EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0142

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

COM/2020/142 final

Brussell, 2.4.2020

COM(2020) 142 final

2020/0059(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-tifqigħa tal-COVID-19 laqtet lill-Istati Membri għall-għarrieda u b’mod drammatiku, u affettwat bil-kbir lis-soċjetajiet u lill-ekonomiji tagħhom minħabba li l-attività ekonomika naqset f’daqqa. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali għall-UE kollha li għaliha jeħtieġ li jiġu mmobilizzati r-riżorsi kollha disponibbli fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jingħelbu l-isfidi bla preċedent marbutin mat-tifqigħa tal-COVID-19.

Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni pproponiet “Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus” li kellha l-għan li tippromwovi l-investimenti billi timmobilizza r-riżervi tal-flus kontanti disponibbli fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, biex il-kriżi tiġi miġġielda immedjatament. Fid-19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Qafas ġdid għall-għajnuna mill-Istat.

Madankollu, l-ambitu tal-intervent tal-Istati Membri fil-qasam tas-sajd huwa limitat mid-dispożizzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (l-FEMS), li dal-ħin ma jappoġġax l-azzjonijiet li l-iktar hemm bżonn jitwettqu malajr biex jingħelbu l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dawk il-limitazzjonijiet jirrestrinġu l-kapaċità tal-Istati Membri li jużaw l-FEMS biex jiġġieldu l-kriżi.

Is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ntlaqat partikularment ħażin mit-tfixkil fis-suq li nqala’ minħabba t-tnaqqis sinifikanti fid-domanda. L-għeluq tal-postijiet tal-bejgħ, tas-swieq, tal-ħwienet u tal-mezzi ta’ distribuzzjoni wassal għal tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet u fil-volumi. It-tnaqqis fid-domanda u fil-prezzijiet flimkien mal-vulnerabbiltà tal-katina tal-provvista u mal-kumplessità tagħha (bi prodotti li jitħassru malajr u bil-ħtieġa għal ħafna ħaddiema) wasslu biex l-attivitajiet tal-flotot tas-sajd u tal-produzzjoni tal-frott tal-baħar ma jagħmlux qligħ. B’hekk, is-sajjieda qed ikollhom jibqgħu fil-portijiet u l-produtturi tal-akkwakultura se jkollhom jarmu l-prodotti tagħhom jew jeqirduhom fi żmien ftit ġimgħat jew iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż eċċezzjonali ta’ ġestjoni tal-istokkijiet, fosthom spejjeż biex jinkisbu iktar spazju u għalf għall-ħut li jkun kiber u li ma jkunux jistgħu joqtluh minħabba li naqset id-domanda għalih. Dan it-tnaqqis rapidu jolqot b’mod partikulari lill-operaturi involuti fis-sajd kostali fuq skala żgħira u lill-produtturi tal-ħut.

Minħabba li tmiem il-kriżi attwali ma jistax jiġi previst, dan malajr jista’ jwassal għal waqfien tal-attivitajiet u tan-negozji f’settur li jintlaqat ħafna mill-varjazzjonijiet ċikliċi. B’hekk din il-kriżi jaf twassal għal konsegwenzi soċjoekonomiċi drammatiċi f’ċerti komunitajiet fejn is-sajd u l-akkwakultura għandhom rwol ewlieni. Kważi 75 % mill-bastimenti attivi kollha jintużaw għas-sajd kostali fuq skala żgħira, li fih jaħdmu iktar minn 55 % mill-impjegati b’impjieg dirett f’dan is-settur, u f’ħafna żoni kostali dan it-tip ta’ sajd huwa l-attività ekonomika ewlenija. Is-settur tat-trobbija tal-ħut isostni l-komunitajiet kostali u ż-żoni rurali. L-operaturi tas-sajd u tal-akkwakultura, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma mikrointrapriżi, ta’ spiss ma jkollhomx ir-riżervi finanzjarji biex ikopru l-ispejjeż li jkollhom. Ladarba jieqfu l-attivitajiet tagħhom, il-ktajjen tal-kummerċ jiġu interrotti.

Għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tas-setturi l-oħrajn tal-ekonomija, is-sajd jidħol fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u huwa rregolat fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ politika komuni, u b’hekk, fil-biċċa l-kbira tiegħu, jeskludi lir-regolamenti nazzjonali, fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu mal-appoġġ finanzjarju. Il-kundizzjonijiet għall-appoġġ pubbliku jirregolahom l-FEMS.

Għalhekk il-Kummissjoni qed tadotta proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ir-Regolament dwar l-FEMS), kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 (ir-Regolament dwar l-OKS) biex iddaħħal miżuri speċifiċi fl-FEMS biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont ir-Regolament Finanzjarju, id-dispożizzjonijiet tal-proposta jiġu implimentati fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża.

Proporzjonalità

Id-dispożizzjonijiet proposti huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi huma xierqa u meħtieġa, filwaqt li ma hemm l-ebda miżura inqas restrittiva oħra disponibbli biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa tal-politika.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.KONTENUT TAL-PROPOSTA

Il-miżuri speċifiċi proposti biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura huma dawn li ġejjin:

l-għoti ta’ appoġġ lis-sajjieda għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19;

l-għoti ta’ appoġġ lill-akkwakulturisti għas-sospensjoni temporanja tal-produzzjoni jew għat-tnaqqis fiha minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19;

l-għoti ta’ appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-ħżin tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura skont l-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

Qed jiġi propost li dawn il-miżuri jkunu eliġibbli b’mod retroattiv mill-1 ta’ Frar 2020 u li dawn jibqgħu disponibbli sal-31 ta’ Diċembru 2020.

L-emendi addizzjonali li ġejjin fir-Regolament dwar l-FEMS għandhom l-għan li jiżguraw allokazzjoni mill-ġdid, b’mod flessibbli, tar-riżorsi finanzjarji fil-programmi operazzjonali:

tħassir tal-ammonti delimitati fl-Artikolu 13, minbarra dawk għall-kontroll tas-sajd, għall-ġbir tad-data xjentifika u għall-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi;

tibdil fil-proċedura ssimplifikata biex jiġu emendati l-programmi operazzjonali minħabba l-introduzzjoni tal-miżuri speċifiċi u l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi finanzjarji allokati għalihom.

Emenda tar-Regolament dwar l-OKS tikkomplementa l-miżuri speċifiċi tal-FEMS:

sabiex ikun jista’ jintuża l-mekkaniżmu tal-ħżin jekk l-Istati Membri ma jkunux stabbilixxew u ppubblikaw prezzijiet skattaturi;

sabiex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-akkwakultura jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-mekkaniżmu tal-ħżin.

4. RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati billi talbet il-kontribut tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd u tal-akkwakultura u tal-Kunsilli Konsultattivi, u billi rċeviet il-kummenti tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija, tal-operaturi individwali u tal-Istati Membri dwar l-iżviluppi fis-suq u l-miżuri possibbli ta’ salvataġġ. Il-partijiet ikkonċernati qablu kważi kompletament u unanimament fil-valutazzjoni tagħhom tas-sitwazzjoni ta’ kriżi u ta’ kif għandhom jiġu miġġielda l-effetti tagħha. Il-Kummissjoni qieset dawn il-kummenti hija u tħejji din il-proposta.

5.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-emenda proposta ma timplika l-ebda bidla fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-impenji u għall-pagamenti skont l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013. It-tqassim annwali tal-approprjazzjonijiet tal-impenn għall-FEMS jibqa’ l-istess.

