EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0327(03)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea: L-iffaċilitar tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija bl-Ajru waqt it-tifqigħa tal-COVID-19 2020/C 100 I/01

C/2020/2010

ĠU C 100I, 27.3.2020, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 100/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea: L-iffaċilitar tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija bl-Ajru waqt it-tifqigħa tal-COVID-19

(2020/C 100 I/01)

Sommarju

Il-merkanzija bl-ajru tammonta għal madwar 35 % tal-kummerċ dinji skont il-valur. Tifforma parti ewlenija mit-trasport tal-merkanzija, billi tikkomplementa kemm it-trasport fuq l-art kif ukoll dak bil-baħar, b’mod partikolari fir-rigward tal-merkanzija li jkun importanti li tasal fil-ħin. Wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġew imposti restrizzjonijiet fuq it-titjiriet u/jew fuq il-moviment tal-passiġġieri u tal-persunal tat-trasport, bil-għan li titrażżan il-pandemija. Għaldaqstant, il-ktajjen tal-provvista Ewropej u globali sfaw imfixkla serjament.

Is-servizzi tal-merkanzija bl-ajru kontinwi u mingħajr interruzzjoni huma vitali għall-ekonomija u għall-ġlieda kontra l-COVID-19, u l-ktajjen tal-provvista Ewropej u globali jiddependu fuq it-tħaddim tagħhom mingħajr xkiel. Għalhekk it-trasport tal-merkanzija bl-ajru għandu jkun kapaċi jwassal kontinwament prodotti kritiċi bħall-ikel, il-provvisti mediċi u t-tagħmir ta’ protezzjoni personali (PPE), kif ukoll prodotti oħra li huma vitali għall-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista sensittivi.

Is-sitwazzjoni straordinarja kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 tista’ twassal għall-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn il-komunità tal-avjazzjoni Ewropea u dik internazzjonali, inkluż il-fornituri tas-servizzi tal-merkanzija bl-ajru u dawk express sabiex ikunu żgurati l-provvista u d-distribuzzjoni ġusta ta’ prodotti skarsi.

Bħala parti mill-isforzi ġenerali tal-UE biex iżżomm il-flussi tat-trasport essenzjali għaddejjin, inkluż b’mod partikolari dawk l-aktar sensittivi, l-Istati Membri mitluba jiffaċilitaw l-operazzjonijiet tal-merkanzija bl-ajru waqt it-tifqigħa tal-COVID-19. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea qed tistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri operazzjonali stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida bil-fehim li dawn il-miżuri eċċezzjonali se jkunu temporanji għat-tul ta’ żmien tal-kriżi tal-COVID-19.

Il-Linji Gwida għal miżuri tal-ġestjoni tal-fruntieri li jipproteġu s-saħħa u li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi essenzjali adottati mill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta’ Marzu 2020 (1) , jenfasizzaw il-prinċipju li l-fruntieri interni kollha tal-UE għandhom jibqgħu miftuħa għall-merkanzija u li l-ktajjen tal-provvista għal oġġetti essenzjali bħall-provvisti tal-ikel, inkluż il-bhejjem, it-tagħmir mediku, il-PPE u s-sustanzi ta’ oriġini umana jridu jiġu ggarantiti. Huwa fl-interess ta’ kulħadd, f’dawn iż-żminijiet ta’ emerġenza li l-oġġetti jkomplu jiċċirkolaw liberament. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ dawk il-Linji Gwida fil-qsim tal-fruntieri interni kollha. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor adottata mill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Marzu 2020 (2) , għandha l-għan li toħloq proċess kooperattiv madwar l-UE biex ikun żgurat li l-merkanzija kollha, inkluż iżda mhux limitata għal oġġetti essenzjali bħall-ikel u l-provvisti mediċi, tasal malajr għad-destinazzjoni tagħha mingħajr dewmien. Fl-aħħar nett, fid-dikjarazzjoni konġunta tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni waqt il-kriżi tal-Corona (3) , in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni nnota li s-sitwazzjoni straordinarja kkawżata mill-COVID-19 tista’ tagħti lok għall-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji sabiex ikunu żgurati l-provvista u d-distribuzzjoni ġusta lill-konsumaturi kollha ta’ prodotti skarsi. Fiċ-ċirkostanzi attwali, in-netwerk mhux se jintervjeni b’mod attiv kontra miżuri neċessarji u temporanji stabbiliti sabiex jiġi evitat nuqqas ta’ provvista. Madankollu, id-dikjarazzjoni konġunta tiegħu tagħmilha ċara wkoll li n-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni mhux se joqgħod lura milli jieħu azzjoni kontra l-operaturi tal-merkanzija bl-ajru li jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni attwali permezz ta’ kartelli jew billi jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom, inkluż fir-rigward tal-ipprezzar.

