Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IP0265

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Finanzi Diġitali: riskji emerġenti relatati mal-kriptoassi – sfidi regolatorji u superviżorji fil-qasam tas-servizzi, l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji (2020/2034(INL))

    ĠU C 395, 29.9.2021, p. 72–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 395/72


    P9_TA(2020)0265

    Finanzi Diġitali: riskji emerġenti relatati mal-kriptoassi – sfidi regolatorji u superviżorji fil-qasam tas-servizzi, l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Finanzi Diġitali: riskji emerġenti relatati mal-kriptoassi – sfidi regolatorji u superviżorji fil-qasam tas-servizzi, l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji (2020/2034(INL))

    (2021/C 395/10)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (3),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Strateġija Ewropea għad-Data” (COM(2020)0066),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2018 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv” (COM(2018)0109),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' April 2016 bit-titolu “Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu – reazzjoni tal-Unjoni Ewropea” (JOIN(2016)0018),

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja” (COM(2020)0065),

    wara li kkunsidra t-tweġiba mogħtija fl-10 ta' April 2017 mill-Viċi President Dombrovskis f'isem il-Kummissjoni, għall-Mistoqsija E-001130/2017,

    wara li kkunsidra r-rapport finali tad-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2019 bit-titolu “Governance for a DLT/Blockchain enabled European electronic Access Point (EEAP)” (Il-Governanza għal Punt ta' Aċċess Elettroniku Ewropew (EEAP) bl-użu tad-DLT/Blockchain) (4),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar it-Tariffa tal-Interkambju (5),

    wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tas-17 ta' Frar 2020 dwar l-“Analiżi tal-qafas regolatorju għad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq”,

    wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “A New Vision for Europe's Capital Markets” (Viżjoni Ġdida għas-Swieq Kapitali tal-Ewropa) (6),

    wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2019 bit-titolu “Regulatory Obstacles to Financial Innovation: 30 recommendations on regulation, innovation and finance” (L-Ostakli Regolatorji għall-Innovazzjoni Finanzjarja: 30 rakkomandazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni, l-innovazzjoni u l-finanzi),

    wara li kkunsidra l-parir konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej lill-Kummissjoni Ewropea tal-10 ta' April 2019 dwar il-ħtieġa ta' titjib leġiżlattiv relatat mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskji tal-ICT fis-settur finanzjarju tal-UE,

    wara li kkunsidra l-parir konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej lill-Kummissjoni Ewropea tal-10 ta' April 2019 dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-iżvilupp ta' qafas koerenti ta' ttestjar tar-reżiljenza ċibernetika għal parteċipanti u infrastrutturi rilevanti tas-suq fis-settur finanzjarju kollu tal-UE,

    wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tas-7 ta' Jannar 2019 bit-titolu “FinTech: Regulatory sandboxes and innovation hubs” (Fintech: Sandboxes regolatorji u ċentri ta' innovazzjoni) (7),

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Awtoritajiet Bankarji Ewropej tad-29 ta' Novembru 2019 dwar l-ICT u l-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea tad-9 ta' Jannar 2019 b'pariri lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kriptoassi,

    wara li kkunsidra l-pariri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni tad-9 ta' Jannar 2019 dwar l-offerti inizjali tal-muniti u l-kriptoassi,

    wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' Diċembru 2019 dwar qafas tal-UE għas-swieq fil-kriptoassi,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fornituri ta' Servizzi ta' Finanzjament Kollettiv Ewropej (ECSP) għan-Negozji (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar teknoloġiji tar-reġistru distribwit u blockchains: noħolqu l-fiduċja bid-diżintermedjazzjoni (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Mejju 2017 dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika (11),

    wara li kkunsidra l-istudju ta' April 2020 mitlub mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew bit-titolu “Crypto-assets: Key developments, regulatory concerns and responses” (Kriptoassi: Żviluppi ewlenin, tħassib regolatorju u reazzjonijiet regolatorji),

    wara li kkunsidra l-istudju ta' Frar 2014 mitlub mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew bit-titolu “Consumer Protection Aspects of Financial Services” (Aspetti tal-Protezzjoni tal-Konsumatur tas-Servizzi Finanzjarji),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Lulju 2019 dwar l-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni fil-pagamenti bl-imnut għar-rwol ta' katalizzatur tal-Eurosistema,

    wara li kkunsidra d-diskors ewlieni ta' Benoît Cœuré tal-31 ta' Jannar 2019 dwar “FinTech for the People” (FinTech għan-Nies),

    wara li kkunsidra d-diskors ewlieni ta' Yves Mersch tas-26 ta' Frar 2019, fit-3 Konferenza Annwali dwar il-FinTech u l-Innovazzjoni Diġitali, dwar “Lending and payment systems in upheaval: the FinTech challenge” (Tibdil kbir fis-sistemi ta' self u pagament: l-isfida tal-FinTech),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja tas-6 ta' Ġunju 2019 dwar “Decentralized financial technologies: Report on financial stability, regulatory and governance implications” (Teknoloġiji finanzjarji deċentralizzati: Rapport dwar l-istabilità finanzjarja u l-implikazzjonijiet regolatorji u ta' governanza),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja tal-14 ta' Frar 2019 dwar “FinTech and market structure in financial services: Market developments and potential financial stability implications” (Il-FinTech u l-istruttura tas-suq fis-servizzi finanzjarji: Żviluppi fis-suq u implikazzjonijiet potenzjali għall-istabilità finanzjarja),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja tas-16 ta' Lulju 2018 dwar “Crypto-assets: Report to the G20 on work by the FSB and standard-setting bodies” (Kriptoassi: Rapport lill-G20 dwar il-ħidma tal-FSB u l-korpi tal-iffissar tal-istandards),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja tas-27 ta' Ġunju 2017 dwar “Financial Stability Implications from FinTech, Supervisory and Regulatory Issues that Merit Authorities' Attention” (Implikazzjonijiet tal-FinTech għall-Istabilità Finanzjarja: Kwistjonijiet Superviżorji u Regolatorji li Jimmeritahom l-Attenzjoni tal-Awtoritajiet),

    wara li kkunsidra d-dokument konsultattiv tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja tal-14 ta' April 2020 dwar “Addressing the regulatory, supervisory and oversight challenges raised by ‘global stablecoin’ arrangements” (Nindirizzaw l-isfidi regolatorji, superviżorji u ta' sorveljanza mill-arranġamenti ta' “stablecoin globali”),

    wara li kkunsidra l-investigazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-G7 dwar l-Istablecoins ta' Ottubru 2019 dwar l-impatt tal-istablecoins globali,

    wara li kkunsidra l-“Guidance for a Risk-Based Approach to Virtual Assets and Virtual Asset Service Providers” (Gwida għal Approċċ Ibbażat fuq ir-Riskju għall-Assi Virtwali u għall-Fornituri tas-Servizzi tal-Assi Virtwali) tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja ta' Ġunju 2019,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja kif aġġornati f'Ġunju 2019, b'mod partikolari r-Rakkomandazzjoni 16 dwar it-trasferimenti elettroniċi,

    wara li kkunsidra l-analiżi tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali ta' Jannar 2020 dwar “Policy responses to FinTech: a cross-country overview” (Reazzjonijiet politiċi għall-FinTech: analiżi ta' diversi pajjiżi),

    wara li kkunsidra l-intervent ta' Fernando Restoy tas-16 ta' Ottubru 2019 waqt is-XVI-il djalogu politiku reġjonali tas-settur bankarju pubbliku-privat tal-ASBA-BID-FELABAN dwar “Regulating FinTech: what is going on, and where are the challenges?” (Regolamentazzjoni tal-FinTech: x'inhu jiġri, u fejn huma l-isfidi?),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0161/2020),

    A.

    billi l-finanzi diġitali huma qasam tas-settur finanzjarju li qed jevolvi b'mod kostanti u li jistħoqqlu monitoraġġ u kunsiderazzjoni kontinwi kemm fil-livell tal-industrija kif ukoll fil-livell regolatorju;

    B.

    billi s-suq intern tal-Unjoni huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni miftuħa u għandu l-għan li joħloq kundizzjonijiet ekwi permezz ta' qafas regolatorju armonizzat, dipendenza fuq standards internazzjonali, konverġenza superviżorja u kooperazzjoni superviżorja; billi l-istrateġija tal-finanzi diġitali tal-Unjoni għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-istess prinċipji;

    C.

    billi teżisti ħtieġa ta' approċċ bilanċjat fir-regolamentazzjoni tal-FinTechs, fl-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u fl-iżgurar ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-investituri u ta' stabilità finanzjarja;

    D.

    billi t-terminu “kriptoassi” jintuża biex jirreferi għal varjetà wiesgħa ta' assi diġitali, inklużi l-muniti u t-tokens virtwali, iżda mhux limitat għalihom, imma xi kultant jeskludi ċerti forom ta' stablecoins jew ċerti tokens bħat-tokens tat-titoli;

    E.

    billi l-aktar żewġ komponenti komuni tal-kriptoassi adottati huma (i) in-natura privata tal-intitolament rigward l-assi, il-pretensjoni jew id-dritt sottostanti, u (ii) l-użu tal-kriptografija u tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT) jew ta' teknoloġija simili biex isostnu l-iskambji tal-assi u l-valur inerenti jew perċepit tiegħu;

    F.

    billi, fil-preżent, il-kriptoassi la huma maħruġa u lanqas iggarantiti minn bank ċentrali jew awtorità pubblika fl-Unjoni, u jista' jkollhom varjetà ta' użi, inkluż bħala mezz ta' skambju, għal skopijiet ta' investiment, u sabiex jiġi aċċessat oġġett jew servizz;

