Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XG0330(03)

    Deċiżjoni Nru 485 tas-6 ta’ Awwissu 2019 li tiftaħ proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tiftix u l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali, li huma riżorsi naturali ta’ taħt l-art kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(3) tal-Att dwar ir-Riżorsi Naturali ta’ Taħt l-Art, fiż-żona “Block 1-26 Tervel”, li tinsab fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-Baħar l-Iswed, u li tħabbar li l-awtorizzazzjoni se tingħata abbażi ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti 2020/C 102/06

    PUB/2020/183

    ĠU C 102, 30.3.2020, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 102/6


    DEĊIŻJONI Nru 485

    tas-6 ta’ Awwissu 2019

    li tiftaħ proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tiftix u l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali, li huma riżorsi naturali ta’ taħt l-art kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(3) tal-Att dwar ir-Riżorsi Naturali ta’ Taħt l-Art, fiż-żona “Block 1-26 Tervel”, li tinsab fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-Baħar l-Iswed, u li tħabbar li l-awtorizzazzjoni se tingħata abbażi ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti

    (2020/C 102/06)

    IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA IL-KUNSILL TAL-MINISTRI

    Skont l-Artikoli 5(2), 7(2)(8), 42(1)(1) u 44(3) tal-Att dwar ir-Riżorsi Naturali ta’ Taħt l-Art, u l-Artikoli 4(1)(1) u 16 tar-Regolament dwar it-twettiq tal-proċeduri tal-offerti u ta’ akkwist għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għat-tiftix u/jew l-esplorazzjoni ta’, u għall-għoti ta’ konċessjonijiet għall-produzzjoni ta’, riżorsi naturali ta’ taħt l-art kif iddefinit fl-Att dwar ir-Riżorsi Naturali ta’ Taħt l-Art, adottat bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 231 tal-11 ta’ Ottubru 2010, u proposta motivata mill-Ministru tal-Enerġija:

    IL-KUNSILL TAL-MINISTRI DDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    1.

    Għandha tinfetaħ proċedura għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għat-tiftix u l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali fiż-żona “Block 1-26 Tervel”, li tinsab fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-Baħar l-Iswed, li jkopri erja ta’ 4 032 km2 u huwa ddefinit bil-koordinati 1 sa 7, kif speċifikat fl-Anness.

    2.

    L-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt 1 għandha tingħata abbażi ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti li fiha l-offerenti ma jkunux preżenti meta jiġu kkunsidrati l-offerti.

    3.

    Il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni għat-tiftix u l-esplorazzjoni għandu jiġi ffissat għal ħames snin mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar it-tiftix u l-esplorazzjoni, bi dritt li dan il-perjodu jiġi estiż skont l-Artikolu 31(3) tal-Att dwar ir-Riżorsi Naturali ta’ Taħt l-Art.

    4.

    Id-data tal-iskadenza għax-xiri tal-fajl tal-offerti għandha tkun fi 17:30 tal-120 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.

    Id-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura kompetittiva ta’ offerti għandha tkun fi 17:30 tal-140 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    6.

    Id-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-offerti skont il-fajl tal-offerti għandha tkun fi 17:30 tal-155 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    7.

    Il-prezz tal-fajl tal-offerti għandu jkun BGN 10 000. Il-fajl tal-offerti għandu jinkiseb mill-Ministeru tal-Enerġija li jinsab fi: ul. Triaditsa 8, Sofia, sad-data tal-iskadenza speċifikata fil-punt 4, fuq preżentazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas.

    7.1.

    L-ammont speċifikat fil-punt 7 għandu jiġi ttrasferit fil-kont tal-bank tal-Ministeru tal-Enerġija:

    BIC tal-BNB għall-ħlasijiet fil-munita Bulgara (BGN) — BNBGBGSD;

    Kodiċi SWIFT tal-BNB għall-ħlasijiet f’munita barranija — BNBGBGSF;

    IBAN — BG94 BNBG 9661 3000 142101, kwartieri ġenerali tal-BNB.

    7.2.

    Dan li ġej għandu jiġi rreġistrat fuq l-ordni ta’ ħlas: “Għall-fajl tal-offerti għaż-żona “Block 1-26 Tervel” mixtri f’isem l-applikant” li ismu għandu jinkiteb fuq l-ordni ta’ ħlas.

