kkomunikata l-informazzjoni rilevanti jenħtieġ li jkun proporzjonat għan-natura, il-kuntest u d-daqs tal-impriża.

    (43)

    Il-proċeduri biex jitqajjem tħassib jenħtieġ li jiżguraw li l-anonimat jew il-kunfidenzjalità ta' dak it-tħassib, kif xieraq u skont id-dritt nazzjonali, kif ukoll is-sikurezza u l-integrità fiżika u legali tal-ilmentaturi kollha, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, jiġu protetti. F'każ li tali proċeduri jikkonċernaw lil informaturi, dawk il-proċeduri jenħtieġ li jkunu konformi mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (44)

    L-impriżi jenħtieġ li jkunu meħtieġa jagħmlu l-isforzi proporzjonati u korrispondenti kollha fil-limiti tas-setgħat tagħhom biex jidentifikaw il-fornituri u s-sottokuntratturi tagħhom u jagħmlu l-informazzjoni rilevanti aċċessibbli għall-pubbliku, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità kummerċjali. Sabiex tkun kompletament effettiva, id-diliġenza dovuta jenħtieġ li ma tkunx limitata għall-ewwel livell downstream u upstream fil-katina tal-provvista iżda jenħtieġ li tinkludi lil dawk li, matul il-proċess tad-diliġenza dovuta, setgħu ġew identifikati mill-impriża bħala li jippreżentaw riskji kbar. Din id-Direttiva, madankollu, jenħtieġ li tqis il-fatt li mhux l-impriżi kollha għandhom l-istess riżorsi jew kapaċitajiet biex jidentifikaw il-fornituri jew is-sottokuntratturi kollha tagħhom u għalhekk dan l-obbligu jenħtieġ li jkun soġġett għall-prinċipji ta' raġonevolezza u proporzjonalità, li jenħtieġ li fl-ebda każ ma jiġi interpretat mill-impriżi bħala skuża biex ma jikkonformawx mal-obbligu tagħhom li jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa f'dak ir-rigward.

    (45)

    Biex id-diliġenza dovuta tkun inkorporata fil-kultura u l-istruttura ta' impriża, il-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-impriża jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħha ta' sostenibbiltà u diliġenza dovuta.

    (46)

    Il-koordinazzjoni tal-isforzi ta' diliġenza dovuta tal-impriżi u azzjonijiet kollaborattivi volontarji fil-livell settorjali jew transsettorjali jistgħu jtejbu l-konsistenza u l-effikaċja tal-istrateġiji ta' diliġenza dovuta tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jħeġġu l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni ta' diliġenza dovuta fil-livell settorjali jew transsettorjali. Il-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jipparteċipaw fid-definizzjoni ta' dawk il-pjanijiet. L-iżvilupp ta' tali miżuri kollettivi jenħtieġ li bl-ebda mod ma jeħles lill-impriża mir-responsabbiltà individwali tagħha li twettaq id-diliġenza dovuta jew jippermetti li ma tinżammx responsabbli għall-ħsara li kkawżat jew li kkontribwiet għalihom f'konformità mad-dritt nazzjonali.

    (47)

    Sabiex ikun effettiv, qafas ta' diliġenza dovuta jenħtieġ li jinkludi mekkaniżmi ta' lmentar fil-livell tal-impriża jew fil-livell settorjali, u, sabiex jiġi żgurat li tali mekkaniżmi jkunu effettivi, l-impriżi jenħtieġ li jieħdu deċiżjonijiet infurmati mill-pożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati, meta jiżviluppaw mekkaniżmi ta' lmentar. Dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jqajmu tħassib raġonevoli u jenħtieġ li jiffunzjonaw bħala sistema ta' twissija bikrija ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u ta' medjazzjoni. Jenħtieġ li jkunu leġittimi, aċċessibbli, prevedibbli, ekwi, trasparenti, kompatibbli mad-drittijiet, sors ta' tagħlim kontinwu u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-impenn u d-djalogu. Il-mekkaniżmi ta' lmentar jenħtieġ li jkollhom id-dritt jagħmlu suġġerimenti dwar kif l-impatti negattivi potenzjali jew reali jistgħu jiġu indirizzati mill-impriża involuta. Jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jipproponu rimedju xieraq meta jinġieb għall-attenzjoni tagħhom permezz tal-medjazzjoni li impriża tkun ikkawżat impatt negattiv jew ikkontribwiet għalih.

    (48)

    Il-mekkaniżmi ta' lmentar jenħtieġ li ma jeħilsux lill-Istati Membri mid-dmir primarju tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u li jipprovdu aċċess għall-ġustizzja u r-rimedji.

    (49)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru awtorità nazzjonali waħda jew aktar minn waħda biex jissorveljaw l-implimentazzjoni korretta mill-impriżi tal-obbligi tagħhom ta' diliġenza dovuta u jiżguraw l-infurzar xieraq ta' din id-Direttiva. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jkunu indipendenti u jenħtieġ li jkollhom is-setgħat u r-riżorsi xierqa biex iwettqu l-kompiti tagħhom. Jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jwettqu verifiki xierqa, fuq l-inizjattiva tagħhom stess jew abbażi ta' tħassib issostanzjat u raġonevoli mqajjem minn partijiet ikkonċernati u partijiet terzi, u li jimponu sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt li jqisu l-gravità u r-repetizzjoni tal-ksur, sabiex jiżguraw li l-impriżi jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fid-dritt nazzjonali. Fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea jenħtieġ li tistabbilixxi Network Ewropew ta' Diliġenza Dovuta tal-awtoritajiet kompetenti biex tiżgura l-kooperazzjoni.

    (50)

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu multi amministrattivi komparabbli fid-daqs għall-multi attwalment previsti fid-dritt tal-kompetizzjoni u fid-dritt tal-protezzjoni tad-data.

    (51)

    L-awtoritajiet nazzjonali huma mħeġġa jikkooperaw u jaqsmu l-informazzjoni mal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCP) tal-OECD u mal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem disponibbli f'pajjiżhom.