Minħabba li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura ma jistgħux jitwettqu jew naqsu ħafna, ftit hemm lok għall-implimentazzjoni tal-miżuri u tal-programmi operazzjonali attwali tal-FEMS b’mod normali. Jekk ma jkunx hemm kontromiżuri effettivi kontra l-kriżi, l-FEMS ftit li xejn għandu ċans jiġi implimentat bis-sħiħ sa tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jallokaw mill-ġdid, fi żmien qasir, ir-riżorsi finanzjarji eżistenti fil-programmi operazzjonali tagħhom għall-miżuri speċifiċi. Dik il-possibbiltà se tkun limitata mill-allokazzjonijiet baġitarji li l-Istati Membri rċevew diġà, li ma jistgħux jinqabżu.

L-approprjazzjonijiet ta’ pagament li huma disponibbli fil-baġit tal-2020 għall-FEMS jistgħu jakkomodaw bidla bejn il-Prijoritajiet tal-Unjoni fil-programmi operazzjonali. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-miżuri l-ġodda se jieħdu post l-inizjattivi li kienu ppjanati oriġinarjament, li issa qed jitwaqqfu minħabba t-tnaqqis ġenerali fl-attività ekonomika. B’hekk il-miżuri proposti għandhom l-għan li jiżguraw implimentazzjoni effettiva tal-baġit tal-2020 u tal-allokazzjoni tal-2014 sal-2020 għall-FEMS.

Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-impatt tal-emenda proposta fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2020, filwaqt li tqis kemm l-implimentazzjoni tal-baġit, kif ukoll il-previżjonijiet riveduti tal-Istati Membri.

2020/0059 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ntlaqat partikularment ħażin mit-tfixkil fis-suq li nqala’ minħabba t-tnaqqis sinifikanti fid-domanda li kien hemm minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. L-għeluq tal-postijiet tal-bejgħ, tas-swieq, tal-ħwienet u tal-mezzi ta’ distribuzzjoni wassal għal tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet u fil-volumi. It-tnaqqis fid-domanda u fil-prezzijiet flimkien mal-vulnerabbiltà tal-katina tal-provvista u mal-kumplessità tagħha wasslu biex l-attivitajiet tal-flotot tas-sajd u tal-produzzjoni tal-frott tal-baħar ma jagħmlux qligħ. B’hekk, is-sajjieda qed ikollhom jibqgħu fil-portijiet u dawk li jrabbu l-ħut se jkollhom jarmu l-prodotti tagħhom jew jeqirduhom fi żmien ftit ġimgħat.

(2)Jenħtieġ li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (l-FEMS), li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 2 , ikun jista’ jappoġġa miżuri speċifiċi sal-31 ta’ Diċembru 2020 biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jkunu jinkludu l-għoti ta’ appoġġ għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd, fosthom tas-sajd fl-ilmijiet interni, u għas-sospensjoni temporanja tal-produzzjoni tal-akkwakultura jew għat-tnaqqis fiha, dejjem jekk dawn iseħħu minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li dawn il-miżuri speċifiċi jkunu jinkludu wkoll l-għoti ta’ appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-ħżin tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura skont ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 3 . Jenħtieġ li n-nefqa għall-attivitajiet appoġġati fil-kuntest ta’ dawn il-miżuri tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

(3)Jenħtieġ li r-riżorsi li huma disponibbli għall-impenji min-naħa tal-FEMS fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża jinqasmu b’tali mod li jiżgura li jkunu stabbiliti ammonti fissi għall-kontroll tas-sajd, għall-ġbir tad-data xjentifika u għall-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi l-oħrajn fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża skont il-ħtiġijiet tagħhom.

(4)Minħabba l-konsegwenzi soċjoekonomiċi sinifikanti tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-bżonn ta’ likwidità fl-ekonomija, jenħtieġ li l-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 ikun jista’ jiġi appoġġat b’rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 75 % tan-nefqa pubblika eliġibbli.

