EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR4769

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027

COR 2020/04769

ĠU C 300, 27.7.2021, p. 65–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 300/65


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027

(2021/C 300/12)

Relatur ġenerali:

Gillian COUGHLAN (IE/Renew Europe), Kunsillier, Kunsill tal-Kontea ta’ Cork

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 – Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali

COM(2020) 624

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li s-soċjetà tal-lum qed titmexxa bl-għaġla lejn l-“era diġitali” fl-edukazzjoni bħala riżultat tar-restrizzjonijiet tas-soċjetà imposti minħabba l-pandemija tal-COVID-19;

2.

jitlob, madankollu, li wieħed iżomm f’moħħu li meta nirreferu għall-edukazzjoni u t-taħriġ, qed nirreferu għall-iżvilupp tal-ħsieb kritiku ta’ tfal żgħar, adolexxenti li jimpressjonaw ruħhom faċilment u adulti mmotivati mill-kurżità, għall-awtonomizzazzjoni, permezz tal-ħiliet fiżiċi u intelletwali, tan-negozjanti, il-professjonisti, il-ħaddiema manwali, il-ħaddiema tal-manutenzjoni, l-impjegati fis-settur tas-servizzi, l-intraprendituri u l-bdiewa – fil-qosor, dejjem dwar in-nies;

3.

iwissi li huwa importanti li ssir distinzjoni f’dan il-punt bejn l-edukazzjoni diġitali u t-tagħlim online jew mill-bogħod li kien impost b’ħafna għaġla matul l-ewwel lockdown tas-soċjetà u li kien adattat għar-restrizzjonijiet li segwew. Ir-realtà tal-lum mhijiex konformi mal-viżjoni Ewropea tal-edukazzjoni diġitali;

4.

jaqbel li l-kriżi tal-COVID-19 fl-istess ħin tefgħet dawl fuq il-fatturi abilitanti ewlenin għal edukazzjoni u taħriġ diġitali effettivi u li aċċellerat il-pass ta’ din il-bidla u wriet il-punti b’saħħithom, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u l-limitazzjonijiet tal-edukazzjoni diġitali;

5.

ifakkar li l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi hija kompetenza nazzjonali, mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni interna tas-setgħat f’kull Stat Membru; madankollu, sfidi ġodda jirrikjedu aktar koordinazzjoni Ewropea jew politiki ta’ appoġġ aktar b'saħħithom fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: jeħtieġ li jiġu applikati standards internazzjonali tat-teknoloġija u rakkomandazzjonijiet tal-UE;

6.

itenni (1) li l-appoġġ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-edukazzjoni u l-inklużjoni diġitali huwa kruċjali kemm għall-istudenti kif ukoll għall-membri tal-pubbliku;

7.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Unjoni Ewropea biex iżżid il-ħiliet diġitali taċ-ċittadini Ewropej f’dawn l-aħħar għoxrin sena, li laħqu l-qofol tagħhom fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 u l-objettiv li jiġi ffaċilitat it-twassil ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja, inklużiva, aċċessibbli, effettiva u interessanti, waqt li tintegra metodoloġiji mill-bogħod, online u dawk imħalltin;

8.

jenfasizza l-importanza tal-kunċett tal-koeżjoni diġitali, kif deskritt fl-Opinjoni dwar Ewropa Diġitali għal kulħadd (2), bħala dimensjoni addizzjonali importanti tal-kunċett tradizzjonali ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali definit fit-Trattat tal-UE. Jitlob li dan jiġi estiż għall-isfera edukattiva u li jitqies fil-bidliet li jmiss tat-Trattat. Dan huwa pass neċessarju sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà fid-dawl tal-ħtiġijiet dejjem jikbru tad-diġitalizzazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħallew jibqgħu lura;

Il-litteriżmu diġitali għal kulħadd

9.

huwa konxju li l-importanza tal-ħiliet diġitali tmur lil hinn mis-suq tax-xogħol, u għandha rwol dejjem aktar importanti fil-ħajja privata u pubblika taċ-ċittadini tagħna, b’mod partikolari għat-tagħlim, l-aċċess għall-informazzjoni u l-prodotti, kif ukoll għas-servizzi pubbliċi u privati, l-inklużjoni soċjali, id-divertiment u ħafna aktar applikazzjonijiet ta’ kuljum;

