Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0324(01)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali 2020/C 96 I/01

    C/2020/1897

    ĠU C 96I, 24.3.2020, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CI 96/1


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali

    (2020/C 96 I/01)

    Sommarju

    Il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (1) adottati mill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta’ Marzu 2020, jenfasizzaw il-prinċipju li l-fruntieri interni kollha tal-UE għandhom jibqgħu miftuħa għall-merkanzija u li l-ktajjen tal-provvista għall-prodotti essenzjali jridu jiġu ggarantiti. Il-fluss liberu tal-oġġetti, speċjalment fi żminijiet ta’ emerġenza u fl-interess ta’ kulħadd, jirrikjedi li l-Istati Membri jirrispettaw u jimplimentaw għalkollox il-Linji Gwida fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha fil-fruntieri interni. Dan id-dokument tfassal biex jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw il-Linji Gwida rigward il-korsiji ħodor (green lanes). L-għan tiegħu hu li jwassal għal proċess kooperattiv madwar l-UE biex jiġi żgurat li l-merkanzija kollha, inkluż l-oġġetti essenzjali bħall-ikel u l-provvisti mediċi, iżda mhux limitat għalihom, tasal malajr fid-destinazzjoni tagħha mingħajr dewmien.

    Sabiex jiġi ppreservat it-tħaddim tal-ktajjen tal-provvista fl-UE kollha u jiġi żgurat il-funzjonament tas-Suq Uniku għall-oġġetti, kull fejn jeżistu kontrolli fil-fruntieri interni jew fejn ikunu ġew introdotti, l-Istati Membri mitluba jeddeżjinaw minnufih il-punti ta’ qsim tal-fruntieri interni rilevanti kollha tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) u dawk addizzjonali sa meta jitqies li jkunu meħtieġa, bħala punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm“korsiji ħodor” – għat-trasport fuq l-art (bit-triq u bil-ferroviji), bil-baħar u bl-ajru.

    Il-ħin li wieħed jieħu biex jgħaddi minn dawn il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”, inkluż kwalunkwe kontroll u skrinjar tas-saħħa tal-ħaddiema tat-trasport, ma għandux jaqbeż il-15-il minuta fil-fruntieri interni fuq l-art. Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor” għandhom ikunu miftuħa għall-vetturi tal-merkanzija kollha li jkunu qed iġorru kwalunkwe tip ta’ oġġetti.

    L-Istati Membri għandhom jaġixxu minnufih biex jissospendu temporanjament it-tipi kollha ta’ restrizzjonijiet għall-aċċess għat-toroq li jkunu fis-seħħ fit-territorju tagħhom (projbizzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa, projbizzjonijiet ta’ billejl, projbizzjonijiet settorjali, eċċ.) għat-trasport tal-merkanzija bit-triq u għall-moviment liberu meħtieġ tal-ħaddiema tat-trasport.

    Il-ħaddiema tat-trasport, irrispettivament min-nazzjonalità u l-post tar-residenza tagħhom, għandhom jitħallew jaqsmu l-fruntieri interni. Ir-restrizzjonijiet bħar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kwarantina obbligatorja għall-ħaddiema tat-trasport, għandhom jitneħħew, mingħajr preġudizzju għall-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu miżuri proporzjonati u adattati speċifikament biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ kontaġju.

    1.

    It-tifqigħa tal-COVID-19 qed ikollha impatt ta’ tfixkil kbir fuq it-trasport u l-mobbiltà Ewropej. Il-katina tal-provvista Ewropea hija mirfuda permezz ta’ netwerk estensiv ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija, inkluż il-modalitajiet kollha tat-trasport. Is-servizzi kontinwi u mingħajr interruzzjoni tat-trasport tal-merkanzija fuq l-art, marittimi u bl-ajru huma ta’ importanza strateġika ewlenija għall-UE kollha. Il-ktajjen tal-provvista bbażati fuq l-art, b’mod partikolari bit-triq, li llum jirrappreżentaw 75 % tat-trasport tal-merkanzija, ġew affettwati partikolarment ħażin bl-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet fuq id-dħul fil-fruntieri interni tal-art, u/jew restrizzjonijiet fuq is-sewwieqa professjonali li jiġu biex jidħlu f’ċerti Stati Membri. Il-ħinijiet ta’ stennija xi drabi f’dawn l-aħħar jiem, f’ċerti fruntieri interni tal-UE, kienu ta’ iktar minn 24 siegħa, anke għall-provvisti mediċi.

