Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0483

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament

COM/2020/483 final

Brussell, 4.9.2020

COM(2020) 483 final

2020/0231(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li ġie adottat fit-30 ta’ Mejju 2018, jistabbilixxi qafas regolatorju ġdid biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern fir-rigward tal-produzzjoni organika, bl-għan li tkompli tiġi żviluppata sistema kumplessiva ta’ ġestjoni tal-farms u tal-produzzjoni tal-ikel li tgħaqqad flimkien l-aħjar prattiki ambjentali u l-aħjar prattiki b’rabta mal-azzjoni klimatika, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-applikazzjoni ta’ standards għoljin tal-benessri tal-annimali u standards għoljin ta’ produzzjoni skont id-domanda ta’ għadd dejjem jikber ta’ konsumaturi għal prodotti bl-użu ta’ sustanzi u proċessi naturali. Għaldaqstant, il-produzzjoni organika għandha rwol soċjetali doppju, fejn minn naħa waħda tipprovdi għal suq speċifiku li jirreaġixxi għad-domanda tal-konsumaturi għal prodotti organiċi u min-naħa l-oħra, tforni prodotti disponibbli pubblikament li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent u l-benessri tal-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali.

L-adozzjoni reċenti tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” 1 tidentifika l-produzzjoni organika bħala wieħed mill-modi biex jintlaħqu r-rekwiżiti sabiex tinħoloq sistema tal-ikel sostenibbli. L-Istrateġija għall-Bijodiversità, tirrikonoxxi r-rwol tal-produzzjoni organika fil-preservazzjoni tal-bijodiversità fit-territorju Ewropew. Għalhekk, qafas regolatorju solidu u konsenswali għall-għaxar snin li ġejjin huwa kruċjali biex jintlaħaq l-objettiv li 25 % tal-art agrikola tintuża għall-biedja organika u li jkun hemm żieda sinifikanti fl-akkwakultura organika sal-2030, li huma objettivi ddikjarati tal-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u tal-Istrateġija għall-Bijodiversità.

https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/f2f_action-plan_2020_strategy-info_en.pdf

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-kriżi relatata tas-saħħa pubblika jippreżentaw sfida bla preċedent għall-Istati Membri u jitfgħu piż kbir fuq l-awtoritajiet nazzjonali u fuq l-operaturi organiċi. It-tifqigħa tal-COVID-19 ħolqot ukoll ċirkostanzi straordinarji li jeżiġu li s-settur organiku jwettaq adattamenti sostanzjali f’dawk li huma l-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, il-kontrolli u l-kummerċ internazzjonali li ma setgħux jiġu raġonevolment antiċipati fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848.

Dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji għandhom impatt sinifikanti fuq oqsma diversi li jkopri r-Regolament (UE) 2018/848 u għaldaqstant, wisq probabbli, l-Istati Membri u l-operaturi organiċi mhumiex se jlaħħqu jiżguraw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa ta’ dak ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2021.

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, biex tingħata ċertezza tad-dritt lill-operaturi organiċi kollha, u biex jiġi evitat it-tfixkil possibbli tas-suq, jeħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848 tiġi differita b’sena.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Unjoni tista’ tieħu l-azzjoni biss jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom. L-intervent tal-Unjoni huwa meħtieġ biex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern fir-rigward tal-produzzjoni organika u biex jiġi evitat it-tfixkil potenzjali tas-suq. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni li qed tiġi emendata tiġi adottata f’konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u kwalunkwe emenda li ssirilha għandha ssir permezz ta’ proposta tal-Kummissjoni.

Proporzjonalità

Din l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tar-Regolament (UE) 2018/848 u tal-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti mill-partijiet kollha involuti, filwaqt li jitqiesu l-estent tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tal-kriżi tas-saħħa pubblika fuq is-settur organiku f’termini ta’ produzzjoni, kontrolli u kummerċ. L-emendi proposti għandhom l-għan li jiżguraw li jintlaħaq l-għan maħsub tar-Regolament (UE) 2018/848, jiġifieri li jiġi stabbilit qafas għall-produzzjoni organika, bl-għan li tkompli tiġi żviluppata sistema kumplessiva ta’ ġestjoni tal-farms u tal-produzzjoni tal-ikel li tgħaqqad flimkien l-aħjar prattiki ambjentali u l-aħjar prattiki b’rabta mal-azzjoni klimatika, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-applikazzjoni ta’ standards għoljin tal-benessri tal-annimali u standards għoljin ta’ produzzjoni skont id-domanda ta’ għadd dejjem jikber ta’ konsumaturi għal prodotti bl-użu ta’ sustanzi u proċessi naturali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt separata, billi din il-proposta ma tbiddilx is-sustanza tar-Regolament (UE) 2018/848 u ma timponix obbligi ġodda fuq il-partijiet ikkonċernati. Għandha l-għan li tipprovdi, għal raġunijiet eċċezzjonali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, differiment ta’ sena fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u fir-rigward ta’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament li huma derivati minn dik id-data.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex impatt baġitarju għall-istituzzjonijiet tal-UE.

2020/0231 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Ġunju 2018, jistabbilixxi qafas regolatorju ġdid għall-produzzjoni organika. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-qafas regolatorju l-qadim għall-qafas regolatorju l-ġdid, dak ir-Regolament jipprevedi data ta’ applikazzjoni tal-1 ta’ Jannar 2021.