(5)Minħabba l-ħtieġa ta’ flessibbiltà fl-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi finanzjarji biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19, jenħtieġ li ma jkunx hemm limitu massimu finanzjarju fuq l-appoġġ li jingħata għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd minħabba din it-tifqigħa. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għal-limitu massimu finanzjarju eżistenti għall-każijiet l-oħrajn ta’ waqfien temporanju. Jenħtieġ li jkompli japplika l-obbligu li l-appoġġ li jingħata għall-waqfien temporanju jitnaqqas mill-appoġġ li jingħata għall-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd għall-istess bastiment.

(6)Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ssimplifikata jkun jista’ jiġi estiż biex ikun jinkludi l-emendi fil-programmi operazzjonali marbutin mal-miżuri speċifiċi u l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi finanzjarji allokati għalihom biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li din il-proċedura ssimplifikata tkun tkopri l-emendi kollha meħtieġa biex jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri kkonċernati, fosthom l-introduzzjoni tagħhom u d-deskrizzjoni tal-metodi biex jiġi kkalkulat l-appoġġ.

(7)Minħabba r-rwol ewlieni li għandhom l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-ġestjoni tal-kriżi, jenħtieġ li l-limitu massimu għall-appoġġ għall-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni jiżdied għal 12 % tal-valur annwali medju tal-produzzjoni li titqiegħed fis-suq. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu pagamenti bil-quddiem sa 100 % tal-appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għal dan l-appoġġ.

(8)Minħabba t-tfixkil għall-għarrieda fl-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura li kien hemm minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 u r-riskju li ġej minnu ta’ theddid għas-swieq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, huwa xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ħżin tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura maħsubin għall-konsum mill-bniedem. Dan se jkollu l-għan li jżid l-istabbiltà fis-suq, li jtaffi r-riskju li t-tali prodotti jintremew jew jintużaw għal għanijiet oħrajn minflok bħala ikel għall-bnedmin u li jikkontribwixxi biex jitnaqqas l-impatt tal-kriżi fuq il-qligħ minn fuq dawn il-prodotti. Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu jkun jippermetti lill-produtturi fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura jużaw l-istess tekniki ta’ preservazzjoni u ta’ konservazzjoni għal speċijiet simili biex ikun żgurat li tinżamm il-kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi.

(9)Minħabba li d-domanda għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura naqset ħafna għall-għarrieda minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, jenħtieġ li l-kwantitajiet eliġibbli għall-għajnuna għall-ħżin ikunu jistgħu jiżdiedu għal 25 % tal-kwantitajiet annwali tal-prodotti kkonċernati li jitqiegħdu għall-bejgħ mill-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata.

(10)Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu mill-ewwel għat-tifqigħa għall-għarrieda u mhux prevedibbli tal-COVID-19, jenħtieġ li jkollhom id-dritt jistabbilixxu prezzijiet skattaturi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tagħhom biex jiskattaw il-mekkaniżmu tal-ħżin. Jenħtieġ li dawn il-prezzijiet skattaturi jiġu stabbiliti b’tali mod li tinżamm il-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi.

(11)Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.

(12)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi fir-Regolament (UE) Nru 508/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)l-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 13
Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni kondiviża

1.Ir-riżorsi disponibbli għall-impenji min-naħa tal-FEMS għall-perjodu mill-2014 sal-2020 fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża għandhom ikunu ta’ EUR 5 749 331 600 fi prezzijiet kurrenti skont it-tqassim annwali stabbilit fl-Anness II.

2.EUR 580 000 000 mir-riżorsi baġitarji msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-miżuri ta’ kontroll u ta’ infurzar imsemmijin fl-Artikolu 76.

3.EUR 520 000 000 mir-riżorsi baġitarji msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-miżuri dwar il-ġbir tad-data msemmijin fl-Artikolu 77.

4.EUR 192 500 000 mir-riżorsi baġitarji msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-kumpens tar-reġjuni ultraperiferiċi skont il-Kapitolu V tat-Titolu V. Ta’ kull sena, dak il-kumpens ma għandux jaqbeż l-ammonti li ġejjin:

(a)EUR 6 450 000 għall-Azores u l-Madeira;

(b)EUR 8 700 000 għall-Gżejjer Kanarji;

(c)EUR 12 350 000 għar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi msemmijin fl-Artikolu 349 tat-TFUE.

