EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XC1020(01)
Commission Notice Guidelines on the enforcement of obligations under the EU Ship Recycling Regulation relating to the Inventory of Hazardous Materials of vessels operating in European waters 2020/C 349/01
Avviż tal-Kummissjoni Linji gwida dwar l-infurzar tal-obbligi skont ir-Regolament tal-UE dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti b’rabta mal-Inventarju ta’ Materjali Perikolużi tal-bastimenti li jbaħħru fl-ibħra Ewropej 2020/C 349/01
Avviż tal-Kummissjoni Linji gwida dwar l-infurzar tal-obbligi skont ir-Regolament tal-UE dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti b’rabta mal-Inventarju ta’ Materjali Perikolużi tal-bastimenti li jbaħħru fl-ibħra Ewropej 2020/C 349/01
C/2020/7036
ĠU C 349, 20.10.2020, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
20.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 349/1 |
Avviż tal-Kummissjoni
Linji gwida dwar l-infurzar tal-obbligi skont ir-Regolament tal-UE dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti b’rabta mal-Inventarju ta’ Materjali Perikolużi tal-bastimenti li jbaħħru fl-ibħra Ewropej
(2020/C 349/01)
Daħla
Mill-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Regolament tal-UE dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti (1) jeħtieġ li l-bastimenti kollha eżistenti li jtajru l-bandiera tal-UE u l-bastimenti kollha li jtajru bandiera mhux tal-UE li jidħlu f’port jew f’ankraġġ tal-UE jġorru abbord Inventarju ta’ Materjali Perikolużi (IHM) b’ċertifikat jew b’dikjarazzjoni ta’ konformità kif xieraq.
Il-Kummissjoni rċeviet rapporti mill-partijiet ikkonċernati tal-industrija li r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 wasslu għal diffikultajiet sinifikanti fl-istħarriġ tal-bastimenti u fil-produzzjoni ta’ IHMs iċċertifikati. Il-miżuri ta’ lockdown u r-restrizzjonijiet wesgħin fuq l-ivvjaġġar li ġew introdotti biex jikkontrollaw il-Covid-19 allegatament impedew lil ħafna sidien tal-bastimenti (jew lill-aġenti tagħhom) milli jipproduċu l-IHM fl-ewwel istanza, iżda impedew ukoll lis-surveyors tal-Istat tal-bandiera u lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti milli jivverifikaw u milli jiċċertifikaw l-IHMs.
B’konsegwenza ta’ dan, il-partijiet ikkonċernati tal-industrija jistmaw li bosta eluf ta’ bastimenti x’aktarx ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tal-IHM u jista’ ma jkollhomx iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa sal-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2020.
Għalhekk, meta wieħed iqis it-tfixkil ikkawżat mill-Covid-19, huwa mixtieq li jiġu stabbiliti xi linji gwida komuni sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat lejn l-infurzar mill-awtoritajiet tal-Istati tal-port tal-UE matul l-ispezzjonijiet fuq il-bastimenti mill-1 ta’ Jannar 2021.
Prinċipji ta’ gwida ġenerali
Bħala prinċipju bażiku, ir-responsabbiltà primarja dwar il-konformità mal-obbligi relatati mal-IHM tibqa’ tas-sid tal-bastiment, u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn l-obbligi legali hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati tal-port tal-UE.
Madankollu, jista’ jkun meħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-kriżi tal-Covid-19 fl-infurzar ta’ dawk l-obbligi mill-Istati Membri, meta dawk iċ-ċirkostanzi joħolqu sitwazzjonijiet fejn il-konformità ma’ dawn l-obbligi temporanjament ma tkunx possibbli, jew tkun eċċessivament diffiċli.
Minħabba r-rabtiet tagħha mal-prinċipju tal-proporzjonalità (2), il-force majeure tista’ titqies bħala prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE, li jista’ jiġi invokat anke fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti. (3) Fir-rigward tal-kontenut tal-kunċett ta’ force majeure, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-kunċett kif ġej:
"Issa, minn ġurisprudenza stabbilita, stabbilita f’oqsma tad-dritt tal-Unjoni differenti, jirriżulta li l-kunċett ta’ forza maġġuri għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal min jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata". (4)
Fil-każ partikolari tal-infurzar tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament tal-UE dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, madankollu, ma jista’ jsir l-ebda rikors awtomatiku għall-kunċett ta’ force majeure.