    G.

    billi l-istablecoins għandhom karatteristiċi simili għall-kriptoassi u ma jiħdux il-forma ta' xi munita speċifika, iżda jiddependu fuq sett ta' għodod li għandhom l-għan li jimminimizzaw il-fluttwazzjonijiet tal-prezz tagħhom kif denominat f'munita; billi xi kriptoassi, inklużi l-istablecoins u t-teknoloġiji assoċjati tagħhom, għandhom il-potenzjal li jżidu l-effiċjenzi, il-kompetizzjoni u t-trasparenza u jġibu opportunitajiet u benefiċċji sostanzjali għas-soċjetà, peress li wħud minnhom jistgħu jwasslu għal pagamenti orħos u aktar mgħaġġla u joffru sorsi ta' finanzjament ġodda għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs); billi s-sett ta' għodod li għandu l-għan li jimminimizza l-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet ma ġiex ittestjat f'sitwazzjonijiet fejn numri sinifikanti ta' tranżazzjonijiet qed isiru bl-istablecoins;

    H.

    billi d-dibattitu pubbliku dwar l-istablecoins varati privatament jista' jkun relatat ma' ċerti nuqqasijiet tax-xenarju tal-pagamenti tal-Unjoni;

    I.

    billi l-istablecoins jistgħu jsiru mezz ta' pagament użat ħafna, u dan għandu jwassal għal azzjoni regolatorja u superviżorja xierqa;

    J.

    billi Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali (CBDC) hija bbażata fuq il-kunċett ta' assi stabbli, hija sovrana fin-natura tagħha u għalhekk hija distinta mill-kriptoassi; billi l-Bank tal-Poplu taċ-Ċina qiegħed jittestja munita diġitali tal-bank ċentrali, il-Pagament Elettroniku tal-Munita Diġitali (DCEP); jenfasizza li l-użu globali potenzjali tad-DCEP jista' jkollu implikazzjonijiet għall-kummerċ internazzjonali u l-protezzjoni tal-konsumatur;

    K.

    billi inizjattivi possibbli għall-implimentazzjoni tas-CBDCs qed jiġu kkunsidrati, kemm fl-Unjoni kif ukoll f'livell globali;

    L.

    billi l-finanzi diġitali għandhom element transfruntier qawwi, li jmur lil hinn mil-livell tal-Unjoni, u għalhekk il-kooperazzjoni internazzjonali u l-iffissar tal-istandards kif ukoll is-superviżjoni effiċjenti u effettiva tal-Unjoni f'dan il-qasam huma essenzjali;

    M.

    billi l-iżvilupp ta' għodod tal-finanzi diġitali jista' jkollu element qawwi ta' flussi ta' kapital li jattira investimenti transfruntieri; jenfasizza, għalhekk, li l-finanzi diġitali jistgħu jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-Unjoni fis-swieq globali;

    N.

    billi, skont data tas-suq (12), minn Ġunju 2020 jeżistu aktar minn 5 600 kriptoassi globalment, b'kapitalizzazzjoni tas-suq totali ta' aktar minn USD 260 biljun (13), li 65 % minnhom huma Bitcoin biss;

    O.

    billi, skont data tas-suq, l-istablecoins laħqu kapitalizzazzjoni tas-suq totali ta' EUR 10 biljun f'Ġunju 2020 minn 1,5 biljun f'Jannar 2018 u, minkejja li l-portata tagħhom għadha limitata meta mqabbla ma' kriptomuniti oħra, għandhom il-potenzjal li jilħqu malajr skala globali u bażi wiesgħa ħafna ta' utenti, speċjalment jekk jiġu adottati minn kumpaniji BigTech li jisfruttaw in-networks tagħhom;

    P.

    billi esperti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), fil-pubblikazzjoni tagħhom tal-2019 (14), innotaw li minkejja li l-kriptoassi huma spekulattivi ħafna, ma jirrappreżentawx theddida immedjata għall-istabilità finanzjarja; billi dik il-fehma ġiet kondiviża kemm mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) (15) kif ukoll mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) (16); billi l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), fir-rapport tiegħu tal-2018 dwar l-istabilità finanzjarja globali, u l-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB), fir-rapport tiegħu ta' Lulju 2018, laħqu l-istess konklużjonijiet, għalkemm fl-opinjoni tal-FSB is-sitwazzjoni xorta waħda għandha tiġi mmonitorjata, minħabba kemm iseħħu malajr il-bidliet f'dawn is-swieq;

    Q.

    billi, kif indikat fir-rapport tal-EBA, l-istituzzjonijiet finanzjarji bħalissa qed jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet relattivament limitati relatati mal-kriptoassi, iżda l-interess tagħhom x'aktarx jikber b'mod partikolari fil-kuntest tal-użu dejjem jiżdied ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq id-DLT; billi attivitajiet bħal dawn jinkludu ż-żamma jew l-akkwiżizzjoni ta' skopertura għall-kriptoassi, is-sottoskrizzjoni tal-offerti inizjali tal-muniti(ICOs), jew l-offerta ta' servizzi b'rabta mal-kriptoassi bħalma huma l-provvista ta' kartiera ta' kustodja jew skambji; billi r-regoli prudenzjali attwali mhumiex adattati biżżejjed għall-volatilità għolja u r-riskji kbar tal-kriptoassi;

    R.

    billi riċerka reċenti tissuġġerixxi li l-kriptoassi jintużaw prinċipalment bħala investiment spekulattiv, aktar milli bħala mezz ta' ħlas għal oġġetti jew servizzi offruti minn negozjant legali; billi l-ASE enfasizzaw li l-kriptoassi li ma jikkwalifikawx bħala strumenti finanzjarji fl-ambitu tar-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni joħolqu riskji speċifiċi, jiġifieri f'termini ta' protezzjoni tal-investitur u tal-konsumatur kif ukoll għall-integrità tas-suq; billi l-kriptoassi jistgħu jżidu r-riskji tal-ħasil tal-flus, il-prattiki frawdolenti, l-evażjoni tat-taxxa u l-attakki esterni;

    S.

    billi l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tippermetti lill-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji jissodisfaw l-obbligi attwali ta' sorveljanza u ta' konformità tagħhom;

    T.

    billi fil-firxa ta' kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji skont id-dritt tal-Unjoni, il-klassifikazzjoni tagħhom bħala tali tiddependi mill-applikazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tad-dritt tal-Unjoni fil-livell nazzjonali, li toħloq diskrepanzi fl-approċċ superviżorju u regolatorju, tagħmel ħsara lill-konsistenza u lill-kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni; billi din il-klassifikazzjoni u l-integrazzjoni fil-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni mhijiex mingħajr diffikultajiet, minħabba li kriptoassi differenti għandhom karatteristiċi differenti, li jistgħu jinbidlu maż-żmien;

    U.

    billi l-ICOs jistgħu jipprovdu sors alternattiv ta' finanzjament għal negozji innovattivi u negozji ġodda fil-fażi bikrija tal-iżvilupp tagħhom, iżda jesponu wkoll lill-investituri għal riskji għoljin ta' telf minħabba n-natura spekulattiva ħafna tagħhom u l-vulnerabbiltà għall-frodi; billi r-Rapport Ekonomiku Annwali tal-2018 tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali kkonstata li mill-inqas 22,5 % tal-ICOs irriżulta li huma skemi Ponzi frawdolenti;

    V.

    billi l-kriptoassi għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet b'mod sikur f'dinja b'sorveljanza diġitali dejjem akbar jekk ikunu soġġetti għal reġim regolatorju strett, adattat għall-iskop u bbażat fuq ir-riskju;

    W.

    billi l-finanzi diġitali jistgħu jikkontribwixxu f'diversi modi biex jiġu indirizzati l-effetti ekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fir-rigward tal-konsegwenzi għaċ-ċittadini, l-SMEs u impriżi u servizzi finanzjarji oħra; billi t-tifqigħa tal-COVID-19 uriet, f'livelli differenti bejn l-Istati Membri, il-potenzjal li l-finanzi diġitali joffru kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-ekonomija;

    X.

    billi l-impriżi l-kbar tat-teknoloġija u l-pjattaformi diġitali globali qed joffru dejjem aktar is-servizzi finanzjarji; billi dawk l-operaturi l-kbar fis-settur diġitali jibbenefikaw minn vantaġġi kompetittivi bħal ekonomiji ta' skala, networks vasti ta' utenti transfruntiera, aċċess faċli għall-finanzjament u l-kapaċità li jaħsdu kwantitajiet kbar ta' data pprovduti mill-utenti permezz ta' teknoloġiji tal-ipproċessar tad-data bħall-“analiżi tal-big data”, li jiġġeneraw valur miżjud enormi f'varjetà ta' modi; billi l-preżenza ta' impriżi “BigTech” fis-swieq tal-FinTech għandha l-potenzjal li tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta u lill-innovazzjoni;

    Y.

    billi attività frawdolenti li ġiet skoperta reċentement relatata ma' impriżi fl-industrija tal-FinTech tenfasizza l-ħtieġa ta' perspettiva olistika tar-riskji għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri assoċjati ma' nuqqasijiet fir-rappurtar finanzjarju, ma' frodi u ma' proċeduri ta' insolvenza;

    Z.

    billi s-sehem ta' pagamenti li mhumiex ibbażati fuq il-flus żdied b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin; billi qafas imtejjeb għal tranżazzjonijiet mingħajr flus m'għandux jikkomprometti l-kapaċità li jintużaw il-flus bħala mezz ta' pagament;