    (52)

    F'konformità mal-UNGPs, it-twettiq tad-diliġenza dovuta jenħtieġ li, minnu nnifsu, ma jeħlisx lill-impriżi mir-responsabbiltà talli jikkawżaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew ħsara ambjentali, jew jikkontribwixxu għalihom. Madankollu, il-fatt li jkun hemm fis-seħħ proċess ta' diliġenza dovuta robust u adegwat jista' jgħin lill-impriżi jipprevjenu l-ħsara.

    (53)

    Meta jintroduċu reġim ta' responsabbiltà, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw preżunzjoni konfutabbli li tirrikjedi ċertu livell ta' evidenza. L-oneru tal-provi jiġi ttrasferit minn vittma għal impriża biex jiġi ppruvat li impriża ma kellhiex kontroll fuq entità kummerċjali involuta fl-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem.

    (54)

    Il-perjodi ta' limitazzjoni jenħtieġ li jitqiesu raġonevoli u xierqa jekk ma jirrestrinġux id-dritt tal-vittmi li jkollhom aċċess għall-ġustizzja, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-isfidi prattiċi li jiffaċċjaw ir-rikorrenti potenzjali. Jenħtieġ li jingħata biżżejjed żmien lill-vittmi ta' impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza biex iressqu azzjoni legali, b'kont meħud tal-pożizzjoni ġeografika tagħhom, il-mezzi tagħhom u d-diffikultà ġenerali li jqajmu pretensjonijiet ammissibbli quddiem il-qrati tal-Unjoni.

    (55)

    Id-dritt għal rimedju effettiv huwa dritt tal-bniedem rikonoxxut internazzjonalment, minqux fl-Artikolu 8 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 2(3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u huwa wkoll dritt fundamentali tal-Unjoni (l-Artikolu 47 tal-Karta). Kif imfakkar mill-UNGPs, l-istati għandhom id-dmir li jiżguraw, b'mezzi ġudizzjarji, amministrattivi, leġiżlattivi jew mezzi xierqa oħra, li dawk affettwati minn abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju jkollhom aċċess għal rimedju effettiv. Għalhekk, din id-Direttiva tagħmel referenza speċifika għal dan l-obbligu f'konformità mal-Prinċipji Bażiċi u l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet għal Rimedju u Riparazzjoni għall-Vittmi ta' Ksur Serju tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u ta' Ksur Serju tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali.

    (56)

    L-impriżi kbar huma mħeġġa jwaqqfu kumitati konsultattivi bil-kompitu li jagħtu pariri lill-korpi governattivi tagħhom dwar kwistjonijiet ta' diliġenza dovuta, u jinkludu lill-partijiet ikkonċernati fil-kompożizzjoni tagħhom.

    (57)

    It-trade unions jenħtieġ li jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'rabta mad-diliġenza dovuta, anki sabiex jistabbilixxu rabtiet mat-trade unions u l-ħaddiema fl-impriżi li magħhom l-impriża prinċipali jkollha relazzjonijiet ta' negozju.

    (58)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw reġimi ta' responsabbiltà eżistenti jew, jekk meħtieġ, jintroduċu aktar leġislazzjoni biex jiżguraw li l-impriżi, f'konformità mad-dritt nazzjonali, jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara li tirriżulta minn impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza li huma, jew l-entitajiet li jikkontrollaw, ikkawżaw jew ikkontribwew għalihom permezz ta' atti jew ommissjonijiet, dment li l-impriża ma tkunx tista' tipprova li ħadet il-miżuri kollha dovuti f'konformità ma' din id-Direttiva biex tevita l-ħsara inkwistjoni, jew li d-ħsara kienet isseħħ anki li kieku ttieħdu l-miżuri dovuti kollha.

    (59)

    Sabiex jinħolqu ċarezza u ċertezza u konsistenza fost il-prattiki tal-impriżi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tħejji linji gwida f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-OECD u bl-għajnuna ta' għadd ta' aġenziji speċjalizzati, b'mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji. Diġà jeżistu għadd ta' linji gwida dwar id-diliġenza dovuta prodotti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u jistgħu jintużaw bħala referenza għall-Kummissjoni meta tfassal linji gwida skont din id-Direttiva speċifikament għall-impriżi tal-Unjoni. Din id-Direttiva jenħtieġ li timmira għal armonizzazzjoni sħiħa tal-istandards fost l-Istati Membri. Minbarra l-linji gwida ġenerali li jenħtieġ li jiggwidaw lill-impriżi kollha u b'mod partikolari lill-impriżi żgħar u medji fl-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta fl-operazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprevedi t-tfassil ta' linji gwida speċifiċi għas-settur u tipprovdi lista aġġornata regolarment ta' skedi informattivi tal-pajjiż sabiex tgħin lill-impriżi jivvalutaw l-impatti negattivi potenzjali u reali tal-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba f'qasam partikolari. Dawk l-iskedi informattivi jenħtieġ li jindikaw b'mod partikolari liema Konvenzjonijiet u Trattati fost dawk elenkati fl-Annessi xx, xxx u xxxx ta' din id-Direttiva ġew ratifikati minn pajjiż partikolari.

    (60)

    Sabiex jiġu aġġornati t-tipi ta' impatti negattivi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emenda tal-Annessi xx, xxx u xxxx ta' din id-Direttiva. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jaħdmu fuq it-tħejjija ta' atti delegati.

    (61)

    Billi l-objettivi ta' din id-Diretti ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Union, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawk l-objettivi jintlaħqu,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett u objettivi

    1.   Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li l-impriżi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha li joperaw fis-suq intern jissodisfaw id-dmir tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba u li ma joħolqux jew jikkontribwixxu għal impatti negattivi potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba permezz tal-attivitajiet tagħhom stess jew dawk marbuta direttament mal-operazzjonijiet, il-prodotti jew is-servizzi tagħhom minħabba relazzjoni ta' negozju jew fil-ktajjen tal-valur tagħhom, u li jipprevjenu u jimmitigaw dawk l-impatti negattivi.