    2.

    Din il-Komunikazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw għalkollox il-Linji Gwida għall-ġestjoni tal-fruntieri għat-trasport tal-merkanzija intra-UE kollu (2), u tipprovdi gwida addizzjonali speċifika għall-Istati Membri dwar kif għandhom jiġu implimentati l-paragrafi 1 sa 6, 8, 10, 11, 19 u 22 ta’ dawk il-linji gwida. Tistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri operattivi u organizzattivi meħtieġa, bil-fehim li dawn il-miżuri eċċezzjonali se jkunu temporanji għad-durata tal-konteniment tal-coronavirus.

    1.   L-iżgurar ta’ flussi kontinwi tul in-Netwerk TEN-T

    3.

    In-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (3), li jikkonsisti mill-iktar arterji importanti għat-trasport bit-triq, bil-ferroviji u fuq l-ilmijiet navigabbli interni, u li jintegra l-portijiet, l-ajruporti u t-terminals multimodali, jaqdi rwol essenzjali biex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni tal-oġġetti. L-iżgurar tal-fluss bla xkiel tal-oġġetti kollha tul dan in-netwerk huwa kruċjali biex jiġi żgurat rispons sanitarju effiċjenti għall-pandemija, biex il-popolazzjoni tiġi assigurata li l-provvisti se jiġu ssalvagwardjati, u biex jittaffa l-impatt tal-virus fuq l-ekonomija.

    4.

    L-Istati Membri għandhom jimplimentaw minnufih il-miżuri li ġejjin biex jiġi żgurat it-trasport bla xkiel tal-oġġetti tul in-Netwerk TEN-T kollu.

    5.

    Il-vetturi u s-sewwieqa tal-merkanzija kollha għandhom jiġu ttrattati mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-oriġini, id-destinazzjoni, jew il-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura, jew in-nazzjonalità tas-sewwieq. L-Istati Membri ma għandhomx jiddistingwu bejn il-vetturi li jġorru l-oġġetti biex jintużaw fit-territorju tagħhom u dawk li jkunu biss fi tranżitu.

    6.

    Kull fejn jeżistu kontrolli fil-fruntieri interni jew fejn ikunu ġew introdotti, l-Istati Membri huma mistiedna jiddeżinjaw il-punti ta’ qsim tal-fruntieri interni rilevanti tat-TEN-T (4) kif ukoll il-punti maġġuri addizzjonali ta’ qsim tal-fruntieri sa meta jitqies li jkunu meħtieġa, bħala punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”.

    7.

    Il-ħin li wieħed jieħu biex jgħaddi minn dawn il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”, inkluż kwalunkwe kontroll u skrinjar, ma għandux jaqbeż il-15-il minuta. Għandhom jinfetħu punti addizzjonali ta’ qsim tal-fruntieri, li jkunu ffukati b’mod esklużiv fuq il-passaġġ tal-oġġetti, jekk dawk tan-Netwerk TEN-T ikunu saturati. Dawn għandhom ikunu jinsabu kemm jista’ jkun qrib il-punti ta’ qsim tal-fruntieri tan-Netwerk TEN-T.

    8.

    Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor” għandhom ikunu miftuħa għall-vetturi kollha tal-merkanzija, inkluż il-vetturi tqal u ħfief kollha, u fejn ikun applikabbli, il-ferroviji u l-bastimenti.

    9.