Din il-Komunikazzjoni tibni fuq id-dokumenti msemmija hawn fuq u l-Istati Membri mistiedna jimplimentawhom bis-sħiħ. Il-Linji Gwida attwali huma maħsuba biex jgħinu lill-Istati Membri biex iżommu u jiffaċilitaw l-operazzjonijiet tal-merkanzija bl-ajru, inkluż it-trasport bl-ajru ta’ oġġetti essenzjali bħall-ikel u l-provvisti mediċi, b’mod partikolari dawk li importanti li jaslu fil-ħin. Il-Linji Gwida jistiednu lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri operazzjonali u organizzazzjonali meħtieġa, bil-fehim li dawn il-miżuri eċċezzjonali se jkunu temporanji għat-tul ta’ żmien tal-kriżi tal-COVID-19, sakemm jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq it-traffiku tal-ajru u fuq l-ivvjaġġar.

1.   Introduzzjoni

1.1   L-impatt tal-COVID-19

1.

It-tifqigħa tal-COVID-19 qed ikollha impatt devastanti fuq l-avjazzjoni internazzjonali u dik Ewropea. It-traffiku tal-ajru naqas b’aktar minn 80 %, u kważi t-titjiriet tal-passiġġieri kollha ġew ikkanċellati. Minbarra tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-ivvjaġġar, din is-sitwazzjoni hija wkoll parzjalment dovuta għall-miżuri ta’ konteniment, bħar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-projbizzjonijiet tat-titjir, imposti mill-Istati.

1.2   L-importanza tal-merkanzija bl-ajru

2.

Il-ktajjen tal-provvista Ewropej qed jinżammu permezz ta’ netwerk estensiv ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija li jinvolvi l-modalitajiet kollha tat-trasport. Is-servizzi tal-merkanzija bl-ajru kontinwi u mingħajr interruzzjoni huma ta’ importanza strateġika essenzjali għall-UE. Dawn għandhom rwol vitali fit-twassil rapidu ta’ prodotti essenzjali, mediċini, tagħmir u provvisti mediċi, organi jew sustanzi oħra ta’ oriġini umana. B’mod aktar ġenerali, il-ktajjen tal-provvista globali qed ikomplu jiffunzjonaw għal bosta materjali li jkun importanti li jaslu fil-ħin u li huma ta’ valur għoli bis-saħħa tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru, li minbarra dan, jikkomplementa b’mod kritiku t-trasport tal-merkanzija bl-art u bil-baħar.

3.

Madwar nofs il-merkanzija bl-ajru kollha tinġarr fl-istiva tal-inġenji tal-ajru tal-passiġġieri. Madankollu, fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, dawn l-inġenji tal-ajru kważi kollha ma għadhomx itiru. Filwaqt li t-titjiriet tal-merkanzija kollha għadhom qed jiġu operati f’livelli simili bħal dan iż-żmien sena ilu, ma jistgħux jikkumpensaw għat-telf tal-kapaċità tal-merkanzija fuq l-inġenji tal-ajru tal-passiġġieri. L-ispedituri, inkluż is-settur mediku, qed jirrappurtaw nuqqas ta’ kapaċità u żieda qawwija fir-rati tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru.

4.

Barra minn hekk, il-linji tal-ajru tal-merkanzija u dawk express qed jirrappurtaw diffikultajiet prattiċi biex joperaw f’ċerti ajruporti minħabba r-restrizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni fuq it-titjiriet jew fuq il-persunal. Dawn il-kwistjonijiet qed jheddu l-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista kritiċi.

1.3   Ir-restrizzjonijiet fuq il-merkanzija bl-ajru

5.

L-effettività tal-miżuri tal-konteniment tal-COVID-19 ma tiddependix fuq ir-restrizzjoni tal-moviment tal-inġenji tal-ajru iżda fuq dak tal-passiġġieri. Għalhekk, ir-restrizzjoni temporanja tal-moviment tal-vjaġġaturi minflok tat-titjiriet hija l-aħjar mod kif jiġi evitat it-tfixkil tal-merkanzija bl-ajru, inkluż it-trasport ta’ oġġetti essenzjali.

6.

Tipi speċifiċi ta’ titjiriet, bħal titjiriet ta’ trasferiment, titjiriet li jġorru merkanzija kritika (bħal mediċini, PPE jew tagħmir tal-ittestjar), titjiriet li jġorru l-assistenza fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, titjiriet tal-Istat, titjiriet għal operazzjonijiet speċjali kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (bħal titjiriet mediċi), bħala regola, għandhom jitħallew joperaw f’kull ħin. Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri ma eżentawx b’mod ċar it-titjiriet tal-merkanzija mir-restrizzjonijiet nazzjonali tagħhom fuq l-avjazzjoni.

