Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DP0444

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Harald Vilimsky (2021/2073(IMM))

    ĠU C 205, 20.5.2022, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.5.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 205/55


    P9_TA(2021)0444

    Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Harald Vilimsky

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Harald Vilimsky (2021/2073(IMM))

    (2022/C 205/07)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Harald Vilimsky, imressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fi Vjenna u trażmessa fis-7 ta' Mejju 2021 mill-Kap tar-Rappreżentanza Permanenti tal-Awstrija lill-UE b'rabta mal-proċedimenti kriminali, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-20 ta' Mejju 2021,

    wara li sema' lil Harald Vilimsky, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

    wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 57(2) u (3) tal-Kostituzzjoni Awstrijaka,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0303/2021),

    A.

    billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta' Vjenna talab it-tneħħija tal-immunità ta' Harald Vilimsky, Membru tal-Parlament Ewropew, sabiex jibda proċedimenti ta' prosekuzzjoni kriminali b'rabta mar-reat ta' approprjazzjoni indebita skont it-Taqsima 153(1) u (3), fil-Prim'Istanza, u r-reat ta' involviment f'miżapproprjazzjoni ta' fondi skont it-Taqsimiet 12, it-tieni alternattiva, u 133(1) u (2), fil-Prim'Istanza, u l-użu ħażin ta' fondi skont it-Taqsima 153b(1), (2) u (3) tal-Kodiċi Kriminali Awstrijak;

    B.

    billi Harald Vilimsky ħadem bħala uffiċjal finanzjarju tal-grupp tal-Assemblea Nazzjonali tal-Partit tal-Libertà Awstrijaka (FPÖ) mis-27 ta' Ottubru 2006 sat-23 ta' Ottubru 2019; billi ġie elett fil-Parlament Ewropew insegwitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2019;

    C.

    billi mill-1 ta' Ottubru 2011 sat-13 ta' Awwissu 2019, Harald Vilimsky allegatament abbuża mill-awtorità tiegħu biex jagħmel użu minn kontijiet bankarji li jappartjenu lill-grupp parlamentari tal-FPÖ fl-Assemblea Nazzjonali Awstrijaka, billi rranġa għall-ħlas ta' kontijiet permezz ta' trasferimenti regolari mill-kont tal-grupp tal-Assemblea Nazzjonali tal-FPÖ għas-servizzi tal-mobiles użati għal skopijiet kompletament privati minn parti terza, li rriżulta f'telf finanzjarju lill-grupp tal-Assemblea Nazzjonali tal-FPÖ;

    D.

    billi huwa allegatament uża l-fondi mogħtija lill-grupp tal-Assemblea Nazzjonali tal-FPÖ għal skopijiet lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni definiti fit-Taqsima 1 tal-Att dwar il-Finanzjament tal-Gruppi Parlamentari Awstrijaċi tal-1985 (KlubFG), u billi allegatament għamel dan b'għarfien sħiħ tal-fatt li s-servizzi mħallsa ma kinux relatati mal-partit;

    E.

    billi l-allegat reat ma jittratta ebda opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi tad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew skont il-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

    F.

    billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-Istat;

    G.

    billi l-Artikolu 57(2) u (3) tal-Kostituzzjoni Awstrijaka jistipula li:

    “2.   Il-membri tal-Kunsill Nazzjonali jistgħu jiġu arrestati biss għal reat kriminali bil-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali, bl-eċċezzjoni ta' każ fejn jinqabdu waqt li qed jikkommettu delitt. Bl-istess mod, it-tiftix ta' djar ta' membri tal-Kunsill Nazzjonali jeħtieġ il-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali.

    3.   Inkella, il-membri tal-Kunsill Nazzjonali jistgħu jiġu mħarrka b'mod uffiċjali biss minħabba att punibbli, bil-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali, jekk ovvjament ma jkollu l-ebda rabta mal-attività uffiċjali tad-deputat inkwistjoni. Madankollu, l-aġenzija (Behörde) trid titlob deċiżjoni mill-Kunsill Nazzjonali dwar l-eżistenza ta' tali konnessjoni jekk id-deputat ikkonċernat jew terz tal-membri tal-Kumitat Permanenti li huwa fdat b'dawn il-kwistjonijiet, jitlob dan. Fil-każ ta' talba bħal din, kwalunkwe azzjoni uffiċjali ta' prosekuzzjoni għandha tieqaf jew tintemm immedjatament.”;

    H.

    billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat” (2);

    I.

    billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li jipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

    J.

    billi f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni wara l-proċediment legali tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru u b'hekk lill-Parlament Ewropew;

    1.   

    Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Harald Vilimsky;

    2.   

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Awstrija u lil Harald Vilimsky.


    (1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.

    (2)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.


    Top