10.

jirrakkomanda li l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali għandu jibni fuq l-aħjar prattika kif juru l-eżempji minn setturi oħra eż. in-negozju, filwaqt li jiġi salvagwardjat l-għarfien espert tal-professjonisti edukattivi u l-involviment interpersonali importanti fil-klassi;

11.

huwa konvint li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-edukazzjoni diġitali tasal ukoll għand l-iżjed persuni u gruppi vulnerabbli u tiffaċilita l-koeżjoni soċjali. L-Unjoni Ewropea għandha taħdem bis-sħiħ biex toħloq soċjetà fejn kulħadd jista’ jieħu sehem, irrispettivament mill-età, is-sess, l-isfond soċjali, l-etniċità, il-kapaċità fiżika u intellettwali;

12.

iwissi, barra minn hekk, li l-konnettività tal-faċilitajiet edukattivi rurali u f’żoni remoti u gżejjer se tkun kruċjali biex jingħelbu d-differenzi eżistenti minħabba li l-popolazzjoni hija mifruxa u iżolata meta mqabbla mal-bliet il-kbar, u jenfasizza li d-distakk diġitali bejn il-bliet il-kbar, u ż-żoni rurali, iż-żoni remoti u l-gżejjer jeħtieġ li jiġi indirizzat kif imiss mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u l-miżuri nazzjonali li se jimplimentawh;

13.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi b’mod attiv id-dritt tal-persuni b’diżabilità għal edukazzjoni diġitali inklużiva, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw, jinvestu u jikkondividu karatteristiċi ta’ edukazzjoni diġitali li huma mfassla u adattati għall-persuni b’diżabilità; il-ħtiġijiet tal-edukazzjoni u l-ħiliet tal-gruppi vulnerabbli iridu jitqiesu u jiġu indirizzati billi jiġi żgurat li jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni bażika ta’ kwalità għolja;

14.

huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-minoranzi nazzjonali, u anke li jkunu possibbli l-ħolqien ta’ kontenut u l-aċċess għalih, li huwa konformi mad-dritt tagħhom li jistudjaw fil-lingwa nattiva tagħhom;

L-intersezzjoni tal-edukazzjoni diġitali u t-tranżizzjoni diġitali

15.

jirrimarka li minn issa ’l quddiem is-soċjetà u l-ekonomiji Ewropej u dinjija se jfittxu persuni bil-ħiliet u l-kapaċitajiet biex isiru l-periti, il-bennejja u l-membri naturali ta’ din id-dinja diġitali ġdida u jenfasizza l-ħtieġa marbuta magħha li jinvestu fit-tfassil, l-iżvilupp u l-ksib ta’ ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati;

16.

jesprimi dispjaċir għall-fatt li, għalkemm qed jiżdied gradwalment, anke 35 % tal-forza tax-xogħol attiva fl-Ewropa llum m’għandhiex ħiliet diġitali bażiċi (3), filwaqt li 90 % tal-impjiegi llum jirrikjedu mill-inqas livell minimu ta’ litteriżmu diġitali. Bit-tranżizzjoni diġitali prevista, l-ammont u l-livell ta’ ħiliet diġitali bażiċi meħtieġa ser jiżdiedu sostanzjalment;

17.

huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li hemm distakk ċar fil-ħiliet diġitali bażiċi bejn l-impjegati u l-persuni qiegħda, il-persuni akbar fl-età u l-adulti b’livell baxx ta’ edukazzjoni (4) u żieda ċara fid-distakk fl-edukazzjoni diġitali bejn in-nisa u l-irġiel. Li l-bniet jitħeġġu jkomplu l-istudji fis-suġġetti STE(A)M (sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali bejn il-ġeneri) ser ikun pass fid-direzzjoni t-tajba; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jużaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Programm tal-Ewropa Diġitali, Erasmus+, Orizzont Ewropa u l-Fond Soċjali Ewropew biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-iSTE(A)M u biex jiġi żgurat li l-finanzjament inaqqas dan id-distakk permezz ta’ appoġġ għall-fornituri tal-edukazzjoni diġitali;