7.

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li, b’mod ġenerali, ir-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet fl-UE li jipprojbixxu b’mod assolut it-titjiriet tal-merkanzija bl-ajru jew li de facto jagħmlu l-operat ta’ tali titjiriet impossibbli, pereżempju minħabba restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq it-titjiriet tal-merkanzija bl-ajru li jagħtu servizz lill-ekwipaġġ tal-ajru, ikunu sproporzjonati. Għalhekk, tali restrizzjonijiet fuq it-titjiriet, b’mod partikolari, ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1008/2008 (4). Kwalunkwe restrizzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni trid titneħħa.

8.

Il-pajjiżi terzi għandhom ukoll iżommu lura milli jimponu restrizzjonijiet mhux meħtieġa fuq l-operazzjonijiet tal-merkanzija bl-ajru, fl-interess komuni tal-kontinwità tal-katina tal-provvista għal oġġetti essenzjali, inkluż prodotti speċjalizzati ħafna u prodotti kritiċi bħall-provvisti mediċi. Il-Kummissjoni Ewropea tfakkar li r-restrizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet tal-merkanzija bl-ajru imposti minn pajjiżi terzi jridu jikkonformaw mar-regoli internazzjonali rilevanti stabbiliti fi ftehimiet applikabbli. Il-Kummissjoni Ewropea, wara kwalunkwe konsultazzjoni meħtieġa, se tieħu l-passi prattiċi kollha biex tiżgura li pajjiżi terzi jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom, b’mod partikolari vis-à-vis it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni, u biex tippromwovi l-applikazzjoni min-naħa tal-pajjiżi terzi u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ dawn il-prinċipji.

2.   L-iżgurar tal-kontinwità tal-operazzjonijiet tal-merkanzija bl-ajru

Miżuri operazzjonali rakkomandati

9.

Fid-dawl tal-importanza tat-trasport bl-ajru tal-merkanzija u tat-trasport bl-ajru tal-merkanzija ta’ emerġenza b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-COVID-19, u bħala parti mill-isforzi ġenerali tal-UE biex iżżomm il-flussi essenzjali tat-trasport għaddejjin u biex tippreserva t-tħaddim tal-ktajjen tal-provvista madwar l-UE kollha, il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri jimplimentaw serje ta’ miżuri operazzjonali biex jiffaċilitaw it-trasport tal-merkanzija bl-ajru u jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż addizzjonali, bil-fehim li dawn il-miżuri eċċezzjonali se jkunu temporanji għat-tul ta’ żmien tal-kriżi tal-COVID-19.

10.

Miżuri bħal dawn għandhom jinkludu b’mod partikolari:

a.

F’dak li jirrigwarda t-trasport minn barra l-UE, l-għoti mingħajr dewmien tal-awtorizzazzjonijiet u tal-permessi kollha meħtieġa, inkluż id-drittijiet tat-traffiku temporanji meta dan huwa legalment possibbli, għall-operazzjonijiet addizzjonali tal-merkanzija bl-ajru, anke meta jitwettqu b’inġenji tal-ajru tal-passiġġieri;

b.

It-tneħħija temporanja, jew l-applikazzjoni flessibbli, ta’ restrizzjonijiet billejl jew ta’ restrizzjonijiet ta’ slots fl-ajruporti għall-operazzjonijiet essenzjali tal-merkanzija bl-ajru;

c.

L-iffaċilitar tal-użu tal-inġenji tal-ajru tal-passiġġieri għall-operazzjonijiet ta’ merkanzija biss, inkluż għall-ippożizzjonar mill-ġdid tal-ekwipaġġ tat-titjira tal-merkanzija bl-ajru, tal-persunal mediku u ta’ kull min ikun involut fit-trasport tal-oġġetti irrispettivament mill-modalità tat-trasport;

d.

L-iżgurar li l-ekwipaġġ tal-merkanzija bl-ajru kif ukoll il-persunal tal-immaniġġar u tal-manutenzjoni jkunu kkwalifikati bħala persunal kritiku f’każijiet ta’ għeluq jew ta’ restrizzjonijiet;

e.

L-iżgurar li, fejn ikun possibbli, tinżamm biżżejjed kapaċità tal-merkanzija meta l-ajruporti reġjonali jkunu magħluqa għal raġunijiet ekonomiċi jew meta jitqies li l-ajruporti jinżammu miftuħa għall-merkanzija bl-ajru biss, u fi kwalunkwe każ l-iżgurar li l-ajruporti miftuħa jżommu kapaċitajiet suffiċjenti tal-immaniġġar tal-merkanzija bl-ajru biex jiżguraw trattament u twassil fil-ħin;

f.