    2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi l-obbligi ta' diliġenza dovuta tal-ktajjen tal-valur tal-impriżi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, jiġifieri li jieħdu l-miżuri proporzjonati u korrispondenti kollha u li jagħmlu sforzi fil-limiti tas-setgħat tagħhom biex jipprevjenu li jseħħu impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba fil-ktajjen tal-valur tagħhom, u li jindirizzaw kif xieraq tali impatti negattivi meta jseħħu. L-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta jirrikjedi li l-impriżi jidentifikaw, jivvalutaw, jipprevjenu, iwaqqfu, jimmitigaw, jimmonitorjaw, jikkomunikaw, jagħtu rendikont għal, jindirizzaw u jirrimedjaw l-impatti negattivi potenzjali u/jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba li l-attivitajiet tagħhom stess u dawk tal-ktajjen tal-valur u r-relazzjonijiet ta' negozju tagħhom jistgħu joħolqu. Billi jikkoordinaw is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba, dawk ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern.

    3.   Din id-Direttiva għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-impriżi jkollhom l-obbligu ta' rendikont u jinżammu responsabbli f'konformità mad-dritt nazzjonali għall-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba li jikkawżaw jew li jikkontribwixxu għalihom fil-katina tal-valur tagħhom, u għandha l-għan li tiżgura li l-vittmi jkollhom aċċess għal rimedji legali.

    4.   Din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra ta' diliġenza dovuta stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għas-settur, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 995/2010 u r-Regolament (UE) 2017/821, dment li r-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta f'din id-Direttiva ma jipprevedux diliġenza dovuta aktar bir-reqqa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba.

    5.   L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandha bl-ebda mod tikkostitwixxi bażi għall-ġustifikazzjoni ta' tnaqqis fil-livell ġenerali tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-ambjent. B'mod partikolari, għandha tiġi applikata mingħajr preġudizzju għal sottokuntrattar, stazzjonar jew oqfsa ta' responsabbiltà applikabbli oħra, stabbiliti fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi l-kbar regolati mil-liġi ta' Stat Membru jew stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni.

    2.   Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-impriżi żgħar u medji kollha elenkati fil-Borża, kif ukoll għall-impriżi żgħar u medji b'riskju għoli.

    3.   Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal impriżi kbar, impriżi żgħar u medji elenkati fil-Borża u impriżi żgħar u medji li joperaw f'setturi b'riskju għoli, li huma rregolati mil-liġi ta' pajjiż terz u mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni meta joperaw fis-suq intern billi jbigħu prodotti jew jipprovdu servizzi. Dawk l-impriżi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta stabbiliti f'din id-Direttiva kif trasposti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li joperaw fih u jkunu soġġetti għas-sanzjonijiet u r-reġimi ta' responsabbiltà stabbiliti b'din id-Direttiva kif trasposti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li joperaw fih.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “partijiet ikkonċernati” tfisser individwi, u gruppi ta' individwi li d-drittijiet jew l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati mill-impatti negattivi potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba kkawżati minn impriża jew ir-relazzjonijiet ta' negozju tagħha, kif ukoll organizzazzjonijiet li l-għan statutorju tagħhom huwa d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, l-ambjent u l-governanza tajba. Dawn jistgħu jinkludu l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, il-komunitajiet lokali, it-tfal, il-popli indiġeni, l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-azzjonisti tal-impriżi;

    (2)

    “relazzjonijiet ta' negozju” tfisser sussidjarji u relazzjonijiet kummerċjali ta' impriża tul il-katina tal-valur tagħha, inklużi fornituri u sottokuntratturi, li huma direttament marbuta mal-operazzjonijiet tan-negozju, il-prodotti jew is-servizzi tal-impriża;

    (3)

    “fornitur” tfisser kwalunkwe impriża li tipprovdi prodott, parti minn prodott, jew servizz lil impriża oħra, direttament jew indirettament, fil-kuntest ta' relazzjoni ta' negozju;

    (4)

    “sottokuntrattur” tfisser ir-relazzjonijiet ta' negozju kollha li jwettqu servizz jew attività li tikkontribwixxi għat-tlestija tal-operazzjonijiet ta' impriża;

    (5)

    “katina tal-valur” tfisser l-attivitajiet, l-operazzjonijiet, ir-relazzjonijiet ta' negozju u l-ktajjen ta' investiment kollha ta' impriża u tinkludi entitajiet li magħhom l-impriża għandha relazzjoni ta' negozju diretta jew indiretta, upstream u downstream, u li jew:

    (a)

    ifornu prodotti, partijiet minn prodotti jew servizzi li jikkontribwixxu għall-prodotti jew is-servizzi tal-impriża stess, jew

    (b)

    jirċievu prodotti jew servizzi mill-impriża;

    (6)

    “impatt negattiv potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem” tfisser kwalunkwe impatt negattiv potenzjali jew reali li jista' jfixkel it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem minn individwi jew gruppi ta' individwi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali, tal-ħaddiema u tat-trade unions, kif stabbilit fl-Anness xx ta' din id-Direttiva. Dak l-Anness għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari u jkun konsistenti mal-objettivi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17, biex temenda l-lista fl-Anness xx;

    (7)

    “impatt negattiv potenzjali jew reali fuq l-ambjent” tfisser kwalunkwe ksur tal-istandards ambjentali rikonoxxuti internazzjonalment u tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Anness xxx ta' din id-Direttiva. Dak l-Anness għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari u jkun konsistenti mal-objettivi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ambjentali u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17, biex temenda l-lista fl-Anness xxx;

    (8)

    “impatt negattiv potenzjali jew reali fuq il-governanza tajba” tfisser kwalunkwe impatt negattiv potenzjali jew reali fuq il-governanza tajba ta' pajjiż, reġjun jew territorju, kif stabbilit fl-Anness xxxx ta' din id-Direttiva. Dak l-Anness għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari u jkun konsistenti mal-objettivi tal-Unjoni dwar il-governanza tajba. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17, biex temenda l-lista fl-Anness xxxx;

    (9)