18.

jesprimi wkoll tħassib dwar id-distakk diġitali ċar fiż-żoni rurali fil-komunità edukattiva kollha (għalliema, studenti u familji). Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jużaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Fond Soċjali Ewropew biex jiżguraw li l-finanzjament inaqqas dan id-distakk permezz ta’ investimenti mmirati f’dawk ir-reġjuni li jiffaċċjaw sfidi demografiċi u jbatu minn nuqqas kontinwu u sinifikanti ta’ investiment, waqt li jiġu definiti proġetti stabbli u sostenibbli li għandhom impatt fuq il-komunità edukattiva kollha kemm hi;

19.

jappoġġja wkoll, għal dan il-għan, l-objettiv tal-Aġenda għall-Ħiliet li jiġi żgurat li 70 % ta’ dawk li għandhom bejn is-16 u l-74 sena jkollhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi sal-2025;

20.

jirrakkomanda, barra minn hekk, li l-programmi kollha ta’ taħriġ u ta’ apprendistat jinkorporaw element diġitali, li jmur lil hinn mit-taħriġ dwar l-Opportunitajiet Diġitali u irrispettivament mill-ħila li qed tiġi mgħallma; u li l-Pjattaforma Ewropea ta’ Skambju proposta toħloq kontenut għal dawn il-korsijiet simili għal Liċenzja Internazzjonali tal-Kompjuter – ICDL – minbarra ċ-Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali li ser ikun ibbażat fuq approċċ ta’ awtovalutazzjoni;

21.

jenfasizza l-ħtieġa li l-edukazzjoni diġitali ssir parti integrali mit-tagħlim tul il-ħajja u jitlob lis-setturi privati u pubbliċi jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ taċ-ċittadini sabiex jibqgħu kompetittivi u rilevanti għas-suq tax-xogħol waqt li fl-istess ħin jkunu jistgħu jiżviluppaw bis-sħiħ il-ħajja personali tagħhom;

L-edukazzjoni diġitali – opportunitajiet u sfidi

22.

jemmen fil-benefiċċji qawwija li d-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni jista’ jkollha jekk tkun iffukata fuq l-istudent, adatta skont l-età u orjentata lejn l-iżvilupp. Tali edukazzjoni tiggarantixxi edukazzjoni aċċessibbli, inklużiva, tagħmel disponibbli r-riżorsi sabiex tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u tinforza d-dritt għall-edukazzjoni bħala dritt fundamentali tal-bniedem;

23.

jitlob finanzjament pubbliku dirett immirat lejn l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ tagħlim u l-promozzjoni tal-ħiliet tas-seklu 21 fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, mill-iskola sal-università, kif ukoll biex tiġi ssemplifikata aktar l-istruttura tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE, biex b’hekk tkun possibbli l-parteċipazzjoni ta’ grupp usa’ ta’ partijiet ikkonċernati u espansjoni ta’ sħubijiet bejn l-industrija u l-akkademja;

24.

jitlob li jissaħħaħ l-użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali u l-użu tad-data fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-edukaturi u li l-attivitajiet relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu appoġġjati permezz tal-programm Orizzont Ewropa;

25.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel il-programmi u l-miżuri differenti aċċessibbli u żżid il-viżibilità tagħhom permezz ta’ “informazzjoni u komunikazzjoni faċli biex jintużaw” u billi tappoġġja s-sistema deċentralizzata ta’ implimentazzjoni permezz tan-networks differenti tal-UE, bħaċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali;

26.

joffri l-għajnuna tiegħu fit-tixrid tal-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni Connectivty4schools;

27.

jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-vjolenza u l-fastidju diġitali u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata din it-tip ta’ mġiba permezz tal-edukazzjoni;

28.