L-eżentar mir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar għall-persunal tat-trasport asimtomatiku, inkluż għall-ekwipaġġ tal-ajru, involut fit-trasport ta’ oġġetti;

g.

L-eżentar mill-miżuri tal-konteniment, għall-ekwipaġġ tal-ajru asimtomatiku, għall-persunal tal-merkanzija asimtomatiku u għall-persunal tal-ajruport asimtomatiku li jaħdmu fuq ir-rampa, jekk ikun hemm fis-seħħ protokolli tas-saħħa adegwati;

h.

L-approvazzjoni ta’ eżenzjonijiet ad hoc rapidi sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet mhux previsti bħall-operazzjonijiet ta’ emerġenza għal għarrieda u mhux previsti;

i.

Il-persunal tar-rampa jitħalla jagħmel xogħlu b’mod sikur kif ukoll b’mod effiċjenti, billi l-istaff jingħata gwida dwar il-prekawzjonijiet tas-saħħa f’ambjent tal-merkanzija bl-ajru u billi jiġi appoġġat bi provvisti xierqa ta’ prodotti tal-iġene;

j.

Il-linji tal-ajru tal-merkanzija u tal-express jiġu mħeġġa biex eċċezzjonalment jirriżervaw kapaċità għall-provvista ta’ oġġetti essenzjali, b’mod partikolari provvisti mediċi u ta’ emerġenza, u biex japplikaw rati tat-trasport raġonevoli għal provvisti bħal dawn.

11.

Il-miżuri kollha ta’ hawn fuq għandhom japplikaw kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jekk ikunu essenzjali sabiex ikun hemm il-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE u lejha.

12.

Fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza, l-Istati Membri huma mfakkra li jridu jikkonformaw mal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, inkluż fir-rigward tal-informazzjoni tal-Kummissjoni u Stati Membri oħra. Minbarra dawn l-obbligi, l-Istati Membri huma mistiedna, li jinnotifikaw minn qabel b’kull miżura koperta minn din il-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-oħra kollha, kif ukoll li jagħmluhom pubbliċi b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati kollha tal-merkanzija bl-ajru jkunu infurmati minn qabel biżżejjed biex jadattaw l-operazzjonijiet tagħhom skont dan.

13.

Id-dikjarazzjoni konġunta tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni tat-23 ta’ Marzu 2020 tenfasizza li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-UE “mhux se jintervjenu b’mod attiv kontra miżuri neċessarji u temporanji stabbiliti sabiex jiġi evitat nuqqas ta’ provvista”. Id-dikjarazzjoni konġunta tagħmilha ċara wkoll li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni mhux se joqogħdu lura milli jieħdu azzjoni kontra l-operaturi tal-merkanzija bl-ajru li jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni attwali permezz ta’ kartelli jew billi jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom. Jekk il-linji tat-trasport bl-ajru tal-merkanzija u tal-express iqisu li jeħtieġ li jikkooperaw sabiex jiżguraw il-provvista ta’ prodotti skarsi u jkollhom dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali kooperazzjoni mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE/taż-ŻEE, dawn mistiedna jfittxu gwida informali mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernati.

3.   Konklużjoni

14.

Il-Kummissjoni Ewropea tappella biex l-Istati Membri kollha jimplimentaw il-miżuri deskritti fil-punti 8 sa 11 b’urġenza.

15.

F’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-passi prattiċi kollha biex tħeġġeġ lill-pajjiżi terzi japplikaw dawn il-prinċipji, inkluż permezz tal-involviment mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), mas-sħab internazzjonali tal-avjazzjoni kif ukoll mal-industrija internazzjonali tat-trasport bl-ajru.

16.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni, u se tipprovdi aktar gwida, kif ikun xieraq.

(1)  C(2020) 1753 final

(2)  C(2020) 1897 final

(3)  https://ec.europa.eu/competition/ecn/202003_joint-statement_ecn_corona-crisis.pdf

(4)  L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1008/2008 jippermetti lill-Istati Membri jimponu restrizzjonijiet fuq it-titjiriet fl-UE b’ċerti kundizzjonijiet stretti. Huwa bbażat fuq valutazzjoni każ b’każ ta’ notifiki individwali mill-Istati Membri. Il-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tat-titjiriet tal-merkanzija bl-ajru hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 21 tas-sett sħiħ ta’ restrizzjonijiet implimentati mill-Istati Membri.


Top