    7.3.

    Il-persuna li tirċievi l-fajl tal-offerti għandha tiffirma dikjarazzjoni f’isem l-applikant, fejn timpenja ruħha li tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni inkluża fih.

    8.

    L-applikanti li jixtiequ jipparteċipaw fil-proċedura ta’ offerti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 23(1) tal-Att dwar ir-Riżorsi Naturali ta’ Taħt l-Art.

    9.

    L-applikant — jew meta l-applikant ikun konsorzju, kull membru tal-konsorzju — għandu jipprovdi dikjarazzjoni li tikkonferma n-nuqqas taċ-ċirkostanzi skont l-Artikolu 2 b’rabta mat-Taqsima 1 tad-Dispożizzjonijiet Addizzjonali tal-Att dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ kumpaniji reġistrati f’ġurisdizzjonijiet b’sistema preferenzjali tat-taxxa, l-entitajiet ikkontrollati minnhom u s-sidien benefiċjarji tagħhom (ZIFODRYUPDRKTLTDS) (SG Nru 1 tal-2014) jew evidenza tal-eżistenza taċ-ċirkostanzi indikati fl-Artikolu 4 ta’ ZIFODRYUPDRKTLTDS.

    10.

    L-intrapriża jew il-konsorzju applikanti jrid ikollhom mill-inqas il-kompetenzi maniġerjali minimi meħtieġa għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ tiftix u esplorazzjoni. Bħala prova ta’ tali kompetenzi, għandhom jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha:

    10.1.

    L-applikant — jew meta l-applikant ikun konsorzju, kull membru tal-konsorzju — għandu jipprovdi referenzi oriġinali minn sħab kummerċjali u

    10.2.

    L-applikant — jew meta l-applikant ikun konsorzju, kull membru tal-konsorzju — irid jipprovdi evidenza tal-esperjenza professjonali u tal-esperjenza miksuba fl-immaniġġjar ta’ mill-inqas proġett wieħed ta’ tiftix u/jew esplorazzjoni offshore, jew ta’ produzzjoni ta’ riżorsi naturali — żejt u gass naturali.

    10.3.

    L-applikant jista’ jagħti prova tal-kompetenzi maniġerjali billi jirreferi għall-kompetenzi ta’ partijiet terzi konnessi, kemm persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, dment li l-applikant jippreżenta evidenza tal-użu tal-kompetenzi ta’ dawn il-partijiet terzi, kif ukoll dokumenti li juru l-esperjenza professjonali u l-esperjenza maniġerjali tagħhom. Il-prova tal-kompetenzi ta’ partijiet terzi għandha tingħata permezz tal-preżentazzjoni ta’ dokumenti kif speċifikat fil-fajl tal-offerti.

    11.

    L-intrapriża applikanti — jew, meta l-applikant ikun konsorzju, tal-inqas wieħed mill-membri tal-konsorzju — trid tkun iġġenerat minimu ta’ EUR 150 000 000 (mija u ħamsin miljun) ta’ dħul mill-bejgħ nett totali għat-tliet snin finanzjarji preċedenti (skont id-data li tkun ġiet stabbilita fiha). Meta l-applikant ikun konsorzju li mhux persuna ġuridika, ir-rekwiżit stipulat f’dan il-punt japplika għall-konsorzju kollu;

    jew

    11.1.

    L-applikant — jew, meta l-applikant ikun konsorzju, tal-inqas wieħed mill-membri tal-konsorzju — irid jipprovdi referenza minn bank jew minn istituzzjoni finanzjarja oħra li tiċċertifika li huwa għandu l-mezzi finanzjarji meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu biex jimplimenta l-attivitajiet ta’ tiftix u esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass naturali fiż-żona “Block 1-26 Tervel”;

    jew

    11.2.

    L-applikant — jew, meta l-applikant ikun konsorzju, tal-inqas wieħed mill-membri tal-konsorzju — irid jippreżenta ittra ta’ intenzjoni minn bank jew minn istituzzjoni finanzjarja oħra dwar l-għoti tal-fondi neċessarji lill-applikant biex jimplimenta l-attivitajiet ta’ tiftix u esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass naturali fiż-żona “Block 1-26 Tervel”.

    11.3.