5.L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jużaw ir-riżorsi disponibbli fil-kuntest tal-paragrafi 2 u 3 b’mod interkambjabbli.”;

(2)l-Artikolu 16(1) huwa emendat kif ġej:

“1. Ir-riżorsi disponibbli għall-impenji min-naħa tal-Istati Membri, imsemmijin fl-Artikolu 13(1) għall-perjodu mill-2014 sal-2020, kif stabbilit fit-tabella mogħtija fl-Anness II, għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-kriterji oġġettivi li ġejjin:”;

(3)fl-Artikolu 22(2), jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e) emendi fil-programmi operazzjonali dwar l-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 33(1)(d), fl-Artikolu 35, fl-Artikolu 44(4a), fl-Artikolu 55(1)(b) u fl-Artikoli 57, 66 u 67, fosthom l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi finanzjarji allokati għalihom biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19.”;

(4)l-Artikolu 22(3) huwa emendat kif ġej:

“3. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 33(1)(a) sa (c), fl-Artikolu 34 u fl-Artikolu 41(2).”;

(5)l-Artikolu 25(3) huwa emendat kif ġej:

“3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mill-FEMS għall-miżuri msemmijin fl-Artikolu 33(1)(a) sa (c) u fl-Artikolu 34 u għas-sostituzzjoni jew għall-modernizzazzjoni tal-magni prinċipali jew anċillari msemmijin fl-Artikolu 41 ma għandhiex taqbeż l-ogħla limitu mit-tnejn li ġejjin:”;

(6)l-Artikolu 33(1) u (2) huwa emendat kif ġej:

“1. L-FEMS jista’ jappoġġa miżuri għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd fil-każijiet li ġejjin:

(a) fil-każ tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Kummissjoni jew tal-miżuri ta’ emerġenza tal-Istati Membri msemmijin fl-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 rispettivament, jew tal-miżuri ta’ konservazzjoni msemmijin fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, fosthom l-istaġuni magħluqin;

(b) f’każ li ma jiġġeddux il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli jew il-protokolli tagħhom;

(c) f’każ li l-waqfien temporanju jkun previst fi pjan ta’ ġestjoni adottat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 jew fi pjan pluriennali adottat skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 meta, abbażi tal-parir xjentifiku, ikun hemm bżonn tnaqqis fl-isforz tas-sajd biex jinkisbu l-objettivi msemmijin fl-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 2(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d) meta l-waqfien temporanju jseħħ bejn l-1 ta’ Frar u l-31 ta’ Diċembru 2020 minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, fosthom fil-każ ta’ bastimenti li joperaw fil-kuntest ta’ ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-infiq għall-operazzjonijiet li jingħataw appoġġ skont il-punt (d) għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

2. L-appoġġ imsemmi fil-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 1 jista’ jingħata għal perjodu massimu ta’ sitt xhur għal kull bastiment fil-perjodu mill-2014 sal-2020. Dan it-tul ta’ żmien massimu ma għandux japplika għall-appoġġ imsemmi fil-punt (d) ta’ dak il-paragrafu.”;

(7) l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a) fih jiżdied il-paragrafu 4a li ġej:

“4a. L-FEMS jista’ jappoġġa miżuri għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, kif previst fl-Artikolu 33(1)(d), bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33.”;

(b) il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

“5. Għall-finijiet tal-paragrafu 1 u tal-paragrafu 4a:

(a)    ir-referenzi fl-Artikoli 30, 32, 33, 38, 39, 41 u 42 għall-bastimenti tas-sajd għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-bastimenti li joperaw esklussivament fl-ibħra interni;

(b) ir-referenzi fl-Artikolu 38 għall-ambjent tal-baħar għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-ambjent fejn jopera l-bastiment tas-sajd fl-ibħra interni.”;