    AA.

    billi s-settur finanzjarju huwa l-akbar utent tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fid-dinja, u jirrappreżenta madwar għoxrin fil-mija tan-nefqa kollha tal-ICT;

    AB.

    billi l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda fis-settur finanzjarju tista' toħloq riskji ġodda li jeħtieġ li jiġu regolamentati u monitorjati sabiex jiġu salvagwardjati l-istabilità finanzjarja, l-integrità tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumaturi;

    AC.

    billi ż-żieda fl-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-servizzi finanzjarji se twassal għal ħtieġa ta' reżiljenza operattiva aktar b'saħħitha u s-superviżjoni xierqa korrispondenti, kif ukoll ta' protezzjoni tad-data kif prevista fid-dritt tal-Unjoni;

    AD.

    billi problemi operattivi ġodda, b'mod partikolari r-riskji għall-ICT u s-sigurtà, jistgħu joħolqu riskji sistemiċi għas-settur finanzjarju; u billi tali riskji ġodda għandhom jiġu indirizzati permezz ta' miżuri xierqa, kif indikat mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (17);

    AE.

    billi l-ġabra ta' regoli attwali tal-UE għas-servizzi finanzjarji tieħu approċċ frammentat fir-rigward tal-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riskji operattivi;

    AF.

    billi r-riskji tal-ICT u tas-sigurtà ffaċċjati mis-settur finanzjarju, u l-livell ta' integrazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni, jirrikjedu azzjonijiet speċifiċi u aktar avvanzati li jibnu fuq, iżda jmorru lil hinn minn, id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (18);

    AG.

    billi r-reżiljenza ċibernetika hija parti integrali mill-ħidma fuq ir-reżiljenza operattiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji mwettqa mill-awtoritajiet f'livell globali;

    AH.

    billi suq finanzjarju tal-Unjoni li jiffunzjona, u li jkun sostenibbli u reżiljenti għandu jkollu effiċjenza allokattiva qawwija ta' kapital u riskju u l-akbar inklużjoni finanzjarja taċ-ċittadini fis-servizzi finanzjarji;

    AI.

    billi l-użu ta' servizzi tal-cloud computing jista' joffri vantaġġi sinifikanti fir-rigward tar-reżiljenza operattiva u l-effiċjenza għall-fornituri tas-servizzi finanzjarji meta mqabbel ma' soluzzjoni ta' legat fuq il-post, iżda jġib miegħu sfidi addizzjonali b'rabta mas-sigurtà tad-data u tal-proċessi, il-kontinwità tan-negozju f'każ ta' qtugħ u l-vulnerabbiltà ġenerali fir-rigward tar-reati ċibernetiċi;

    AJ.

    billi huma meħtieġa kundizzjonijiet ekwi bejn l-impriżi tas-servizzi finanzjarji u l-impriżi tat-teknoloġija biex jiġi żgurat li l-impriżi kollha jikkompetu fuq l-istess livell, billi jsegwu l-prinċipju ta' “l-istess riskju, l-istess attività, l-istess regolamentazzjoni”;

    AK.

    billi l-introduzzjoni ta' servizzi finanzjarji diġitali la għandha twassal għal arbitraġġ regolatorju u lanqas għal tnaqqis fil-protezzjoni tal-konsumatur, tnaqqis fis-sikurezza jew riskji għall-istabilità finanzjarja;

    AL.

    billi ħafna istituzzjonijiet finanzjarji kbar tal-Unjoni jiddependu minn fornituri ta' pajjiżi terzi għal servizzi ta' cloud computing;

    AM.

    billi l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu rwol importanti x'jiżvolġi biex jgħin lill-kumpaniji jifhmu l-obbligi tagħhom ta' konformità mal-GDPR;

    AN.

    billi l-kriptoassi ġeneralment m'għandhomx oriġinatur magħruf u ma joħolqux pretensjoni finanzjarja għal assi sottostanti, għall-kuntrarju tal-istablecoins, it-tokens tat-titoli u t-tokens tal-komoditajiet, li kollha għandhom oriġinatur magħruf;

    AO.

    billi għalkemm it-tokens maħruġa mill-intraprendituri fil-forma ta' pretensjonijiet għal-likwidità, pretensjoni ta' ekwità jew pretensjoni għal prodott/servizz futur, jistgħu jiġu kklassifikati b'modi alternattivi, il-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt tal-Unjoni għandha tagħti prevedibbiltà regolatorja u omoġeneità fis-swieq Ewropej; billi regolamentazzjoni teknoloġikament rilevanti u funzjonali tat-tokens għandha tqis id-disinji ibridi potenzjali u tipprovdi definizzjonijiet li jimmassimizzaw il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur, iżidu ċ-ċertezza tad-dritt u jisfruttaw il-potenzjal qawwi ta' dawn l-istrumenti fil-finanzjament ta' proġetti intraprenditorjali riskjużi; billi l-funzjoni ekonomika sottostanti tat-tokens hija indikatur sinifikanti għall-klassifikazzjoni tagħhom;

    AP.

    billi t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) adottat definizzjoni wiesgħa ta' munita virtwali u rrakkomandat l-inkorporazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li twettaq attivitajiet li jinkludu l-iskambju bejn il-kriptoassi, it-trasferiment ta' kriptoassi u l-parteċipazzjoni fis-servizzi finanzjarji relatati ma' offerti inizjali tal-muniti, u l-provvista tagħhom;

    AQ.

    billi l-ħasil tal-flus huwa periklu kritiku li jrid jiġi evitat fil-qasam tal-finanzi diġitali; billi anke jekk il-finanzi diġitali jistgħu jtejbu l-inklużjoni finanzjarja, reġim komprensiv ta' “kun af lill-klijent tiegħek” (KYC) u ta' konformità mal-AML, kif previst fid-dritt tal-Unjoni, xorta waħda għandu jkun fis-seħħ; billi, għalkemm il-kriptoassi jistgħu jintużaw għal attivitajiet illegali, l-istatus regolatorju tagħhom bħala mezz ta' pagament, minflok mezz ta' skambju, jista' jtejjeb il-monitoraġġ u l-prevenzjoni tal-kriminalità finanzjarja;

    AR.

    billi konnettività akbar, l-Internet tal-Oġġetti u l-interazzjoni tal-bnedmin u l-magni jistgħu joħolqu esperjenzi ta' servizzi finanzjarji aħjar iżda jinvolvu wkoll riskji ġodda rigward il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, il-kwalità tal-interazzjoni, il-ġestjoni tar-riskji operattivi u l-isfidi tas-sigurtà ċibernetika;

    Rakkomandazzjonijiet:

    Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    1.

    Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Pakkett dwar il-Finanzi Diġitali li jinkludi żewġ proposti leġiżlattivi dwar il-kriptoassi u r-reżiljenza operattiva; iqis li l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kriptoassi, kif ukoll att dwar is-servizzi finanzjarji transsettorjali rigward ir-reżiljenza operattiva u ċibernetika, huma f'waqthom, utli u meħtieġa minħabba żviluppi reċenti fis-swieq tal-Unjoni u f'dawk globali u jirrappreżentaw pass kruċjali lejn iċ-ċertezza tad-dritt u l-iżvilupp ta' reġim regolatorju ġdid; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kummissjoni ma indirizzatx b'mod xieraq il-problemi relatati mal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-attività kriminali assoċjata mal-kriptoassi, li fil-biċċa l-kbira għadhom mhux solvuti; jitlob lill-Kummissjoni, tieħu azzjonijiet urġenti f'dawn l-oqsma skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness;

    2.

    Iqis li l-finanzi diġitali, li għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-attivitajiet finanzjarji, se jkunu essenzjali għas-suċċess tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) permezz ta' żieda fl-għażliet ta' finanzjament għall-kumpaniji u ċ-ċittadini, kif ukoll għażliet ta' investiment, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra kif tagħti s-setgħa lill-innovaturi u għalhekk tisfrutta l-benefiċċji tal-finanzi diġitali biex tmexxi 'l quddiem l-integrazzjoni tas-suq kapitali u l-parteċipazzjoni tal-investituri bl-imnut fl-Unjoni u tkabbar id-daqs tagħha globalment;

    3.

    Jenfasizza ż-żieda fl-importanza tal-monitoraġġ u r-rieżami tal-miżuri relatati mar-regolamentazzjoni tal-finanzi diġitali, b'mod partikolari meta wieħed iżomm f'moħħu r-rilevanza dejjem tiżdied tas-settur hekk kif id-dinja qed tindirizza l-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi li l-finanzi diġitali joħolqu fil-livell regolatorju u superviżorju permezz ta' qafas leġiżlattiv xieraq u dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;

    4.

    Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tallinja mill-qrib il-ħidma tagħha ma' fora u korpi regolatorji internazzjonali fl-iżvilupp ta' standards internazzjonali minħabba n-natura transġuriżdizzjonali tal-finanzi diġitali, mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva tal-Unjoni li tadotta dispożizzjonijiet regolatorji u superviżorji rilevanti għaċ-ċirkostanzi tal-Unjoni; ifakkar, b'mod partikolari, fil-ħtieġa li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-qafas regolatorju tal-Unjoni mal-prinċipji miftiehma internazzjonalment;

    5.