    “kontroll” tfisser il-possibbiltà għal impriża li teżerċita influwenza deċiżiva fuq impriża oħra, b'mod partikolari permezz tas-sjieda jew id-dritt li tuża l-assi kollha jew parti minnhom ta' din tal-aħħar, jew permezz ta' drittijiet jew kuntratti jew kwalunkwe mezz ieħor, b'kont meħud tal-kunsiderazzjonijiet fattwali kollha, li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-korpi deċiżjonali ta' impriża;

    (10)

    “kontribut għal”: tfisser li l-attivitajiet ta' impriża, flimkien mal-attivitajiet ta' entitajiet oħra, jikkawżaw impatt, jew li l-attivitajiet tal-impriża jikkawżaw, jiffaċilitaw jew jinċentivaw entità oħra biex tikkawża impatt negattiv. Il-kontribut għandu jkun sostanzjali, li jfisser li l-kontributi minuri jew trivjali huma esklużi. Il-valutazzjoni tan-natura sostanzjali tal-kontribut u l-fehim ta' meta l-azzjonijiet tal-impriża setgħu kkawżaw, iffaċilitaw jew inċentivaw lil entità oħra biex tikkawża impatt negattiv jistgħu jinvolvu l-kunsiderazzjoni ta' diversi fatturi.

    Il-fatturi li ġejjin jistgħu jitqiesu:

    sa liema punt impriża tista' tinkoraġġixxi jew timmotiva impatt negattiv minn entità oħra, i.e. il-livell li fih l-attività żiedet ir-riskju li l-impatt iseħħ,

    sa liema punt impriża setgħet jew kellha tkun taf dwar l-impatt negattiv jew il-potenzjal għal impatt negattiv, i.e. il-livell ta' prevedibbiltà,

    il-livell li fih kwalunkwe waħda mill-attivitajiet tal-impriża fil-fatt immitigat l-impatt negattiv jew naqqset ir-riskju li l-impatt iseħħ.

    Is-sempliċi eżistenza ta' relazzjoni ta' negozju jew attivitajiet li joħolqu l-kundizzjonijiet ġenerali li fihom huwa possibbli li jseħħu impatti negattivi ma tikkostitwix fiha nnifisha relazzjoni ta' kontribut. L-attività inkwistjoni għandha żżid sostanzjalment ir-riskju ta' impatt negattiv.

    Artikolu 4

    Strateġija ta' diliġenza dovuta

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli biex jiżguraw li l-impriżi jwettqu diliġenza dovuta effettiva fir-rigward ta' impatti negattivi reali jew potenzjali fuq d-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza fl-operazzjonijiet u r-relazzjonijiet ta' negozju tagħhom.

    2.   L-impriżi għandhom b'mod kontinwu jwettqu l-isforzi kollha, fl-ambitu tal-mezzi tagħhom, biex jidentifikaw u jivvalutaw, permezz ta' metodoloġija ta' monitoraġġ ibbażata fuq ir-riskju li tqis il-probabbiltà, il-gravità u l-urġenza tal-impatti potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba, in-natura u l-kuntest tal-operazzjonijiet tagħhom, inklużi dawk ġeografiċi, u jekk l-operazzjonijiet u r-relazzjonijiet ta' negozju tagħhom jikkawżawx kwalunkwe wieħed minn dawk l-impatti negattivi potenzjali jew reali jew ma jagħtux kontribut għalih jew humiex direttament marbuta miegħu.

    3.   Jekk impriża kbira, li r-relazzjonijiet ta' negozju diretti tagħha jkunu kollha domiċiljati fl-Unjoni, jew impriża żgħira jew ta' daqs medju tikkonkludi, f'konformità mal-paragrafu 2, li hija ma tikkawżax xi impatt negattiv potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba, ma tagħtix kontribut għall-istess impatt, jew li mhijiex direttament marbuta miegħu, hija għandha tippubblika dikjarazzjoni f'dak is-sens u għandha tinkludi l-valutazzjoni tar-riskju tagħha li jkun fiha d-data, l-informazzjoni u l-metodoloġija rilevanti li wasslu għal din il-konklużjoni. B'mod partikolari, dik l-impriża tista' tikkonkludi li ma ltaqgħet mal-ebda impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba jekk l-identifikazzjoni tal-impatti u l-analiżi tal-valutazzjoni tar-riskju tagħha jiddeterminaw li l-fornituri diretti kollha tagħha jwettqu d-diliġenza dovuta f'konformità ma' din id-direttiva. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi rieżaminata f'każ li jitfaċċaw riskji ġodda jew fil-każ li dik l-impriża tidħol f'relazzjonijiet ta' negozju ġodda li jistgħu joħolqu riskji.

    4.   Sakemm impriża ma tikkonkludix, f'konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, li hija ma tikkawżax xi impatt negattiv potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba jew ma tagħtix kontribut għall-istess impatt, jew li mhijiex direttament marbuta miegħu, hija għandha tistabbilixxi u timplimenta b'mod effettiv strateġija ta' diliġenza dovuta. Bħala parti mill-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta, l-impriżi għandhom:

    (i)

    jispeċifikaw l-impatti negattivi potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba identifikati u vvalutati f'konformità mal-paragrafu 2, li x'aktarx ikunu preżenti fl-operazzjonijiet u r-relazzjonijiet ta' negozju tagħhom, u l-livell ta' gravità, probabbiltà u urġenza tagħhom u d-data, l-informazzjoni u l-metodoloġija rilevanti li wasslu għal dawn il-konklużjonijiet;

    (ii)

    jimmappjaw il-katina tal-valur tagħhom u, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-kunfidenzjalità kummerċjali, jiżvelaw pubblikament informazzjoni rilevanti dwar il-katina tal-valur tal-impriża, li tista' tinkludi ismijiet, postijiet, tipi ta' prodotti u servizzi fornuti, u informazzjoni rilevanti oħra dwar sussidjarji, fornituri u sħab kummerċjali fil-katina tal-valur tagħha;

    (iii)

    jadottaw u jindikaw il-politiki u l-miżuri kollha proporzjonati u adegwati bil-ħsieb li jwaqqfu, jipprevjenu jew itaffu l-impatti negattivi potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba;