    L-evidenza tar-riżorsi finanzjarji tista’ tingħata permezz ta’ referenza għar-riżorsi tal-partijiet terzi konnessi, kemm persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, dment li l-applikant jista’ juri li dawn ir-riżorsi se jsirulu disponibbli, u jispeċifika l-ammont f’BGN. Il-prova tal-kompetenzi ta’ partijiet terzi għandha tingħata permezz tal-preżentazzjoni ta’ dokumenti kif speċifikat fil-fajl tal-offerti.

    12.

    L-offerti tal-applikanti għandhom jiġu evalwati abbażi tal-programmi ta’ ħidma proposti, tar-riżorsi ddedikati għall-ħarsien ambjentali u tal-bonusijiet, kif previst fil-fajl tal-offerti.

    13.

    Id-depożitu għall-parteċipazzjoni fil-proċedura kompetittiva ta’ offerti għandu jiġi ffissat għal BGN 15 000, pagabbli sad-data tal-iskadenza speċifikata fil-punt 5 fil-kont bankarju tal-Ministeru tal-Enerġija:

    BIC tal-BNB għall-ħlasijiet fil-munita Bulgara (BGN) — BNBGBGSD;

    Kodiċi SWIFT tal-BNB għall-ħlasijiet f’munita barranija — BNBGBGSF;

    IBAN — BG75 BNBG 9661 3300 142103, kwartieri ġenerali tal-BNB.

    14.

    L-applikanti li ma jiġux aċċettati fil-proċedura kompetittiva ta’ offerti għandhom jiġu rimborżati d-depożitu tagħhom fi żmien 14-il jum minn meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-bord tal-għażla kontra l-aċċettazzjoni tagħhom.

    15.

    Id-depożitu li jkun għamel l-offerent magħżul għandu jiġi rimborżat fi żmien 14-il jum mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim, u d-depożiti tal-offerenti l-oħrajn għandhom jiġu rimborżati fi żmien 14-il jum mill-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Istat tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri dwar l-għoti tal-awtorizzazzjoni għat-tiftix u l-esplorazzjoni.

    16.

    L-applikazzjonijiet sabiex wieħed jipparteċipa fil-proċedura kompetittiva ta’ offerti u l-offerti skont il-proċedura kompetittiva tal-offerti għandhom jitressqu lir-Reġistru tal-Ministeru tal-Enerġija li jinsab fi: ul. Triaditsa 8, Sofia, bil-Bulgaru, skont l-Artikolu 46 tal-Att dwar ir-Riżorsi Naturali ta’ Taħt l-Art.

    17.

    L-offerti għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet speċifikati fil-fajl tal-offerti.

    18.

    Il-proċedura kompetittiva ta’ offerti għandha titwettaq anke fil-każ li jiġi aċċettat applikant wieħed biss biex jipparteċipa fiha.

    19.

    Il-Ministru tal-Enerġija għandu l-awtorità li:

    19.1.

    jibgħat din id-Deċiżjoni għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    19.2.

    jorganizza u jwettaq il-proċedura kompetittiva tal-offerti.

    20.

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Istat u fuq is-sit tal-Internet tal-Kunsill tal-Ministri.

    21.

    L-appelli kontra din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu indirizzati, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, lill-Qorti Amministrattiva Suprema fi żmien 14-il jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Prim Ministru

    Boyko BORISOV

    Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ministri

    Veselin DAKOV

    Is-Segretarju Ġenerali

    Tatyana SEKULOVA

    Id-Direttur tad-Direttorat għall-Affarijiet Legali,

    is-Servizzi Amministrattivi u r-Riżorsi Umani tal-Ministeru tal-Enerġija

    Miroslava HRISTOVA


    ANNESS

    Reġistru tal-koordinati tal-punti ta’ delimitazzjoni taż-żona “Block 1-26 Tervel”

    (Sistema ta’ koordinati WGS84)

    Nru

    Lonġitudni tal-Lvant

    Lonġitudni tat-Tramuntana

    1

    29°07′28,85″

    42°48′47,00″

    2

    30°34′10,00″

    42°48′03,00″

    3

    29°58′30,00″

    42°33′27,00″

    4

    29°49′36,00″

    42°29′24,00″

    5

    29°34′20,00″

    42°26′24,00″

    6

    29°20′45,00″

    42°14′28,00″

    7

    29°07′32,31″

    42°11′22,71″


    Top