    Jinnota li l-iżvilupp ta' ħafna teknoloġiji relatati mal-finanzi diġitali għadu fil-bidu tiegħu; jenfasizza li kwalunkwe miżura leġiżlattiva ġdida għalhekk trid tkun soġġetta għal valutazzjoni bir-reqqa u li tħares 'il quddiem tar-riskji u l-benefiċċji għall-konsumaturi u l-istabilità finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tuża approċċ proporzjonat, ibbażat fuq ir-riskju, transsettorjali, olistiku u ffukat fuq ir-riżultati għall-ħidma tagħha fuq il-finanzi diġitali;

    6.

    Jistieden lill-Kummissjoni tislet mill-għarfien u l-esperjenza miksuba mill-Forum Ewropew għall-Faċilitaturi tal-Innovazzjoni biex taġixxi bħala innovatur sabiex jinħoloq ambjent favorevoli u sostenibbli għaċ-ċentri u d-ditti tal-FinTech Ewropej, kif ukoll l-industrija finanzjarja stabbilita li tuża l-finanzi diġitali, biex jiżdied u jiġi attirat l-investiment barrani u tiżdied il-preżenza tal-Unjoni fis-swieq globali;

    7.

    Iqis, f'dan ir-rigward, li l-finanzi diġitali għandhom jitqiesu bħala għodda essenzjali u effettiva għall-SMEs Ewropej, bil-kapaċità li jipprovdu soluzzjonijiet f'ħin reali u rapidi adattati għall-bżonnijiet ta' finanzjament tagħhom; jemmen li l-finanzi diġitali għandhom il-potenzjal jgħinu biex jingħalaq id-distakk fil-finanzjament tal-SMEs;

    8.

    Jenfasizza li kwalunkwe miżura meħuda fil-livell tal-Unjoni għandha tiżgura li l-parteċipanti fis-suq, miż-żgħar sal-kbar, ikollhom l-ispazju regolatorju għall-innovazzjoni u li kwalunkwe leġiżlazzjoni u superviżjoni ġdida jew aġġornata u superviżjoni fil-qasam tal-finanzi diġitali għandha tirrifletti l-prinċipji li ġejjin:

    a.

    l-istess attivitajiet u servizzi u r-riskji simili assoċjati tagħhom għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli;

    b.

    il-proporzjonalità u n-newtralità teknoloġika;

    c.

    approċċ ibbażat fuq ir-riskju, it-trasparenza u l-akkontabbiltà;

    d.

    ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, b'mod speċifiku l-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, kif iggarantit mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    e.

    livelli għoljin ta' protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri;

    f.

    kundizzjonijiet ekwi;

    g.

    approċċ li jiffavorixxi l-innovazzjoni;

    9.

    Jirrimarka li kwalunkwe miżura ġdida jew aġġornata adottata fil-livell tal-Unjoni għandha tqis l-iżviluppi rapidi fis-swieq li qed jespandu tal-kriptoassi u tal-ICOs; jenfasizza li jridu jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern kollu, filwaqt li jiġu evitati l-forum shopping u l-arbitraġġ regolatorju; iwissi li tali miżuri m'għandhomx joħonqu l-opportunitajiet ta' tkabbir għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u għandhom joffru ekosistema sostenibbli biex il-finanzi diġitali jiżviluppaw fi ħdan is-suq intern, filwaqt li jiżguraw l-istabilità finanzjarja, l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi;

    10.

    Jirrimarka li s-sandboxes regolatorji u ċ-ċentri tal-innovazzjoni għandhom il-potenzjal biex ikunu għodod utli għall-kumpaniji tal-finanzi diġitali biex jittestjaw prodotti finanzjarji, servizzi finanzjarji jew mudelli kummerċjali innovattivi f'ambjent ikkontrollat, u biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jifhmu tali attivitajiet aħjar u jiżviluppaw kompetenza regolatorja fit-teknoloġiji emerġenti, biex b'hekk jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-kumpaniji u r-regolaturi; jenfasizza, madankollu, li jistgħu joħolqu wkoll riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-investituri u jippermettu frodi finanzjarja, filwaqt li joħolqu riskji ta' frammentazzjoni superviżorja u arbitraġġ regolatorju;

    11.

    Jissottolinja li kwalunkwe sandbox, inkluża sandbox pan-Ewropea, għandha tipprova ssib bilanċ bejn l-objettivi tat-trawwim tal-innovazzjoni u l-istabilità finanzjarja u tal-protezzjoni tal-investitur u l-konsumatur, filwaqt li tqis id-daqs, is-sinifikat sistemiku u l-attività transfruntiera tad-ditti involuti; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas komuni tal-Unjoni għal sandbox pan-Ewropea għas-servizzi finanzjarji diġitali, peress li dan jipprovdi benefiċċji addizzjonali għall-innovazzjoni u l-istabilità finanzjarja, u tnaqqis fil-frammentazzjoni superviżorja;

    12.

    Jenfasizza l-importanza tat-triangolu tal-fiduċja, il-verifika tal-identità u d-data sabiex ikun żgurat li l-operaturi, l-investituri, il-konsumaturi u s-superviżuri jkun jista' jkollhom fiduċja fil-finanzi diġitali;

    13.

    Iqis li jkun xieraq li jiġu analizzati aktar l-inizjattivi għall-implimentazzjoni tas-CBDCs kemm fl-Unjoni kif ukoll f'livell globali; jistieden lill-BĊE jikkunsidra li jwettaq valutazzjoni tal-impatt komprensiva bil-ħsieb li jippreżenta għażliet ta' perspettiva dwar is-CBDCs, inkluża analiżi tal-opportunitajiet u r-riskji tal-istabbiliment ta' euro diġitali; jemmen li din il-valutazzjoni għandha tikkunsidra wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji sottostanti; jistieden ukoll lill-awtoritajiet superviżorji tal-Unjoni jippromwovu aktar riċerka f'dan il-qasam, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-BĊE jinvolvu ruħhom fi djalogu fil-livell internazzjonali, filwaqt li jivvalutaw il-benefiċċji u l-implikazzjonijiet potenzjali ta' użu usa' tas-CBDCs globalment;

    14.

    Jemmen li l-parametri u l-prinċipji għall-valutazzjoni tal-impatt u l-analiżi sussegwenti għandhom jiddependu mir-rwol tas-CBDCs fis-supplementar tat-tnaqqis fl-użu tal-flus, fl-iżgurar tal-fiduċja fis-sistema finanzjarja, fil-previżjoni ta' inklużjoni finanzjarja u ta' aċċess akbar għal mezz pubbliku ta' pagament, filwaqt li jiggarantixxu l-istabilità finanzjarja u monetarja;

    15.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' konverġenza regolatorja u superviżorja aktar b'saħħitha, bil-għan li jiġi żviluppat qafas komuni tal-Unjoni; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) biex dan jiġi ffaċilitat; jappella għal djalogu strutturat bejn l-ASE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCA) li għandu jiffoka fuq l-isfidi superviżorji attwali u l-konverġenza tal-prattiki lejn superviżjoni bla xkiel fil-livelli kollha, l-aktar fir-rigward tal-finanzi diġitali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-protezzjoni tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-isfidi u l-opportunitajiet tas-sigurtà ċibernetika; iqis li dan id-djalogu strutturat għandu jiffoka, fil-qasam tal-finanzi diġitali, fuq it-tnaqqis tal-arbitraġġ u tal-kompetizzjoni superviżorja, u fuq ostakli eżistenti oħra għall-operazzjonijiet transfruntieri;

    16.

    Jipproponi superviżur Ewropew uniku, biex jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib ma' ASEs u NCAs oħra, abbażi ta' ġabra komuni tar-regoli u setgħat ta' intervent fil-prodott għas-sorveljanza, fl-oqsma li ġejjin ta' attivitajiet relatati mal-kriptoassi: fornituri involuti f'servizzi ta' skambju bejn muniti virtwali u muniti ta' kors legali kif ukoll fornituri ta' kartieri, u l-Fornituri ta' Servizzi ta' Assi Virtwali l-oħra kollha koperti mill-istandards tal-FATF; fl-istess ħin, jinnota li r-responsabbilita’ ta' dak is-superviżur Ewropew jeħtieġ li tiġi żgurata, u jeħtieġ li jiġi pprovdut proċess ta' rieżami ġudizzjarju għall-azzjonijiet tas-superviżur Ewropew; jinnota, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2020 għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi; jenfasizza li s-superviżur uniku, f'kooperazzjoni ma' awtoritajiet superviżorji rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni, għandu jkollu sorveljanza tal-attivitajiet relatati mal-kriptoassi b'element transfruntier sinifikanti fl-Unjoni u għandu jiżviluppa strutturi interni xierqa biex jiżgura superviżjoni effiċjenti u effettiva tal-kriptoassi fil-livell tal-Unjoni;

    17.

    Jaqbel mal-pożizzjoni tal-BĊE dwar l-importanza tal-flus fiżiċi bħala valuta legali; jenfasizza li l-progress fil-qasam tal-muniti virtwali u l-pagamenti diġitali ma jridx iwassal għal restrizzjonijiet rigward il-pagamenti bil-flus kontanti fil-livell tal-konsumatur jew għall-abolizzjoni tal-flus kontanti;

    18.

    Jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar l-impatt ambjentali tal-kriptomminar; jenfasizza l-ħtieġa ta' soluzzjonijiet bil-għan tal-mitigazzjoni tal-impronta ekoloġika tal-kriptoassi stabbiliti; jistieden lill-Kummissjoni tqis dan f'kull inizjattiva regolatorja li jmiss, filwaqt li żżomm f'moħħha l-impenn tal-UE għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u għat-tranżizzjoni meħtieġa għal soċjetà newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050;

    Definizzjoni ta' Qafas għall-Kriptoassi

    19.