(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 wasslet għal ċirkostanzi straordinarji li jeżiġu sforzi sostanzjali mis-settur organiku li ma setgħux jiġu raġonevolment antiċipati fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-kriżi relatata tas-saħħa pubblika jippreżentaw sfida bla preċedent għall-Istati Membri u jitfgħu piż kbir fuq l-operaturi organiċi. L-operaturi jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq iż-żamma tal-produzzjoni organika u fuq il-flussi kummerċjali, u ma jistgħux iħejju ruħhom għad-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet legali ġodda skont ir-Regolament (UE) 2018/848 fl-istess waqt. Għalhekk, huwa ferm probabbli li l-Istati Membri u l-operaturi organiċi mhumiex se jkunu f’pożizzjoni li jiżguraw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa ta’ dak ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2021.

(4)Għalhekk, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-settur organiku, biex tiġi pprovduta ċertezza tad-dritt, u biex jiġi evitat tfixkil potenzjali tas-suq, jeħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tiġi differita, flimkien ma’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament li huma derivati minn dik id-data. Meta jitqiesu l-iskala tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika relatata magħha, l-iżvilupp epidemjoloġiku tagħha u r-riżorsi addizzjonali meħtieġa mill-Istati Membri u mill-operaturi organiċi, jixraq li l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tiġi differita b’sena.

(5)B’mod partikolari, diversi dati marbuta ma’ derogi, rapporti jew setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għat-terminazzjoni jew l-estensjoni ta’ derogi huma derivati direttament mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848. Għalhekk, huwa xieraq li anki l-applikazzjoni ta’ dawn id-dati tiġi differita b’sena. Id-dati rispettivi ġew stabbiliti filwaqt li tqies iż-żmien meħtieġ biex l-operaturi organiċi jadattaw għat-terminazzjoni tad-derogi jew biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiġbru biżżejjed informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ ċerti inputs li għalihom ingħataw derogi, jew biex il-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tħejji proposta leġiżlattiva jew atti delegati.

(6)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-kriżi relatata tas-saħħa pubblika jippreżentaw ukoll sfida bla preċedent għall-pajjiżi terzi u għall-operaturi bbażati f’pajjiżi terzi. Konsegwentement, għal pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 5 , huwa xieraq li d-data ta’ skadenza tar-rikonoxximent tagħhom tiġi estiża b’sena, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2026, sabiex pajjiżi terzi bħal dawn ikollhom biżżejjed żmien biex jibdlu l-istatus tagħhom billi jikkonkludu ftehim kummerċjali mal-Unjoni Ewropea jew billi jiksbu konformità sħiħa tal-operaturi tagħhom mar-Regolament (UE) 2018/848 mingħajr ma jinħoloq xkiel żejjed fil-kummerċ tal-prodotti organiċi.

(7)Bl-istess mod, id-data ta’ skadenza tar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll f’pajjiżi terzi mogħtija skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jenħtieġ li tiġi estiża b’sena, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2024, biex dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll u l-operaturi ċertifikati tagħhom f’pajjiżi terzi jingħataw iż-żmien biex jegħlbu l-impatti tal-pandemija tal-COVID-19 u jħejju ruħhom għad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

(8)Fid-dawl tal-ħtieġa prevalenti li tiġi żgurata ċertezza tad-dritt b’effett immedjat għas-settur organiku fiċ-ċirkostanzi attwali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(4), “31 ta’ Diċembru 2024” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2025”;

(2)fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(1), “31 ta’ Diċembru 2025” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(3)fl-Artikolu 49, “31 ta’ Diċembru 2021” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2022”;

(4)L-Artikolu 53 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, “31 ta’ Diċembru 2035” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2036”;

(b)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)fil-frażi introduttorja, “1 ta’ Jannar 2028” huwa sostitwit bi “1 ta’ Jannar 2029”;

(ii)fil-punt (a), “31 ta’ Diċembru 2035” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2036”;

(c)fil-paragrafu 3, “1 ta’ Jannar 2026” huwa sostitwit bi “1 ta’ Jannar 2027”;

(d)fil-paragrafu 4, “1 ta’ Jannar 2025” huwa sostitwit bi “1 ta’ Jannar 2026” u “31 ta’ Diċembru 2025” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(e)fil-paragrafu 7, “31 ta’ Diċembru 2025” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(5)Fl-Artikolu 57(1), “31 ta’ Diċembru 2023” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2024”;

(6)fl-Artikolu 60, “1 ta’ Jannar 2021” huwa sostitwit bi “1 ta’ Jannar 2022”;

(7)fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 61, “1 ta’ Jannar 2021” huwa sostitwit bi “1 ta’ Jannar 2022”;

(8)L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)fil-Parti I, il-punt 1.5 huwa emendat kif ġej:

(i)fit-tieni paragrafu “31 ta’ Diċembru 2030” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2031”;

(ii)fit-tielet paragrafu, “31 ta’ Diċembru 2025” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(b)Il-Parti II hija emendata kif ġej:

(i)fit-tieni sentenza tal-punt 1.9.1.1(a), “1 ta’ Jannar 2023” huwa sostitwit bi “1 ta’ Jannar 2024”;

(ii)fit-tieni sentenza tal-punt 1.9.2.1(a), “1 ta’ Jannar 2023” huwa sostitwit bi “1 ta’ Jannar 2024”;

(iii)fil-frażi introduttorja tal-punt 1.9.3.1(c), “31 ta’ Diċembru 2025” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(iv)fil-frażi introduttorja tal-punt 1.9.4.2(c), “31 ta’ Diċembru 2025” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(c)fil-Parti III, fit-tieni paragrafu tal-punt 3.1.2.1, “1 ta’ Jannar 2021” huwa sostitwit bi “1 ta’ Jannar 2022”;

(d)fil-Parti VII, fit-tieni sentenza tal-punt 1.1, “31 ta’ Diċembru 2023” huwa sostitwit bi “31 ta’ Diċembru 2024”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/f2f_action-plan_2020_strategy-info_en.pdf
(2)    ĠU C […, , p. .
(3)    ĠU C , , p. .
(4)    Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).
Top