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li xi Stati Membri jixtiequ jagħtu prijorità lil ċerti tipi ta’ merkanzija f’din il-kriżi. Madankollu, minħabba n-natura kumplessa tal-ktajjen tal-provvista u l-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti kollha, il-vetturi li jġorru kwalunkwe tip ta’ oġġetti għandhom ikunu jistgħu jużaw il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tesplora jekk ikun meħtieġ jekk huwiex neċessarju li jkun hemm iktar miżuri biex tingħata prijorità lil kategoriji partikolari ta’ oġġetti, filwaqt li tibni wkoll fuq l-aqwa prattiki fil-livell nazzjonali, iżda tisħaq li l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex l-oġġetti kollha jibqgħu jiċċirkolaw. Is-servizzi tat-trasport ta’ emerġenza għandhom dejjem jingħataw prijorità.

    10.

    Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”, għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-proċeduri u dawn għandhom jiġu ssimplifikati għal dak li huwa strettament neċessarju. Is-sewwieqa tal-vetturi tal-merkanzija ma għandhom jintalbu jipproduċu l-ebda dokument ħlief dokument ta’ identifikazzjoni u l-liċenzja tas-sewqan tagħhom u, jekk ikun hemm bżonn, ittra standard ibbażata fuq mudell li jkun ħariġhielhom min jimpjegahom (ara l-Anness 3). Għandu jkun biżżejjed li dawn id-dokumenti jintbagħtu jew jintwerew b’mod elettroniku.

    11.

    Jista’ jsir skrinjar tas-saħħa qabel jew wara l-fruntieri interni, skont l-infrastruttura disponibbli, biex jiġi żgurat li t-traffiku ma jeħilx. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw bejniethom biex l-iskrinjar tas-saħħa jsir fuq naħa waħda biss tal-fruntiera biex ma jkunx hemm xogħol doppju u biex jiġu evitati l-perjodi ta’ stennija. Fil-prinċipju, l-iskrinjar tas-saħħa għandu jissejjes fuq il-kejl elettroniku tat-temperatura tal-ġisem, sakemm ma jkunux disponibbli metodi li jkunu rapidi bl-istess mod, iżda li jkunu iktar effettivi.

    12.

    Għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-kontrolli l-oħrajn fuq id-dokumenti u fuq il-merkanzija, bħall-kontrolli fil-ġenb tat-triq, u l-ammont tagħhom ma għandux jaqbeż il-livelli normali, biex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u jiġi evitat iktar dewmien.

    13.

    Il-kontrolli u l-iskrinjar tas-saħħa għandhom jitwettqu b’tali mod li jnaqqas kemm jista’ jkun id-dewmien u b’hekk is-sewwieqa ma għandhomx ikollhom għalfejn joħorġu mill-vetturi tagħhom għalihom.

    14.

    Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali li ġew stabbiliti wara t-telekonferenza li l-Ministri tat-Trasport kellhom fit-18 ta’ Marzu għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor” jaħdmu b’mod effettiv. Il-Kummissjoni stabbiliet pjattaforma biex tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri rilevanti tat-trasport li l-Istati Membri ħadu b’rabta mal-kriżi (5).

    15.

    Fir-rigward tar-Renju Unit, li qed jiġi ttrattat bħala membru tal-UE sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tal-pajjiżi ġirien li mhumiex Stati Membri tal-UE, tal-membri taż-ŻEE, tal-Iżvizzera u tal-pajjiżi u tal-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li jieħdu sehem fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, b’mod partikolari dawk li jiffurmaw parti min-netwerk trans-Ewropew estiż tat-trasport, l-awtoritajiet nazzjonali rispettivi huma mistiedna jaħdmu mill-qrib man-netwerk tal-punti ta’ kuntatt tal-UE. Dan huwa essenzjali biex jiġu allinjati bis-sħiħ il-proċeduri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat il-moviment tal-oġġetti kollha, kemm dawk maħsuba għal dawn il-pajjiżi kif ukoll dawk li jkunu għaddejja minn naħa tal-UE (jew ta’ dan il-grupp usa’ ta’ pajjiżi) għall-oħra. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mill-qrib mas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport biex tiffaċilita l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri bejn l-UE u s-Sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Mingħajr preġudizzju għall-kontrolli speċifiċi fuq l-oġġetti jew fuq il-ħaddiema tas-settur tat-trasport li huma marbutin b’mod inerenti mal-qsim tal-fruntieri esterni tas-suq uniku, tal-unjoni doganali jew taż-żona Schengen rispettivament u li s-soltu jsiru f’dawn il-punti, l-Istati Membri għandhom japplikaw kemm jista’ jkun il-gwida ta’ implimentazzjoni stabbilita f’din il-Komunikazzjoni fit-tali fruntieri esterni.