    Iqis li l-iżvilupp ta' tassonomija pan-Ewropea komprensiva għal prodotti ġodda bħall-kriptoassi huwa pass meħtieġ lejn it-trawwim ta' fehim komuni, il-faċilitazzjoni tal-kollaborazzjoni bejn il-ġurisdizzjonijiet u l-għoti ta' ċertezza regolatorja akbar lill-parteċipanti fis-suq li joperaw bejn il-fruntieri; jirrakkomanda li jitqiesu l-oqfsa regolatorji u superviżorji nazzjonali eżistenti; jinnota l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali u tal-inizjattivi globali fir-rigward ta' qafas tal-Unjoni għall-kriptoassi, filwaqt li titqies b'mod partikolari n-natura bla fruntieri tagħhom;

    20.

    Iqis li l-iżvilupp ta' mudell ta' tassonomija miftuħ fil-livell tal-Unjoni jista' jkun aktar xieraq meta jitqies li dan huwa segment tas-suq li qed jevolvi u tali tassonomija għandha sservi bħala bażi għal azzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji xierqa; jemmen, madankollu, li m'hemm ebda soluzzjoni “waħda tajba għal kulħadd” fejn tidħol il-kwalifika legali tal-kriptoassi u għalhekk huwa importanti li jkun hemm qafas li jippermetti l-monitoraġġ u l-adattament mis-superviżuri;

    21.

    Jenfasizza li n-negozji ġodda ffukati fuq il-konsumatur ħafna drabi qed jibnu servizzi finanzjarji innovattivi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-kumpaniji tal-Unjoni, u li kwalunkwe qafas leġiżlattiv għandu jitfassal bil-għan li titħeġġeġ aktar innovazzjoni u għażla tal-konsumatur fis-servizzi finanzjarji;

    22.

    Jinnota li, fin-nuqqas ta' approċċ regolatorju komuni tal-UE għall-kriptoassi, l-Istati Membri diġà bdew jadottaw azzjonijiet leġiżlattivi u superviżorji unilaterali u jiffaċċjaw pressjoni dejjem akbar biex jaġixxu minħabba tħassib dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi; jirrimarka li interpretazzjonijiet diverġenti u approċċ mhux koordinat bejn l-Istati Membri jistgħu jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq, iżidu l-inċertezza tad-dritt, jikkompromettu l-kundizzjonijiet ekwi u jipprovdu opportunitajiet għal arbitraġġ regolatorju;

    23.

    Jemmen, għalhekk, li kwalunkwe kategorizzazzjoni ulterjuri għandha tkun bilanċjata u flessibbli sabiex tadatta għal mudelli u riskji kummerċjali li qed jevolvu u biex tagħti spazju lill-innovazzjoni u lill-kompetittività fis-settur waqt li, fl-istess ħin, jiġi żgurat li r-riskji jistgħu jiġu identifikati u mitigati fi stadju bikri;

    24.

    Jenfasizza wkoll li tinħtieġ kjarifika tal-gwida dwar il-proċessi regolatorji u prudenzjali applikabbli sabiex tiġi pprovduta ċertezza regolatorja u jiġi definit trattament superviżorji u prudenzjali xieraq tal-kriptoassi; jaqbel mal-fehma tal-Kumitat ta' Basel u tal-EBA li l-banek li jakkwistaw il-kriptoassi għandhom japplikaw trattament prudenzjali konservattiv tal-kriptoassi, speċjalment dawk b'riskju għoli;

    25.

    Iqis li l-istituzzjonijiet finanzjarji regolati, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet ta' kreditu, l-istituzzjonijiet ta' pagament u l-fondi tal-pensjonijiet, għandhom ikunu soġġetti għal limiti massimi speċifiċi ta' skopertura fid-dawl tar-riskji potenzjali għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur u għall-istabilità finanzjarja assoċjata ma' livelli għoljin ta' attività tal-kriptoassi; jaqbel ukoll mal-fehma li diliġenza dovuta b'saħħitha, governanza u ġestjoni tar-riskji robusti, divulgazzjoni sħiħa ta' kwalunkwe skopertura u djalogu sod mas-superviżuri huma kollha ta' importanza fundamentali; jemmen li r-reviżjoni li jmiss tal-qafas tar-rekwiżiti ta' kapital għandha tinkludi emendi f'dan ir-rigward;

    26.

    Iqis li l-aġenti u l-parteċipanti kollha involuti f'attività relatata mal-kriptoassi għandhom ikunu soġġetti għall-istandards tal-qafas regolatorju finanzjarju eżistenti, kif applikabbli; jissottolinja wkoll il-ħtieġa li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet u mekkaniżmi legali biex jiġi żgurat li l-istandards regolatorji għall-attivitajiet relatati mal-kriptoassi, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-AML/CFT, jiġu infurzati wkoll meta tali attivitajiet jew servizzi jiġu pprovduti jew operati minn barra l-Unjoni; jissottolinja, barra minn hekk, li hemm bżonn ta' regoli speċifiċi dwar it-trasparenza u l-integrità tas-suq, mill-inqas ekwivalenti għal dawk tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (19) (MiFID II) għall-emittenti jew l-isponsors kollha tal-kriptoassi, li jistabbilixxu regoli stretti dwar l-informazzjoni lill-klijenti potenzjali, u li għandhom ikunu ċari u mhux qarrieqa, bħar-rekwiżiti ta' valutazzjoni tal-adegwatezza;

    27.

    Iqis li xi kriptoassi, dawk użati l-aktar f'kanali illegali, m'għandhomx jiġu leġittimizzati billi jinġiebu taħt ir-reġim regolatorju eżistenti; jenfasizza li kwalunkwe leġittimizzazzjoni mhux mixtieqa tipperikola l-protezzjoni tal-konsumaturi u tikkomprometti l-integrità tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tistabbilixxi regoli stretti rigward twissijiet lil klijenti potenzjali u tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħat ta' intervent meħtieġa biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu operazzjonijiet u attivitajiet f'dawk il-kriptoassi li jintużaw b'mod predominanti għal finijiet illegali;

    28.

    Jenfasizza li r-riskji relatati mal-parteċipazzjonijiet u l-iskoperturi għall-kriptoassi għandhom ikunu integrati bis-sħiħ fil-proċess ta' reviżjoni u evalwazzjoni superviżorji ladarba t-tassonomija tkun disponibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' rekwiżiti ta' divulgazzjoni xierqa u standardizzati ta' kwalunkwe skopertura materjali jew servizz relatati mal-kriptoassi;

    29.

    Jirrimarka li se jinħtieġ li jiġu indirizzati d-diskrepanzi regolatorji fid-dritt tal-Unjoni eżistenti permezz ta' bidliet immirati, kif se jinħtieġ il-ħolqien ta' reġimi regolatorji mfassla apposta għal attivitajiet ta' kriptoassi ġodda u li qed jevolvu, bħall-ICOs jew offerti inizjali tal-kambji (IEOs); jinnota li ċerti tipi ta' kriptoassi jistgħu jidħlu fil-qafas regolatorju eżistenti, pereżempju bħala “titoli trasferibbli” kif definiti mill-MiFID II; jemmen li dawk il-kriptoassi li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-MiFID II għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal titoli trasferibbli oħra li jaqgħu fl-ambitu ta' dak ir-reġim, u bħala tali ma jkunux jeħtieġu qafas leġiżlattiv imfassal apposta, iżda pjuttost ikunu jeħtieġu bidliet immirati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-MiFID II;

    30.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rregolati ċerti kriptoassi li ma jaqgħux fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tal-MiFID II b'mod armonizzat fil-livell tal-Unjoni;

    31.

    Jinnota li l-istablecoins jirrappreżentaw kategorija unika ta' kriptoassi; jirrimarka li, f'dan l-istadju, l-użu tal-istablecoins għadu mhuwiex prominenti fl-Unjoni; jenfasizza, madankollu, li l-adozzjoni mifruxa tagħhom tista' toħloq theddid sinifikanti għall-istabilità finanzjarja u t-trażmissjoni tal-politika monetarja kif ukoll għall-kontroll demokratiku; jilqa' għalhekk l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' qafas leġiżlattiv li, inter alia, ikollu l-għan li jiżgura li jkun hemm rata ta' konverżjoni stabbli bejn l-istablecoins u l-muniti ta' kors legali u li l-istablecoin rispettiv ikun rikonvertibbli f'munita ta' kors legali b'parità fi kwalunkwe ħin; jenfasizza l-ħtieġa, madankollu, li l-emittenti kollha tal-istablecoins ikunu legalment obbligati li jagħtu lid-detentur pretensjoni diretta u li jifdu l-istablecoins b'parità f'munita ta' kors legali fi kwalunkwe ħin u li jistabbilixxu mekkaniżmi adegwati għas-salvagwardja u għas-segregazzjoni tar-riżervi ta' stabbilizzazzjoni għal dan il-għan;

    32.

    Jenfasizza li l-ICOs u l-IEOs għandhom il-potenzjal li jżidu l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs, in-negozji ġodda u n-negozji innovattivi li qed jespandu, jistgħu jaċċelleraw it-trasferiment tat-teknoloġija u jistgħu jkunu parti essenzjali mis-CMU; jinnota, madankollu, li diversi awtoritajiet superviżorji ħarġu twissijiet rigward l-ICOs minħabba n-nuqqas ta' trasparenza u rekwiżiti ta' divulgazzjoni tagħhom, li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw riskji għall-investituri u l-konsumaturi;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tivvaluta l-vantaġġi li tipproponi qafas leġiżlattiv għall-ICOs u l-IEOs bl-għan li jiżdiedu t-trasparenza, iċ-ċertezza tad-dritt, il-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi, u tnaqqas ir-riskji li jirriżultaw minn informazzjoni asimmetrika, imġiba frawdolenti u attivitajiet illegali; jinsisti li s-superviżjoni u l-monitoraġġ ta' dan il-qafas jiġu kkoordinati fil-livell tal-Unjoni;

    34.