(8) l-Artikolu 55 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 55
Miżuri tas-saħħa pubblika

1.L-FEMS jista’ jappoġġa l-iskemi ta’ kumpens li ġejjin:

(a) il-kumpens lil dawk li jrabbu l-molluski għas-sospensjoni temporanja tal-ġbir tal-molluski li jkunu qed irabbu, meta t-tali sospensjoni sseħħ biss għal raġunijiet tas-saħħa pubblika;

(b) il-kumpens lill-akkwakulturisti għas-sospensjoni temporanja tal-produzzjoni jew għat-tnaqqis fiha li jseħħu bejn l-1 ta’ Frar u l-31 ta’ Diċembru 2020 minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.

2.L-appoġġ skont il-paragrafu 1(a) jista’ jingħata biss meta s-sospensjoni tal-ġbir tal-molluski minħabba li jkunu kkontaminati sseħħ minħabba l-proliferazzjoni tal-plankton li jipproduċi t-tossini jew minħabba l-preżenza ta’ plankton li jkun fih il-bijotossini, u dment li:

(a) il-kontaminazzjoni ddum iktar minn erba’ xhur konsekuttivi; jew

(b) it-telf li s-sospensjoni tal-ġbir twassal għalih ikun jammonta għal iktar minn 25 % tal-fatturat annwali tan-negozju kkonċernat, ikkalkulat abbażi tal-fatturat medju ta’ dak in-negozju matul it-tliet snin kalendarji ta’ qabel is-sena li fiha jkun ġie sospiż il-ġbir.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli speċjali għall-kalkolu fil-każ ta’ kumpaniji li jkollhom inqas minn tliet snin ta’ attività.

3.It-tul ta’ żmien li għalih jista’ jingħata l-kumpens skont il-paragrafu 1(a) għandu jkun ta’ mhux aktar minn 12-il xahar matul il-perjodu kollu tal-programmazzjoni. F’każijiet iġġustifikati kif xieraq, dan jista’ jiġi estiż darba għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar ieħor, sa perjodu massimu ta’ 24 xahar b’kollox.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-infiq għall-operazzjonijiet li jingħataw appoġġ skont il-paragrafu 1(b) għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.”;

(9) l-Artikolu 66(3) u (4) huwa emendat kif ġej:

“3. L-appoġġ mogħti lil kull organizzazzjoni tal-produtturi kull sena skont dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż it-12 % tal-valur annwali medju tal-produzzjoni li dik l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun qegħdet fis-suq matul it-tliet snin kalendarji ta’ qabel. Fil-każ ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi li tkun għadha kif ġiet irrikonoxxuta, dak l-appoġġ ma għandux jaqbeż it-12 % tal-valur annwali medju tal-produzzjoni li l-membri ta’ dik l-organizzazzjoni jkunu qiegħdu fis-suq matul it-tliet snin kalendarji ta’ qabel.

4. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħti pagament bil-quddiem ta’ bejn 50 % u 100 % tal-appoġġ finanzjarju wara li l-pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni jiġi approvat skont l-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.”;

(10) l-Artikolu 67(1) u (2) huwa emendat kif ġej:

“1. Meta jkun meħtieġ biex tiġi indirizzata t-tifqigħa tal-COVID-19, l-FEMS jista’ jappoġġa l-kumpens li jingħata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu rrikonoxxuti u li jaħżnu l-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura mniżżlin fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 jew il-prodotti li jidħlu fil-kodiċi tan-NM 0302 imniżżlin fit-Taqsima (a) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, dment li dawk il-prodotti jinħażnu skont l-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)    l-ammont tal-għajnuna għall-ħżin ma jkunx jaqbeż l-ammont tal-ispejjeż tekniċi u finanzjarji tal-azzjonijiet meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni u għall-ħżin tal-prodotti kkonċernati;