    16.

    L-Istati Membri għandhom jissospendu b’mod temporanju kull tip ta’ restrizzjoni fuq is-sewqan li hija fis-seħħ fit-territorji kollha tagħhom b’rabta mat-trasport tal-merkanzija (bħall-projbizzjonijiet marbutin mat-trasport tal-merkanzija fi tmiem il-ġimgħa jew billejl jew mat-trasport tal-merkanzija ta’ setturi speċifiċi, eċċ.). Bis-saħħa tas-sospensjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet fuq is-sewqan, it-traffiku mhux se jeħel daqshekk.

    17.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm faċilitajiet sanitarji adegwati u provvisti tal-ikel jew il-forniment tal-ikel għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport fir-rotot ewlenin tat-trasport. Minħabba li tul ir-rotot x’aktarx li ma jkunx hemm faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni, u sabiex jiġi llimitat l-esponiment għall-kontaġju, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sospensjoni urġenti tal-projbizzjoni fuq il-fatt li l-ħaddiema tas-settur tat-trasport jgħaddu l-perjodi tal-mistrieħ tagħhom fil-kabini tal-vetturi, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 (6). Għal perjodi li jaqbżu t-tletin jum, fid-dawl ta’ problemi persistenti, il-Kummissjoni se tqis b’mod favorevoli t-talbiet tal-Istati Membri biex jiġu awtorizzati l-estensjonijiet tat-tali eċċezzjonijiet.

    18.

    Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu kurituri tat-tranżitu ta’ passaġġ sikur biex is-sewwieqa privati u l-passiġġieri tagħhom, bħall-ħaddiema tas-settur tas-saħħa u tat-trasport, kif ukoll iċ-ċittadini kollha tal-UE li jkunu qed jiġu ripatrijati, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ikunu jistgħu jgħaddu direttament bi prijorità mill-pajjiż f’kull direzzjoni meħtieġa tul in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, filwaqt li jħarsu l-ħtieġa li dawn jibqgħu strettament fuq ir-rotta l-magħżula u li dawn jieħdu l-waqfiet minimi tal-mistrieħ meħtieġa. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jkollhom mill-inqas ajruport wieħed li jkun miftuħ għat-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni u għat-titjiriet internazzjonali ta’ għajnuna.

    2.   Applikazzjoni speċifika aħjar tar-regoli għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport

    19.

    Bħala parti mill-isforz ġenerali biex il-flussi essenzjali tat-trasport jibqgħu għaddejjin, l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni wkoll biex jiżguraw il-moviment liberu fl-UE tal-ħaddiema kollha involuti fit-trasport internazzjonali bil-mezzi kollha tat-trasport, bħas-sewwieqa, il-baħħara, il-bdoti, il-membri tal-ekwipaġġ, l-ispetturi tal-vaguni, il-ħaddiema tal-manutenzjoni, eċċ.

    20.

