Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021BP1576

    Riżoluzzjoni (UE) 2021/1576 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019

    ĠU L 340, 24.9.2021, p. 223–226 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2021/1576/oj

    24.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 340/223


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1576 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tad-29 ta’ April 2021

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2019,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0080/2021),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 75 663 812, u dan jirrappreżenta żieda ta' 14,99 % meta mqabbel ma' dak għall-2018; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (86,85 %) u l-kontribuzzjonijiet fl-ambitu ta' ftehimiet speċifiċi, jiġifieri l-programm Copernicus (13,15 %);

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,99 %, jiġifieri żieda ta' 0,04 % meta mqabbla mal-2018; jinnota bi tħassib, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,83 %, jiġifieri tnaqqis ta' 1,23 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

    Prestazzjoni

    2.

    Jinnota li l-Aġenzija tuża ċertu kejl bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u kejl ieħor biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħal pereżempju r-riżorsi tal-persunal imwettqa fit-tabella tal-persunal annwali, ir-rata tal-impenji baġitarji annwali u n-numru ta' sessjonijiet irreġistrati fuq is-sit web tal-Aġenzija;

    3.

    Jinnota li għat-tielet sena konsekuttiva, it-taqsima "data u mapep" kienet l-aktar waħda popolari tas-sit web tal-Aġenzija, b'aktar minn 2,75 miljun viżwalizzazzjoni tal-paġna u s-servers għall-mapep tal-web tal-Aġenzija rċevew 375 miljun talba biex jiġu viżwalizzati mapep prodotti mill-Aġenzija (u dan jirrappreżenta żieda ta' 25 % meta mqabbel mal-2018); jemmen li t-tixrid ta' informazzjoni ambjentali huwa ta' importanza ewlenija, speċjalment fid-dawl tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    4.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-Aġenzija tipprovdi informazzjoni tajba u indipendenti dwar l-ambjent; ifaħħar il-kwalità tal-pubblikazzjonijiet tagħha fl-2019, bħar-rapporti dwar it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà fl-Ewropa, l-adattament għat-tibdil fil-klima fis-settur agrikolu, il-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik, l-intensità tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-fjuwils tat-trasport u r-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent;

    5.

    Jinnota li rieżami intern tal-funzjonament tal-Bord ta' Mmaniġġjar u tal-bureau wassal għal rwol akbar għall-bureau, użu akbar ta' vidjokonferenzi u vjaġġar imnaqqas lejn Copenhagen għall-membri tal-bureau;

    6.

    Jinnota li, skont l-Aġenzija, hija tikkoopera fuq bażi kontinwa mal-Kummissjoni biex tidentifika u tilħaq ftehim dwar it-tqassim tal-kompiti mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, biex b'hekk jiġu evitati kompiti li jikkoinċidu; jinnota li l-Aġenzija ma identifikat l-ebda kompitu li jikkoinċidi ma' aġenziji oħra fin-Network tal-Aġenziji tal-UE;

    7.

    Jinnota li l-Aġenzija laħqet l-objettivi tagħha għall-2019, kif stabbiliti fil-programm ta' ħidma annwali tal-Aġenzija, li tipprovdi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini Ewropej aċċess għal informazzjoni u għarfien tempestivi u rilevanti biex tiġi pprovduta bażi soda għall-politiki ambjentali;

    8.

    Jinnota li l-Aġenzija bdiet tiżviluppa l-istrateġija tal-Aġenzija u tan-Network Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) għall-2021-2030 fl-2019 u li din l-istrateġija ġiet adottata f'Diċembru 2020;

    9.

    Ifakkar li, fl-2019, l-Aġenzija implimentat flussi ġodda ta' data għall-monitoraġġ tas-CO2 minn vetturi tqal ġodda, appoġġjat l-implimentazzjoni tal-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u kompliet tissimplifika r-rappurtar ambjentali;

    10.

    Jinnota li l-Aġenzija ċċelebrat il-25 anniversarju tagħha b'diversi attivitajiet u pubblikazzjonijiet li jirrikonoxxu l-ħidma mwettqa mill-Aġenzija u jagħtu ħarsa lejn l-għanijiet tal-Aġenzija fil-futur;

    11.

    Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem mal-aġenziji rilevanti l-oħra tal-Unjoni sabiex jiġu vvalutati aħjar l-impatti ambjentali tal-attività tal-bniedem; jinnota l-eżempji tal-Aġenzija ta' attivitajiet konġunti ma' aġenziji oħra, bħall-pubblikazzjoni tar-Rapport Ambjentali tal-Avjazzjoni Ewropea 2019 mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-ippjanar maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Kummissjoni ta' osservatorju virtwali u innovattiv tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u s-saħħa; jistieden lill-Aġenzija tkompli tespandi l-kooperazzjoni ma' aġenziji oħra;

    12.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-għanijiet tal-Aġenzija huma pan-Ewropej u, għal din ir-raġuni, jeħtieġ li hija tikkoopera mill-qrib ma' pajjiżi terzi fl-Ewropa; jinnota li skont il-kumment tal-Aġenzija, l-Istrateġija l-ġdida tal-EEA-Eionet 2021-2030 tistabbilixxi l-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-aġenda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għaż-żona pan-Ewropea aktar wiesgħa, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji l-ġodda tal-Unjoni li kienu qed jiġu ffurmati fl-2019, sabiex dawn jiddaħħlu fis-seħħ fil-bidu tal-2021;

    13.

    Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li xi attivitajiet ma setgħux jitwettqu bis-sħiħ fl-2019 minħabba diversi ċirkostanzi; jinnota bi tħassib li l-Bord ta' Mmaniġġjar saħaq li l-kapaċità tal-Aġenzija li tkompli tirrispondi b'mod xieraq għall-iżviluppi tal-politika se tiddependi minn żieda fir-riżorsi ewlenin allokati jew il-prijoritizzazzjoni ulterjuri u/jew il-waqfien ta' kompiti ċentrali attwali; jinnota li l-Aġenzija tivvaluta fejn ir-riżorsi allokati jagħtu l-aħjar valur u bħala parti mis-sottomissjoni tal-abbozz tal-baġit 2021 żiedet ir-riżorsi b'konkordanza mal-kompiti l-ġodda skont l-iżviluppi tal-politika;

    14.

    Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha u żżid l-iskambju tal-prattiki tajba u l-kooperazzjoni tagħha ma' aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà);

    15.

    Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f'termini ta' proċeduri ta' ġestjoni u operazzjonijiet interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa' proattiva f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

    16.

    Ifaħħar l-involviment proattiv tal-Aġenzija mal-media biex tiżviluppa viżibbiltà akbar fil-media, fuq l-internet u fuq il-media soċjali sabiex jinfirex l-għarfien dwar il-ħidma li twettaq;

    Politika dwar il-persunal

    17.

    Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kellha rata ta' implimentazzjoni ta' 96,77 %, bi 3 uffiċjali u 117-il aġent temporanju maħtura mit-total ta' 124 post tax-xogħol awtorizzati fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla ma' 124 post awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, fl-2019 kienu qed jaħdmu għall-Aġenzija 61 aġent kuntrattwali u 19-il espert nazzjonali sekondat;

    18.

    Jinnota n-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri rrappurtat għall-2019 fir-rigward tal-karigi maniġerjali superjuri (seba' rġiel u żewġ nisa) u tal-Bord ta' Mmaniġġjar (18-il raġel u 14-il mara); jitlob lill-Aġenzija tiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Bord ta' Mmaniġġjar tal-Aġenzija;

    19.

    Jinnota li l-Aġenzija adottat politika dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jieħu nota tal-fatt li ġie rrappurtat każ wieħed ta' allegat fastidju fl-2019 li wassal għal inkjesta amministrattiva u proċedimenti dixxiplinari;

    20.

    Jinnota li l-EEA mistennija taqdi rwol ewlieni (monitoraġġ, rappurtar, validazzjoni) fl-appoġġ tal-azzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-8 Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni (2); jinsisti għalhekk li l-baġit tal-persunal għall-Aġenzija għandu jiżdied biex jiġu ssodisfati dawn l-obbligi; jinnota li kwalunkwe tnaqqis futur se jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-Aġenzija u fuq it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    21.

    Jinnota bi tħassib, fir-rigward tas-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti minn snin preċedenti, li l-Aġenzija m'għandhiex politika aġġornata li tkopri postijiet sensittivi; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li l-Aġenzija għamlet inventarju tal-postijiet sensittivi tagħha mill-2009 u li l-linji gwida tagħha dwar l-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta' funzjonijiet sensittivi ġew rieżaminati fid-dawl tar-riorganizzazzjoni implimentata u ġew iffinalizzati; jistieden lill-Aġenzija tadotta u timplimenta bla dewmien il-politika dwar il-postijiet sensittivi;

    22.

    Jinnota li, skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Futur tal-Aġenziji, l-Aġenzija jaf ikollha tħabbat wiċċha ma' riżorsi limitati; jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Aġenzija tfassal pjan sostenibbli biex l-Aġenzija tiġi pprovduta bir-riżorsi skont il-ħtiġijiet u l-kompiti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jirrapportaw lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward;

    23.

    Jinsab imħasseb dwar id-daqs kbir tal-Bord ta' Mmaniġġjar tal-Aġenzija peress li dan jagħmel it-teħid ta' deċiżjonijiet wieħed diffiċli u jiġġenera spejjeż amministrattivi konsiderevoli;

    24.

    Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem fuq l-iżvilupp ta' qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà;

    25.

