Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020M9871

    Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9871 — Telefónica/Liberty Global/JV) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) 2020/C 330/06

    PUB/2020/786

    ĠU C 330, 6.10.2020, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 330/15


    Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

    (Il-Każ M.9871 — Telefónica/Liberty Global/JV)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (2020/C 330/06)

    1.   

    Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

    Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

    Telefónica S.A. (“Telefónica”, Spanja),

    Liberty Global PLC (“Liberty Global”, ir-Renju Unit),

    il-Joint Ventre (“JV”, ir-Renju Unit).

    Telefónica u Liberty Global jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ JV maħluqa ġdida, li tgħaqqad in-negozju UK Limited ta’ Telefónica (“O2”) u n-negozju Virgin Media ta’ Liberty Global (“Virgin Media”).

    Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma f’kumpanija maħluqa ġdida li tikkostitwixxi f’impriża bi sħab (joint venture, JV).

    2.   

    L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

    Telefónica: kumpanija globali tat-telekomunikazzjonijiet li tħaddem networks ta’ komunikazzjoni fissi u tal-mobile. Hija toffri servizzi mobbli, ta’ linja fissa, tal-internet u tat-televiżjoni taħt numru ta’ ditti, inklużi Movistar, O2 u Vivo. Telefónica hija kkwotata fil-Borża ta’ Madrid, ta’ New York, ta’ Lima u ta’ Buenos Aires. In-negozju O2 ta’ Telefónica huwa attiv fir-Renju Unit u joffri servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobile bħal telefonati, SMS, MMS, internet mobbli, broadband mobbli, roaming, u servizzi ta’ terminazzjoni tat-telefonati.

    Liberty Global: kumpanija internazzjonali tal-video, tal-broadband u tal-komunikazzjonijiet ikkwotata fil-Borża tan-NASDAQ, b’operazzjonijiet konsolidati fir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Belġju, il-Polonja u s-Slovakkja. In-negozju Virgin Media ta’ Liberty Global huwa attiv fir-Renju Unit u l-attività prinċipali tiegħu hija l-forniment ta’ servizzi ta’ broadband b’linja fissa, telefonija u televiżjoni bi ħlas. Virgin Media tipprovdi wkoll servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli bħala MVNO taħt il-marka Virgin Mobile.

    il-JV: operatur ta’ network tal-komunikazzjoni fissa u mobbli attiv fir-Renju Unit, li jgħaqqad in-negozju O2 ta’ Telefónica u n-negozju Virgin Media ta’ Liberty Global. Dan jinkludi wkoll l-interessi ta’ O2 fil-joint vernture Tesco Mobile, li hija attiva bħala operatur ta’ network virtwali mobbli (“MVNO”) fir-Renju Unit, u l-joint venture CTIL ta’ qsim tan-network mobbli ma’ Vodafone.

    3.   

    Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

    4.   

    Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

    Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

    M.9871 — Telefónica/Liberty Global/JV

    Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

    Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

    Faks +32 22964301

    Indirizz postali:

    European Commission

    Directorate-General for Competition

    Merger Registry

    1049 Bruxelles / Brussel

    BELGIQUE / BELGIË


    (1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


    Top