    B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu miżuri proporzjonati u adattati b’mod speċifiku biex inaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju tal-kontaġju, għandhom jitneħħew ir-regoli bħar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kwarantina obbligatorja għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport li ma jkollhomx sintomi. Pereżempju, l-Istati Membri għandhom jabbandunaw ir-rekwiżiti li jobbligaw lill-ħaddiema tas-settur tat-trasport li ma jkollhomx sintomi jipproduċu ċertifikat tat-tabib biex juru li huma f’saħħithom biex dan jiġi spezzjonat. Talbiet bħal dawn ikunu sproporzjonati u ta’ valur limitat, minħabba l-possibbiltà ta’ infezzjoni mingħajr sintomi wara li jinħareġ it-tali ċertifikat u minħabba l-fatt li l-aċċess għat-tobba diġà huwa ristrett minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.

    21.

    Il-ħaddiema ma għandhomx jinżammu milli jaqsmu fruntiera interna biex iwettqu l-funzjonijiet tat-trasport tagħhom: iċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali rrikonoxxuti fil-livell internazzjonali għandhom ikunu biżżejjed biex juru li ħaddiem ikun attiv fit-trasport internazzjonali. Dawn iċ-ċertifikati għandhom jitqiesu li huma validi b’mod temporanju għal perjodu raġonevoli wara d-data ta’ skadenza tagħhom waqt it-tifqigħa tal-COVID-19.

    22.

    Jekk ikun hemm bżonn, pereżempju meta ma jkunx hemm ċertifikat professjonali rrikonoxxut fil-livell internazzjonali (pereżempju fil-każ tas-sewwieqa tal-vannijiet) jew f’każ li ċ-ċertifikat ikun skada, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li jingħataw ittra mingħand min jimpjega lill-ħaddiema biex jistabbilixxu l-bona fide tagħhom flimkien mad-dokumenti ta’ identifikazzjoni x-xierqa sabiex dawn jitħallew jaqsmu l-fruntiera interna huma u jwettqu xogħolhom. Il-Kummissjoni qed tgħin f’dan il-proċess billi tipprovdi mudell ta’ ittra standard (ara l-Anness 3).

    23.

    Meta l-awtoritajiet nazzjonali jqisu li dan ikun meħtieġ, l-iskrinjar tas-saħħa tal-ħaddiema tas-settur tat-trasport għandu jissejjes fil-prinċipju fuq il-kejl elettroniku tat-temperatura tal-ġisem. Normalment, is-sewwieqa ma għandhomx isirulhom iktar minn tliet kontrolli tat-temperatura fl-istess ġurnata. F’każ li l-ħaddiem tas-settur tat-trasport ikollu d-deni u l-awtoritajiet tal-fruntiera jqisu li huwa ma għandux jitħalla jkompli l-vjaġġ tiegħu, huwa għandu jingħata aċċess għall-kura tas-saħħa x-xierqa. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-faċilitajiet ix-xierqa għall-ħżin temporanju tal-vetturi, sakemm jaslu s-sewwieqa ta’ sostituzzjoni.

    24.

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll l-użu ta’ miżuri biex ikun hemm iktar iġjene fl-ajruporti, fil-portijiet, fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fi pjattaformi oħrajn tat-trasport fuq l-art. Fil-pjattaformi tat-trasport għandhom jitqiesu wkoll l-għażla tal-persunal ta’ prijorità, kif ukoll il-miżuri biex jiġi żgurat id-diżinfettar, eċċ. Għandhom jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ħaddiema tas-settur tat-trasport, bħal dawk li jissemmew fl-Anness 2.

    25.

    Biex ikun żgurat li jibqa’ għaddej il-moviment tal-oġġetti u tal-materjali, b’mod partikolari l-ikel frisk u l-prodotti essenzjali tal-ikel, l-annimali ħajjin u l-għalf, l-inputs għall-produzzjoni agrikola, il-mediċini, fosthom il-mediċini veterinarji, it-tagħmir ta’ protezzjoni personali (il-PPE), is-sustanzi ta’ oriġini umana u l-inputs industrijali għall-produzzjoni u għall-manutenzjoni ta’ dawn il-proċessi, il-ħaddiema tas-settur tat-trasport u l-operaturi ta’ servizzi essenzjali u kritiċi tal-katina tal-provvista fil-mezzi kollha tat-trasport għandhom jitqiesu bħala wieħed mill-gruppi ta’ prijorità – wara li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet strettament mediċi – fid-distribuzzjoni u fl-allokazzjoni tat-tagħmir ta’ protezzjoni personali (il-PPE) bħall-prodotti għad-diżinfettar u l-ingwanti.