    (iv)

    jistabbilixxu strateġija ta' prijoritizzazzjoni abbażi tal-Prinċipju 17 tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ li ma jkunux f'pożizzjoni li jindirizzaw l-impatti negattivi potenzjali jew reali kollha fl-istess ħin. L-impriżi għandhom iqisu l-livell ta' gravità, probabbiltà u urġenza tar-riskji differenti potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba, in-natura u l-kuntest tal-operazzjonijiet tagħhom, inklużi dawk ġeografiċi, l-ambitu tar-riskji, l-iskala tagħhom u n-natura possibilment irrimedjabbli tagħhom, u jekk ikun meħtieġ, jużaw il-politika ta' prijoritizzazzjoni meta jindirizzaw dawn ir-riskji;

    5.   L-impriżi għandhom jiżguraw li l-istrateġija tan-negozju tagħhom u l-politiki tagħhom ikunu konformi mal-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta. L-impriżi għandhom jinkludu spjegazzjonijiet fl-istrateġiji tagħhom ta' diliġenza dovuta f'dak ir-rigward.

    6.   Is-sussidjarji ta' impriża għandhom jitqiesu f'konformità mal-obbligu li tiġi stabbilita strateġija ta' diliġenza dovuta jekk il-kumpanija omm tinkludihom fl-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta.

    7.   L-impriżi għandhom iwettqu, fil-katina tal-valur tagħhom, diliġenza dovuta li tkun proporzjonata u adegwata għall-probabbiltà u l-gravità tal-impatti negattivi potenzjali jew reali tagħhom u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom, b'mod partikolari s-settur tal-attività tagħhom, id-daqs u t-tul tal-katina tal-valur tagħhom, id-daqs tal-impriża, il-kapaċità, ir-riżorsi u l-ingranaġġ tagħha.

    8.   L-impriżi għandhom jiżguraw li r-relazzjonijiet ta' negozju tagħhom jistabbilixxu u japplikaw politiki fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ambjent u tal-governanza tajba li jkunu konformi mal-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta, inkluż pereżempju permezz ta' ftehimiet qafas, klawżoli kuntrattwali, l-adozzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta jew permezz ta' awditjar iċċertifikat u indipendenti. L-impriżi għandhom jiżguraw li l-politiki tax-xiri tagħhom ma jikkawżawx jew ma jikkontribwixxux għal impatti negattivi potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba.

    9.   L-impriżi għandhom jivverifikaw b'mod regolari li s-sottokuntratturi u l-fornituri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom previsti fil-paragrafu 8.

    Artikolu 5

    L-involviment tal-partijiet interessati

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi jipproċedu in bona fede għal diskussjonijiet effettivi, sinifikanti u infurmati mal-partijiet interessati rilevanti meta jistabbilixxu u jimplimentaw l-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, b'mod partikolari, id-dritt għat-trade unions fil-livell rilevanti, inkluż fil-livelli settorjali, nazzjonali, Ewropej u dinji, u d-dritt tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li jkunu involuti fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' diliġenza dovuta in bona fede mal-impriża tagħhom. L-impriżi jistgħu jipprijoritizzaw id-diskussjonijiet mal-partijiet interessati l-aktar milquta. L-impriżi għandhom iwettqu diskussjonijiet u jinvolvu lit-trade unions u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema b'mod li jkun xieraq għad-daqs tagħhom u għan-natura u l-kuntest tal-operazzjonijiet tagħhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet interessati jkunu intitolati jitolbu mingħand l-impriża djalogu dwar l-impatti negattivi potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba li huma rilevanti għalihom, b'mod konformi mal-paragrafu 1.

    3.   L-impriżi għandhom jiżguraw li l-partijiet interessati affettwati jew potenzjalment affettwati ma jitqiegħdux f'riskju minħabba li jkunu pparteċipaw fil-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    4.   Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jiġu infurmati mill-impriża dwar l-istrateġija tagħha ta' diliġenza dovuta u dwar l-implimentazzjoni tagħha, li għalihom għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu, f'konformità mad-Direttivi 2002/14/KE (10) u 2009/38/KE (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill2001/86/KE (12). Barra minn hekk, id-dritt ta' negozjar kollettiv għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ, kif rikonoxxut b'mod partikolari mill-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO, il-Konvenzjoni Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-ILO dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni, il-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet (CEACR) u l-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa (ECSR).

    Artikolu 6

    Il-pubblikazzjoni u l-komunikazzjoni tal-istrateġija ta' diliġenza dovuta

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-kunfidenzjalità kummerċjali, li l-impriżi jrendu l-aħħar verżjoni tal-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta, jew id-dikjarazzjoni inkluża l-valutazzjoni tar-riskju, imsemmija fl-Artikolu 4(3), disponibbli għall-pubbliku, u aċċessibbli mingħajr ħlas, speċjalment fuq is-siti web tal-impriżi.

    2.   L-impriżi għandhom jikkomunikaw l-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, it-trade unions, ir-relazzjonijiet ta' negozju tagħhom u lil waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura b'mod konformi tal-Artikolu 12.

    L-impriżi għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti dwar l-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta lill-partijiet interessati potenzjalment affettwati fuq talba u b'mod xieraq għall-kuntest ta' dawk il-partijiet interessati, pereżempju billi titqies il-lingwa uffiċjali tal-pajjiż tal-partijiet interessati.

    3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-impriżi jtellgħu l-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta jew id-dikjarazzjoni inkluża l-valutazzjoni tar-riskju, imsemmija fl-Artikolu 4(3) fuq pjattaforma ċentralizzata Ewropea, taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Pjattaforma bħal din tista' tkun il-Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew imsemmi mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni reċenti tagħha dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM/2020/0590). Il-Kummissjoni għandha tipprovdi mudell standardizzat bil-għan li ttella' l-istrateġiji ta' diliġenza dovuta fuq il-pjattaforma ċentralizzata Ewropea.