F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw bir-reqqa ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull sid tal-bastiment u l-grad safejn din il-ġurisprudenza tista’ tapplika.
Fil-valutazzjoni tagħhom, l-Istati Membri huma mistiedna wkoll iqisu t-tul tal-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u d-data tal-applikabbiltà tal-iskadenza tal-IHM u huma mistiedna jikkunsidraw jekk u sa liema punt dak il-perjodu kien użat mis-sid tal-bastiment partikolari biex iħejji għall-konformità ma’ dawk l-obbligi.
Irid jiġi mfakkar ukoll li f’Ottubru 2019 l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) ippubblikat gwida dwar l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Istati tal-portijiet tal-UE biex jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti (5). L-għan ta’ din il-gwida tal-EMSA huwa li tassisti lill-Istati Membri u lill-ispetturi maħtura tagħhom fl-isforzi tagħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u d-Direttiva dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (6), fir-rigward tal-ispezzjonijiet li jkopru r-rekwiżiti rispettivi ta’ dawn iż-żewġ strumenti. Huwa dokument ta’ referenza mhux vinkolanti li jipprovdi kemm informazzjoni teknika kif ukoll gwida proċedurali, u b’hekk jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni u għall-infurzar armonizzati tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u tad-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-port. Għalhekk, matul l-ispezzjonijiet mill-Istati tal-port tal-UE, huwa ġeneralment rakkomandat li din il-gwida tal-EMSA tiġi segwita.
F’dan il-kuntest, issir referenza speċifika għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali li hemm referenza għalihom fil-gwida tal-EMSA (taħt it-Taqsima 6.3.2) fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ infurzar li jridu jittieħdu f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-gwida tgħid hekk: “jekk jinstabu nuqqasijiet ta’ konformità fir-rigward ta’ SR [relatat mar-riċiklaġġ tal-bastimenti], l-ispettur għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni xierqa li għandha tittieħed. L-ispettur għandu jkun issodisfat li kwalunkwe nuqqas ta’ konformità relatat mar-riċiklaġġ tal-bastimenti, ikkonfermat jew żvelat mill-ispezzjoni huwa, jew se jkun, rettifikat skont l-SRR [ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti]". Barra minn hekk, il-gwida tal-EMSA tenfasizza li "l-ispettur jenħtieġ juża ġudizzju professjonali sabiex jiddeċiedi dwar l-azzjoni(jiet) xierqa li għandha tittieħed/għandhom jittieħdu għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità identifikat ta’ SR [relatat mar-riċiklaġġ tal-bastimenti].” Dawn il-prinċipji ta’ gwida ġenerali jenħtieġ li jiġu segwiti wkoll fir-rigward ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità identifikat fir-rigward tal-obbligi tal-IHM li jistgħu jirriżultaw mill-kriżi tal-Covid-19.
Xenarji speċifiċi marbuta mal-Covid-19
Fir-rigward tal-infurzar tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, l-awtoritajiet tal-Istati tal-port tal-UE x’aktarx li jiġu kkonfrontati b’żewġ xenarji speċifiċi relatati mal-Covid-19 li jistgħu jkunu jeħtieġu approċċ aktar armonizzat waqt l-ispezzjonijiet li jibni fuq il-prinċipji ta’ gwida ġenerali msemmija hawn fuq. Huwa ssuġġerit li dan l-approċċ armonizzat jiġi applikat temporanjament għal perjodu limitat ta’ 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-obbligi relatati mal-IHM għal bastimenti eżistenti li jtajru l-bandiera tal-UE u bastimenti li jtajru l-bandiera mhux tal-UE li jidħlu f’portijiet tal-UE (jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2021).
1) Bastimenti mingħajr ċertifikat validu tal-IHM u/jew ta’ sostenn
F’dan il-każ, il-bastiment jista’ jasal f’port tal-UE wara l-31 ta’ Diċembru 2020 mingħajr ma jkollu abbord ċertifikat validu tal-IHM u/jew ta’ sostenn (Ċertifikat tal-Inventarju jew Ċertifikat ta’ Lest għar-Riċiklaġġ għal bastiment bil-bandiera tal-UE jew Dikjarazzjoni ta’ Konformità għal bastiment bil-bandiera mhux tal-UE) u sid il-bastiment/il-kaptan jisħaq li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa dovut għas-sitwazzjoni tal-Covid-19.