    26.

    L-Istati Membri għandhom jikkollaboraw bejniethom biex jiffaċilitaw ir-ripatrijazzjoni tal-ħaddiema tas-settur tat-trasport li jkunu spiċċawlhom il-kuntratti tagħhom u għandhom jipprovdulhom l-assistenza kollha li jkollhom bżonn biex jaslu lura d-dar.

    27.

    Il-prinċipji kollha ta’ hawn fuq għandhom japplikaw ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jekk dawn ikunu essenzjali biex jipprovdu l-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE u lejha.

    (1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52020XC0316(03)&from=EN

    (2)  Il-prinċipji relatati mat-trasport tal-oġġetti f’din il-Komunikazzjoni japplikaw mutatis mutandis għal vjeġġi ta’ skart skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 1.7.2006, p. 1).

    (3)  https://ec.europa.eu/transport/infrastructure/tentec/tentec-portal/site/en/maps.html

    (4)  Għar-referenza fl-Anness 1 u online ara: Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri interni bit-triq tan-Netwerk TEN-T

    (5)  https://ec.europa.eu/transport/coronavirus-response_mt; kuntatt: EU-COVID-TRANSPORT@ec.europa.eu.

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.)


    ANNESS 1

    Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri bit-triq tan-netwerk TEN-T*

    Image 1


    ANNESS 2

    Ir-rakkomandazzjonijiet għas-sewwieqa kif ukoll għall-impriżi relatati mat-trasport u għall-awtoritajiet pubbliċi kompetenti rilevanti involuti fit-trasport tal-merkanzija wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġu rrispettati r-regoli speċifiċi rigward l-iġjene u t-tbegħid soċjali jew regoli oħra imposti mill-awtoritajiet nazzjonali fit-territorji rispettivi tagħhom.

    It-tbegħid soċjali għandu jkun ir-regola u s-sewwieqa għandhom jevitaw kemm jista’ jkun li joħorġu mill-kabina tat-trakk biex jagħmlu interazzjonijiet soċjali.

    Min iħaddem għandu jipprovdi lis-sewwieqa bil-ġell u bis-sapun tas-sanitizzazzjoni/tad-diżinfettar.

    Min iħaddem għandu jinforma lis-sewwieqa bir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-Anness.

    L-użu ta’ dokumenti diġitali għandu jiġi mħeġġeġ u min iħaddem għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jibgħat id-dokumenti bil-quddiem lill-kumpaniji meta jkunu jafu li dawn id-dokumenti jaf ikunu meħtieġa fil-punti tat-tagħbija/tal-ħatt.

    Meta l-interazzjonijiet soċjali ma jkunux jistgħu jiġu evitati, is-sewwieqa għandhom jilbsu tagħmir protettiv rilevanti adegwat bħall-ingwanti.

    Il-kabina tat-trakk għandha tiġi diżinfettata ma’ kull użu ġdid (eż. meta sewwieq ieħor jew il-persunal tal-pjattaformi jiġi biex isuq il-vettura).

    Fil-punti tat-tagħbija u tal-ħatt:

    Kemm jista’ jkun, is-sewwieqa għandhom jibqgħu fil-kabina tat-trakk fil-punti tat-tagħbija u tal-ħatt.

    Kemm jista’ jkun, l-attivitajiet tat-tagħbija u tal-ħatt għandhom jitwettqu mill-persunal lokali tal-kumpanija li tirċievi/tibgħat l-oġġetti. Meta s-sewwieqa jkunu meħtieġa jissorveljaw dawn l-attivitajiet, għandhom jżommu distanza sikura minima minn persunal ieħor u għandhom jilbsu l-materjal protettiv disponibbli bħall-ingwanti.