jitlob li tintuża sistema ta’ vawċers mill-bidu, bl-involviment tar-reġjuni u l-bliet, biex tingħata spinta lir-riċerka u l-iżvilupp fl-opportunitajiet tal-edukazzjoni diġitali;

29.

huwa konxju tal-frustrazzjoni rigward konnettività u tagħmir inadegwati li esprimew bosta studenti u għalliema fil-bliet u r-reġjuni Ewropej matul l-aħħar sena; itenni, minn naħa, il-messaġġ tiegħu (5) li l-prijoritajiet fl-iżvilupp tal-infrastruttura edukattiva lokali jeħtieġ li jinbidlu, u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali se jappoġġjaw il-bidla għal infrastruttura tal-edukazzjoni moderna, funzjonali, diġitali u ekoloġika fil-komunitajiet tagħhom; jitlob, min-naħa l-oħra, lill-gvernijiet nazzjonali biex, permezz ta’ skemi ta’ finanzjament tal-UE, dawk nazzjonali jew ta’ sħubija man-negozji lokali, jipprovdu lill-għalliema u lill-istudenti kollha b’apparat diġitali adatt, flimkien ma’ aċċess liberu għall-apps u l-pjattaformi tal-komunikazzjoni u l-edukazzjoni diġitali;

30.

jenfasizza li l-pandemija globali enfasizzat il-ħiliet insostitwibbli tal-għalliema. Interazzjoni umana, moderazzjoni, inkoraġġiment, dimostrazzjoni, spjegazzjoni, korrezzjoni, valutazzjoni, parir, appoġġ, kompetenza u għarfien – dawn kollha huma pprovduti mill-għalliema. Jitlob biex dawk il-ħiliet jiġu żviluppati wkoll biex jidħlu fl-oqfsa diġitali, peress li l-għalliema għandhom rwol partikolarment kruċjali fl-użu u l-inklużjoni tat-teknoloġija diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment;

31.

javża madankollu li t-teknoloġiji edukattivi għandhom jibqgħu għodda u ma għandhomx jissostitwixxu l-edukazzjoni bejn il-persuni peress li l-interazzjoni bejn il-bnedmin hija kruċjali għall-benessri u l-iżvilupp tal-istudenti, inkluża l-komunikazzjoni bejn l-istudenti u l-għalliema u l-istudenti bejniethom;

32.

jinsab imħasseb bir-riżultati reċenti tal-istudji (6) li jindikaw li 40 % biss tal-għalliema jħossuhom lesti li jużaw it-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim;

33.

jissuġġerixxi li l-mudelli ta’ taħriġ tal-għalliema fl-Unjoni Ewropea jsiru aktar allinjati permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa fost l-universitajiet tagħna u fost iċ-ċentri ta’ taħriġ kontinwu għall-għalliema, u jħeġġeġ il-ħolqien ta’ “ċentri” fiżiċi fil-bliet tal-università sabiex l-għalliema fis-sistema edukattiva jkunu jistgħu jagħmlu użu minn żvilupp professjonali waqt is-servizz u li jkun kontinwu u ta’ kwalità tajba; barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-kontenut tal-korsijiet ta’ taħriġ kontinwu tal-għalliema jkun disponibbli b’mod miftuħ sabiex ikun jista’ jerġa’ jintuża fit-tagħlim ta’ kuljum;

34.

iħaddan l-idea ta’ Oqfsa ta’ Kontenut ta’ Edukazzjoni Diġitali; jixtieq, madankollu, li jkun żgurat li jiġi pprovdut finanzjament fil-livell reġjonali biex jiġi żgurat li l-għalliema kollha jħossuhom parti miċ-ċentru u li l-lingwi reġjonali jiġu appoġġjati bl-adattament tar-riżorsi għal kulħadd;

35.