(b) il-kwantitajiet eliġibbli għall-għajnuna għall-ħżin ma jkunux jaqbżu l-25 % tal-kwantitajiet annwali tal-prodotti kkonċernati li l-organizzazzjoni tal-produtturi tqiegħed għall-bejgħ;

(c) l-appoġġ finanzjarju kull sena ma jkunx jaqbeż l-20 % tal-valur annwali medju tal-produzzjoni li l-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jkunu qiegħdu fis-suq fil-perjodu mill-2017 sal-2019.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, meta membru tal-organizzazzjoni tal-produtturi ma kellu l-ebda produzzjoni li tkun tqegħdet fis-suq fil-perjodu mill-2017 sal-2019, għandu jitqies il-valur annwali medju tal-produzzjoni li tkun tqegħdet fis-suq fl-ewwel tliet snin tal-produzzjoni tiegħu.

2. L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-infiq għall-operazzjonijiet li jingħataw appoġġ skont dan l-Artikolu għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.”;

(11) fl-Artikolu 79, jitħassar il-paragrafu 2;

(12) l-Artikolu 94(3)(c) huwa emendat kif ġej:

“(c) 50 % tal-infiq pubbliku eliġibbli għall-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 33(1)(a) sa (c), fl-Artikolu 34 u fl-Artikolu 41(2);”.

Artikolu 2
Emendi fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 huwa emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 8(3), jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f) iwettqu ġestjoni tal-ħżin temporanju tal-prodotti tal-akkwakultura skont l-Artikoli 30 u 31 ta’ dan ir-Regolament.”;

(2) l-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 30
Mekkaniżmu ta’ ħżin

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju għall-ħżin tal-prodotti mniżżlin fl-Anness II jew tal-prodotti li jidħlu fil-kodiċi tan-NM 0302 imniżżlin fit-Taqsima (a) tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, sakemm:

(a)    jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 508/2014;

(b)    l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu qiegħdu l-prodotti fis-suq iżda ma jkunux sabu min jixtrihom bil-prezz skattatur imsemmi fl-Artikolu 31;

(c)    il-prodotti jissodisfaw l-istandards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 33, meta dan ikun applikabbli, u jkunu ta’ kwalità adegwata għall-konsum mill-bniedem;

(d)    il-prodotti jkunu stabbilizzati jew ipproċessati u maħżuna f’tankijiet jew f’ġaġeġ, billi jiġu ffriżati, jew abbord il-bastimenti jew f’faċilitajiet fuq l-art, immellħin, imnixxfin, immarinati jew, meta jkun rilevanti, mgħollija u ppasturizzati, kemm jekk ikunu mqattgħin fi fletti, imqattgħin f’biċċiet jew, meta jkun il-każ, b’rashom maqtugħa, u kemm jekk le;

(e)    il-prodotti tal-akkwakultura ma jinħażnux ħajjin;

(f)    il-prodotti maħżuna jitqiegħdu mill-ġdid fis-suq għall-konsum mill-bniedem fi stadju iktar tard; u

(g)    il-prodotti jibqgħu maħżuna għal mill-inqas ħamest ijiem.”;

(3) l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

“Qabel il-bidu ta’ kull sena, kull organizzazzjoni tal-produtturi tista’ tagħmel proposta, b’mod individwali, għal prezz li jiskatta l-mekkaniżmu tal-ħżin imsemmi fl-Artikolu 30 għall-prodotti mniżżlin fl-Anness II jew għall-prodotti li jidħlu fil-kodiċi tan-NM 0302 imniżżlin fit-Taqsima (a) tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.”;

(b) fih jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. Meta Stat Membru ma jkunx stabbilixxa l-prezzijiet skattaturi skont il-paragrafu 4 qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, dan l-Istat Membru għandu jistabbilixxi mingħajr dewmien il-prezzijiet skattaturi kkonċernati abbażi tal-kriterji msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Il-prezzijiet għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).
Top