    Jenfasizza li qafas komuni tal-Unjoni dwar il-kriptoassi għandu jgħin jissalvagwardja livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur, l-integrità tas-suq u l-istabilità finanzjarja, jinforza l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-AML, bħall-obbligi KYC fir-rigward tal-aġenti involuti fi tranżazzjonijiet relatati mal-kriptoassi, b'eżenzjonijiet biss għal tranżazzjonijiet okkażjonali taħt livell minimu, u jtejjeb is-sorveljanza tat-teknoloġija sottostanti sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet li jinvestigaw il-kriminalità jkunu jistgħu jidentifikaw il-benefiċjarji aħħarin tat-tranżazzjonijiet ta' pagament b'mod affidabbli u bi sforz limitat;

    35.

    Huwa mħasseb dwar ir-riżultati ta' riċerka reċenti (20) li turi li nofs it-tranżazzjonijiet tal-kriptoassi huma marbuta ma' attivitajiet illegali, bħax-xiri jew il-bejgħ ta' oġġetti jew servizzi illegali, il-ħasil ta' flus u l-pagamenti f'attakki bir-ransomware; jenfasizza r-riżultati reċenti li jindikaw li 76 biljun dollaru ta' attività illegali fis-sena jinvolvu l-Bitcoins;

    36.

    Itenni l-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod effikaċi r-riskji tal-AML/CTF li jirriżultaw minn attivitajiet transfruntieri u teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari dawk maħluqa mill-kriptoassi;

    37.

    Jissottolinja li d-diskrepanzi eżistenti fil-qafas tal-AML għall-kriptoassi bħal fl-applikazzjoni tal-prinċipju KYC, iwasslu għal kundizzjonijiet mhux ekwi bejn tipi differenti ta' attività finanzjarja; iqis li d-dispożizzjonijiet tal-AML/CTF għal fornituri ta' servizzi relatati mal-kriptoassi għandhom jiġu infurzati wkoll għal fornituri barranin li joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni; jenfasizza li definizzjoni komprensiva ta' “assi virtwali” hija meħtieġa biex tirrifletti aħjar in-natura u l-funzjoni tal-kriptoassi għall-fini tal-AML/CTF; jirrimarka li d-definizzjoni ta' finanzjament tat-terroriżmu għandha tiġi aġġornata wkoll biex ikun żgurat li l-kriptoassi jiġu koperti b'mod adegwat;

    38.

    Jinnota l-aġġornament tar-Rakkomandazzjoni 16 eżistenti tal-FATF rigward ir-Regola dwar l-Ivvjaġġar għall-Fornituri ta' Servizzi tal-Assi Virtwali (VASPs) u jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-implikazzjonijiet tagħha għall-fornituri tal-kambji tal-kriptomuniti u tal-kartieri elettroniċi fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (21);

    39.

    Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tal-entitajiet obbligati fil-qafas tal-AML/CTF, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF u tal-ESMA, biex jiġi żgurat li l-attivitajiet kollha li jinvolvu l-kriptoassi, fir-rigward tal-fornituri ta' skambji virtwali għal virtwali, kategoriji oħra ta' fornituri ta' kartieri u ICOs, ikunu soġġetti għall-istess obbligi tal-AML/CTF;

    40.

    Huwa tal-fehma li l-proliferazzjoni tal-finanzi diġitali m'għandha tħalli lil ħadd lura u li d-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet tal-finanzi diġitali għall-konsumaturi u għall-investituri mhux professjonali trid timxi id f'id ma' sforzi akbar biex jiġu żgurati t-trasparenza, l-għarfien pubbliku u l-aċċess għall-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fi programmi biex itejbu l-litteriżmu diġitali u finanzjarju;

    41.

    Jinnota li l-introduzzjoni ta' kwalunkwe munita diġitali żviluppata minn bank ċentrali ġġib magħha sfidi u riskji sinifikanti (eż. riskji għall-istabilità finanzjarja, protezzjoni tad-depożiti, implikazzjonijiet għat-trażmissjoni tal-politika monetarja, implikazzjonijiet għall-intermedjazzjoni kreditizja, sostituzzjoni ta' mezzi oħra ta' pagament, esklużjoni tal-parteċipanti tas-suq privat, eċċ.) li jistgħu faċilment ikunu aktar sinifikanti mill-benefiċċji perċepiti tas-CBDCs;

    42.

    Jinnota li wħud min-nuqqasijiet perċepiti tas-sistema Ewropea ta' pagamenti jistgħu jiġu rrimedjati b'titjib gradwali tar-reġim eżistenti bħal żieda fl-introduzzjoni ta' pagamenti istantanji kosteffiċjenti;

    Approċċ komuni għar-reżiljenza ċibernetika tas-settur finanzjarju

    43.

    Jirrimarka li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji, kif ukoll l-esternalizzazzjoni lil fornituri esterni ta' soluzzjonijiet jew manutenzjoni tal-IT, bħall-fornituri ta' servizz ta' cloud, jistgħu jgħinu b'mod partikolari lin-negozji ġodda biex jinnovaw u jkollhom aċċess għal teknoloġija li altrimenti ma kienx ikollhom; iwissi, madankollu, li l-iskopertura tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji għal tfixkil ikkawżat minn fallimenti interni, attakki esterni jew b'konsegwenza ta' diffikultajiet finanzjarji qed issir aktar evidenti u għalhekk ir-riskji operattivi jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa fid-dawl ta' dan ix-xenarju li qed jevolvi; iqis li l-objettivi ta' gwida ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta f'dan ir-rigward għandhom għalhekk ikunu s-sigurtà, ir-reżiljenza u l-effiċjenza;

    44.

    Jieħu nota tal-fatt li, filwaqt li huwa partikolarment diffiċli li jiġu stabbiliti l-ispejjeż totali tal-inċidenti ċibernetiċi, l-istimi tal-industrija jvarjaw minn USD 45 biljun għal USD 654 biljun għall-ekonomija globali fl-2018;

    45.

    Jenfasizza li s-settur finanzjarju tradizzjonalment kien mira ewlenija għall-kriminali ċibernetiċi li jkunu qed ifittxu gwadann finanzjarju;

    46.

    Huwa mħasseb dwar l-analiżi tal-BERS li turi li huwa tabilħaqq konċepibbli li inċident ċibernetiku jista' jevolvi fi kriżi ċibernetika sistemika li thedded l-istabilità finanzjarja (22);

    47.

    Jirrimarka li xi biċċiet settorjali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji diġà fihom rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni, filwaqt li dan mhuwiex il-każ għal oqsma oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji; ifakkar li l-awtoritajiet superviżorji ħarġu twissijiet lill-konsumaturi rigward l-ICOs, peress li n-nuqqas ta' rekwiżiti xierqa ta' trasparenza u divulgazzjoni jista' jikkawża riskji potenzjali u serji għall-investituri;

    48.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bidliet leġiżlattivi fil-qasam tal-ICT u r-rekwiżiti tas-sigurtà ċibernetika għas-settur finanzjarju tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali, sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe inkonsistenza, diskrepanza u lakuna li jinsab li tkun teżisti fil-liġi rilevanti; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħtieġa ta' analiżi superviżorja tal-fornituri tal-ICT, filwaqt li jinnota r-riskji ta' konċentrazzjoni u ta' kontaġju li jistgħu jinħolqu minn dipendenza qawwija fuq numru żgħir ta' fornituri tal-ICT u tal-cloud computing mis-settur tas-servizzi finanzjarji;

    49.

    Iqis li dawn il-bidliet għandhom jiffukaw fuq erba' oqsma ewlenin:

    (a)

    il-modernizzazzjoni tal-governanza u l-ġestjoni tar-riskji tal-ICT, u l-konformità mal-istandards internazzjonali;

    (b)

    l-allinjament tar-regoli tar-rappurtar fir-rigward ta' inċidenti tal-ICT;

    (c)

    qafas komuni għall-penetrazzjoni u l-ittestjar tar-reżiljenza operattiva fis-setturi finanzjarji kollha;

    (d)

    is-sorveljanza u standards minimi għal fornituri terzi kritiċi ta' servizzi tal-ICT;

    50.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar kondiviżjoni ta' informazzjoni, b'mod partikolari dwar inċidenti, u koordinazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji rilevanti, billi jitqies li l-bini ta' reżiljenza u tat-tħejjija biex jiġu ttrattati inċidenti ċibernetiċi u operattivi fuq skala kbira jirrikjedi kooperazzjoni effettiva mhux biss bejn il-fruntieri iżda anki bejn diversi setturi; huwa tal-fehma li dan għandu jsir billi jingħataw ċerti setgħat lis-superviżuri biex jissorveljaw b'mod aktar effettiv l-attivitajiet ipprovduti minn partijiet terzi, b'mod partikolari drittijiet ta' spezzjoni, drittijiet ta' awditjar u drittijiet ta' sanzjonar imsaħħa;

    51.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' standards internazzjonali fir-rigward tal-cloud computing u l-esternalizzazzjoni; jitlob li ssir analiżi dwar il-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi għall-Unjoni sabiex is-sorveljanza tal-cloud computing u tal-esternalizzazzjoni jiġu konformi mal-livell ta' sorveljanza tas-sistemi miruti; jirrimarka li jeħtieġ ukoll li jiġu żviluppati standards internazzjonali f'dawn l-oqsma; huwa tal-fehma li, filwaqt li r-responsabbiltà għall-konformità hija tal-operaturi finanzjarji, is-sorveljanza tal-fornituri terzi kritiċi għandu jkollha l-għan li timmonitorja r-riskju tal-konċentrazzjoni u r-riskji għall-istabilità finanzjarja, u li tiżgura l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti; huwa tal-fehma li dan għandu jsir billi jingħataw ċerti setgħat lis-superviżuri biex jissorveljaw b'mod aktar effettiv l-attivitajiet ipprovduti minn partijiet terzi, b'mod partikolari drittijiet ta' spezzjoni, drittijiet ta' awditjar u drittijiet ta' sanzjonar imsaħħa;

    52.