    Artikolu 7

    L-iżvelar ta' informazzjoni mhux finanzjarja u informazzjoni dwar id-diversità

    Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti fuq ċerti impriżi mid-Direttiva 2013/34/UE biex fir-rapport ta' ġestjoni tagħhom jinkludu dikjarazzjoni mhux finanzjarja li tinkludi deskrizzjoni tal-politiki segwiti mill-impriża fir-rigward ta', bħala minimu, kwistjonijiet ambjentali, soċjali u li jirrigwardaw l-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u dwar it-tixħim, u l-proċeduri ta' diliġenza dovuta implimentati.

    Artikolu 8

    L-evalwazzjoni u r-rieżami tal-istrateġija ta' diliġenza dovuta

    1.   L-impriżi għandhom jevalwaw l-effettività u l-adegwatezza tal-istrateġija tagħhom ta' diliġenza dovuta u tal-implimentazzjoni tagħha mill-inqas darba fis-sena, u jirreveduha kif xieraq kull meta titqies neċessarja reviżjoni minħabba r-riżultat tal-evalwazzjoni.

    2.   L-evalwazzjoni u r-reviżjoni tal-istrateġija ta' diliġenza dovuta għandhom jitwettqu f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-involviment tat-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema bl-istess mod bħal meta tiġi stabbilita l-istrateġija ta' diliġenza dovuta b'mod konformi mal-Artikolu 4.

    Artikolu 9

    Il-mekkaniżmi ta' lmentar

    1.   L-impriżi għandhom jipprovdu mekkaniżmu ta' lmentar, kemm bħala sistema ta' twissija bikrija għas-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju kif ukoll bħala sistema ta' medjazzjoni, li jippermetti lil kwalunkwe parti interessati tesprimi tħassib raġonevoli dwar l-impatt negattiv potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza t-tajba. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi jkunu jistgħu jipprevedu tali mekkaniżmu permezz ta' arranġamenti kollaborattivi ma' impriżi jew organizzazzjonijiet oħra, billi jipparteċipaw f'mekkaniżmi ta' lmentar multilaterali u billi jaderixxu ma' Ftehim Qafas Dinji.

    2.   Il-mekkaniżmi ta' lmentar għandhom ikunu leġittimi, aċċessibbli, prevedibbli, sikuri, ekwi, trasparenti, kompatibbli mad-drittijiet u adattabbli kif stabbilit fil-kriterji tal-effettività għall-mekkaniżmi ta' lmentar mhux ġudizzjarji fil-Prinċipju 31 tal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumment Ġenerali Nru 16 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Tali mekkaniżmi għandhom jipprevedu l-possibbiltà li jitqajjem tħassib jew b'mod anonimu jew b'mod kunfidenzjali, kif xieraq f'konformità mal-liġi nazzjonali.

    3.   Il-mekkaniżmu ta' lmentar għandu jipprovdi tweġibiet f'waqthom u effettivi lill-partijiet interessati, kemm f'każijiet ta' twissijiet kif ukoll f'każijiet ta' tħassib.

    4.   L-impriżi għandhom jirrapportaw dwar tħassib raġonevoli mqajjem permezz tal-mekkaniżmi ta' lmentar tagħhom u jirrapportaw regolarment dwar il-progress li jkun sar f'dawk il-każijiet. L-informazzjoni kollha għandha tiġi ppubblikata b'mod li ma jipperikolax is-sikurezza tal-partijiet interessati, inkluż billi ma tiġix żvelata l-identità tagħhom.

    5.   Il-mekkaniżmi ta' lmentar għandhom ikunu intitolati jagħmlu proposti lill-impriża dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-impatti negattivi potenzjali jew reali.

    6.   L-impriżi għandhom jieħdu deċiżjonijiet informati mill-pożizzjoni tal-partijiet interessati, meta jiżviluppaw mekkaniżmi ta' lmentar.

    7.   Ir-rikors għal mekkaniżmu ta' lmentar ma għandux jipprekludi lil dawk li jressqu lment milli jkollhom aċċess għal mekkaniżmi ġudizzjarji.

    Artikolu 10

    Ir-rimedji ekstraġudizzjarji

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta impriża tirrealizza li tkun ikkawżat jew ikkontribwiet għal impatt negattiv, din tipprevedi rimedju jew tikkoopera mal-proċedura ta' rimedju. Meta impriża tirrealizza li hija marbuta direttament ma' impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba, hija għandha tikkoopera mal-proċedura ta' rimedju bl-aħjar mod possibbli.

    2.   Ir-rimedju jista' jiġi propost minħabba r-riżultat ta' medjazzjoni permezz tal-mekkaniżmu ta' lmentar stabbilit fl-Artikolu 9.

    3.   Ir-rimedju għandu jiġi ddeterminat f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati affettwati u jista' jikkonsisti: kumpens finanzjarju jew mhux finanzjarju, rikostituzzjoni, apoloġiji pubbliċi, restituzzjoni, riabilitazzjoni jew kontribuzzjoni għal investigazzjoni.

    4.   L-impriżi għandhom jipprevjenu li tiġi kkawżata ħsara addizzjonali billi jipprovdu garanziji li l-ħsara inkwistjoni ma tiġix ripetuta.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proposta għal rimedju minn impriża ma twaqqafx lill-partijiet interessati affettwati milli jressqu azzjoni ċivili b'mod konformi mal-liġi nazzjonali. B'mod partikolari, il-vittmi ma għandhomx jintalbu jfittxu rimedji extraġudizzjarji qabel ma jressqu talba quddiem qorti, u lanqas ma għandhom il-proċedimenti li jkunu għaddejjin quddiem mekkaniżmu ta' lmentar jimpedixxu l-aċċess tal-vittmi għal qorti. Id-deċiżjonijiet maħruġa minn mekkaniżmu ta' lmentar għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq mill-qrati iżda ma għandhomx ikunu vinkolanti fuqhom.

    Artikolu 11

    Il-pjanijiet ta' azzjoni settorjali ta' diliġenza dovuta

    1.   L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni volontarji settorjali jew transsettorjali ta' diliġenza dovuta fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni li jkollhom fl-għan tagħhom il-koordinazzjoni tal-istrateġiji ta' diliġenza dovuta tal-impriżi.