huwa favur il-Qafas Ewropew tal-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali jkollu l-inkubatur tat-teknoloġija tiegħu stess biex joħloq kontenut li huwa standardizzat skont il-Mudell ta’ Referenza ta’ Oġġetti ta’ Kontenut Kondiviż (bl-Ingliż Shareable Content Object Reference Model) u ta’ kwalità għolja, skont il-mudell ta’ Riżorzi Edukattivi Miftuħa (bl-Ingliż, Open Education Resources), u jappoġġja lill-għalliema u professjonisti oħrajn fil-ħolqien ta’ kontenut, programmi ta’ studji u riżorsi mfassla skont il-kriterji t’hawn fuq. Huwa essenzjali li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u li l-materjali edukattivi u l-prattiki tajbin jiġu kondiviżi; jirrakkomanda li din l-unità tappoġġja lid-dipartimenti nazzjonali tal-edukazzjoni fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet teknoloġiċi sabiex il-flus jintefqu fuq l-aqwa teknoloġija, isir skrutinju rigoruż u kwalunkwe data miġbura tintuża b’mod xieraq;

36.

jistieden lill-Kummissjoni, permezz ta’ miżuri adatti, bħala parti mill-programmi Erasmus+, Orizzont Ewropa u InvestEU, fost affarijiet oħra, tappoġġja l-ħolqien ta’ pjattaformi pan-Ewropej għat-tixrid wiesa’ ta’ kontenut u għodod edukattivi b’mod inklużiv u multilingwi, waqt li jitqiesu l-lingwi reġjonali;

37.

jenfasizza l-investiment tal-UE fil-kultura diġitali, filwaqt li jenfasizza l-eżempju tal-pjattaforma Europeana li, waqt li offriet kontenut diġitali dwar l-istorja u l-kultura Ewropej, għenet biex jiġi diversifikat it-tagħlim fl-iskejjel fl-Unjoni Ewropea;

38.

jappoġġja u jitlob il-multiplikazzjoni ta’ inizjattivi bħall-proġett tal-iskola diġitali taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li jippermettu Korsijiet Online Miftuħa Massivi (MOOCs) bla ħlas u aċċessibbli;

39.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ kultura diġitali fost il-komunità edukattiva. Fi żmien meta l-għarfien kollu jista’, apparentament, ikun aċċessat fuq l-internet, huwa kruċjali li l-komunità edukattiva tkun tista’ tiddistingwixxi u tiffiltra l-fatti mill-fehmiet u tkun tista’ tanalizza u tiġbor id-data b’mod indipendenti;

40.

huwa importanti wkoll li jinstabu mezzi biex il-ġenituri jingħataw għajnuna biex jappoġġjaw lil uliedhom fl-aċċess għall-edukazzjoni diġitali;

41.

jinnota li l-familji, l-istudenti u l-professjonisti tal-edukazzjoni rrappurtaw inċidenzi serji ta’ bullying fuq l-internet; jinnota wkoll li l-kura pastorali għat-tfal u l-istudenti ta’ kull età għadha qed tiġi pprovduta u ffinanzjata;

42.

jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-natura speċifika tad-data edukattiva u r-riskju li jinħoloq min-nuqqas ta’ regolamentazzjoni dwar l-iskambju u l-ħażna tagħha; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) fir-riflessjoni dwar il-ħolqien ta’ status speċifiku għal data relatata mal-istudenti u ma’ dawk li jitgħallmu, u tissensibilizza lill-partijiet kollha involuti fl-edukazzjoni diġitali (għalliema, studenti, tfal tal-iskola, persuni li jitgħallmu u adulti) dwar l-importanza taċ-ċibersigurtà, u anke ssib mezzi biex iċ-ċibersigurtà f’dan il-qasam tittejjeb kontinwament.

Brussell, is-7 ta’ Mejju 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  L-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni”, Marzu 2021.

(2)  COR-2019-03332, Opinjoni tal-KtR dwar “Ewropa Diġitali għal kulħadd: noffru soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u inklużivi fil-prattika”, adottata f’Ottubru 2019.

(3)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Azzjonijiet li ttieħdu mill-UE biex jiġi indirizzat il-livell baxx ta’ ħiliet diġitali”, Rieżami Nru 2, 2021.

(4)  Ibid.

(5)  L-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni”, Marzu 2021.

(6)  L-Istħarriġ Internazzjonali tat-Tagħlim u l-Apprendiment (TALIS) tal-OECD, 2018.


Top