    Jisħaq li r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja tirrikjedi qafas teknoloġiku b'saħħtu għas-superviżjoni ta' applikazzjonijiet teknoloġiċi avvanzati fis-servizzi finanzjarji; jissottolinja l-ħtieġa ta' strateġija konkreta li ttejjeb l-użu tat-teknoloġija regolatorja (RegTech) u t-teknoloġija superviżorja (SupTech);

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lis-superviżuri jistabbilixxu azzjonijiet mhux leġiżlattivi biex isaħħu t-tħejjija operattiva fis-settur finanzjarju biex jiġu indirizzati inċidenti ċibernetiċi u operattivi fuq skala kbira, permezz ta' eżerċizzji konġunti, protokolli operattivi (“playbooks”), għodod siguri ta' kollaborazzjoni u investimenti fir-rinfurzar ta' infrastrutturi kritiċi u kapaċitajiet Ewropej ta' ridondanza; jenfasizza l-ħtieġa li s-superviżuri jkollhom għarfien espert intern u riżorsi adegwati biex iwettqu tali eżerċizzji u azzjonijiet superviżorji;

    54.

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u timmonitorja r-riskju ta' opportunitajiet kummerċjali fis-“suq iswed” emerġenti, u tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u attivitajiet kriminali oħra;

    Data

    55.

    Ifakkar li l-ġbir u l-analiżi tad-data għandhom rwol ċentrali għall-finanzi diġitali, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa ta' applikazzjoni konsistenti u teknoloġikament newtrali tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-data; jenfasizza li l-intelliġenza artifiċjali hija waħda mit-teknoloġiji fundamentali fir-rigward tat-titjib tal-kompetittività tal-Unjoni f'livell globali;

    56.

    Jirrimarka li l-Unjoni hija dik li tistabbilixxi l-istandards globali fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali; jenfasizza li t-trasferiment u l-użu ta' data personali u mhux personali fis-settur tas-servizzi finanzjarji għandhom isiru b'konformità mad-dritt u mal-ftehimiet internazzjonali rilevanti kollha tal-Unjoni filwaqt li jippermettu l-fluss legali u sigur tad-data meħtieġ biex jiżdiedu l-inizjattivi finanzjarji innovattivi;

    57.

    Jisħaq li l-fluss liberu tad-data fl-Unjoni huwa meħtieġ biex jiżdied il-finanzjament innovattiv; jirrimarka li l-flussi transfruntieri tad-data, inkluż lejn u minn pajjiżi terzi, iridu jiġu mmonitorjati u rregolati skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

    58.

    Jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tiżgura li l-entitajiet fil-qasam tal-finanzi diġitali jkunu jistgħu jaċċessaw fuq bażi ekwa data rilevanti, affidabbli u utli b'konformità mal-GDPR billi jinħoloq valur akbar għall-klijent, jitrawwem il-potenzjal tal-finanzi diġitali u li l-impriżi FinTech innovattivi jingħataw opportunitajiet biex jikbru fl-Unjoni u lil hinn minnha; jenfasizza l-importanza li jiġu rrispettati r-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern u li jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumaturi u l-innovazzjoni ma ssirilhomx ħsara; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-offerta ta' servizzi finanzjarji minn ditti “Big Tech”, u anke kif il-vantaġġi kompetittivi inerenti għal dawn l-operaturi jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq, u jagħmlu ħsara lill-interessi tal-konsumaturi u l-innovazzjoni;

    59.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni ssib bilanċ bejn l-iżgurar tas-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tal-konsumaturi, u ż-żamma tal-esperjenza tal-konsumatur u tal-effiċjenza tas-servizz;

    60.

    Jitlob li l-Kummissjoni, abbażi tal-istandard eżistenti tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (23), tikkunsidra infrastruttura għall-onboarding diġitali u l-użu ta' identitajiet finanzjarji diġitali, li jkollha l-għan li tarmonizza r-rekwiżiti regolatorji eżistenti fl-Unjoni kollha sa fejn ikun meħtieġ u tiffaċilita l-użu tagħhom biex ikun hemm operazzjonijiet inqas frammentati fis-suq intern u konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti kontra l-ħasil tal-flus; jenfasizza l-importanza u l-benefiċċji potenzjali tal-użu tal-identitajiet finanzjarji diġitali fis-setturi u fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jiġi żgurat li jikkonformaw mal-istandards tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza u billi jiġu ggarantiti miżuri xierqa u proporzjonati biex jiġu evitati inċidenti fir-rigward tad-data jew tal-identità;

    61.

    Jirrimarka li, għall-proċessi KYC, ir-rekwiżiti legali għall-onboarding fil-livell tal-konsumatur mill-istituzzjonijiet finanzjarji huma differenti f'kull Stat Membru u għalhekk l-onboarding transfruntier b'settijiet ta' data eżistenti ħafna drabi mhuwiex possibbli, u dan jgħodd ukoll għall-onboarding ta' klijenti korporattivi u l-proċess KYC/KYB (kun af in-negozju tiegħek) relatat tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni u trawwem l-armonizzazzjoni tad-data KYC meħtieġa mill-Istati Membri;

    62.

    Jirrikonoxxi li l-interoperabbiltà bejn l-entitajiet diġitali f'livell nazzjonali u tal-Unjoni hija fundamentali sabiex tintlaħaq l-aċċettazzjoni tas-suq mixtieqa;

    63.

    Jirrimarka li d-data tal-klijenti jew il-“big data”, li hija fundamentali għall-ħolqien ta' valur addizzjonali għall-klijenti u għaż-żamma tal-kompetittività, qed tintuża dejjem aktar mill-istituzzjonijiet finanzjarji; itenni l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet tal-big data għad-drittijiet fundamentali; ifakkar fil-qafas leġiżlattiv għall-ipproċessar tad-data personali previst fil-GDPR u jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jżidu l-isforzi biex jiggarantixxu l-infurzar tad-drittijiet inklużi fih; jenfasizza, b'mod partikolari, il-prinċipju rigward id-dritt tal-individwi li jippossjedu u jikkontrollaw id-data tagħhom u d-dritt tal-portabbiltà tad-data;

    64.

    Iqis li identità awtosovrana bbażata fuq id-DLT tista' tkun element ewlieni fl-iżvilupp ta' firxa ta' servizzi u pjattaformi ġodda għas-suq uniku diġitali, indipendenti mill-aggregaturi tad-data u li tevita l-intermedjarji, waqt li fl-istess ħin tipprovdi standards għoljin ta' sigurtà u ta' protezzjoni tad-data għaċ-ċittadini individwali tal-UE;

    65.

    Jemmen li n-nuqqas ta' data u informazzjoni aċċessibbli u affidabbli rigward l-attivitajiet tal-finanzi diġitali jista' jkun ta' detriment għat-tkabbir, għall-protezzjoni tal-konsumaturi, għall-integrità tas-suq u għall-istabilità finanzjarja, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jirrakkomanda żieda fit-trasparenza u rappurtar imtejjeb tal-attività tal-finanzi diġitali sabiex jitnaqqsu l-asimmetriji u r-riskji, b'mod partikolari rigward l-operaturi attwali tal-big data li jistgħu jisiltu benefiċċji sproporzjonati minn aċċess akbar għad-data; jenfasizza l-importanza ta' kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-aċċess transfruntier għad-data kif iggarantit mill-GDPR f'dak li jikkonċerna d-data personali;

    66.

    Jirrimarka li, f'dan il-kuntest, l-istandards għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni ulterjuri tal-ġestjoni, il-kondiviżjoni u l-iskambju tad-data, inklużi l-interoperabbiltà u l-portabbiltà tad-data. Dan jirrikjedi wkoll infrastruttura affidabbli u legalment sigura kif ukoll qafas legali sod fir-rigward tal-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data li jagħtu lin-negozji fiduċja fil-kooperazzjoni dwar id-data bejn il-kumpaniji jew saħansitra bejn l-industriji;

    67.

    Jappella għal sorveljanza effikaċi tal-analiżi tal-“big data” b'mod li jindirizza l-opaċità tal-mudelli filwaqt li jiżgura li jkun hemm aċċess suffiċjenti għal data rilevanti u ta' kwalità; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar akkontabbiltà, spjegabbiltà u trasparenza fir-rigward tal-algoritmi, l-ipproċessar u l-analiżi tad-data, bħala għodod essenzjali biex jiġi ggarantit li l-individwu jkun infurmat b'mod xieraq dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu;

    68.