    L-impriżi li jipparteċipaw fi pjanijiet ta' azzjoni settorjali jew transsettorjali ta' diliġenza dovuta ma għandhomx ikunu eżentati mill-obbligi previsti f'din id-Direttiva.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet interessati rilevanti, b'mod partikolari t-trade unions, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ikollhom id-dritt li jipparteċipaw fid-definizzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni settorjali ta' diliġenza dovuta mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' kull impriża li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5.

    3.   Il-pjanijiet ta' azzjonijiet settorjali ta' diliġenza dovuta jistgħu jipprevedu mekkaniżmu konġunt uniku ta' lmentar għall-impriżi li jidħlu fil-portata tagħhom. Il-mekkaniżmu ta' lmentar għandu jkun konformi mal-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva.

    4.   L-iżvilupp ta' mekkaniżmi settorjali ta' lmentar għandu jkun appoġġjat mill-pożizzjoni tal-partijiet interessati.

    Artikolu 12

    Superviżjoni

    1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar responsabbli għas-superviżjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, kif trasposta fil-liġi nazzjonali, u għat-tixrid tal-aħjar prattiki ta' diliġenza dovuta.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 ikunu indipendenti u jkollhom ir-riżorsi personali, tekniċi u finanzjarji, il-bini, l-infrastruttura, u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom b'mod effettiv.

    3.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti sa…. [data tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva]. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fl-ismijiet jew l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-disponibbiltà tal-pubbliku, inkluż fuq l-Internet, lista tal-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni għandha żżomm dik il-lista aġġornata.

    Artikolu 13

    Investigazzjonijiet dwar impriżi

    1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 14 għandu jkollhom is-setgħa li jwettqu investigazzjonijiet biex jiżguraw li l-impriżi jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva, inklużi impriżi li ddikjaraw li ma ltaqgħu ma' ebda impatt negattiv potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew il-governanza tajba. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu awtorizzati jwettqu kontrolli fuq l-impriżi u intervisti ma' partijiet ikkonċernati affettwati jew potenzjalment affettwati jew mar-rappreżentanti tagħhom. Tali verifiki jistgħu jinkludu eżami tal-istrateġija ta' diliġenza dovuta tal-impriża u tal-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' lmentar, kif ukoll kontrolli fuq il-post.

    L-impriżi għandhom jipprovdu l-assistenza kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw it-twettiq mill-awtoritajiet kompetenti tal-investigazzjonijiet tagħhom.

    2.   L-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jew jitwettqu billi jittieħed approċċ ibbażat fuq ir-riskju jew meta awtorità kompetenti jkollha fil-pussess tagħha l-informazzjoni rilevanti fir-rigward ta' ksur suspettat minn impriża tal-obbligi previsti f'din id-Direttiva, inkluż fuq il-bażi ta' lmenti sostanzjati u raġonevoli pprovduti minn kwalunkwe parti terza.

    3.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 12 għandhom jiffaċilitaw is-sottomissjoni minn partijiet terzi ta' tħassib sostanzjat u raġonevoli msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu permezz ta' miżuri bħal formoli armonizzati għas-sottomissjoni ta' tħassib. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-ilmentatur ikollu d-dritt li jitlob li t-tħassib tiegħu jibqa' kunfidenzjali jew anonimu, f'konformità mad-dritt nazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola msemmija fl-Artikolu 12 tkun tista' timtela wkoll b'mod elettroniku.

    4.   L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni fi żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa investigazzjoni jew koordinazzjoni ulterjuri ma' awtorità superviżorja oħra.

    5.   Jekk bħala riżultat tal-azzjonijiet meħuda skont il-paragrafu 1, awtorità kompetenti tidentifika nuqqas ta' konformità ma' din id-Direttiva, din għandha tagħti lill-impriża kkonċernata perjodu ta' żmien xieraq biex tieħu azzjoni ta' rimedju, jekk tali azzjoni hija possibbli.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk in-nuqqas ta' konformità ma' din id-Direttiva jista' jwassal għal ħsara irreparabbli, ikunu jistgħu jiġu ordnati l-adozzjoni ta' miżuri interim mill-impriża kkonċernata jew, f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, is-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet. Fil-każ ta' impriżi rregolati mil-liġi ta' Stat mhux Membru li joperaw fis-suq intern, is-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet tista' timplika projbizzjoni fuq l-operat fis-suq intern.

    7.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu penali f'konformità mal-Artikolu 18 fir-rigward tal-impriżi li ma jiħdux azzjoni ta' rimedju fil-perjodu ta' żmien mogħti. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jimponu multi amministrattivi.

    8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jżommu rekords tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u jindikaw b'mod partikolari n-natura u r-riżultat tagħhom, kif ukoll ir-rekord ta' kwalunkwe notifika ta' azzjonijiet ta' rimedju ppubblikata skont il-paragrafu 5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw rapport annwali tal-attività bil-każijiet l-aktar serji ta' nuqqas ta' konformità u l-mod ta' kif dawn ġew ittrattati, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-kunfidenzjalità kummerċjali.

    Artikolu 14

    Linji Gwida

    1.   Sabiex jinħolqu ċarezza u ċertezza għall-impriżi, kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fost il-prattiki tagħhom, il-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-OECD, u bl-għajnuna tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju, għandhom jippubblikaw linji gwida ġenerali mhux vinkolanti għall-impriżi dwar kif l-aħjar jissodisfaw l-obbligi ta' diliġenza dovuta stabbiliti f'din id-Direttiva. Dawk il-linji gwida għandhom jipprovdu gwida prattika dwar kif il-proporzjonalità u l-prijoritizzazzjoni, f'termini ta' impatti, setturi u żoni ġeografiċi, jistgħu jiġu applikati għall-obbligi ta' diliġenza dovuta skont id-daqs u s-settur tal-impriża. Il-linji gwida għandhom ikunu disponibbli mhux aktar tard minn… [18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

    2.   Il-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-OECD, u bl-għajnuna tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju, tista' tħejji linji gwida speċifiċi mhux vinkolanti għall-impriżi li joperaw f'ċerti setturi.