Fil-każijiet kollha meta ma jiġix ippreżentat IHM validu u/jew iċ-ċertifikat meħtieġ, hemm oneru tal-provi fuq is-sid/il-kaptan, li jrid jipprovdi evidenza li ttieħdu l-miżuri kollha possibbli biex isir ix-xogħol u biex tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa. Tali evidenza ta’ sforzi ta’ konformità tista’ tinkludi pereżempju kuntratt ta’ servizz għall-kampjunar jew stħarriġ. Tista’ tinkludi wkoll ġustifikazzjoni għaliex ma kienx possibbli li jinkiseb IHM nofsu mimli u ċertifikat assoċjat kif imsemmi fit-Taqsima 2, inkluż evidenza ta’ impossibbiltà li jkun hemm konformità ma’ elementi oħrajn taċ-ċertifikazzjoni minbarra l-ispezzjoni abbord. Imbagħad huwa l-ispettur li jiddeċiedi jekk dan huwiex aċċettabbli fuq bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-bastiment ikkonċernat u bl-użu tal-ġudizzju professjonali tiegħu.
Jekk l-ispettur jiddeċiedi li jaċċetta l-evidenza pprovduta mis-sid/mill-kaptan, allura għaċ-ċertifikat tal-inventarju jew għad-dikjarazzjoni ta’ konformità l-ispettur irid jispeċifika li d-dokumenti jridu jimtlew u jiġu approvati fi żmien 4 xhur wara l-ispezzjoni. Barra minn hekk, trid tingħata twissija lill-bastiment u r-riżultat tal-ispezzjoni u t-twissija jridu jiġu rreġistrati fil-modulu tar-riċiklaġġ tal-bastiment tat-THETIS – UE.
Jekk dawn il-pjanijiet ikollhom jiġu emendati ulterjorment wara l-ispezzjoni, minħabba ssuktar tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew l-aċċess, is-sid/il-kaptan irid jipprovdi biżżejjed evidenza bil-miktub mill-ispetturi tal-IHM li ma kienx fattibbli li jintlaħqu l-pjanijiet inizjali. Għal darb’oħra, huwa f’idejn l-ispettur li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni li jmiss li jiddeċiedi jekk din l-evidenza hijiex aċċettabbli fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-bastiment ikkonċernat u bl-użu tal-ġudizzju professjonali tiegħu.
Għaċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ, jekk l-ispettur jaċċetta l-evidenza wara evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ, is-sid/il-kaptan tal-bastiment jenħtieġ li jiġu mwissija li huma meħtieġa jiksbu ċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ qabel ma jidħlu fil-faċilità għar-riċiklaġġ tal-bastimenti. Peress li ċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ huwa validu biss għal tliet xhur, dan jenħtieġ li jimtela u jiġi approvat mill-aktar fis possibbli qabel mal-bastiment ikun għamel l-aħħar vjaġġ tiegħu. Ir-riżultat tal-ispezzjoni u t-twissija jenħtieġ li jiġu rreġistrati fil-modulu tar-riċiklaġġ tal-bastimenti ta’ THETIS – UE.
2) Bastimenti b’IHM parzjalment mimli b’Ċertifikat tal-Inventarju approvat assoċjat jew b’Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ (għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE) jew Dikjarazzjoni ta’ Konformità (għal bastimenti li ma jtajrux il-bandiera tal-UE), li ma jkunx fihom kampjunar (immirat jew aleatorju) abbord
F’dan il-każ, il-bastiment jista’ jidħol f’port jew f’ankraġġ tal-UE wara l-31 ta’ Diċembru 2020 b’IHM u b’ċertifikat assoċjat abbord, iżda l-IHM tħejja mill-bogħod mingħajr ebda kampjunar abbord. Din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta minħabba li l-istħarriġ abbord li kien jenħtieġ li jitwettaq biex jappoġġa l-IHM ma setax isir minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ispezzjoni ta’ bastiment matul il-pandemija tal-Covid-19.