    Jissottolinja li sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess wara impjieg pubbliku u f'sitwazzjoni ta' "revolving doors" huma problema komuni għal ħafna korpi u aġenziji madwar l-Unjoni;

    Akkwist pubbliku

    26.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti, fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet magħmula għas-sena 2019 u s-segwitu mis-sejbiet tas-snin preċedenti, li l-Aġenzija daħlet f'kuntratt għal servizzi għal ammont ogħla mil-limitu tal-kuntratt qafas regolatorju iżda ma fformalizzatx dan permezz ta' emenda fil-kuntratt u ma mmonitorjatx b'mod korrett il-konsum akkumulattiv tal-kuntratt qabel ma għamlet ordni ġdida; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li għall-ġejjieni l-Aġenzija żgurat li kwalunkwe modifika f'kuntratt, inkluż il-limitu massimu tal-baġit tagħha, tiġi formalizzata permezz ta' emenda fil-kuntratt, u li l-uffiċjali tal-finanzi, tar-riżorsi u tal-awtorizzazzjoni jiġu mfakkra biex dejjem jivverifikaw il-baġit disponibbli tal-kuntratt fil-limiti massimi qabel ma jibdew kuntratti speċifiċi u biex jiżguraw aġġornament f'waqtu tal-għodda ta' kontroll tas-sistemi; madankollu, jitlob lill-Aġenzija tifformalizza l-modifiki ta' kuntratt skont id-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

    27.

    Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura t-trasparenza, tipprevjeni u tiġġestixxi l-kunflitti ta' interess, u tipprovdi l-protezzjoni lill-informaturi;

    28.

    Ifakkar li l-pubblikazzjoni tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Bord ta' Mmaniġġjar għandha tkun obbligatorja peress li attwalment mhux is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess kollha tal-membri tal-Bord ta' Mmaniġġjar huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-Bord ta' Mmaniġġjar u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward;

    29.

    Jerġa' jqajjem tħassib dwar il-fatt li l-Aġenzija ma tipprevedix dikjarazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess għall-esperti interni;

    30.

    Jissottolinja l-fatt li l-qafas ta' etika attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn nuqqasijiet konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas ta' etika komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards ta' etika għoljin għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

    31.

    Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali;

    Kontrolli interni

    32.

    Jinnota li fl-2019 is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ħareġ rapport ta' awditjar dwar l-akkwist pubbliku, li jidentifika dgħufija importanti ħafna relatata mal-monitoraġġ tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku u l-ġestjoni tal-kuntratti; jinnota li tfassal pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati dawn is-sejbiet u li dan il-pjan ġie aċċettat mill-IAS;

    Sostenibbiltà

    33.

    Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija biex tipprovdi post tax-xogħol kosteffettiv u ekoloġiku kif ukoll il-miżuri kollha meħuda mill-Aġenzija biex tnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħha u l-konsum tal-enerġija tagħha u tiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti; u biex preferibbilment tnaqqas u tikkumpensa l-emissjonijiet ta' CO2 tagħha fl-oqsma tal-bini u l-ivvjaġġar; jiddispjaċih madankollu dwar l-effiċjenza baxxa fl-użu tal-enerġija tal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

    Kummenti oħra

    34.

    Jinnota li l-Aġenzija kienet involuta fil-proċess ta' tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, b'mod partikolari, it-tħejjija relatata tas-sistemi tal-IT korrispondenti matul l-2019;

    35.

    Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija biex tibni ambjent u kultura tax-xogħol aktar diversifikati u inklużivi billi tieħu azzjonijiet favur il-persuni b'diżabbiltà; jitlob lill-Aġenzija tivvaluta l-possibbiltà li tkompli ssaħħaħ u tintegra l-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ, it-taħriġ, l-iżvilupp tal-karriera u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tqajjem sensibilizzazzjoni fost il-persunal dwar dawn l-aspetti, u tivvaluta t-titjib u l-modifiki raġonevoli possibbli tal-bini tal-Aġenzija (aċċess, tagħmir tal-uffiċċju adegwat) għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jew diżabbiltajiet oħra;

    36.

    Jirrimarka li huwa meħtieġ approċċ kumpless sabiex il-paġni ewlenin tas-siti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsiru aċċessibbli għal persuni b'kull xorta ta' diżabbiltà, kif stipulat fid-Direttiva (UE) 2016/2102 (3), inkluża d-disponibbiltà ta' lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà jkunu involuti f'dan il-proċess;

    37.

    Iħeġġeġ lill-Aġenzija tieħu aktar inizjattivi fir-rigward tat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-media soċjali u permezz ta' strumenti oħra tal-media;

    38.

    Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 165, 13.5.2020, p. 1.

    (2)  Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (COM(2020)0652).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

    (4)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.


    Top