    Jissottolinja l-importanza ta' servizzi bankarji miftuħa għat-titjib tal-kwalità tas-servizzi ta' pagament bl-inklużjoni ta' parteċipanti ġodda fis-suq li jipprovdu aktar effiċjenza operattiva u tal-prezzijiet lill-konsumatur; jirrimarka li tranżizzjoni minn servizzi bankarji miftuħa għal finanzi miftuħa, i.e. l-inklużjoni ta' servizzi finanzjarji għajr il-pagamenti, hija prijorità strateġika li għandha l-potenzjal ittejjeb l-effiċjenza, tnaqqas ir-riskji tal-konċentrazzjoni u ssaħħaħ l-inklużjoni finanzjarja;

    69.

    Huwa tal-fehma li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji;

    o

    o o

    70.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

    (2)  ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35.

    (3)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

    (4)  https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/98da7b74-38db-11ea-ba6e-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-113099411

    (5)  https://ec.europa.eu/competition/publications/reports/kd0120161enn.pdf

    (6)  https://ec.europa.eu/info/files/200610-cmu-high-level-forum-final-report_en

    (7)  JC 2018 74

    (8)  Testi adottati, P8_TA(2019)0301.

    (9)  ĠU C 11, 13.1.2020, p. 7.

    (10)  ĠU C 307, 30.8.2018, p. 57.

    (11)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 239.

    (12)  https://coinmarketcap.com

    (13)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/648779/IPOL_STU(2020)648779_EN.pdf

    (14)  https://www.ecb.europa.eu/pub/economic-bulletin/articles/2019/html/ecb.ebart201905_03~c83aeaa44c.en.html#toc4

    (15)  ESMA Advice – Initial Coin Offerings and Crypto-Assets (https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/esma50-157-1391_crypto_advice.pdf)

    (16)  EBA Report with advice for the European Commission on crypto-assets (https://eba.europa.eu/sites/default/documents/files/documents/10180/2545547/67493daa-85a8-4429-aa91-e9a5ed880684/EBA%20Report%20on%20crypto%20assets.pdf)

    (17)  https://www.esrb.europa.eu/news/pr/date/2020/html/esrb.pr200107~29129d5701.en.html

    (18)  ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

    (19)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

    (20)  Disponibbli b'mod elettroniku fuq https://ssrn.com/abstract=3102645.

    (21)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

    (22)  Il-BERS ippubblika rapport dwar l-attakki ċibernetiċi sistemiċi fi Frar 2020 (https://www.esrb.europa.eu/news/pr/date/2020/html/esrb.pr200219~61abad5f20.en.html)

    (23)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.


    ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

    RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

    A.   PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA

    1.

    Biex titwitta t-triq għal approċċ orjentat lejn il-futur fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw il-finanzi diġitali fl-Unjoni;

    2.

    Biex jiġi żgurat li l-finanzi diġitali jistgħu jkomplu jkunu xprun innovattiv tat-tkabbir u l-impjiegi fis-suq uniku kollu;

    3.

    Biex jitrawwem fehim komuni tal-kwistjonijiet ewlenin li jikkonċernaw il-finanzi diġitali u titħeġġeġ l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, li jwasslu għal attività transfruntiera msaħħa;

    4.

    Biex tiżdied il-kondiviżjoni tad-data f'konformità mal-prinċipji tal-Unjoni sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni. L-objettiv għandu jkun li jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-data pubblika fl-Unjoni kollha. Dan ikun ta' benefiċċju mhux biss għall-kumpaniji tal-finanzi diġitali, iżda jkun ta' benefiċċju wkoll għal għadd ta' oqsma oħra ta' politika tal-Unjoni u jżid it-trasparenza tas-suq;

    5.

    Biex jitqiesu tliet oqsma għal azzjoni inizjali tal-Unjoni, b'mod speċifiku l-iżvilupp ta' qafas għall-kriptoassi, l-iżvilupp ta' qafas għar-reżiljenza ċibernetika u operattiva, kif ukoll il-ħidma biex il-kunċett tal-onboarding diġitali jiġi armonizzat fis-suq uniku.

    B.   AZZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU PROPOSTI

    1.

    Li titressaq proposta leġiżlattiva għall-kriptoassi, li tipprovdi ċertezza tad-dritt għat-trattament tal-kriptoassi filwaqt li tiżgura standards għoljin ta' protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri, integrità tas-suq u stabilità finanzjarja. Tali qafas għandu jikkunsidra tassonomija miftuħa u komprensiva fl-Unjoni kollha, u jkollu l-għan li jilleġiżla skont il-prinċipju li l-istess regoli japplikaw skont l-istess attività u riskji u l-prinċipji tal-proporzjonalità, biex b'hekk jiġi minimizzat l-arbitraġġ regolatorju u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.

    Tali proposta leġiżlattiva għandha:

    a)

    tipprovdi gwida dwar il-proċessi regolatorji, superviżorji u prudenzjali applikabbli u t-trattament tal-kriptoassi; tadotta regoli speċifiċi dwar it-trasparenza u l-integrità tas-suq mill-inqas ekwivalenti għal dawk tal-MIFID II għall-emittenti jew l-isponsors tal-kriptoassi;

    b)

    tindirizza d-diskrepanzi regolatorji fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni fir-rigward tal-kriptoassi, pereżempju, il-klassifikazzjoni ta' ċerti kriptoassi bħala “titoli trasferibbli” skont il-MiFID II biex ikun żgurat li jiġu ttrattati bl-istess mod bħal titoli trasferibbli oħra;

    c)

    toħloq reġim regolatorju mfassal apposta għal attivitajiet ġodda u li qed jevolvu tal-kriptoassi, bħall-ICOs jew l-IEOs, u kwalunkwe kriptoassi li ma jaqax taħt il-qafas regolatorju eżistenti, filwaqt li tiżgura li jiġu rregolati b'mod armonizzat fil-livell tal-Unjoni;

    d)

    tindirizza l-impatt ambjentali tal-kriptomminar u l-ħtieġa ta' soluzzjonijiet bil-għan tal-mitigazzjoni tal-impronta ekoloġika tal-kriptoassi stabbiliti;

    2.

    Li nersqu lejn konverġenza regolatorja u superviżorja aktar b'saħħitha, bil-għan li jiġi żviluppat qafas komuni tal-Unjoni; jappella għal djalogu strutturat bejn l-ASE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandu jiffoka fuq l-isfidi superviżorji attwali u l-konverġenza tal-prattiki lejn superviżjoni bla xkiel fil-livelli kollha fil-qasam tal-finanzi diġitali;

    3.

    Li jiġi żviluppat qafas leġiżlattiv għall-istablecoins, filwaqt li jiġi żgurat li tal-anqas jissodisfaw l-istandards tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (1), inkluża rata ta' konverżjoni stabbli, li tista' tinfeda b'parità, bil-muniti ta' kors legali;

    4.

    Abbażi ta' valutazzjoni, titressaq proposta għal qafas komuni tal-Unjoni għal sandbox pan-Ewropea għas-servizzi finanzjarji diġitali;

    5.

    Li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-qafas tal-AML/CTF fir-rigward tal-kriptoassi u li jingħalqu l-lakuni eżistenti, b'mod partikolari permezz tal-miżuri deskritti fil-paragrafi 33-38;

    6.

    Li jiġi żgurat li l-proliferazzjoni tal-finanzi diġitali ma tħalli lil ħadd lura. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex itejbu l-litteriżmu diġitali u finanzjarju;

    7.

    Li titressaq proposta leġiżlattiva dwar ir-reżiljenza ċibernetika, li tiżgura standards konsistenti tal-ICT u tas-sigurtà ċibernetika fis-settur finanzjarju kollu tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali. Tali qafas għandu jkun orjentat lejn il-futur u jiffoka fuq il-modernizzazzjoni tar-regoli attwali applikabbli fir-rigward tar-reżiljenza ċibernetika, filwaqt li jelimina wkoll kwalunkwe lakuna u diskrepanza regolatorja, li jistgħu jipperikolaw l-impriżi, l-investituri u l-konsumaturi;

    8.

    Biex jinħatar superviżur Ewropew uniku għas-sorveljanza u r-reġistrazzjoni tal-attivitajiet rilevanti kollha relatati mal-kriptoassi b'element fl-Unjoni, f'kooperazzjoni ma' superviżuri oħra fil-livell tal-Unjoni, abbażi ta' ġabra ta' regoli komuni

    9.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li twettaq analiżi superviżorja tal-fornituri tal-ICT fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Unjoni kif deskritt fil-paragrafu 47;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bidliet leġiżlattivi fil-qasam tal-ICT u rekwiżiti tas-sigurtà ċibernetika għas-settur finanzjarju tal-Unjoni. Dawn il-bidliet għandhom jiffukaw fuq l-erba' oqsma ewlenin deskritti fil-paragrafu 48;

    11.

    Li ssir ħidma biex jiġu żviluppati standards tal-Unjoni fil-qasam tal-cloud computing u l-esternalizzazzjoni, waqt li fl-istess ħin issir ħidma mas-sħab internazzjonali biex jiġu żviluppati standards internazzjonali, kif deskritt fil-paragrafu 50;

    Data

    12.

    Li jiġi propost qafas għall-onboarding diġitali. Tali qafas għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni bħad-dispożizzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus, l-istandards tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza, u għandu jkollu l-objettiv li jiżgura fehim komuni tal-identitajiet tal-finanzi diġitali fis-suq uniku kollu, filwaqt li jrawwem l-armonizzazzjoni tal-onboarding transfruntier;

    13.

    Li ssir ħidma biex jittejbu l-akkontabbiltà, l-ispjegabbiltà u t-trasparenza fir-rigward tal-algoritmi, l-ipproċessar u l-analiżi tad-data kif deskritt fil-paragrafu 66.

    (1)  ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7.


    Top