Fil-każijiet kollha fejn ċertifikat huwa bbażat fuq l-IHM mingħajr l-element ta’ kampjunar abbord, l-IHM fil-prinċipju jenħtieġ li ma jkunx aċċettabbli billi mhuwiex komplut (7). Madankollu, meta wieħed iqis li minn Marzu 2020 ’l hawn kien hemm ftit jew l-ebda opportunità għas-surveyors biex imorru abbord il-bastimenti u biex iwettqu dan l-istħarriġ, dan l-istħarriġ/kampjunar mill-bogħod jista’ jkun aċċettat b’mod eċċezzjonali, jekk ikun hemm evidenza li l-Istat tal-bandiera jkun qabel ma’ dan (8). Barra minn hekk, f’dan il-każ, irid ikun hemm ukoll pjanijiet u arranġamenti dokumentati miżmuma abbord il-bastiment li jindikaw meta se jkun possibbli għal dawk li jieħdu l-kampjuni kwalifikati li jimlew l-IHM fir-rigward tal-limitazzjonijiet ikkawżati mill-pandemija tal-Covid-19. Imbagħad huwa f’idejn l-ispettur li jiddeċiedi jekk din l-evidenza hijiex aċċettabbli fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-bastiment ikkonċernat u bl-użu tal-ġudizzju professjonali tiegħu.
Jekk l-ispettur jaċċetta l-evidenza pprovduta mis-sid/mill-kaptan, allura għaċ-Ċertifikat tal-Inventarju jew għad-Dikjarazzjoni ta’ Konformità, l-ispettur jenħtieġ li jispeċifika li l-IHM jenħtieġ li jimtela u jiġi approvat fi żmien erba’ xhur wara l-ispezzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li tingħata twissija lill-bastiment u r-riżultat tal-ispezzjoni u t-twissija jenħtieġ li jiġu rreġistrati fil-modulu tar-riċiklaġġ tal-bastimenti tat-THETIS – UE.
Jekk dawn il-pjanijiet ikollhom jiġu emendati ulterjorment wara l-ispezzjoni, minħabba ssuktar tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew l-aċċess, is-sid/il-kaptan irid jipprovdi biżżejjed evidenza bil-miktub mill-ispetturi tal-IHM li ma kienx fattibbli li jintlaħqu l-pjanijiet inizjali. Għal darb’oħra, huwa f’idejn l-ispettur li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni li jmiss li jiddeċiedi jekk din l-evidenza hijiex aċċettabbli fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-bastiment ikkonċernat u bl-użu tal-ġudizzju professjonali tiegħu.
Għaċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ, jekk l-ispettur jaċċetta din l-evidenza wara evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ, is-sid/il-kaptan tal-bastiment jenħtieġ li jiġu mwissija li huma meħtieġa jimlew l-IHM u li jiksbu ċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ qabel ma jidħlu fil-faċilità għar-riċiklaġġ tal-bastimenti. Ir-riżultat tal-ispezzjoni u t-twissija jenħtieġ li jiġu rreġistrati fil-modulu tar-riċiklaġġ tal-bastimenti ta’ THETIS – UE.
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1).
(2) Ara diġà, għal dan il-għan, l-Avviż tal-Kummissjoni tal-1988 dwar il-force majeure fil-liġi agrikola Ewropea, C(88) 1696 (ĠU C 259, 6.10.1988, p. 10).
(3) Ara l-Kawża 71/87, Inter-Kom, EU:C:1988:186, paragrafi 10 sa 17 u l-Kawża C-12/92, Huygen u Oħrajn, EU:C:1993:914, il-paragrafu 31, segwiti ripetutament mill-Qorti Ġenerali partikolarment fil-Kawża T-220/04, Spanja vs il-Kummissjoni, EU:T:2007:97, il-paragrafi 165 sa 172. Ara wkoll l-Opinjoni ta’ AG Trstenjak, fil-Kawża C-101/08, Audilux, EU:C:2009:410, il-paragrafu 71.
(4) Il-Kawża C-640/15, Vilkas, EU:C:2017:39, il-paragrafu 53.
(5) http://www.emsa.europa.eu/news-a-press-centre/external-news/item/3721-guidance-on-inspections-of-shipsby-the-port-states-in-accordance-with-regulation-eu-1257-2013-on-ship-recycling.html
(6) Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
(7) Skont l-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolament, l-IHM għandu jiġi kkompilat filwaqt li jitqiesu l-linji gwida rilevanti tal-IMO. Jekk l-element tal-kampjunar ma jkunx tlesta, allura l-IHM ma jkunx konformi mal-linji gwida msemmija.
(8) Huwa mifhum li din hija wkoll is-soluzzjoni li l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta’ Klassifikazzjoni (IACS) qiegħda tirrakkomanda lill-membri tagħhom, filwaqt li żżid li l-bqija tal-kampjunar irid isir f’data aktar tard.