    3.   Fit-tħejjija tal-linji gwida mhux vinkolanti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' hawn fuq, għandhom jitqiesu kif xieraq il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO tal-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, il-Gwida tal-OECD għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali, il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen tal-Provvista Responsabbli fis-Settur tal-Ħwejjeġ u taż-Żraben, il-Gwida tal-OECD għal Imġiba Kummerċjali Responsabbli għall-Investituri Istituzzjonali, il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għas-self lill-impriżi u s-sottoskrizzjoni tat-titoli u l-Gwida tal-OECD-FAO dwar il-Ktajjen tal-Provvista Agrikola Responsabbli, il-Kumment Ġenerali Nru 16 dwar l-obbligi tal-Istat fir-rigward tal-impatt tas-settur tan-negozju fuq id-drittijiet tat-tfal tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Prinċipji tan-Negozju tal-UNICEF. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi perjodikament ir-rilevanza tal-linji gwida tagħha u tadattahom għall-aħjar prattiki ġodda.

    4.   L-iskedi informattivi tal-pajjiżi għandhom jiġu aġġornati b'mod regolari mill-Kummissjoni u jkunu disponibbli għall-pubbliku sabiex jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar il-Konvenzjonijiet u t-Trattati internazzjonali ratifikati minn kull wieħed mis-sħab kummerċjali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tippubblika data kummerċjali u doganali dwar l-oriġini tal-materja prima, u prodotti intermedji u lesti, u tippubblika informazzjoni dwar ir-riskji ta' impatti negattivi potenzjali jew reali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ambjent u tal-governanza assoċjati ma' ċerti pajjiżi jew reġjuni, setturi u sottosetturi, u prodotti.

    Artikolu 15

    Miżuri speċifiċi b'appoġġ għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun disponibbli portal speċifiku għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju fejn dawn ikunu jistgħu jfittxu gwida u jiksbu aktar appoġġ u informazzjoni dwar kif għandhom jissodisfaw bl-aħjar mod l-obbligi tagħhom ta' diliġenza dovuta.

    2.   L-impriżi żgħar u ta' daqs medju għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju biex iwettqu l-obbligi ta' diliġenza dovuta tagħhom fil-qafas tal-programmi tal-Unjoni biex jiġu appoġġjati l-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

    Artikolu 16

    Kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni

    1.   Il-Kummisssjoni għandha tistabbilixxi Network Ewropew tad-Diliġenza Dovuta biex jiżgura, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 12, il-koordinazzjoni u l-konverġenza ta' prattiki regolatorji, investigattivi, ta' infurzar u superviżorji, u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni u biex jimmonitorja l-prestazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

    L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkooperaw biex jinfurzaw l-obbligi previsti f'din id-Direttiva.

    2.   Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju għandhom jippubblikaw, abbażi tal-informazzjoni kondiviża mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u f'kooperazzjoni ma' esperti u partijiet interessati oħra tas-settur pubbliku, tabella ta' valutazzjoni annwali ta' diliġenza dovuta.

    Artikolu 17

    Eżerċizzju ta' delega

    1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3 għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' 5 snin minn … [data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu, it-tnejn li huma, infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 18

    Sanzjonijiet

    1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw sanzjonijiet proporzjonati applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet jiġu applikati. Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom iqisu l-gravità tal-ksur imwettaq u jekk il-ksur seħħx ripetutament jew le.

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu b'mod partikolari jimponu multi proporzjonati kkalkulati abbażi tal-fatturat ta' impriża, jeskludu b'mod temporanju jew indefinit impriżi mill-akkwist pubbliku, mill-għajnuna mill-Istat, minn skemi ta' appoġġ pubbliku inklużi skemi li jiddependu minn Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni u mis-self, u jirrikorru għas-sekwestru ta' merkanzija u sanzjonijiet amministrattivi xierqa oħra.

    Artikolu 19

    Responsabbiltà ċivili

    1.   Il-fatt li impriża tirrispetta l-obbligi ta' diliġenza dovuta ma għandu jeħles lill-impriża minn ebda responsabbiltà ċivili li tista' ġġarrab skont id-dritt nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ reġim ta' responsabbiltà li fl-ambitu tiegħu l-impriżi jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jinżammu responsabbli u jipprovdu rimedju għal kwalunkwe ħsara li tirriżulta minn impatti negattivi potenzjali jew reali fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza t-tajba li huma, jew l-impriżi taħt il-kontroll tagħhom, ikunu kkawżaw jew ikkontribwew għalihom permezz ta' atti jew omissjonijiet.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġim ta' responsabbiltà tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 2 ikun tali li l-impriżi li jagħtu prova li ħadu l-attenzjoni kollha dovuta f'konformità ma' din id-Direttiva biex jevitaw id-dannu inkwistjoni, jew li d-dannu kien iseħħ anki li kieku ttieħdet l-attenzjoni dovuta kollha, ma jinżammux responsabbli għal dak id-dannu.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjonijiet ta' responsabbiltà ċivili li jikkonċernaw dannu li jirriżulta minn impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent ikun raġonevoli.

    Artikolu 20

    Dritt internazzjonali privat

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva jitqiesu bħala dispożizzjonijiet mandatarji prevalenti f'konformità tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    Artikolu 21

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa … [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Dawn għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

    2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 22

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


    (1)  ĠU …

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli, (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).

    (*1)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li tidentifika setturi ta' attività ekonomika b'riskju għoli b'impatt sinifikanti fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba sabiex tinkludi lill-impriżi żgħar u medji li joperaw f'dawk is-setturi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. L-impriżi żgħar u medji b'riskju għoli jenħtieġ li jiġu definiti mill-Kummissjoni f'din id-Direttiva. Id-definizzjoni jenħtieġ li tqis is-settur tal-impriża jew it-tip ta' attivitajiet tagħha.

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

    (6)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

    (7)  https://www.un.org/esa/socdev/unpfii/documents/DRIPS_en.pdf

    (8)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

    (9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (10)  Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).

    (11)  Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).

    (12)  Id-Direttiva 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22).

    (13)  Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40).


    Top