    Meta jkun possibbli, id-dokumenti kollha relatati mal-operat tat-trasport għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku minn qabel mill-kumpanija. Jekk jiġu skambjati dokumenti fiżiċi fil-punti tat-tagħbija/tal-ħatt, huwa rrakkomandat li s-sewwieqa/il-persunal jużaw l-ingwanti u l-ġel tal-idejn kontra l-batterji jew jaħslu jdejhom bis-sapun u bl-ilma immedjatament wara.

    Pawżi u ħinijiet ta’ mistrieħ:

    Is-sewwieqa għandhom jipprattikaw it-tbegħid soċjali matul il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ fuq it-triq. Matulhom, huwa rrakkomandat li jevitaw il-kuntatti mill-qrib ma’ persuni oħra (sewwieqa, persunal tal-parkeġġi, eċċ).

    Kemm jista’ jkun, is-sewwieqa għandhom jieklu fil-beraħ u mhux ħdejn persuni oħra jew fil-kabina tat-trakk. Meta l-catering ikun disponibbli fil-postijiet ta’ waqfien tagħhom, huwa rrakkomandat li s-sewwieqa ma jiklux ikel fir-ristorant/fil-kafetterija iżda minflok jordnaw ikel take-away sabiex jiklux ħdejn persuni oħra.

    Waqt il-kontrolli u fil-kjuwijiet fil-fruntieri:

    Bħala regola ġenerali, is-sewwieqa ma għandhomx ikollhom joħorġu mill-kabina tat-trakk tagħhom għall-kontrolli.

    Waqt li jkunu qed jiġu ċċekkjati d-dokumenti, id-dokumenti stampati għandhom jiġu skambjati b’mod li titħares distanza sikura minima. Meta s-sewwieqa jkunu meħtieġa li jimlew dokumenti, l-uffiċjali nazzjonali tal-kontroll għandhom iħalluhom jimlew id-dokumenti fil-kabina tat-trakk.

    Jekk jiġu skambjati d-dokumenti fiżiċi jew jekk dawn jiġu ċċekkjati, huwa rrakkomandat li jintuża ġel tal-idejn ta’ kontra l-batterji jew li dak li jkun jaħsel idejh bl-ilma u bis-sapun meta dan ikun possibbli. Huwa rrakkomandat li s-sewwieqa u l-persunal jużaw l-ingwanti u l-ġel tal-idejn ta’ kontra l-batterji jew li dawn jaħslu jdejhom bis-sapun u bl-ilma immedjatament wara.


    ANNESS 3

    Mudell taċ-ċertifikat għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport internazzjonali

    Image 2

    Ċertifikat għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport internazzjonali

    B’dan nikkonferma li l-persuna li ġejja:

    Isem u kunjom:

    Data tat-twelid:

    Residenza:

    twettaq attivitajiet fit-trasport internazzjonali bħala*

    sewwieq ta’ vettura tqila tal-merkanzija

    sewwieq tal-karozza tal-linja

    membru tal-ekwipaġġ ta’ inġenju tal-ajru tat-trasport

    sewwieq tal-ferrovija

    membru tal-ekwipaġġ tal-ferrovija

    spettur tal-vaguni

    kaptan tal-bastiment

    membru tal-ekwipaġġ tal-bastiment

    membru tal-ekwipaġġ tal-amministrazzjoni tat-toroq

    xufier ta’ vettura sa 9 persuna li jkunu qed iġorru waħda mill-kategoriji ta’ persuni ta’ hawn fuq, li tkun impjegata tal-istess impjegatur u tittrasportahom lejn jew mill-post tax-xogħol, u vjaġġi vojta konnessi ma’ tali trasport

    * Immarka b’salib.

    Il-post u d-data:

    Għall-kumpanija/l-uffiċċju/l-organizzazzjoni (Isem u firma):


    Top